21.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 181/14


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-PDG u lil hinn minnu — l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-għażla ta’ indikaturi komplementari” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 181/04

Relatur: is-Sur PALMIERI

Nhar l-20 ta’ Jannar 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

il-PDG u lil hinn minnu – l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-għażla ta’ indikaturi komplementari

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Marzu 2012.

Matul l-479 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta’ Marzu 2012 (seduta tad-29 ta’ Marzu 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'172 vot favur, 5 voti kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) itenni dak li qal f'punt 8 tal-messaġġ finali tal-Konferenza tal-KESE bl-isem “Go sustainable. Be responsible! European civil society on the road to Rio+20”, li saret fis-7 u t-8 ta’ Frar 2012, fejn jintqal li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata japprezzaw li l-abbozz preliminari jirrikonoxxi l-limiti tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) bħala mezz li jkejjel il-benesseri, u jappellaw biex is-soċjetà ċivili tkun involuta fl-iżvilupp urġenti ta’ indikaturi komplementari.

1.2   Il-KESE jirrikonoxxi l-progress li sar fl-aħħar snin fit-tfassil ta’ indikaturi komplementari għall-PDG fuq livell dinji u Ewropew, u b'mod partikolari fl-istudju ta’ indikaturi li jirriflettu l-kwalità tal-ħajja u l-kundizzjonijiet soċjali tan-nies b'rabta mas-sostenibbiltà tas-sistemi ekonomiċi.

1.2.1   Il-KESE jtenni li t-tfassil ta’ tali indikaturi huwa fundamentali, u jemmen li dan għandu jsir b'approċċ globali li jpoġġi lill-Unjoni Ewropea (UE) fuq quddiem nett fil-kuntest tal-avvenimenti internazzjonali li ser isiru fil-futur qrib (Rio+20) u, fuq kollox, fid-dawl tal-progress possibbli fl-istrateġiji Ewropej il-ġodda għall-istabbiltà u t-tkabbir ekonomiku, għall-iżvilupp u l-koeżjoni soċjali, u għas-sostenibbiltà ambjentali. L-ewwel aġenda li fuqha ser jitkejjel it-tfassil tal-indikaturi komplementari għall-PDG hija l-Istrateġija Ewropa 2020.

1.3   Il-KESE jemmen li t-triq kumplessa li qed twassal għar-ridefinizzjoni tal-benesseri u l-progress tas-soċjetà – li jmorru lil hinn mit-tkabbir ekonomiku biss – ma tistax titfarrak mill-politiki Ewropej li eventwalment jitfasslu biex jilqgħu għall-effetti l-ġodda tal-kriżi ekonomika u finanzjarja.

1.3.1   Sabiex l-ekonomija tirkupra u tingħeleb il-kriżi, jeħtieġ li tinbidel il-paradigma ta’ referenza biex l-iżvilupp ikun ibbażat fuq il-benesseri u l-progress tas-soċjetà. B'hekk biss tista' tingħata aktar attenzjoni lill-fatturi li kkawżaw il-kriżi u l-effetti ta’ riċessjoni li nħassu dan l-aħħar fl-Ewropa, bil-għan li jitkejlu u jitfasslu politiki aktar adegwati kemm f'qasir żmien kif ukoll f'perjodu minn medju sa twil ta’ żmien. F'dan ir-rigward, il-politiki tal-UE jirrappreżentaw sfida partikolarment interessanti.

1.4   Għalhekk, il-KESE jtenni li għandhom jingħelbu kemm ir-reżistenzi għall-introduzzjoni u l-monitoraġġ istituzzjonali tal-indikaturi tas-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali – flimkien mal-indikaturi tradizzjonali ta’ natura strettament ekonomika u finanzjarja – kif ukoll it-tentazzjonijiet li dawn l-indikaturi jitnaqqsu, għaliex fil-fatt il-kriżi attwali tista' titrażżan u tkun ikkontrollata aħjar.

1.5   Id-distakk bejn il-politiki ekonomiċi, kemm fuq livell nazzjonali u kemm fuq dak Ewropew, u l-politiki għall-benesseri u l-progress tas-soċjetà kiber sew. Madankollu, billi issa l-adozzjoni tal-indikaturi komplementari għall-PDG hi mifruxa sew fost l-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istatistika, il-possibbiltà li dan id-distakk jonqos hi marbuta mal-kapaċità li l-ħafna informazzjoni disponibbli tissarraf f'għarfien u sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini Ewropej.

1.5.1   F'dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi promoss dibattitu dwar l-istess tifsira tal-progress li, minbarra li jiddefinixxi mill-ġdid il-kunċett ta’ żvilupp, jintroduċi wkoll l-aspetti tar-responsabbiltà politika. Dan l-approċċ ġdid jitlob li jiġu identifikati d-dimensjonijiet differenti li jsawru l-progress permezz:

i)

tal-estensjoni tal-kontijiet nazzjonali għall-fenomeni soċjali u ambjentali,

ii)

tal-użu ta’ indikaturi komposti, u

iii)

tal-ħolqien ta’ indikaturi ewlenin.

1.6   Il-KESE jemmen, għalhekk, li l-istatistika taqdi rwol deċiżiv biex tneħħi d-distakk fejn jidħol l-għarfien li qed jippersisti:

bejn il-proċessi ekonomiċi u soċjali li nibtu mid-deċiżjonijiet politiċi u l-avvanzi f'termini ta’ benesseri u ta’ progress soċjali,

bejn l-istess istituzzjonijiet politiċi u l-korpi taċ-ċittadini, speċjalment illum il-ġurnata fil-kuntest tal-iżvilupp tat-tekonoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

1.7   Il-KESE huwa konvint li t-trasparenza tal-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet demokratiċi tirrikjedi governanza statistika indipendenti li taqdi r-rwol fundamentali tagħha li tiggwida l-kejl u l-metodoloġija użata lejn il-fenomeni imposti mill-esiġenzi ġodda ta’ natura ekonomika, soċjali u ambjentali. F'dan il-kuntest, il-Eurostat għandu jibda jaqdi rwol ċentrali fl-integrazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-istatistika nazzjonali u reġjonali.

1.8   Il-KESE jemmen ukoll li s-soċjetà ċivili, flimkien mal-atturi soċjali u istituzzjonali l-oħra, għandha tidentifika l-oqsma ta’ intervent li fihom jiġi determinat il-progress ta’ soċjetà, filwaqt li tindika l-aktar oqsma u fenomeni importanti (fil-kamp ekonomiku, soċjali u ambjentali). Dan jista' jsir permezz ta’ strumenti speċifiċi ta’ informazzjoni, konsultazzjoni u parteċipazzjoni.

1.8.1   Il-KESE jemmen li l-leġittimità tad-deċiżjonijiet pubbliċi ma tistax tinkiseb u tiġi żgurata b'mod esklużiv permezz tal-garanziji u s-sistemi uffiċjali – istituzzjonali, legali jew kostituzzjonali – tal-Istat, iżda għandha neċessarjament tissejjes fuq il-kontribut tas-soċjetà ċivili.

1.8.2   Il-kontribut speċifiku tas-soċjetà ċivili għad-definizzjoni tal-prospetti tal-iżvilupp u tal-benesseri huwa kontribut politiku bżonjuż mhux biss biex id-dimensjoni parteċipattiva tingħaqad ma’ dik tal-għarfien, iżda wkoll biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti.

1.9   Madankollu, għad iridu jiġu żviluppati l-istrumenti ta’ infurzar u ta’ responsabbiltà meħtieġa biex l-għażliet politiċi, b'mod partikolari dawk tal-politika ekonomika u baġitarja, jintrabtu mal-prestazzjoni tal-istess indikaturi.

1.10   Fid-dawl tal-esperjenza relatata mal-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni f'diversi pajjiżi, il-KESE jemmen li l-“paradigma deliberattiva” (proċess ta’ skambju ta’ informazzjoni u opinjonijiet dwar deċiżjoni komuni f'qafas ta’ diskussjoni li fiha jiġu fformati u espressi l-preferenzi kollettivi), li għandha tkun il-bażi għat-tfassil tal-indikaturi tal-benesseri u l-progress, għandha tissejjes fuq:

diskussjonijiet ekwi bejn l-atturi istituzzjonali u dawk li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili,

l-inklużjoni fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-interessi kollha involuti fil-kejl u l-insegwiment tal-benesseri u l-progress soċjali,

approċċ iffokat fuq il-ġid komuni, b'mod partikolari fis-sinteżi li tirriżulta mid-dibattitu.

1.11   Il-KESE jieħu l-impenn li jkompli l-monitoraġġ tal-attivitajiet li, fuq livell nazzjonali u Ewropew, jimplikaw l-involviment tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija tal-indikaturi komplementari għall-PDG.

1.12   Il-KESE jtenni li hu lest ikun il-post fejn jiltaqgħu s-soċjetà ċivili u l-korpi istituzzjonali Ewropej bħala parti minn proċess parteċipattiv u deliberattiv li matulu jiġu identifikati u mfassla l-indikaturi tal-progress għall-Unjoni Ewropea.

2.   Introduzzjoni

2.1   B'din l-opinjoni l-KESE jixtieq jagħti l-kontribut tiegħu għar-riflessjoni dwar kif għandha tiġi involuta s-soċjetà ċivili fil-proċessi tat-tfassil tal-indikaturi tal-benesseri u l-progress ta’ soċjetà, fid-dawl kemm tal-Konferenza tal-Nazzjonijiet Uniti dwar l-iżvilupp sostenibbli (Earth Summit – Rio+20), li ser issir bejn l-20 u t-22 ta’ Ġunju 2012 f'Rio de Janeiro (1), kif ukoll tar-Raba' Forum Dinji tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) bl-isem “Statistics, Knowledge and Policies Measuring Well-Being and Fostering the Progress of Societies”, li ser isir bejn is-16 u d-19 ta’ Ottubru 2012 f'New Delhi, l-Indja.

2.2   Il-KESE beħsiebu jkompli miexi fit-triq li qabad fiż-żewġ opinjonijiet preċedenti, u jissokta bil-proċess ta’ monitoraġġ tal-progress li jsir fuq livell Ewropew f'dak li hu tfassil ta’ indikaturi komplementari għall-PDG, liema indikaturi għandhom ikunu jistgħu jesprimu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali b'konformità sħiħa mas-sostenibbiltà ambjentali (2).

2.3   Fl-opinjoni tiegħu “Lil hinn mill-PGD – Indikaturi għal żvilupp sostenibbli” (3), il-KESE kien diġà rrifletta fuq il-limiti tal-PDG, fuq il-korrezzjonijiet u ż-żidiet possibbli, u b'hekk fuq il-ħtieġa li jitfasslu kriterji ġodda għall-identifikazzjoni ta’ indikaturi komplementari tal-benesseri u s-sostenibbiltà (ekonomika, soċjali u ambjentali) “għal politika aktar ibbilanċjata”.

2.4   Sentejn wara, b'risposta għad-diskussjoni u l-preparamenti li saru fuq livell Ewropew, fl-opinjoni tiegħu dwar “Il-PDG u lil hinn – Inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel” (4) il-KESE laqa' b'sodisfazzjon il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (5), u enfasizza kemm hu importanti li tiġi adottata perspettiva fit-tul meta jingħażlu l-parametri ta’ referenza u l-istrumenti statistiċi l-aktar adatti għall-estensjoni tal-kontijiet nazzjonali lejn oqsma ta’ natura verament aktar soċjali u ambjentali, u dan isir ukoll skont l-għażliet strateġiċi tal-atturi politiċi istituzzjonali.

2.4.1   Fl-opinjoni msemmija hawn fuq il-KESE enfasizza l-ħtieġa li jiġu studjati aktar fil-fond l-indikaturi li jirriflettu l-kwalità tal-ħajja u l-kundizzjonijiet soċjali tan-nies bl-użu ta’ approċċ globali li jpoġġi lill-Unjoni Ewropea fuq quddiem nett f'din l-inizjattiva.

3.   Mit-tkabbir ekonomiku għall-progress tas-soċjetà: triq kumplessa

3.1   Il-ħidma ilha għaddejja 'l fuq minn 50 sena biex jitfasslu indikaturi ġodda sintetiċi, alternattivi jew, aħjar, komplementari fir-rigward tal-indikatur tradizzjonali tat-tkabbir ekonomiku, il-PDG. Il-PDG hu strument ta’ kejl li “jispeċjalizza” f'segment partikolari ta’ attività – essenzjalment is-suq – ta’ soċjetà. Dan hu indikatur li b'mod “għażżien” biss jista' jiġi interpretat minn “indikatur tal-produzzjoni” għal “indikatur tal-benesseri ta’ soċjetà” (6).

3.1.1   Bejn is-snin 60 u 90 tħejjew indikaturi soċjali, komplementari u alternattivi għall-PDG li setgħu jindikaw oqsma ta’ investigazzjoni li jmorru lil hinn mill-qasam tradizzjonali ta’ natura ekonomika. Din tista' tiġi definita bħala l-“fażi soċjali” tal-indikaturi tal-progress ta’ soċjetà.

3.1.2   Lejn tmiem is-snin 80, ir-Rapport Brundtland (1987) qajjem il-kwistjoni tal-iżvilupp sostenibbli fuq livell dinji (7). Wara dan, il-Konferenza dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti fl-1992 (Rio Earth Summit) poġġiet il-kwistjoni ambjentali fl-aġenda politika internazzjonali, u b'hekk għaddejna għal “fażi globali” fir-riċerka u t-tħejjija ta’ indikaturi li huma kapaċi jkejlu l-progress tas-soċjetà (8).

3.2   Kien però matul l-aħħar għaxar snin li ġiet enfasizzata b'aktar qawwa l-ħtieġa li jitkejjel il-livell ta’ benesseri li jintlaħaq f'soċjetà waqt li fl-istess ħin tkun garantita s-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali tagħha.

3.3   F'dawn l-aħħar is-snin, l-OECD beda jaqdi rwol fundamentali bil-Proġett Globali tiegħu, imniedi fl-2003, dwar il-kejl tal-progress tas-soċjetajiet (9). Il-Proġett Globali kien u għadu jirrappreżenta mument verament ta’ dibattitu “parteċipattiv” fuq livell dinji, li għamel lin-nies konxji li hemm bżonn tinbidel il-paradigma tal-progress tas-soċjetà u, sussegwentement, il-mudell ta’ żvilupp globali.

3.3.1   Permezz tal-Proġett Globali nħoloq netwerk ta’ operaturi privati u pubbliċi interessati li jiftħu diskussjoni intensiva dwar: i) l-istudji u l-analiżi tal-istatistika marbuta mal-benesseri soċjali, is-sostenibbiltà ambjentali u t-tkabbir ekonomiku, u ii) l-għodod tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni li jistgħu jaqilbu l-informazzjoni f'għarfien (10).

3.4   Fl-20 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-komunikazzjoni bl-isem “Il-PDG u lil hinn – Inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel” (11), li rrikonoxxiet il-bżonn li flimkien mal-PDG ikun hemm indikaturi ambjentali u soċjali u stabbilixxiet programm ta’ ħidma sa tmiem l-2012.

3.5   Ftit inqas minn xahar wara (12) ġie ppubblikat ir-“Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Kejl tal-Prestazzjoni Ekonomika u l-Progress Soċjali” (magħruf bħala r-Rapport tal-Kummissjoni Stiglitz, Sen u Fitoussi) (13), b'dawn l-għanijiet espliċiti:

a)

li jiġu identifikati l-limiti tal-użu tal-PDG bħala indikatur tal-prestazzjoni ekonomika u tal-progress soċjali;

b)

li tiġi evalwata l-possibbiltà li jintużaw strumenti alternattivi biex jitkejjel il-progress soċjali;

c)

li tiġi promossa d-diskussjoni dwar il-preżentazzjoni adatta tal-informazzjoni statistika.

3.5.1   Għal dan il-għan, ir-Rapport ressaq 12-il rakkomandazzjoni dwar kif jitħejjew strumenti ta’ kejl li jenfasizzaw il-benesseri soċjali, materjali u mhux materjali fid-diversi dimensjonijiet tiegħu (14).

3.6   Fil-25 ta’ Settembru 2009, id-dibattitu dwar il-PDG u l-ħtieġa ta’ indikaturi komplementari tal-benesseri soċjali u ambjentali kiseb importanza akbar matul is-summit tal-G20 f'Pittsburgh. Fid-dikjarazzjoni finali ġie enfasizzat li waqt li nintrabtu li ndaħħlu mudell ġdid u sostenibbli tat-tkabbir, għandna nħeġġu l-ħidma fuq it-tħejjija ta’ metodi ġodda tal-kejl sabiex jitqiesu aktar bis-sħiħ id-dimensjonijiet soċjali u ambjentali tal-iżvilupp ekonomiku.

3.7   F'Diċembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-“Ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” (15) li fil-Kapitolu 1 “Is-sitwazzjoni u x-xejriet ekonomiċi, soċjali u territorjali”, fih sezzjoni “It-titjib tal-benesseri u t-tnaqqis tal-esklużjoni” (p. 73-117) li tinkludi sensiela ta’ indikaturi tal-benesseri.

3.8   Minkejja li qed terġa' titpoġġa enfasi fuq il-progress tas-soċjetà, jidher li fl-istituzzjonijiet Ewropej għad hemm xi reżistenzi pjuttost qawwija għall-implimentazzjoni tal-indikaturi soċjali u ambjentali.

3.8.1   Bejn ir-rebbiegħa u l-ħarifa tal-2010, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pjan dwar it-tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea bil-għan li jerġgħu jiġu bbilanċjati l-iżbilanċi fiskali u makroekonomiċi tal-Istati Membri tal-UE (16). Din is-sistema ser tkun ibbażata fuq sistema ta’ indikaturi (tabella ta’ valutazzjoni) b'mekkaniżmu ta’ twissija għal meta jkun hemm dan it-tip ta’ żbilanċi, biex b'hekk ikunu jistgħu jittieħdu l-azzjonijiet korrettivi adegwati fl-Istati Membri kkonċernati (17). B'xorti ħażina, id-diskussjoni dwar is-sistema ta’ indikaturi li għandhom jiġu adottati xejn ma kienet trasparenti. L-għażla tal-Kummissjoni baqgħet teskludi għalkollox l-indikaturi ekonomiċi li huma rilevanti wkoll biex jinfiehmu l-iżbilanċi finanzjarji, dawk ta’ natura soċjali u ambjentali.

3.8.2   Jidher li din l-istess għażla saret ukoll fil-Patt Euro Plus jew fil-Patt Fiskali reċenti, b'risposta għall-ispekulazzjoni finanzjarja u biex titħares il-kompetittività taż-żona tal-euro.

3.8.3   Kif diġà stqarr kemm fl-opinjoni dwar it-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politiki Ewropej (18) kif ukoll fl-opinjoni dwar l-iżbilanċi ekonomiċi (19), il-KESE jemmen li, jekk bi żbilanċi makroekonomiċi wieħed jifhem id-differenzi persistenti bejn id-domanda u l-provvista aggregata (li joħolqu surplus jew defiċit fil-konsum u t-tfaddil globali ta’ ekonomija), allura huwa rrakkomandat li għall-inqas jiddaħħlu indikaturi soċjali, bħal pereżempju, l-indikatur tal-inugwaljanza fid-dħul u l-ġid, l-impatt ta’ dħul aktar baxx, il-komponent tal-hekk imsejħa “ħaddiema foqra” (“working poor”), il-proporzjon tad-dħul u l-profitti fil-PDG, eċċ. (20). Dawn huma indikaturi li jenfasizzaw l-iżbilanċi makroekonomiċi li jirriżultaw mit-tfaddil eċċessiv fejn hemm dħul aktar għoli, u mit-tidjin fejn hemm dħul medju jew baxx. Mingħajr dubju ta’ xejn, dawn huma fost il-fatturi li kkawżaw il-kriżi ekonomika u finanzjarja fid-dinja li bdiet fl-2008 (21).

3.8.4   Fi kliem ieħor, ftit inqas minn sentejn wara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (22) msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni Ewropea stess, waqt li qed issegwi toroq ġodda għall-iżvilupp u l-progress soċjali u li reġgħet intalbet taqdi rwol ta’ ġestjoni, ta’ koordinazzjoni u fuq kollox ta’ kontroll tal-Istati Membri, qed tkompli tuża strumenti u approċċi tradizzjonali li jagħtu preferenza biss lil xi dimensjonijiet tal-aspett ekonomiku u jeskludu l-biċċa l-kbira tad-dimensjonijiet soċjali u ambjentali.

3.8.5   Fid-dawl ta’ sitwazzjonijiet bħal dawn, il-KESE, flimkien mal-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, jaħseb li d-diskussjoni dwar l-idea tal-progress soċjali ma tistax tkun limitata għal oqsma ristretti, iżda għandha tinkludi lis-soċjetà kollha.

3.9   F'kull ħidma nazzjonali u internazzjonali rigward l-indikaturi komplementari għall-PDG joħroġ fid-dieher li, kieku ngħatat aktar attenzjoni wkoll lill-indikaturi tas-sostenibbiltà ekonomika, soċjali, ambjentali, interġenerazzjonali u finanzjarja, sew pubblika u sew privata, il-kriżi attwali kienet tiġi identifikata fil-ħin u żgur li b'hekk kienet tiġi ġestita aħjar.

3.9.1   Il-kejl tal-benesseri u l-progress mhux biss problema teknika. Il-kunċett stess tal-benesseri jikkonċerna l-preferenzi u l-valuri li huma l-bażi tas-soċjetà u n-nies li jsawruha.

3.9.2   Fost l-aktar aspetti sinifikanti tal-istudji u d-diskussjonijiet dwar il-kawżi tal-kriżi u dwar il-possibbiltà ta’ “kejl” permezz ta’ indikaturi aktar komprensivi nsibu l-attenzjoni kbira li tingħata lid-domanda aggregata (u mhux il-provvista biss). Rigward il-benesseri materjali, id-dibattitu internazzjonali jindika l-ħtieġa li tingħata aktar attenzjoni lid-dħul u l-konsum milli lill-produzzjoni, u juri l-bżonn li jitqiesu wkoll l-indikaturi tal-konċentrazzjoni tal-ġid. Fl-istess dibattitu titfakkar l-influwenza li l-kwalità tal-oġġetti għandha fuq il-benesseri, u titpoġġa enfasi partikolari fuq l-inugwaljanzi, fuq il-kejl tagħhom u fuq l-obbligu li ma jiġux ikkunsidrati biss il-valuri “medji”.

3.9.3   Mingħajr dubju ta’ xejn, il-fatt li l-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008-2009 baqgħet tkaxkar sat-tieni għadsa fil-kriżi li għaddejjin minnha bħalissa juri li din id-diskussjoni hija f'lokha aktar minn qatt qabel, speċjalment biex jiġu diskussi l-oriġini tal-istess kriżi u r-ridefinizzjoni tat-tkabbir, l-iżvilupp u l-progress li d-diversi sistemi tal-pajjiżi u, b'mod aktar ġenerali, is-soċjetajiet jixtiequ joħolqu jew joħolqu mill-ġdid.

4.   Paradigma ta’ referenza ġdida: il-progress ta’ soċjetà

4.1   Id-dibattitu dwar il-ħtieġa li jintużaw indikaturi ġodda li jestendu l-qasam ekonomiku u li jiġu kkunsidrati l-problemi soċjali u ambjentali issa qiegħed jitqanqal aktar peress li nbidlet il-paradigma ta’ referenza tas-soċjetà. Illum it-tkabbir ekonomiku – għad li hu fattur estremament importanti għall-pajjiż – mhux biżżejjed biex jiggarantixxi progress reali għall-komunità, sakemm ma jkunx inklużiv u sostenibbli.

4.1.1   Flimkien mal-kunċett tat-tkabbir ekonomiku jingħaqad dak tal-progress. Dan hu kunċett ħafna usa' u ħafna aktar kumpless li n-natura multidimensjonali tiegħu tinvolvi firxa ta': i) għanijiet li jridu jintlaħqu, ii) politiki u azzjonijiet li jridu jitħejjew, iii) u għalhekk, indikaturi biex jissorveljaw l-avvanz lejn dawn l-għanijiet. L-istess kunċett tal-progress jista' jimplika interpretazzjonijiet u tifsiriet differenti għal popolazzjonijiet, kulturi u reliġjonijiet differenti f'postijiet differenti.

4.2   It-tibdil tal-paradigma ta’ referenza mit-tkabbir ekonomiku għall-progress xejn ma jissemplifika l-affarijiet, iżda hemm it-tendenza li jikkumplikahom. Għaldaqstant, issa jeħtieġ aktar minn qatt qabel li jitħeġġeġ dibattitu dwar it-tifsira tal-progress li, minbarra li jerġa' jiddefinixxi l-kunċett tal-iżvilupp billi jidentifika l-għanijiet mixtieqa u l-istrumenti biex dawn jintlaħqu, jintroduċi wkoll l-aspetti tar-responsabbiltà politika. Fi kliem ieħor, dan id-dibattitu għandu jippermetti li s-soċjetà, fil-komponenti kollha tagħha, tiffoka fuq l-elementi li temmen li huma essenzjali għall-eżistenza tagħha stess.

4.3   Dan l-approċċ, li hu ġdid għalkollox, jirrikjedi li jiġu identifikati d-dimensjonijiet differenti li jsawru l-progress sabiex imbagħad ikunu jistgħu jitfasslu l-indikaturi adegwati. It-tliet approċċi predominanti għall-kejl tal-progress jikkonċernaw:

1)

l-estensjoni tal-kontijiet nazzjonali għall-fenomeni soċjali u ambjentali,

2)

l-użu ta’ indikaturi komposti, u

3)

il-ħolqien ta’ indikaturi ewlenin.

4.4   L-aktar ħidma reċenti u komprensiva rigward il-progress ta’ soċjetà turi li dan hu magħmul essenzjalment minn żewġ sistemi: is-sistema umana u l-ekosistema (23). Dawn huma żewġ sistemi marbutin mill-qrib ma’ xulxin permezz ta’ żewġ elementi, jiġifieri l-“ġestjoni tar-riżorsi ambjentali” u s-“servizzi tal-ekosistema” (24).

4.4.1   F'dan il-kuntest, il-“benesseri tal-bniedem” (fuq livell individwali u soċjali) għandu funzjoni dominanti u jirrappreżenta l-objettiv fundamentali tal-progress tas-soċjetà. Il-benesseri tal-bniedem, għalhekk, hu appoġġjat minn tliet oqsma ta’ attività: l-“ekonomija”, il-“kultura” u l-“governanza” (li, min-naħa tagħhom, jistgħu jitqiesu bħala “għanijiet intermedji”). L-ekosistema wkoll hi magħmula minn qasam ta’ attività rappreżentat mill-“kundizzjoni tal-ekosistema” (Illustrazzjoni 1).

4.4.2   F'dan il-kuntest, il-“benesseri ta’ soċjetà” jista' jiġi definit bħala l-benesseri tal-bniedem flimkien mal-kundizzjonijiet tal-ekosistema, filwaqt li l-“progress tas-soċjetà” jista' jiġi definit bħala t-titjib fil-benesseri tal-bniedem u tal-kundizzjonijiet tal-ekosistema. Din hi evalwazzjoni li, madankollu, trid tiġi kkoreġuta billi tintrabat mar-rwol li għandhom l-inugwaljanzi fil-benesseri tal-bniedem u fil-kundizzjonijiet tal-ekosistema. Iridu jitqiesu l-inugwaljanzi bejn is-soċjetajiet u ż-żoni ġeografiċi u fi ħdanhom, kif ukoll bejn il-ġenerazzjonijiet differenti. B'dan il-mod ikun jista' jiġi definit il-progress ekwu u sostenibbli ta’ soċjetà.

4.5   Din ir-riflessjoni tinkludi d-dibattitu dwar l-indikaturi komplementari għall-PDG. Illum dan id-dibattitu qed jerġa' jitfaċċa u qed tinbet l-esiġenza li jitkejlu fenomeni oħra (li mhumiex sempliċement it-tkabbir ekonomiku) għaliex is-sensibilizzazzjoni mill-ġdid dwar l-importanza ta’ dawn il-fenomeni twassal biex fl-aħħar jitpoġġew fuq l-aġenda politika. Li jitkejlu jfisser li huma magħrufin, u għalhekk jistgħu jiġu ġestiti.

4.5.1   Dawn il-fenomeni jirrappreżentaw l-għażliet politiċi, u għalhekk għandhom jiġu ssorveljati b'mod li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jiġu informati b'mod adegwat. Huwa għal din ir-raġuni li l-istatistika uffiċjali indipendenti u ta’ kwalità taqdi rwol fundamentali.

5.   Informazzjoni, konsultazzjoni u parteċipazzjoni fil-proċessi tat-tħejjija tal-indikaturi tal-progress

5.1   Id-dibattitu dwar it-tħejjija tal-indikaturi komplementari għall-PDG reġa' nfetaħ għaliex matul l-aħħar għaxar snin ħareġ fid-dieher distakk tabilħaqq bejn:

il-miżuri meħuda mill-korpi uffiċjali tal-istatistika (jiġifieri l-istituti nazzjonali u sopranazzjonali tal-istatistika) biex jidentifikaw għadd ta’ fenomeni;

u t-tendenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jirrigwardaw il-komunità u li ċ-ċittadini Ewropej iridu jħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum.

Dan id-distakk kompla jikber minħabba l-effetti ekonomika u soċjali devastanti li rriżultaw mill-kriżi dinjija.

5.1.1   Fi kliem ieħor, id-distakk bejn ir-realtà identifikata u rappreżentata mill-istatistika uffiċjali (permezz ta’ indikaturi tradizzjonali, u l-PDG huwa l-aktar wieħed rappreżentattiv fosthom) u r-realtà li jaraw iċ-ċittadini bilfors iwassal għal sensiela ta’ diskussjonijiet dwar ir-rwol li l-istatistika uffiċjali għandu jkollha matul is-seklu 21.

5.2   Dan kollu jiġri proprju meta, b'riżultat tal-iżviluppi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT), qed issir rivoluzzjoni ta’ veru fil-komunikazzjoni, li biha l-flussi ta’ informazzjoni jistgħu jsiru aktar disponibbli. Il-mistoqsija ewlenija hija kemm dan kollu jissarraf f'għarfien reali għall-komunità, u hu hawnhekk li l-istatistika uffiċjali għandha taqdi rwol ewlieni. L-għan għandu jkun li l-informazzjoni tkun tista' tissarraf f'għarfien.

5.2.1   Iż-żieda fl-informazzjoni disponibbli tiffavorixxi t-trasparenza fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet (pereżempju, l-indikaturi statistiċi jgħinu biex wieħed jifhem id-dinamiċi ta’ fenomeni partikolari, bħall-impjieg, il-qgħad, l-inflazzjoni, eċċ.). Però l-fluss enormi ta’ informazzjoni jista' jħawwad moħħ l-utenti, sew iċ-ċittadini u sew dawk li jħejju l-politiki (għaliex iż-żieda fil-fluss ta’ informazzjoni mhux bilfors twassal għal aktar għarfien).

5.3   Minħabba din id-dilemma joħroġ ċar li hemm bżonn ta’ governanza statistika indipendenti u ta’ kwalità. Din l-istatistika għandha taqdi r-rwol fundamentali tagħha li tiggwida l-kejl u l-metodoloġija użata lejn il-fenomeni imposti mill-esiġenzi ġodda ta’ natura ekonomika, soċjali u ambjentali (25).

5.3.1   Huwa f'dan il-kuntest li l-KESE jemmen li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea intitolata “Lejn immaniġġjar sod tal-kwalità għall-Istatistika Ewropea” (26) hi tassew rilevanti, billi tisħaq li l-istatistika tal-lum, minbarra li tipprovdi l-għarfien dwar il-fenomeni, għandha tippermetti wkoll il-ġestjoni attwali u futura tagħhom. Iċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jagħmlu l-għażliet tagħhom b'mod infurmat, razzjonali u demokratiku.

5.3.2   Għalhekk, il-Eurostat għandu jibda jaqdi rwol ċentrali fl-integrazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-istatistika nazzjonali u reġjonali mis-27 Stat Membru tal-UE, speċjalment rigward l-aspetti marbutin mal-kwalità tal-ħajja, is-sostenibbiltà u t-tqassim tad-dħul u tal-kapital, sabiex jitkejjel it-tibdil fil-benesseri li jirriżulta mill-azzjonijiet pubbliċi.

5.3.3   Il-Eurostat għandu jagħti appoġġ metodoloġiku bil-għan li jipprovdi lill-atturi istituzzjonali u soċjali kif ukoll liċ-ċittadini Ewropej l-istrumenti biex ikunu informati u konsultati b'mod adegwat u b'hekk ikunu jistgħu jieħdu sehem b'mod effikaċi fid-dibattitu pubbliku (27).

5.4   F'dan il-kuntest ġdid, is-soċjetà ċivili flimkien mal-atturi soċjali u istituzzjonali l-oħra għandha tidentifika – permezz ta’ round tables u forums speċifiċi dwar is-suġġett – l-oqsma ta’ intervent li fihom jiġi determinat il-progress ta’ soċjetà, filwaqt li tindika l-aktar oqsma u fenomeni importanti (diversi oqsma fil-kamp ekonomiku, soċjali u ambjentali). Fl-istess ħin, l-istatistika għandha rwol ta’ appoġġ “tekniku” billi tipprovdi l-metodoloġija adatta u tidentifika l-indikaturi effikaċi għall-monitoraġġ ta’ dawn il-fenomeni.

5.5   Bl-involviment taċ-ċittadini jinħolqu “forom ta’ intelliġenza kollettiva” li, waqt li jippermettu l-prattiki ta’ ċittadinanza attiva, jikkontribwixxu għar-ridefinizzjoni tad-demokrazija:

l-ewwel nett, id-“demokrazija parteċipattiva” b'interazzjoni akbar u b'aktar opportunitajiet għat-tfassil tal-prijoritajiet billi wieħed jifhem bil-mod il-mod u jikkunsidra l-fehmiet differenti rigward l-interess ġenerali (28);

u mbagħad, id-“demokrazija preparatorja” sabiex jiġu speċifikati l-kriterji li jistabbilixxu l-kunċett tal-benesseri bħala għan kondiviż tal-progress soċjali, filwaqt li jiġu identifikati l-varjabbli adatti għat-tħejjija ta’ indikaturi li jkejlu l-benesseri u jiġu stabbiliti toroq tal-progress tas-soċjetà li l-partijiet interessati jkunu jistgħu jifhmuhom, u b'hekk ikunu jistgħu jiffaċilitaw l-involviment tagħhom biex jinkiseb il-benesseri b'mod mifrux (29).

5.5.1   Prattiki bħal dawn jiżviluppaw il-kunċett ta’ “kapital soċjali” (30) fuq il-bażi tal-għanijiet Ewropej ta’ ekonomija tal-għarfien u ta’ koeżjoni soċjali, jiġifieri l-kapaċità li jiġi rfinat il-kunċett ta’ benesseri għal kulħadd permezz ta’ fiduċja, fehim u kooperazzjoni akbar bejn is-soċjetà ċivili u l-amministrazzjoni pubblika. Dan jista' jseħħ biss bis-saħħa ta’ parteċipazzjoni ċivili, politika u soċjali qawwija, li l-istess amministrazzjonijiet pubbliċi jridu jappoġġjaw permezz tal-prattiki ta’ konsultazzjoni (31).

5.5.2   Dan l-aħħar, għadd konsiderevoli ta’ pajjiżi bdew proċessi deliberattivi strutturati li jinvolvu s-soċjetà ċivili (l-Awstralja, il-Kanada, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Messiku, il-Pajjiżi Baxxi, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, l-Isvizzera).

5.5.3   L-esperjenzi kollha juru li hemm differenzi sostanzjali fl-istruttura u l-ambitu tal-proċessi għall-involviment tal-atturi tas-soċjetà ċivili. Dawn id-differenzi joħorġu fid-dieher fl-istadju tad-diskussjoni jew dibattitu interattiv (dibattitu pubbliku u identifikazzjoni tal-valuri u tal-prijoritajiet) aktar milli fl-ewwel fażi tal-konsultazzjoni.

5.5.4   Il-fażi tal-konsultazzjoni ta’ spiss issir permezz ta’ użu qawwi ta’ siti elettroniċi speċifiċi għal dan il-għan, it-twaqqif ta’ gruppi ta’ ħidma li jittrattaw oqsma tematiċi speċifiċi, u permezz ta’ programmi ta’ konsultazzjoni li jużaw ħafna n-netwerks soċjali, il-bloggijiet u s-sondaġġi (l-aktar onlajn). Madankollu, s'issa l-ebda pajjiż ma kiseb rabta formali u sostanzjali bejn il-ħolqien deliberattiv tal-indikaturi u l-proċessi ta’ programmazzjoni ekonomika u finanzjarja.

5.5.5   Il-KESE jemmen li s-soċjetà ċivili tista' tiġi involuta fl-identifikazzjoni tal-indikaturi tal-benesseri u tal-progress permezz tal-parteċipazzjoni attiva tagħha kemm fl-għażla tal-prijoritajiet politiċi kif ukoll fl-għażla tal-informazzjoni li għandha tiġi ssorveljata.

Brussell, 29 ta’ Marzu 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  http://www.earthsummit2012.org/.

(2)  Ara l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar “Lil hinn mill-PGD – Indikaturi għal żvilupp sostenibbli”ĠU C 100, 30.4.2009, p. 53; u l-opinjoni dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Il-PDG u lil hinn – Inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel”, ĠU C 18, 19.1.2011, p. 64.

(3)  ĠU C 100, 30.4.2009, p. 53.

(4)  ĠU C 18, 19.1.2011, p. 64.

(5)  COM(2009) 433 final.

(6)  L-istess Simon Kuznets, li firex l-użu tal-PDG fl-Istati Uniti, kien wissa kontra l-abbużi u l-misinterpretazzjonijiet li jista' joħloq l-użu ħażin ta’ dan l-istrument, u ħa ħsieb jiddetermina l-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Costanza, R., Hart, M., Posner, S., Talberth, J., 2009, Beyond GDP: The Need for New Measures of Progress. Boston University.

(7)  Nazzjonijiet Uniti, 1987, Report of the World Commission on Environment and Development.

(8)  Ir-riċerka tikkonċentra l-aktar fuq erba' approċċi metodoloġiċi differenti: i) indikaturi ta’ korrezzjoni tal-PDG, ii) indikaturi alternattivi, iii) indikaturi sintetiċi (jew komposti), iv) sistema ta’ indikaturi.

(9)  Il-proġett tnieda f'Palermo fl-2004 fl-okkażjoni tal-ewwel forum dinji tal-OECD dwar “Statistics, knowledge and policy”; tliet snin wara sar it-tieni forum (2007) f'Istanbul dwar “Measuring and fostering the progress of society”, fejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea, l-OECD, in-Nazzjonijiet Uniti, l-UNDP, il-Bank Dinji u l-Organizzazzjoni tal-Konferenza Islamika ffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Istanbul. Fl-2009 sar it-tielet forum tal-OECD dwar “Charting progress, building vision, improving life” f'Busan, il-Korea t'Isfel.

(10)  Matul il-forum annwali tal-24 u l-25 ta’ Mejju 2011, l-OECD ippreżenta l-Indiċi ta’ Ħajja Aħjar (Better Life Index), li hu indikatur li jkejjel il-ġid, il-benesseri u l-kwalità tal-ħajja bis-saħħa ta’ 11-il parametru (djar, dħul, xogħol, ħajja komunitarja, edukazzjoni, ambjent, governanza, saħħa, sodisfazzjon personali, sikurezza, bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol): OECD, 2011, How's Life? Measuring well-Being, OECD Better Life Initiative, http://www.oecdbetterlifeindex.org/.

(11)  COM(2009) 433 final.

(12)  14 ta’ Settembru 2009.

(13)  http://www.stiglitz-sen-fitoussi.fr/en/index.htm.

(14)  Nhar it-12 ta’ Ottubru 2011, l-OECD, l-Istitut Nazzjonali Franċiż tal-Istatistika u l-Istudji Ekonomiċi (Insee) u l-Ministeru Franċiż tal-Ekonomija, il-Finanzi u l-Industrija organizzaw konferenza f'Pariġi bl-isem “Two Years after the release of the Stiglitz-Sen-Fitoussi Report”.

Insee, 2011, Two years after the Stiglitz-Sen-Fitoussi report: What well-being and sustainability measures? INSEE contributions. Pariġi.

(15)  http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docoffic/official/reports/cohesion5/index_mt.cfm.

(16)  It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegi – Għodda għal governanza ekonomika tal-UE isħaħ, COM(2010) 367 final.

It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, COM(2010) 250 final.

(17)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro, COM(2010) 525 final – 2010/0279 (COD).

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, COM(2010) 527 final – 2010/0281 (COD).

(18)  Opinjoni dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegi – Għodda għal governanza ekonomika tal-UE isħaħ”, ĠU C 107, 6.4.2011, p. 7.

(19)  Opinjoni dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro” COM(2010) 525 final – 2010/0279 (COD) u l-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi” COM(2010) 527 final – 2010/0281 (COD), ĠU C 218, 23.7.2011, p. 53.

(20)  Kif inhu propost ukoll fir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi”, relatur: is-Sinjura Elisa Ferreira (2010/0281(COD)) tas-16 ta’ Diċembru 2010.

(21)  ILO-FMI, The Challenges of Growth, Employment and Social Cohesion, dokument ta’ diskussjoni għall-konferenza konġunta ILO-FMI, Oslo, 13 ta’ Settembru 2010, p. 67-73.

(22)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew – Il-PDG u lil hinn – Inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel, COM(2009) 433 final.

(23)  Hall J., Giovannini E., Morrone A., Ranuzzi G., 2010, A Framework to Measure the Progress of Societies. Direttorat tal-Istatistika. Dokument ta’ Ħidma Nru 34. OECD, STD/DOC (2010)5, Pariġi.

(24)  Filwaqt li l-ġestjoni tar-riżorsi tirrappreżenta l-effetti tal-azzjonijiet li għandha s-sistema umana fuq l-ekosistema (sfruttament tar-riżorsi naturali u tniġġis), is-servizzi tal-ekosistema jorbtu ż-żewġ sistemi (is-sistema umana u l-ekosistema) flimkien fiż-żewġ direzzjonijiet (forniment tal-ikel, ilma, arja, effetti tad-diżastri naturali, eċċ.). Ara: Hall J., Giovannini E., Morrone A., Ranuzzi G., 2010.

(25)  Giovannini, E., 2007, Statistics and Politics in a Knowledge Society, OECD, STD/DOC(2007)2, 29 ta’ Mejju 2007, mislut nhar it-28 ta’ Jannar 2010 minn: http://www.2007oecd.org/dataoecd/39/53/41330877.pdf.

Giovannini, E. 2009, Measuring Society's Progress: A key issue for policy making and democratic governance, mislut nhar it-28 ta’ Jannar 2010 minn: http://www.oecd.org/dataoecd/6/34/41684236.pdf.

(26)  COM(2011) 211 final.

(27)  Huwa għalhekk li fis-Sistema Statistika Ewropea nħoloq l-Isponsorship Group dwar il-Kejl tal-Progress, il-Benesseri u l-Iżvilupp Sostenibbli, li għandu l-mandat li jikkoordina l-attività marbuta ma’ din il-kwistjoni u li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-kummissjoni Stiglitz, Sen u Fitoussi, filwaqt li jikkunsidra b'mod adegwat l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020.

(28)  Għal aktar tagħrif dwar din il-kwistjoni, ara l-Konferenza tal-KESE dwar id-demokrazija parteċipattiva “Id-demokrazija parteċipattiva għall-ġlieda kontra l-kriżi tal-fiduċja Ewropea. Ara wkoll: The Citizen's Handbook (http://www.vcn.bc.ca/citizens-handbook) u l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (http://www.citizens-initiative.eu/) – kampanja li tippromovi d-drittijiet parteċipattivi taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea.

(29)  Ħafna drabi fl-analiżi tad-dinamiki tad-demokrazija parteċipattiva ssir distinzjoni bejn il-proċessi minn fuq għal isfel (top-down) u dawk minn isfel għal fuq (bottom-up). Fiż-żewġ każi, ir-referenza għall-interazzjoni bejn żewġ livelli ta’ organizzazzjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet (li ma jinsabux fil-forom tad-demokrazija diretta) twassal biex id-demokrazija parteċipattiva tissejjes fuq id-djalogu u l-proċessi u tiġi applikata bl-aħjar mod fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti. L-għan hawnhekk li ż-żewġ proċessi jiltaqgħu flimkien.

(30)  The well-being of nations: the role of human and social capital, OECD, Pariġi, 2001.

(31)  Citizens as partners, Information, consultation and public participation in policy-making, PUMA (Public Management Service), OECD, Pariġi, 2001.