27.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 225/150


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-reviżjoni tal-qafas leġiżlattiv tat-TEN-T”

2012/C 225/11

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

ifakkar li l-politika Ewropea tat-trasport għandha tippromovi l-aċċessibbiltà għas-suq intern u l-iżvilupp sostenibbli għar-reġjuni kollha tal-UE, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-kontinent Ewropew;

japprova l-approċċ regolamentarju propost mill-Kummissjoni Ewropea għal netwerk doppju ta’ trasport, organizzat madwar 10 kurituri u 30 proġett prijoritarju;

jappoġġja l-prijorità li ngħatat lill-interoperabbiltà u l-intermodalità, kif ukoll lill-konnessjonijiet nieqsa u l-punti ta’ konġestjoni;

huwa favur il-fatt li jiżdiedu l-isforzi biex issir bidla modali lejn it-trasport bil-ferroviji, il-mogħdijiet tal-ilma interni u dak marittimu, u favur ġestjoni intelliġenti tat-traffiku;

jenfasizza li Kummissjoni Ewropea għandu jkollha responsabbiltajiet wesgħin f’dawk li huma ġestjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet fil-proġetti TEN-T, u jitlob li jiżdiedu s-setgħat tal-“Koordinatur Ewropew”;

jinsisti fuq ir-responsabbiltajiet tal-livelli lokali u reġjonali f’termini ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, ippjanar u finanzjament;

jitlob li l-preżenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali ssir obbligatorja fil-pjattaformi tal-kuritur u jappella biex jiġu ffirmati “kuntratti ta’ programm” bejn l-Unjoni Ewropea, kull Stat Membru u r-reġjuni kkonċernati;

jappoġġja l-prinċipju tal-finanzjament tan-netwerk ewlieni mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u jappella bil-qawwa għall-ħolqien ta’ sorsi ġodda ta’ finanzjament Ewropew bħall-bonds Ewropej;

jixtieq jara l-introduzzjoni ta’ taxxa Ewropea fuq it-trasport ibbażata fuq il-prinċipju tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-modi tat-trasport li jniġġsu l-aktar.

Relatur

Is-Sur Bernard SOULAGE (FR/PSE), Viċi President tal-Kunsill Reġjonali tar-Rhône-Alpes

Dokument ta’ referenza

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew

COM(2011) 650 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ bi pjaċir ir-rieda tal-Kummissjoni Ewropea li taċċellera l-użu tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T), li wara li ilu jeżisti 20 sena jidher li l-kisbiet tiegħu mhumiex ċari fir-rigward tal-objettivi ambizzjużi u essenzjali li kien ingħata;

2.

jaqbel mal-objettivi tal-politika Ewropea tat-trasport u l-importanza li ngħatat lit-TEN-T, li b’mod partikolari għandhom iħeġġu:

it-titjib fil-kompetittività u fil-prestazzjoni ekonomika tal-bliet u r-reġjuni tal-Unjoni Ewropea;

l-aċċessibbiltà tar-reġjuni kollha tal-UE għas-suq intern;

il-promozzjoni tal-kunċetti teknoloġiċi u tal-operat l-iżjed avvanzati (Artikolu 4(1)(c));

il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali tal-kontinent Ewropew (Artikolu 4(1)(d));

l-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari l-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra (Artikolu 4.1(b));

l-iżvilupp bilanċjat tar-reġjuni kollha tal-UE, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda (Artikolu 4(2)(j));

3.

jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea li tinnota li, minkejja li sar progress sinifikanti fil-bini ta’ netwerk trans-Ewropew tat-trasport, l-infrastrutturi attwali għadhom frammentati wisq, kemm ġeografikament kif ukoll bejn il-modi differenti ta’ trasport; din hija problema li tolqot b’mod iżjed gravi lit-territorji bi żvantaġġi naturali bħall-gżejjer, iż-żoni muntanjużi jew il-periferiji;

4.

jemmen li l-politika tat-trasport proposta għandha tintegra b’mod aktar espliċitu l-objettivi aktar ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tippromovi t-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u territorjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea kollha;

5.

jaqbel mal-approċċ proattiv, multimodali u prammatiku li adottat il-Kummissjoni Ewropea li huwa bbażat fuq ippjanar tal-investimenti li jirriflettu żewġ netwerks tat-trasport:

netwerk komprensiv li għandu jiġi stabbilit sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2050,

netwerk ewlieni li jinkludi r-rotot l-aktar strateġiċi u li joffru l-ogħla valur miżjud Ewropew, li għandu jiġi stabbilit qabel il-31 ta’ Diċembru 2030;

6.

jixtieq li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jieħdu sehem bis-sħiħ fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-miżuri proposti fil-qafas tal-ipproggrammar tat-TEN-T;

7.

jistaqsi x’livell ta’ finanzjament ser jiġi mobilizzat effettivament għat-twettiq tal-investimenti magħżula meta jitqiesu r-restrizzjonijiet baġitarji qawwijin li qed jiffaċċjaw bħalissa l-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali b’tali mod li jissaħħu l-koeżjoni u l-iżvilupp tat-territorju Ewropew kollu;

Il-qafas regolatorju

8.

jifraħ li l-Kummissjoni Ewropea pproponiet regolament li jista’ jiġi applikat direttament. Din l-għażla tidher li hi:

l-unika waħda li tista’ tikkoordina l-parteċipazzjoni ta’ għadd kbir ta’ atturi ta’ kull tip biex in-netwerk TEN-T jaħdem sew, jiġifieri l-“Istati Membri u, kif xieraq, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, il-maniġers tal-infrastruttura, l-operaturi tat-trasport u, kif xieraq, entitajiet pubbliċi u privati oħra” (Artikolu 5),

l-aktar waħda adegwata biex tiġi rispettata l-iskeda ambizzjuża li ġiet adottata;

rilevanti biex l-Istati jimpenjaw lilhom infushom f’termini ta’ skeda u finanzjamenti;

9.

japprova l-prijorità li ngħatat lill-interoperabilità fil-qafas regolatorju l-ġdid. Din ser tkun tassew possibbiltà biex ikun hemm integrazzjoni tas-sistema ta’ trasport Ewropew, billi tiġi promossa l-implimentazzjoni ta’ proċeduri u standards komuni għall-atturi Ewropej kollha. Barra minn hekk, il-fatt li tingħata kunsiderazzjoni ċentrali lill-intermodalità fit-twettiq ta’ kull infrastruttura ta’ trasport kemm tal-merkanzija kif ukoll tal-passiġġieri (Artikolu 34) sabiex tiġi faċilitata kemm jista’ jkun il-kontinwità tal-flussi u l-konkretizzazzjoni tal-kunċett ta’ katina ta’ trasport. Jista’ jsir ħafna titjib, speċjalment għall-passiġġieri f’termini ta’ sistemi ta’ xiri ta’ biljetti integrati, ħinijiet aktar ċari u sinkronizzazzjoni tal-konnessjonijiet u għat-traffiku tal-merkanzija, f’termini ta’ affidabbiltà u kwalità tas-servizz;

Prinċipji u arkitettura tan-netwerk TEN-T

Il-prinċipji tan-netwerk TEN-T

10.

jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fl-għażla u r-rieda li twettaq in-netwerk TEN-T u fl-istess ħin tiżgura li jintlaħqu l-prijoritajiet attwali: 30 proġett prijoritarju u l-prijoritajiet orizzontali li għandhom l-għan li jiżviluppaw għodod ta’ ġestjoni tat-traffiku favur l-interoperabilità; għall-proġetti li preċedentement ġew iddikjarati bħala prijoritarji, jitlob ukoll lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tqis tajjeb il-ħidma li diġà twettqet fil-livell lokali sabiex tiġi assigurata l-kontinwità tal-intervent Ewropew;

11.

huwa sodisfatt li l-proġetti ta’ infrastruttura huma bbażati fuq in-netwerks eżistenti iżda li fl-istess waqt qed jippruvaw itejbuhom u joħolqu interkonnessjoni bejniethom (Artikolu 7). B’hekk, il-proġetti magħżula jistgħu joħolqu infrastrutturi ta’ trasport ġodda, iżda wkoll iżommu, jirriabilitaw u jġeddu l-infrastrutturi ta’ trasport eżistenti u jippromovu l-aktar użu razzjonali possibbli tar-riżorsi;

12.

huwa sodisfatt li l-proġetti magħżula fi ħdan it-TEN-T abbażi tal-prinċipju tal-interess komuni (Artikolu 7):

huma suġġetti għal analiżi soċjoekonomika tal-benefiċċji u l-ispejjeż li rriżultat f’valur nett attwali pożittiv;

juru valur miżjud Ewropew ċar,

huma konformi mal-prinċipji li jiggvernaw in-netwerk komprensiv jew ewlieni;

13.

jilqa’ bi pjaċir il-miżuri trasversali favur ġestjoni intelliġenti tat-traffiku permezz tal-promozzjoni tas-sistemi ERTMS għat-trasport ferrovjarju, is-SESAR għat-trasport bl-ajru, l-IFS għan-navigazzjoni fl-ilmijiet, l-ITS għat-trasport bit-triq u s-sistema Ewropea ta’ pożizzjonar u ta’ navigazzjoni Galileo, sabiex titħeġġeġ l-interoperabilità, li hi kundizzjoni essenzjali għat-twettiq ta’ suq uniku vast ta’ trasport Ewropew;

14.

għadu favur l-idea ta’ “ċinturin blu” u għandu d-dubji tiegħu dwar l-importanza effettiva li l-Kummissjoni tagħti lill-prinċipju ta’ awtostradi tal-baħar (Artikolu 25) minħabba r-rwol dgħajjef li għandhom fl-għaxar kurituri u jqis li t-trasport bl-ilma ma jitqiesx biżżejjed fil-proġetti ta’ orjentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea;

15.

jistaqsi dwar ir-rieda reali tal-Kummissjoni u tal-Istati li jwettqu bidla fid-domanda għall-mobbiltà minflok ma jakkumpanjaw mingħajr waqfien iż-żieda fid-domanda għall-mobbiltà;

In-netwerk komprensiv

16.

jappoġġja l-prinċipju li jgħid li dan in-netwerk għandu jsir “sistema ċirkolatorja” tas-suq uniku, li permezz tiegħu l-persuni u l-merkanzija jkunu jistgħu jiċċaqalqu mingħajr xkiel mal-Unjoni kollha, bl-għan li l-biċċa l-kbira tal-intrapriżi u taċ-ċittadini ma jkunux aktar minn nofs siegħa bogħod min-netwerk komprensiv fl-2050;

17.

iħeġġeġ l-isforzi li jsiru favur it-trasport ferrovjarju; hemm għadd kbir ta’ argumenti ekonomiċi, finanzjarji u ekoloġiċi favur din il-prijorità;

18.

jistaqsi dwar l-effettività tal-kopertura tat-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea, fir-rispett tal-prinċipju tal-koeżjoni territorjali, u dwar il-possibbiltà li nfetħet mit-twettiq tan-netwerk komprensiv li jsir strument ta’ referenza għall-ġestjoni tat-territorju fil-livell Ewropew;

19.

ifakkar kemm iż-żamma tan-netwerk komprensiv hija l-unika possibbiltà biex ir-reġjuni l-aktar imbiegħda mingħajr proġetti prijoritarji jkunu jistgħu jibbenefikaw mis-servizzi tal-infrastrutturi tat-trasport finanzjati mill-Unjoni Ewropea, u b’hekk tiggarantixxi l-aċċessibbiltà tar-reġjuni kollha;

20.

jissuġġerixxi li jsiru sforzi biex jittejbu l-konnessjonijiet tat-trasport lejn u fir-reġjuni insulari, l-aktar imbiegħda u muntanjużi;

In-netwerk ewlieni

21.

jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li fil-ġejjieni qrib (sa mhux aktar tard mill-2030) tistabbilixxi netwerk strateġiku b’valur miżjud għoli Ewropew speċjalment fir-rigward tal-objettivi ta’ tkabbir u tal-impjieg previsti fl-Istrateġija Ewropa 2020: għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

22.

jilqa’ bi pjaċir l-importanza li ngħatat lill-kunċett ta’ “kurituri multimodali” bħala strument biex l-implimentazzjoni kkoordinata tan-netwerk ewlieni tiġi ffaċilitata permezz tal-prinċipji tal-integrazzjoni modali, l-interoperabilità u l-ġestjoni kkoordinata u effikaċi tar-riżorsi (Artikolu 48); jiddispjaċih għar-rwol limitat riżervat għall-awtostradi tal-baħar fil-qafas tal-kurituri proposti;

23.

jaqbel mal-għażla tal-Kummissjoni ta’ għaxar kurituri li jimmarkaw ir-rotot prijoritarji tan-netwerk ewlieni, kif ukoll il-metodoloġija magħżula biex jiġi definit in-netwerk ewlieni u jappoġġja l-għażla tal-Kummissjoni li l-fondi jiġu kkonċentrati fuq il-proġetti transkonfinali li jippreżentaw valur miżjud Ewropew qawwi, almenu għall-perjodu 2014-2020;

24.

japprova l-prinċipju li r-responsabbiltà għal kull kuritur tingħata lil “Koordinatur Ewropew” (Artikolu 51) li jaġixxi f’isem u għall-Kummissjoni bil-għan li jitħares l-interess tal-Unjoni billi jmexxi l-miżuri ppjanati fil-limiti tal-iskadenzi u l-finanzjamenti stabbiliti u billi jirrapporta dwar il-progress miksub u d-diffikultajiet li eventwalment jistgħu jinqalgħu, billi jaħdem fi spirtu ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha;

25.

jilqa’ bi pjaċir l-importanza li ngħatat lin-“nodi tan-netwerk ewlieni” (Artikolu 47) sabiex tinkiseb l-intermodalità, iżda jissuġġerixxi li jingħataw aktar dettalji u li tingħata definizzjoni aktar wiesgħa tal-kunċett ta’ “nodu urban” biex jiġu integrati ż-żoni loġistiċi u portwarji rilevanti (Artikolu 3(o));

26.

madankollu, iqis li n-netwerk ewlieni mhux biss għandu jintegra aħjar il-portijiet li huma importanti għall-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet tal-Istati Membri imma li jinsabu barra l-kurituri, iżda għandu jiżviluppa wkoll l-infrastrutturi li jaqdu l-konnessjonijiet mal-pajjiżi terzi – b’mod partikolari l-pajjiżi aderenti – billi jtejbu s-sinerġiji fuq l-art mal-awtostradi tal-baħar;

Trasport nadif, sostenibbli u intelliġenti

27.

huwa favur il-fatt li jiżdiedu l-isforzi biex issir bidla modali lejn it-trasport bil-ferroviji, minn mogħdijiet tal-ilma interni u dak marittimu;

28.

jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, flimkien mal-Unjoni Ewropea, għandhom jappoġġjaw il-modi ta’ trasport kollettiv b’mod ġenerali u t-trasport pubbliku b’mod partikolari, u jimplimentaw pjani ta’ mobbiltà urbana ġenwini sabiex tinqered il-konġestjoni fiċ-ċentri tal-bliet;

29.

iqis ukoll li ġestjoni separata tat-traport tal-passiġġieri u tat-trasport tal-merkanzija, li għandhom ħtiġijiet differenti, għandha tippermetti li l-funzjonament ta’ dawn iż-żewġ modi tat-trasport isir aktar effikaċi;

30.

jilqa’ bi pjaċir il-miżuri favur ġestjoni intelliġenti tat-traffiku (ERTMS, SESAR, IFS, SafeSeaNet, ITS) li huma essenzjali biex naslu għal sistema ta’ trasport Ewropew integrata;

Is-sistema ta’ governanza

31.

jenfasizza li Kummissjoni Ewropea għandu jkollha responsabbiltajiet wesgħin f’dawk li huma ġestjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet fil-proġetti TEN-T, għax hija biss tista’, flimkien mal-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej l-oħra, tiggarantixxi l-valur miżjud Ewropew u l-koerenza bejn il-proġetti kollha fil-kontinent Ewropew kollu sabiex jinħoloq netwerk verament Ewropew li jmur lil hinn mis-sempliċi interkonnessjoni tal-infrastrutturi nazzjonali;

32.

josserva li r-Regolament huwa konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u jagħti lill-Unjoni l-possibbiltà li tieħu miżuri adegwati sabiex twettaq dak li ma jistax isir b’mod sodisfaċenti fil-livelli nazzjonali u sottonazzjonali;

33.

japprova l-mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-miżuri li jieħu kull Stat rigward in-netwerk TEN-T biex il-Kummissjoni tkun mgħarrfa b’mod kontinwu mill-Istati Membri dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni u tal-investimenti approvati għal dan il-għan u l-prinċipju li kull sentejn il-Kummissjoni tippubblika rapport ta’ progress li jitressaq quddiem il-korpi rilevanti kollha tal-Unjoni. Huwa japprova wkoll il-possibbiltà li ngħatat lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati sabiex jitqies it-tibdil possibbli li jirriżulta mil-limiti kwantitattivi stabbiliti (Artikolu 54);

34.

jara bħala progress pożittiv il-prinċipju tal-governanza tal-kurituri (Artikolu 52) li jagħti r-responsabbiltà lil “Koordinatur Ewropew”, il-mod kif jintgħażel (Artikolu 51(2)), il-lista tar-responsabbiltajiet tiegħu (Artikolu 51(5)), kif ukoll il-possibbiltà mogħtija lill-Kummissjoni li tadotta deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni għall-kurituri tan-netwerk ewlieni (Artikolu 53(3));

35.

madankollu, bil-għan li l-proġetti inklużi fil-kuritur jiżviluppaw tajjeb, jitlob li jiżdiedu s-setgħat tal-“Koordinatur Ewropew”, li jrid ikun jista’ mhux biss iservi ta’ medjatur f’każ ta’ kunflitt, iżda wkoll javża lill-Kummissjoni u l-Parlament jekk jara li hemm ostaklu biex il-proġett jimxi ’l quddiem (Artikolu 51(5)(b));

36.

jilqa’ b’mod pożittiv il-ħolqien ta’ pjattaformi tal-kuritur responsabbli għad-definizzjoni tal-għanijiet ġenerali, it-tħejjija u s-superviżjoni tal-miżuri relatati mal-użu tal-kuritur (Artikolu 52), iżda huwa sorpriż bl-assenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-governanza tal-kurituri tan-netwerk ewlieni (Artikolu 52) u jappella biex il-preżenza tagħhom issir obbligatorja fil-pjattaformi tal-kuritur. Ir-raġuni għal din il-proposta hija r-responsabbiltajiet mifruxin li ngħataw lill-pjattaforma tal-kuritur kif ukoll ir-responsabbiltajiet u l-kompiti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala atturi essenzjali tal-politika tat-trasport, bħala kofinanzjaturi sikwit sinifikanti u bħala aġenti ta’ leġittimità demokratika li huma kapaċi jikkontribwixxu biex jiġi żgurat li l-proġetti jsiru;

37.

jinsisti fuq il-bżonn li l-bliet u r-reġjuni u l-prijoritajiet tagħhom jiġu inklużi fid-definizzjoni tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport b’mod li titqies is-sitwazzjoni partikolari ta’ kull reġjun; barra minn hekk, jenfasizza kemm il-livelli lokali u reġjonali għandhom jikkontribwixxu għall-inizjattivi maħsuba għat-trasport f’termini ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, ippjanar u finanzjament, b’mod partikolari biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni mal-pjani ta’ ġestjoni lokali u reġjonali;

38.

huwa mħasseb dwar l-importanza li ngħatat lill-kooperazzjoni mar-reġjuni kkonċernati fid-definizzjoni tal-proġetti tal-kurituri u jirrakkomanda li l-kooperazzjoni mal-partijiet interessati reġjonali tkun parti mill-kompiti tal-pjattaformi tal-kurituri u tkun ibbażata b’mod wiesgħa fuq l-għarfien tal-awtoritajiet reġjonali f’dawn l-oqsma. Għaldaqstant, l-iskadenza ta’ 6 xhur biex jiġu stabbiliti pjani ta’ żvilupp tal-kurituri ma tidhirx li hija koerenti mat-twettiq ta’ proċess ġenwin ta’ konsultazzjoni (Artikolu 53);

39.

jappella bil-qawwa għall-iffirmar ta’ “kuntratti ta’ programm” bejn l-Unjoni Ewropea, kull Stat Membru u r-reġjuni kkonċernati, b’mod simili għall-“patti territorjali”, li jiddefinixxu l-impenji reċiproċi tagħhom fil-qasam tal-finanzjament u l-iskeda għat-twettiq; dawn il-kuntratti ta’ programm m’għandhomx ikopru l-infrastrutturi li jagħmlu parti min-netwerk TEN-T biss, iżda wkoll l-infrastrutturi sekondarji li l-Istati Membri (jew ir-reġjuni) ser jimpenjaw ruħhom li jibnu sabiex in-netwerks prinċipali jkunu jistgħu jaħdmu tajjeb;

L-istrumenti finanzjarji

Il-prinċipji tal-finanzjament tan-netwerk TEN-T

40.

huwa konxju tal-importanza strateġika tan-netwerk TEN-T għall-vitalità tal-Unjoni u tal-isforz finanzjarju konsiderevoli li jimplika t-twettiq tiegħu; għalhekk, jitlob li jkun hemm rikors għal self Ewropew li jmur lil hinn bil-bosta mill-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li toħloq “bonds tal-proġetti” għall-finanzjament tal-infrastrutturi tat-trasport tal-UE, u li jagħmilha possibbli li jsir investiment massiv f’sistema Ewropea tat-trasport, indispensabbli għall-kompetittività tal-kontinent, għat-twettiq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 (speċjalment dawk ambjentali) u għar-rilanċ tal-ekonomija Ewropea f’dan il-perjodu ta’ kriżi;

41.

huwa inkwetat dwar il-livell ta’ finanzjament li fl-aħħar mill-aħħar ser jiġi adottat mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew fil-qafas finanzjarju multiannwali tal-Unjoni li jmiss. Id-diffikultajiet baġitarji attwali m’għandhomx ifissru li l-UE taqta’ qalbha milli tilħaq l-ambizzjonijiet tagħha dwar dawn il-proġetti li ser jiddefinixxu l-ġejjieni għax dan ikun ta’ ħsara;

42.

ifakkar kemm dawn l-investimenti massivi fit-TEN-T jeħtieġu rieda politika qawwija u kostanti fl-ogħla livell;

43.

jinsisti fuq il-ħtieġa li l-prijorità finanzjarja titqiegħed fuq il-konnessjonijiet nieqsa (speċjalment dawk transkonfinali) u l-punti ta’ konġestjoni;

44.

jilqa’ bi pjaċir il-livell ta’ kofinanzjament Ewropew li normalment ikun ta’ mhux aktar minn 20 % għat-twettiq tax-xogħlijiet fuq in-netwerk ewlieni, 40 % għall-proġetti transkonfinali marbutin mal-ferroviji u l-mogħdijiet tal-ilma interni, 50 % għall-ispejjeż tal-istudji u sa 50 % għas-sistemi ta’ trasport intelliġenti u għall-Istati Membri li jinsabu f’fażi ta’ tranżizzjoni;

45.

ifakkar fil-kontribut sinifikanti ta’ għadd ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali għall-finanzjament tat-TEN-T, apparti dak tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea, li jiġġustifika kompletament is-sehem attiv tagħhom fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ infrastruttura;

46.

iqis li biex ikunu jistgħu jitwettqu l-proġetti l-kbar hemm bżonn li l-kontribut Ewropew isir f’kuntratti fil-qafas ta’ pjanijiet ta’ finanzjament globali, li bħalissa ma jippermettux li jiġu allokati sussidji Ewropej li huma limitati għal perjodu baġitarju ta’ seba’ snin (li huwa inqas miż-żmien meħtieġ biex jitlestew proġetti kbar);

47.

jappoġġja l-prinċipju tal-finanzjament tan-netwerk ewlieni minn fond għall-infrastruttura u n-netwerk komprensiv minn riżorsi nazzjonali u reġjonali oħra, inkluż il-FEŻR; madankollu, ifakkar li l-politika ta’ koeżjoni trid tilħaq l-objettivi speċifiċi tagħha u li l-finanzjament tan-netwerk komprensiv fil-qafas tal-istrateġiji integrati ta’ żvilupp definiti fil-livell reġjonali bl-ebda mod ma jwassal biex il-politika ta’ koeżjoni tiġi implimentata fuq bażi settorjali;

48.

jistaqsi x’jista’ jkun l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali, speċjalment dwar il-fondi li dawn qed jallokaw għall-kofinanzjament tal-infrastrutturi tat-TEN-T. Dan l-impatt irid jiġi kkonfermat u vvalutat każ b’każ;

L-istrumenti ġodda ta’ finanzjament tan-netwerk TEN-T

49.

jappoġġja l-prinċipju li jkun hemm rikors għal sorsi ġodda ta’ finanzjament sabiex it-twettiq tal-miżuri favur it-TEN-T isir b’pass aktar mgħaġġel, biex ir-riskji jiġu ddiversifikati u biex l-investimenti privati jiġu involuti aktar, iżda jfakkar li dawn is-sorsi ġodda ta’ finanzjament potenzjali bl-ebda mod m’għandhom jieħdu post il-finanzjamenti tradizzjonali tal-Unjoni, iżda jikkompletawhom;

50.

huwa favur, sa ċertu punt, mal-iżvilupp ta’ sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) sakemm dawn jgħinu t-trasparenza tal-finanzjament u jgħinu lill-partijiet involuti jżommu mal-iskadenzi għat-twettiq tal-infrastrutturi; madankollu, ifakkar li l-PPPs mhumiex is-soluzzjoni għall-problemi kollha u jinsisti fuq il-ħtieġa li tingħata attenzjoni lill-kwistjoni tas-sjieda tal-infrastrutturi f’każ li dawn isiru f’qafas ta’ PPP;

51.

jappella biex tiġi introdotta, bla dewmien u fil-livell tal-Unjoni, taxxa fuq it-trasport ibbażata fuq il-prinċipju tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-modi tat-trasport li jniġġsu l-aktar, permezz ta’ tassazzjoni armonizzata li d-dħul minnha mbagħad jintuża għall-ħolqien ta’ infrastrutturi tat-trasport aktar sostenibbli (b’mod partikolari l-Eurovignette);

52.

jappella biex ma jingħatax il-ġenb lir-rwol tal-Bank Ewropew għall-Investiment li kull sena jiffinanzja madwar EUR 10 biljun għal proġetti marbutin mat-trasport u jibqa’ sors ta’ investiment sod għall-aktar proġetti kumplessi;

53.

jappoġġja l-istrument ta’ finanzjament il-ġdid tal-Unjoni msejjaħ “Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa” maħsub għall-finanzjament ta’ infrastrutturi Ewropej prijoritarji, u b’mod partikolari l-infrastrutturi tat-trasport, tal-enerġija u tat-teknoloġija diġitali broadband u jilqa’ l-effett ta’ lieva qawwi ta’ dan l-istrument;

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Emenda 1

Artikolu 3(o)

Ibdel it-test kif ġej

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(o)

“nodu urban” tfisser żona urbana fejn l-infrastruttura tat-trasport tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew hija konnessa ma’ partijiet oħra ta’ dik l-infrastruttura u mal-infrastruttura għat-traffiku reġjonali u lokali;

(o)

“nodu urban” tfisser żona urbana l-infrastruttura tat-trasport tan-netwerk trans-Ewropew hija konnessa ma’ partijiet oħra ta’ dik l-infrastruttura u mal-infrastruttura għat-traffiku reġjonali u lokali;

Raġuni

Huwa importanti li l-iżvilupp tan-netwerk ewlieni jintegra l-faċilitajiet loġistiċi lokali marbutin miegħu (portijiet, ajruporti, pjattaformi loġistiċi, terminals tal-merkanzija, eċċ.). Din il-proposta għat-tibdil fis-sentenza għandha l-għan li twassal din il-konnessjoni naturali.

Emenda 2

Artikolu 4(2)

Ibdel it-test kif ġej

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Artikolu 4

Għanijiet tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew

2.   Fl-iżvilupp tal-infrastruttura tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew, għandhom jiġu segwiti l-għanijiet li ġejjin:

(j)

infrastruttura tat-trasport li tirrifletti s-sitwazzjonijiet speċifiċi fil-partijiet differenti tal-Unjoni u tipprovdi għal kopertura bilanċjata tar-reġjuni Ewropej, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda u oħra periferiċi;

Artikolu 4

Għanijiet tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew

2.   Fl-iżvilupp tal-infrastruttura tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew, għandhom jiġu segwiti l-għanijiet li ġejjin:

(j)

infrastruttura tat-trasport li tirrifletti s-sitwazzjonijiet speċifiċi fil-partijiet differenti tal-Unjoni u tipprovdi għal kopertura bilanċjata tar-reġjuni Ewropej, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda u oħra periferiċi;

Raġuni

Minħabba l-problemi ta’ aċċessibbiltà li jolqtu liż-żoni muntanjużi, it-TEN-T għandu jqis dawn iż-żoni bl-istess mod li jqis żoni vulnerabbli oħra, bħaż-żoni periferiċi u dawk l-aktar imbiegħda.

Emenda 3

Artikolu 9(3)

Ibdel it-test kif ġej

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li n-netwerk komprensiv jitlesta u jkun jikkonforma kompletament mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan il-Kapitolu mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2050.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li n-netwerk komprensiv jitlesta u jkun jikkonforma kompletament mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan il-Kapitolu mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2050.

Raġuni

Ta’ sikwit l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom id-dritt iżda mhux l-għodod meħtieġa biex jikkonfrontaw lill-Istati li jirrifjutaw li jżommu mal-obbligi li jkunu ntrabtu bihom. Ir-relatur jissuġġerixxi li jitfasslu “kuntratti ta’ programm” fuq linji simili għall-patti territorjali.

Emenda 4

Artikolu 45(1)

Ibdel it-test kif ġej

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Artikolu 45

Rekwiżiti

1.   In-netwerk ewlieni għandu jirrifletti d-domanda tat-traffiku li tkun qiegħda tevolvi u l-ħtieġa għal trasport multimodali. Għandhom jiġu kkunsidrati teknoloġiji avvanzati u miżuri regolatorji u ta’ governanza għall-ġestjoni tal-użu tal-infrastruttura sabiex jiġi garantit użu b’effiċjenza tar-riżorsi tal-infrastruttura tat-trasport u ssir provvista għal kapaċità suffiċjenti.

Artikolu 45

Rekwiżiti

1.   In-netwerk ewlieni għandu jirrifletti d-domanda tat-traffiku li tkun qiegħda tevolvi u l-ħtieġa għal trasport multimodali. Għandhom jiġu kkunsidrati teknoloġiji avvanzati u miżuri regolatorji u ta’ governanza għall-ġestjoni tal-użu tal-infrastruttura sabiex jiġi garantit użu b’effiċjenza tar-riżorsi tal-infrastruttura tat-trasport u ssir provvista għal kapaċità suffiċjenti

Raġuni

It-trasport tal-merkanzija għandu jkollu infrastruttura li tippermettilu jkun effikaċi, b’kapaċità suffiċjenti u prijorità fuq it-trasport tal-passiġġieri.

Emenda 5

Artikolu 46(3)

Ibdel it-test kif ġej

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

3.   Bla ħsara għall-Artikolu 47(2) u (3), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li n-netwerk ewlieni jitlesta u jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu l-iktar tard sal-31 ta’ Diċembru 2030.

3.   Bla ħsara għall-Artikolu 47(2) u (3), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li n-netwerk ewlieni jitlesta u jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu l-iktar tard sal-31 ta’ Diċembru 2030.

Raġuni

Ta’ sikwit l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom id-dritt iżda mhux l-għodod meħtieġa biex jikkonfrontaw lill-Istati li jirrifjutaw li jżommu mal-obbligi li jkunu ntrabtu bihom. Ir-relatur jissuġġerixxi li jitfasslu “kuntratti ta’ programm” fuq linji simili għall-patti territorjali.

Emenda 6

Artikolu 47

Ibdel it-test kif ġej

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Artikolu 47

Nodi tan-netwerk ewlieni

1.   In-nodi tan-netwerk ewlieni huma stabbiliti fl-Anness II u jinkludu:

nodi urbani, inklużi l-portijiet u l-ajruporti tagħhom;

il-portijiet marittimi;

il-punti ta’ qsim minn konfini għall-ieħor f’pajjiżi tal-viċinat.

Artikolu 47

Nodi tan-netwerk ewlieni

1.   In-nodi tan-netwerk ewlieni huma stabbiliti fl-Anness II u jinkludu:

nodi urbani, inklużi l-portijiet, l-ajruporti;

il-portijiet marittimi;

il-punti ta’ qsim minn konfini għall-ieħor f’pajjiżi tal-viċinat.

Raġuni

Sabiex jiġi assigurat trasport effikaċi tal-passiġġieri u tal-merkanzija, huwa essenzjali li, b’konformità mad-definizzjoni proposta mir-relatur (Emenda 1 tal-abbozz ta’ opinjoni, fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, li tiddefinixxi t-terminu “nodu urban”), in-nodi urbani tan-netwerk prinċipali jkunu jinkludu l-faċilitajiet loġistiċi lokali kollha (portijiet, ajruporti, pjattaformi loġistiċi, terminals tal-merkanzija, eċċ.).

Emenda 7

Artikolu 51(5)(b)

Ibdel it-test kif ġej

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

5.   Il-Koordinatur Ewropew għandu: […]

(b)

jirrapporta lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u, skont kif xieraq, lill-entitajiet l-oħra kollha involuti direttament fl-iżvilupp tal-kuritur tan-netwerk ewlieni dwar kwalunkwe diffikultà li tinħoloq u jikkontribwixxi sabiex jinstabu soluzzjonijiet xierqa;

5.   Il-Koordinatur Ewropew għandu: […]

(b)

jirrapporta lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u, skont kif xieraq, lill-entitajiet l-oħra kollha involuti direttament fl-iżvilupp tal-kuritur tan-netwerk ewlieni dwar kwalunkwe diffikultà li tinħoloq u jikkontribwixxi sabiex jinstabu soluzzjonijiet xierqa ;

Raġuni

Sabiex jiġi żgurat li l-proġetti inklużi fil-kurituri jimxu tajjeb, ir-relatur jissuġġerixxi li jiżdiedu (jew jiġu ċċarati) is-setgħat mogħtija lill-Koordinatur Ewropew. F’każ li jkun hemm dewmien, il-Koordinatur jista’ javża lill-Kummissjoni biex din titlob lill-Istati kkonċernati jagħtu r-raġunijiet għal dan id-dewmien u jadottaw miżuri adegwati fir-rispett tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

Emenda 8

Artikolu 52(1)

Ibdel it-test kif ġej

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(1)   Għal kull kuritur tan-netwerk ewlieni, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jistabbilixxu pjattaforma tal-kuritur responsabbli għad-definizzjoni tal-għanijiet ġenerali tal-kuritur tan-netwerk ewlieni u għat-tħejjija u s-superviżjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 53(1).

(1)   Għal kull kuritur tan-netwerk ewlieni, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jistabbilixxu pjattaforma tal-kuritur għad-definizzjoni tal-għanijiet ġenerali tal-kuritur tan-netwerk ewlieni għat-tħejjija u s-superviżjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 53(1).

Raġuni

Fid-dawl tal-pjani sabiex jinħatar Koordinatur Ewropew b’setgħat imsaħħa, huwa opportun li dan jingħata r-responsabbiltà li jistabbilixxi l-pjattaforma tal-kuritur; fil-fatt, b’hekk jiġi evitat il-bżonn ta’ negozjati li jieħdu l-ħin bejn l-Istati Membri.

Emenda 9

Artikolu 52(2)

Ibdel it-test kif ġej

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

2.   Il-pjattaforma tal-kuritur għandha tkun magħmula minn rappreżentanti tal-Istati Membri kkonċernati u, skont kif xieraq, entitajiet pubbliċi u privati oħra. Fi kwalunkwe każ, il-maniġers tal-infrastruttura rilevanti kif definiti fid-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (1) għandhom jipparteċipaw fil-pjattaforma tal-kuritur.

2.   Il-pjattaforma tal-kuritur għandha tkun magħmula minn rappreżentanti tal-Istati Membri kkonċernati u, skont kif xieraq, entitajiet pubbliċi u privati oħra. Fi kwalunkwe każ, il-maniġers tal-infrastruttura rilevanti kif definiti fid-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (1) għandhom jipparteċipaw fil-pjattaforma tal-kuritur.

Raġuni

Bħala kofinanzjaturi importanti tan-netwerks tat-trasport, ir-reġjuni għandhom jiġu involuti awtomatikament fil-pjattaformi li jamministraw il-kurituri tan-netwerk ewlieni.

Emenda 10

Artikolu 53(1)

Ibdel kif ġej

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Għal kull kuritur tan-netwerk ewlieni, l-Istati Membri kkonċernati, b’kooperazzjoni mal-pattaforma tal-kuritur, għandhom ifasslu u jinnotifikaw b’mod konġunt lill-Kummissjoni pjan ta’ żvilupp tal-kuritur fi żmien sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Għal kull kuritur tan-netwerk ewlieni, l-Istati Membri kkonċernati, b’kooperazzjoni mal-pattaforma tal-kuritur, għandhom ifasslu u jinnotifikaw b’mod konġunt lill-Kummissjoni pjan ta’ żvilupp tal-kuritur fi żmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Raġuni

L-iskadenza ta’ 6 xhur biex jiġu stabbiliti pjani ta’ żvilupp tal-kurituri ma tidhirx koerenti mat-twettiq ta’ proċess ġenwin ta’ konsultazzjoni (Artikolu 53(1)). Il-liġi f’diversi pajjiżi tal-Unjoni tippermetti li n-nies jiġu involuti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet marbutin mal-infrastrutturi pubbliċi. Dawn il-fażijiet ta’ konsultazzjoni huma twal u normalment idumu aktar minn 6 xhur. Huwa importanti li t-test propost itawwal l-iskadenzi biex ikunu kompatibbli mal-organizzazzjoni tal-fażijiet ta’ konsultazzjoni previsti mil-leġislazzjonijiet nazzjonali.

Brussell, 3 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  ĠU L 75, 15.3.2001, p. 29.