31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/32


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020”

COM(2011) 398 final — 2011/0177 (APP)

u dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Baġit għall-Ewropa 2020”

COM(2011) 500 final

2012/C 229/06

Relatur: is-Sur PALMIERI

Korelatur: is-Sur KRAWCZYK

Nhar id-29 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Baġit għall-Ewropa 2020

COM(2011) 500 final.

Nhar id-19 ta’ Ottubru 2011, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020

COM(2011) 398 final — 2011/0177 (APP)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tal-24 ta’ Mejju 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’165 vot favur, 9 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat jifhem l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex tipprova tasal għal bilanċ fir-rigward tal-qafas finanzjarju multiannwali ġdid (QFM) li jindirizza żewġ ħtiġijiet opposti fi klima soċjali, ekonomika u politika kumplessa. L-ewwel ħtieġa hija r-rieda min-naħa ta’ xi Stati Membri li jillimitaw in-nefqa pubblika minħabba l-kriżi, u din inevitabbilment se tinfluwenza l-evoluzzjoni tad-dibattitu u l-kontenut tal-ftehim finali. It-tieni hija n-neċessità li jiġu indirizzati b’mod adegwat u effikaċi l-isfidi ambizzjużi li l-UE qed tiffaċċja, kemm dawk li joriġinaw mit-Trattat ta’ Lisbona kif ukoll dawk mill-Istrateġija Ewropa 2020.

1.2   Fil-fatt, l-Ewropa qiegħda f’qagħda diffiċli minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika serja kif ukoll minħabba nuqqas ta’ reazzjoni komuni fl-Istati Membri diversi biex tiġi ffaċċjata l-kriżi. Dan jista’ jwassal biex ikun hemm dubji dwar il-funzjonament u anke l-prospettivi tal-Unjoni Ewropea.

1.3   F’opinjonijiet preċedenti, il-Kumitat stqarr, u qed jerġa’ jtenni, bi qbil mal-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, li l-isfidi ambizzjużi tal-UE jagħmlu t-tkabbir tad-daqs tal-baġit Komunitarju mhux biss awspikabbli iżda meħtieġ biex it-tkabbir u l-impjiegi jingħataw ħajja ġdida. Il-Kumitat jaqbel mal-messaġġ li għandna bżonn ta’ aktar Ewropa (u aqwa) u mhux inqas. Għal kuntrarju, l-iffriżar tal-QFM f’termini reali fil-livell attwali jista’ jfisser il-falliment li jiġu indirizzati l-isfidi li l-UE jkollha tiffaċċja fis-snin li ġejjin.

1.4   Għaldaqstant, il-Kummissjoni tidher li hija orjentata wisq lejn approċċ fejn jinżamm l-istatus quo, kemm fir-rigward tar-riżorsi allokati kif ukoll l-istruttura tal-baġit, u minn dan żbilanċ bejn id-dimensjoni u l-kwalità tal-isfidi l-ġodda li qed tiffaċċja l-UE u r-riżorsi disponibbli, jew, fi kliem ieħor, bejn l-ambizzjonijiet tal-Ewropa u l-mezzi li għandha biex twettaqhom.

1.5   Barra minn hekk il-KESE jaħseb li d-diskussjoni dwar ir-reviżjoni tal-baġit tal-UE trid tiffoka fuq kemm hija effettiva f’termini tal-proġett politiku tal-UE, li issa hemm dubji serji dwaru minħabba fil-kriżi. Kull valutazzjoni tal-qafas finanzjarju multiannwali għandha tkun ibbażata fuq kif l-UE tingħata l-mezzi meħtieġa biex issegwi l-prijoritajiet strateġiċi tagħha mingħajr ma żżid il-piż fiskali taċ-ċittadini u n-negozji, jiġifieri kemm jista’ jikber il-valur miżjud (1) fil-livell Ewropew bl-istess piż fuq iċ-ċittadini Ewropej.

1.6   Fid-dettal tal-proposta, il-Kumitat jaqbel mat-titjib u s-semplifikazzjoni tal-istruttura baġitarja tal-UE, b’tali mod li d-dibattitu dwar il-kwistjonijiet ta’ ritorn ġust u l-ekwità orizzontali bejn l-Istati Membri jonqos sostanzjalment, u minflok l-attenzjoni tkun fuq it-twettiq effikaċi tal-objettivi strateġiċi Ewropej.

1.7   Min-naħa tad-dħul, innovazzjoni kbira hija l-proposta biex tiġi introdotta sistema ġdida ta’ riżorsi proprji, mit-tibdil fir-riżors tal-VAT u t-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF). Il-Kumitat diġà approvaha bil-għan li nduru lura għall-ispirtu oriġinali tat-Trattat ta’ Ruma (2) u l-UE tingħata awtonomija finanzjarja adatta.

1.7.1   Il-Kumitat jappoġġja t-tibdil tar-riżors proprju tal-VAT sabiex jikkontribwixxi għal żvilupp tas-suq intern tal-UE li jevita d-distorzjonijiet ekonomiċi fl-Istati Membri. Madankollu, jiġbed l-attenzjoni li fil-proposta tal-Kummissjoni m’hemmx data preċiża dwar il-bidliet fl-istruttura tal-VAT u dwar x’ser ifissru dawn il-bidliet f’termini monetarji għal kull Stat Membru. Filwaqt li l-Kumitat itenni dak li qal dwar il-bżonn tal-implimentazzjoni tat-TTF fil-livell globali, jisħaq li (permezz ta’ rata minima li tapplika għall-Istati Membri kollha) l-introduzzjoni tat-TTF fil-livell Ewropew tippermetti kontribut ikbar tas-settur finanzjarju għall-baġits tal-UE u tal-Istati Membri kif ukoll tnaqqis fil-volatilità ekonomika li tirriżulta minn azzjonijiet purament spekulattivi.

1.8   Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 se jkunu meħtieġa għadd sostanzjali ta’ riżorsi lil hinn minn dawk previsti mill-QFM; il-Kumitat għalhekk jirrakkomanda li tiġi studjata l-idea li jinħolqu strumenti finanzjarji innovattivi li jkopru dawn l-investimenti (Bonds fuq proġetti), anke jekk biss bħala segwitu ta’ valutazzjoni ddettaljata tal-konsegwenzi eventwali u tat-trasferiment possibbli tar-riskju għas-settur pubbliku.

1.9   Min-naħa tan-nefqa, il-prijoritajiet identifikati mill-Kummissjoni jeħtieġu risposta li tista’ tingħata biss fil-livell tal-UE: dan hu speċifikament “il-valur miżjud Ewropew”, fejn euro li tintefaq fil-livell tal-UE hija aktar effettiva minn waħda li tintefaq fil-livell nazzjonali. Dawn huma “beni pubbliċ Ewropej”, li ma’ jistgħux jitwasslu b’mod effikaċi fil-livell nazzjonali (minħabba fallimenti tas-suq jew ekonomiji ta’ skala li ma jistgħux jiġu riprodotti fil-livell nazzjonali) u għalhekk jeħtieġu interventi effettivi mill-UE.

1.10   F’dan ir-rigward, il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riforma tal-PAK, li għandha ħsieb li twassal għal mudell Ewropew tal-agrikoltura effiċjenti u effikaċi u valur miżjud ġenwin għall-UE. Il-Kumitat diġà esprima, u qed itenni hawnhekk, it-twemmin sod tiegħu li l-PAK – flimkien mal-politika komuni tas-sajd (PKS) – għandhom jitfasslu b’mod li jsaħħu r-rabta bejn l-agrikoltura, il-foresterija u s-sajd fuq naħa u l-ħarsien ambjentali u s-sostenibbiltà tar-riżorsi naturali fuq in-naħa l-oħra. Dan għandu jippermetti biex jiġu valutati l-prattiki ambjentali tajba mingħajr ma jitħalla barra l-appoġġ għall-vitalità ekonomika u l-kompetittività tal-intrapriżi agrikoli u tas-sajjieda, f’xenarju kkaratterizzat minn volatilità qawwija tal-prezzijiet tal-prodott primarji.

1.11   Fir-rigward tas-sistema tal-pagamenti diretti, il-KESE jenfasizza li l-mira li jiġu armonizzati l-kondizzjonijiet kompetittivi tal-bdiewa Ewropej u li tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-Istati Membri l-ġodda trid titwettaq permezz ta’ valutazzjoni bir-reqqa tal-effetti li jistgħu jaħllu impatt fuq l-Istati Membri kollha. Sabiex jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jista’ jkollhom konsegwenzi soċjali, għandu jiġi żgurat li l-ebda Stat Membru ma jkun irċieva pagamenti diretti inqas minn 90 % tal-medja tal-UE27 fi tmiem il-qafas finanzjarju għall-perjodu 2014-2020.

1.12   L-Artikolu 174 tat-Trattat ta’ Lisbona għandu jkun il-prinċipju gwida għall-futur tal-Politika ta’ Koeżjoni: “… l-Unjoni għandha jkollha l-għan li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni li huma anqas favoriti.”

1.13   Rigward il-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li l-attenzjoni fuq ftit prioritajiet ewlenin tal-UE hija konvinċenti, il-Kumitat huwa kontra l-applikazzjoni ta’ kondizzjonalità makroekonomika għat-tqassim tal-fondi mmirati għall-politiki ta’ koeżjoni. Barra minn hekk, huwa tal-fehma li l-introduzzjoni tal-kategorija l-ġdida “reġjuni ta’ tranżizzjoni” minflok il-kategoriji “introduzzjoni gradwali” jew “tneħħija gradwali” m’għandhiex tippenalizza r-riżorsi għar-reġjuni l-anqas żviluppati, u li l-Fond ta’ Koeżjoni m’għandhux jintuża b’mod mhux adatt għal kompiti oħrajn li huma barra mill-ambitu oriġinali. Madanakollu, eċċezzjonalment, il-fondi li jifdal mill-qafas 2007-2013 jistgħu jintużaw sabiex jiffinanzjaw qafas Ewropew għat-tkabbir imniedi mill-Unjoni. Dan jista’ jsir ukoll u għal perjodu limitat, pereżempju l-ewwel tliet snin, għall-fondi tal-qafas li jmiss tal-2014-2020.

1.14   Il-Kumitat jemmen li, jekk l-għanijiet tal-QFM il-ġdid ser jintlaħqu b’mod effettiv, il-baġit tal-UE għandu jkun eżemplari, effiċjenti, effikaċi u trasparenti, ħalli jikseb il-kredibbiltà fl-għajnejn il-pubbliku Ewropew u jservi ta’ eżempju ċar kemm tal-vantaġġi tal-Ewropa kif ukoll tal-ispiża marbuta man-nuqqas ta’ Ewropa. Għalhekk, il-Kumitat jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ sistema li titwaqqaf jew tiġi implimentata biex tissorvelja r-riżultati tal-politiki kollha tal-UE biex tivvaluta l-impatt soċjali, ekonomiku u reġjonali tagħhom.

1.15   Filwaqt li jqis il-proposti tal-Kummissjoni bħala punt ta’ tluq għan-negozjati attwali, u fuq il-bażi tar-rakomandazzjonijiet li saru f’din l-opinjoni, il-Kumitat jieħu impenn li jissorvelja u jikkummenta dwar kif dawn jissarrfu f’tibdil leġislattiv.

2.   Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal qafas finanzjarju multiannwali 2014-2020

2.1   Din l-opinjoni hija dwar il-Proposta għal-Regolament tal-Kunsill COM(2011) 398 final. Dan hu l-att implimentattiv tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea COM(2011) 500 final tad-29 ta’ Ġunju 2011 – Baġit għal Ewropa 2020 u bħala tali jistabbilixxi l-Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFM) 2014-2020.

2.2   B’mod globali il-QFM jirrigwarda EUR 1 025 bn, li huma ekwivalenti għal 1,5 % tad-dħul nazzjonali gross (DNG), flimkien ma’ EUR 58,5 bn oħra għal spejjeż li mhumiex tal-QFM (Fond tal-Iżvilupp Ewropew u Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni). It-total huwa kważi l-istess – jekk tneħħi l-inflazzjoni – bħall-QFM tal-perjodu preċedenti (2007-2013), li kien iffissat għal EUR 994 bn.

2.3   Il-bidliet fuq in-naħa tal-ispiża huma:

is-semplifikazzjoni permezz ta’ programmi u miri inqas biex tonqos il-burokrazija żejda għar-riċevituri u biex titħaffef il-valutazzjoni tal-impatt;

it-tnaqqis fir-riżorsi tal-fondi strutturali (FEŻR, FSE, Fond tal-Koeżjoni) li – mill-valur bażiku tal-mekkaniżmu “Nikkollegaw l-Ewropa” – jgħaddu minn EUR 355 bn għal 336 bn, bil-ħolqien ta’ kategorija ġdida “reġjun ta’ tranżizzjoni” li tieħu post is-sistema attwali ta’ tneħħija gradwali u introduzzjoni gradwali;

il-ħolqien ta’ Qafas Strateġiku Komuni għall-fondi strutturali u għall-iżvilupp rurali u s-sajd, u Orizzont 2020, li jkopri r-riċerka u l-innovazzjoni, bis-sehem ewlieni tal-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija;

Faċilità ġdida Nikkollegaw l-Ewropa għal trasport fuq skala kbira, enerġija, u netwerks tal-ICT (EUR 40 bn mill-Fond tal-Koeżjoni);

it-tnedija tar-riforma tal-PAK u tnaqqis żgħir fid-daqs tagħha fil-perċentwali fuq il-baġit globali (60 bn fis-sena) u f’termini reali (3), kif ukoll rabta aktar mill-qrib mat-tibdil ambjentali (ekoloġizzar) u l-impenn għal flessibbiltà akbar;

żjieda fil-fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni u għall-edukazzjoni u t-taħriġ (EUR 80 bn).

2.4   Min-naħa tad-dħul, qed tiġi proposta bidla gradwali minn baġit iddominat mill-kontributi bbażati fuq id-Dħul Nazzjonali Gross (DNG) lejn waħda armonizzata msejsa fuq riżorsi ġenwinament proprji u b’mekkaniżmi ta’ korrezzjoni mġedda. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tipproponi li tneħħi r-riżorsi attwali bbażati fuq il-VAT u minflokhom – tal-anqas mill-2018 – iddaħħal sistema ta’ riżorsi proprji bbażata fuq l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF) u taxxa ġdida fuq il-valur miżjud (VAT) li tista’ ssaħħaħ l-armonizzazzjoni tas-sistemi nazzjonali varji u tneħħi l-eżenzjonijiet u d-derogi.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Jidher ċar l-isforz tal-Kummissjoni li toħloq bilanċ fuq il-QFM il-ġdid fi żmien li huwa partikolarment diffiċli għat-tħaddim u l-futur tal-UE, kemm minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika tal-Ewropa kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ qbil fir-reazzjoni mill-Istati Membri. Dan huwa bilanċ bejn talbiet opposti li t-tnejn għandhom l-importanza tagħhom: fuq naħa, il-klima tal-awsterità li nħolqot mill-kriżi u bħala konsegwenza, ir-rieda li tiġi limitata n-nefqa pubblika, li inevitabbliment ser tkompli tinfluwenza d-dibattitu u s-sustanza tal-ftehim aħħari; u min-naħa l-oħra, id-disponibbiltà ta’ riżorsi finanzjarji adegwati sabiex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi ambizzjużi li qed tiffaċċja l-UE.

3.2   Għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni Baġit għall-Ewropa 2020 trid tidher fid-dawl tal-kuntest ekonomiku attwali u s-sitwazzjoni politika. Filwaqt li kull diskussjoni dwar il-baġit tal-UE ma tistax ma tiqafx fuq ir-rwol tal-integrazzjoni tal-UE illum biex inkunu nistgħu nilqgħu l-isfidi ta’ dinja fi tranżizzjoni, irridu nifhmu wkoll kemm l-Istati Membri huma lesti li jagħrfu u jassiguraw dan ir-rwol lill-UE.

3.2.1   In-negozjati iebsa li wasslu għall-QFM 2007-2013, kif ukoll id-diffikultajiet fl-adozzjoni tal-baġit tal-UE 2011 u l-ittra lill-President tal-Kummissjoni s-Sur Barroso ffirmata minn disa’ kapijiet ta’ gvern ta’ Istati Membri (4) fis-sajf tal-2011, jissuġġerixxu li tal-anqas numru sinifikanti ta’ pajjiżi jridu impenn finazjarju Ewropew kemm jista’ jkun minimu, li x’aktarx iwassal – għal darb’oħra – għal negozjati delikati u kumplessi.

3.3   Madankollu, f’sitwazzjoni li fiha l-UE għandha quddiema sfidi akbar u aktar iebsin (ekonomiċi, finanzjarji, kriżi soċjali, kompetittività, tibdil fil-klima, eċċ.), il-proposta tal-Kummissjoni tidher li qed tfittex wisq li żżomm l-affarijiet kif inhuma. Fi kliem ieħor jidher li qed tinkorpora n-nuqqas ta’ qbil bejn in-natura u l-iskala tal-isfidi l-ġodda li l-UE għandha quddiema u r-riżorsi disponibbli – jiġifieri bejn l-ambizzjonijiet Ewropej u l-mezzi biex jintlaħqu.

3.4   Il-Kumitat preċedentement stqarr (5) u qed jerġa’ jtenni li ż-żjieda fil-baġit tal-UE mhux biss hija awspikabbli imma meħtieġa minħabba fl-iskala tal-isfidi l-ġodda li jeħtieġu risposta komuni: “Ir-reviżjoni tal-baġita tal-UE mhijiex kwistjoni ta’ numri iżda strument għal proġett politiku. Illum il-ġurnata l-Unjoni Ewropea m’għandhiex il-mezzi baġitarji biex timplimenta la l-istrateġija politika tagħha u lanqas l-impenji tagħha mogħtija mit-Trattat ta’ Lisbona l-ġdid”.

3.4.1   Hawnhekk nixtiequ ntennu l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew li s-soluzzjoni għall-kriżi u l-isfidi li għandha quddiema l-UE hija Ewropa aktar preżenti u mhux inqas. Minn din il-perspettiva, l-iffriżar tal-QFM f’termini reali fil-livell attwali – kif qed tipproponi l-Kummissjoni – jfisser il-falliment li jiġu indirizzati ħafna mill-isfidi li l-UE jkollha tiffaċċja fis-snin li ġejjin. Għaldaqstant, huwa qed jappella għal żjieda ta’ 5 % fir-riżorsi fil-QFM li jmiss, filwaqt li jisfida lill-Kunsill – jekk jiddeċiedi mod ieħor – biex jiċċara l-prijoritajiet politiċi u l-proġetti li jkollhom jitneħħew, minkejja l-prova li taw ta’ valur miżju Ewropew fil-perjodu 2014-2020 (6).

3.4.2   Bl-istess mod, il-Kumitat tar-Reġjuni “jemmen li l-livell ta’ finanzjament propost għalhekk għandu jiġi kkunsidrat bħala l-minimu assolut meħtieġ biex jinkisbu l-ambizzjonijiet li l-Istati Membri qablu dwarhom għall-Unjoni”, u “li hemm bżonn bidla fil-perċezzjoni, partikolarment fost it-Teżori nazzjonali, biex il-kompiti ewlenin tal-UE jiġu kkunsidrati bħala investiment minflok bħala spiża” (7) .

3.4.3   Barra minn hekk, it-tibdil li jdaħħal it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jfisser li l-istabbiliment tal-QFM 2013-2020 m’għadux ir-responsabbiltà esklissiva tal-Kummissjoni u l-gvernijiet tal-Istati Membri peress li l-Parlament Ewropew għandu influwenza akbar f’kuntest ta’ trasparenza demokratika. Dan l-arranġament il-ġdid jipprovdi opportunitajiet għas-soċjetà ċivili – u b’hekk b’mod partikolari għall-KESE – li jissorveljaw it-tħejjija tal-QFM il-ġdid u biex jieħu sehem attiv fid-dibattitu b’koordinazzjoni mill-viċin mal-Parlament Ewropew.

3.5   Konsegwentement, il-KESE jimpenja ruħu biex jimmonitorja u jintervjeni fil-proċess tan-negozjati li permezz tiegħu l-proposta tal-Kummissjoni tiġi tradotta b’mod konkret f’bidliet leġislattivi. Ir-rwol tal-QFM huwa li jagħti lill-UE l-mezzi neċessarji biex twettaq il-prijoritajiet tagħha mingħajr ma jiżdied il-piż fiskali taċ-ċittadini u l-intrapriżi, u għandu jiġi vvalutat, neċessarjament, skont dawn il-kriterji.

3.6   Għaldaqstant, attenzjoni akbar lir-riżultati, trid twassal għal bidla fl-attenzjoni mir-rispett formali tar-regoli – kollha dwar l-ammont tan-nefqa – għal kontrol ġenwin ta’ kemm il-fondi qed jintużaw b’mod tajjeb u effettiv biex jilħqu r-riżultati, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-politika ta’ koeżjoni u l-PAK. Din il-bidla fil-viżjoni, ifformulata b’mod espliċitu fl-idea ta’ valur miżjud akbar fin-nefqa tal-UE, tirrikjedi approċċ koerenti kemm fil-mekkaniżmi tal-ġestjoni kif ukoll f’dawk tal-kontroll.

3.7   M’għandniex ninsew li għalkemm il-baġit tal-UE jammonta għal madwar 1.1 % tad-DNG, fuq il-perjodu 2007-2013 jirrappreżenta allokazzjonijiet importanti ta’ riżorsi għall-investimenti, li jekk jintużaw tajjeb, jistgħu joffru lieva importanti għat-tkabbir ekonomiku tal-UE. Għalhekk il-KESE jittama li jissaħħu s-sinerġiji t-tajbin bejn il-baġit tal-UE u l-baġits nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-għanijiet strateġiċi ewlenin tal-Ewropa.

3.8   Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li l-QFM 2014-2020 jispira l-fiduċja u l-kredibilità fiċ-ċittadini Ewropej, filwaqt li jenfasizza kemm il-vantaġġi tal-Ewropa kif ukoll x’tiġi tiswa l-assenza tal-Ewropa. Biex dan isir, il-baġit tal-UE jrid ikun:

ġestit tajjeb u ma jissarrafx fi spejjeż amministrattivi eċċessivi;

effiċjenti fl-iffrankar li jsir fil-QFM attwali;

effikaċi fil-faċilitar tal-mod kif jilħaq il-miri stabbiliti u jkollu impatt viżibbli fuq il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej;

trasparenti u sorveljabbli f’kull aspett li jirrigwarda l-ispejjeż, ir-riżorsi użati u r-riżultati li jinkisbu;

immirat lejn ir-rispett tal-priniċpji Komunitarji tas-solidarjetà, il-kompetizzjoni ġusta u l-kompetittività.

3.9   Il-KESE jemmen li d-diskussjoni tal-validità tal-proposta tal-Kummissjoni hija possibbli biss jekk il-proposta tiġi vvalutata biex tassigura:

il-valur miżjud tagħha Ewropew u l-prijoritajiet strateġiċi korretti;

il-kapaċità li taġixxi għall-isfidi tal-kriżi filwaqt li tmexxi l-Ewropa lejn strateġija ta’ żvilupp solidari, fid-dawl tat-tendenza tal-Istati Membri li jnaqqsu l-infiq pubbliku nazzjonali.

3.9.1   Rigward il-valur Ewropew miżjud, il-Kummissjoni tidentifika l-prijoritajiet importanti li għalihom tista’ tingħata risposta biss fil-livell tal-UE. Dawn jikkonċernaw “Beni pubbliċi Ewropej” – oqsma ta’ azzjoni li fihom euro minfuqa fil-livell tal-UE hija aktar effikaċi minn waħda minfuqa fil-livell nazzjonali.

3.9.2   Fost il-beni pubbliċi Ewropej hemm ir-riċerka u l-iżvilupp, id-difiża komuni, is-sigurtà tal-ikel, l-immigrazzjoni u d-dritt għall-ażil, l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, u investiment fl-infrastruttura pan-Ewropea fl-enerġija, il-komunikazzjonijiet u s-suq uniku (li għad irid jitlesta). Il-QFM 2014-2020 għandu żidiet importanti fl-allokazzjonijiet tal-baġit għal dawn l-oqsma strateġiċi meta mqabbel mal-predeċessur tiegħu 2007-2013, minkejja l-baġit awster.

3.9.3   Għalkemm il-KESE jagħraf l-importanza tal-innovazzjoni fil-proposta tal-Kummissjoni, ikollu jindika li ma kien hemm l-ebda dibattitu dwar dawn il-prijoritajiet. Ir-riskju li jsegwi huwa li l-baġit tal-UE ma jirnexxilux b’dan il-mod jindirizza b’mod dirett il-kwistjonijiet kruċjali li jirriżultaw mill-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali u jibqa’ soġġett għall-pressjoni ta’ gruppi speċifiċi ta’ interess.

3.10   F’dan il-kuntest delikat, il-KESE jtenni (8) li l-politika baġitarja tal-UE trid tiġi definita b’mod konsistenti mal-għażla fundamentali bejn il-federaliżmu u s-sistema intergovernattiva, u b’hekk isegwi l-livell mixtieq ta’ integrazzjoni. B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ritorn ġust għall-Istati Membri huwa bbażat fuq kontabbiltà tar-riżorsi finanzjarji f’termini tal-PDG, li jmur kontra l-ittra u l-ispirtu tat-tratti tal-UE.

3.10.1   Is-sistema attwali ta’ riżorsi, abbażi tal-kontributi tal-Istati Membri, fil-fatt hija kumplessa u ftit li xejn trasparenti, u ddgħajjef l-eżerċizzju tal-kontroll demokratiku fuq is-sistema nnifisha; ma tgħinx biex jiġi enfasizzat l-impenn favur l-integrazzjoni Ewropea; toħloq il-perċezzjoni li l-kontribut mogħti lill-UE huwa biss spiża oħra għall-baġits nazzjonali u għaldaqstant tillimita r-riżorsi disponibbli għall-politiki Komunitarji; ma tweġibx għall-ħtiġijiet biex tinħoloq rabta diretta bejn l-UE u ċ-ċittadini.

3.11   Il-KESE jtenni (9) li mhux talli s-sistema l-ġdida m’għandiex iżżid il-piż fiskali fuq id-dħul taċ-ċittadini u n-negozji, talli għandha tfittex li tgħaqqad id-dħul u l-infiq tal-baġit tal-UE mal-impenn li timplimenta l-istrateġija u l-impenji tal-UE stess li jirriżultaw mit-Trattat ta’ Lisbona l-ġdid. Huwa jrid jiżgura li l-Istati Membri kollha jiġu trattati b’mod ġust u trid tkun ħafna aktar trasparenti, sempliċi u faċli biex tinftihem mill-pubbliku.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Bil-QFM il-ġdid, il-Kummissjoni qed tipproponi bidliet importanti fil-mod li bih il-baġit tal-UE jiġi ffinanzjat. Dawn il-bidliet huma bbażati prinċipalment fuq awtonomija finanzjarja akbar billi jintroduċu sistema ġdida ta’ riżorsi proprji li jistgħu jiżguraw trattament aktar ġust tal-Istati Membri. Il-proposta l-ġdida tipprovdi għal bidla fil-mudell: li tneħħi d-dipendenza tal-UE fuq il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri u gradwalment tersaq lejn awtosuffiċjenza finanzjarja.

4.1.1   Fil-qofol tal-proposta għal “Sistema ġdida tar-riżorsi proprji” huwa t-tibdil tar-riżors tal-VAT u l-introduzzjoni tat-TTF. Is-sistema l-ġdida għandha twassal biex il-baġit tal-UE jkun aktar ibbilanċjat u b’hekk madwar 40 % jiġi ffinanzjat mir-riżorsi proprji l-ġodda, 20 % minn riżorsi proprji tradizzjonali u 40 % mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri skont id-DNG (10). Il-vantaġġ tas-sistema l-ġdida jinsab fil-fatt li tnaqqas il-perċezzjoni tal-gvernijiet tal-Istati Membri li l-kontribuzzjonijiet nazzjonali huma taxxa fuq il-prodotti tagħhom, li mbagħad iwasslu għal talbiet għal ritorn ġust, li meta jingħataw jerġa jinkiseb l-ekwilibriju f’termini ta’ benefiċċji ekonomiċi.

4.1.2   Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu (11) għall-ħolqien tar-riżors ġdid tal-VAT biex jieħu post dak fis-seħħ attwalment li m’għadux adegwat, billi se jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ suq intern tal-UE fejn jiġu evitati distorsjonijiet ekonomiċi fl-Istati Membri. Madankollu, jenfasizza li fil-proposta tal-Kummissjoni m’hemmx data preċiża dwar il-bidliet fl-istruttura tal-VAT u dwar id-differenzi fl-ammonti finanzjarji li dawn il-bidliet se jfissru għal kull Stat Membri. Barra minn hekk, jaħseb li huwa neċessarju li tkun akkumpanjata mill-adozzjoni ta’ miżuri li l-għan tagħhom huwa li jiġu eliminati l-frodi fil-qasam tal-VAT.

4.1.3   Anke jekk għadha qed tiġi diskussa, fil-proposta tal-Kummissjoni qed tiġi introdotta innovazzjoni interessanti bit-TTF. Il-KESE, filwaqt li jtenni l-bżonn tal-applikazzjoni tal-TTF fil-livell dinji, jilqa’ b’sodisfazzjon l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji fil-livell Ewropew (12). Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jiġu rregolati bir-reqqa l-konsegwenzi makroekonomiċi u mikroekonomiċi dderivati mill-applikazzjoni tal-TTF, u għal din ir-raġuni jitlob monitoraġġ kostanti u valutazzjoni annwali tal-effetti marbuta mal-applikazzjoni tagħha.

4.1.4   It-TTF jippermetti li jiġu segwiti mill-inqas tliet objettivi:

li tiżdied il-kwota tal-kontribuzzjoni tas-settur finanzjarju għall-baġit pubbliku tal-UE u l-l-baġits tal-Istati Membri (huwa stmat li t-taxxa tkun tiġbor EUR 57 biljun) (13);

li tibdel l-imġieba tal-operaturi finanzjarji, billi tnaqqsu l-volum ta’ negozji bi frekwenza għolja u latenza baxxa li, fi ħdan l-Istati Membri tal-UE jifforma madwar 13 sa 40 % tal-volum tal-kummerċ (14);

li titwaqqaf rata minima ta’ tassazzjoni finanzjarja għall-Istati Membri kollha.

4.1.5   Ir-riforma tal-mekkaniżmi tal-korrezzjoni u t-tibdil tal-mekkaniżmi attwali b’rimborsi b’somma waħda jwasslu wkoll għall-armonizzazzjoni miextieqa bi trasparenza akbar, speċjalment peress li l-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Membri issa huma differenti għal kollox minn meta tnediet is-sistema fl-1984. Kif diġa’ stqarr il-KESE (15), tibqa’ l-ħtieġa li jiġu ċċarati b’mod aktar preċiż l-effetti ta’ din ir-riforma, billi fil-qagħda attwali mhumiex ċari la l-ammont ta’ riżorsi involuti u lanqas kif jitqabblu s-sitwazzjoni attwali u dik taħt l-arranġamenti l-ġodda.

4.2   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir it-titjib fl-istruttura tal-baġit tal-UE, biex b’hekk iċ-ċittadini tal-Ewropa jaqsmu l-piż b’mod ugwali, u dan jippermetti li titnaqqas b’mod importanti l-kwistjoni tar-ritorn ġust u l-ġustizzja orizzontali bejn l-Istati Membri. Minflok, il-valutazzjoni tiffoka fuq kemm hi effiċjenti u effikaċi n-nefqa tal-UE (kemm biex tissodisfa l-ħtiġijiet taċ-ċittadini u n-negozji Ewropej kif ukoll fil-paragun bejn il-benefiċċji ggwadanjati u n-nefqa). Madankollu, il-KESE jtenni (16) d-diżappunt tiegħu li l-proposta tal-Kummissjoni tiffoka biss fuq l-istruttura interna tal-baġit mingħajr ma tapprofitta mill-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji biex taffaċċja l-problema fundamentali tal-ammont tal-baġit proprju, bħala strument funzjonali għall-proġett politiku u għall-ambizzjonijiet tal-UE.

4.3   Bħalma enfasizza l-Parlament Ewropew, il-baġit tal-UE huwa essenzjalment ġabra ta’ investimenti li jistgħu ikomplu jattivaw ir-riżorsi minn sorsi pubbliċi jew privati (17). F’dan ir-rigward, il-KESE jaħseb li – biex jingħelbu l-limiti kwantitattivi u l-kostrizzjonijiet leġislattivi tal-baġit tal-UE – jistgħu jiġu ppruvati xi forom ta’ bonds tal-proġetti għall-iffinanzjar ta’ proġetti speċifiċi tal-infrastruttura u tal-edukazzjoni (18), b’konformità mal-inizjattiva tal-Bonds tal-proġetti mnedija mill-Kummissjoni (19).

4.3.1   Il-bonds tal-proġetti jistgħu jipprovdu lieva importanti għall-iżvilupp ekonomiku tal-Ewropa permezz tal-effetti ta’ spillover li joħolqu u li bħalissa huma blokkati minn nuqqas ta’ flessibbiltà fil-baġits tal-Istati Membri huma u jfittxu li jkampaw mal-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u biex jikkonformaw mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

4.3.2   Minkejja dan, il-KESE jinnota l-ħtieġa għal valutazzjoni ddettaljata tal-modalitajiet innovattivi eventwali ta’ finanzjar estern fil-QFM, peress li l-esperjenza mas-sħubija pubbliku-privat turi l-possibilità tat-trasferiment tar-riskju lejn is-settur pubbliku (20).

4.4   Il-proposta tal-Kummissjoni ma tqajjimx dubji dwar il-punti ta’ nefqa l-iżjed konsistenti tal-UE, jiġifieri l-Politika ta’ Koeżjoni u l-Politika Agrikoli Komuni (PAK), filwaqt li b’mod ġenerali, l-enfasi tinsab fuq l-argumenti l-ġodda – fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 – biex jiġu żgurati politika ta’ nefqa effiċjenti u effikaċi u l-valur miżjud tal-istrumenti ta’ nefqa’ attwali.

4.4.1   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riforma tal-PAK intiża li tadatta l-proporzjon tagħha tal-baġit kollu tal-UE u biex issaħħaħ ir-rabta bejn in-nefqa tal-UE u l-ġid komuni prodott mis-settur tal-biedja, kif talbet il-Kummissjoni innifisha fil-PAK lejn l-2020  (21) . Meta jiġri, kif ġara issa, li r-riżorsi jkunu skarsi, il-PAK – flimkien mal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) – għandha titkejjel mal-miri u l-funzjonijiet stabbiliti mit-Trattat ta’ Lisbona: titjib tal-ambjent (bijodiversità, ilma, art, arja), konservazzjoni tal-pajsaġġ, iż-żamma taż-żoni rurali ħajjin, benesseri tal-annimali, sigurtà u s-sostenibbiltà tal-ikel (22).

4.4.2   Il-Kumitat diġà stqarr (23) li l-agrikoltura, il-foresterija u s-sajd għandhom rwol ewlieni fil-ħarsien tal-ambjent u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali. Għalhekk, il-KESE, filwaqt li jilqa’ b’sodisfazzjoni l-approċċ li daħlet il-Kummissjoni li “tekoloġizza” il-PAK, jisħaq li trid tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata li l-proċess ta’ reviżjoni ma jtellifx l-għanijiet u l-mekkaniżmi finanzjarji tal-PAK u l-appoġġ tiegħu għall-operaturi tul il-katina tal-agrikoltura, l-ikel u l-ambjent.

4.4.3   Il-KESE jevalwa bi tħassib l-isforz tal-Kummissjoni biex jitnaqqas il-proporzjon tal-PAK, billi strumenti oħra – bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni – jiġu allokati kompiti ġodda marbuta ma’ objettivi agrikoli u tal-ikel.

4.4.4   Il-KESE jaħseb li l-objettiv tal-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet kompetittivi tal-bdiewa Ewropej u t-tisħiħ tal-integrazzjoni tal-Istati Membri l-ġodda, permezz tas-sistema ta’ pagamenti diretti, għandu jintlaħaq filwaqt li jiġu valutati bir-reqqa l-effetti li dawn jista’ jkollhom fuq l-Istati Membri kollha. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-isforzi biex titnaqqas id-differenza bejn il-livelli ta’ appoġġ li jirċievu l-bdiewa fid-diversi Stati Membri. Il-KESE diġà rrakkomanda (24) r-ridistribuzzjoni tal-pakketti ta’ pagamenti diretti nazzjonali abbażi ta’ kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u perjodu ta’ transizzjoni adatt għal konverġenza ġusta ppjanata lil hinn mill-prinċipji ta’ referenza storiċi. L-għan huwa li jiġi żgurat li l-pagamenti diretti tal-ebda pajjiż ma jkunu taħt id-90 % tal-medja tal-UE27 fi tmiem il-qafas finanzjarju għall-perjodu 2014-2020.

4.4.5   Fil-fehma tal-Kumitat, il-QFM il-ġdid irid jiżgura li l-PAK u l-PKS ikunu jistgħu jwasslu għal:

provvista tal-ikel sikura;

settur agroalimentari kompetittiv u innovattiv;

industrija tal-agrikoltura u tas-sajd li tagħmel il-qligħ;

dħul ġust għall-bdiewa u s-sajjieda Ewropej.

Permezz ta’ dawn il-linji ta’ azzjoni – f’xenarju kkaratterizzat minn volatilità qawwija tal-prezzijiet tal-prodotti tal-biedja – se jkun possibbli li tiġi enfasizzata n-natura doppja tal-PAK, jiġu vvalutati l-prattiki tajbin ambjentali mingħajr ma jitqiegħed fil-ġenb l-appoġġ tal-vitalità ekonomika u l-kompetittività tal-intrapriżi agrikoli, u b’hekk tingħata spinta ġdida lill-missjoni storika tagħha li tipproduċi ikel sikur, nutrijenti u suffiċjenti, u bi prezzijiet aċċessibbli għaċ-ċittadini Ewropej.

4.5   Irid ikun hemm l-istess effiċjenza fil-proġetti ffinanzjati mill-politika ta’ koeżjoni, li tibqa’ kruċjali għat-tisħiħ tal-integrazzjoni tal-Istati Membri l-ġodda u li – kif jafferma r-rapport Barca (25) – trid ikun iffokata fuq ftit prijoritajiet rilevanti tal-UE, li l-impatt tagħhom fuq il-kuntest soċjali, ekonomiku u territorjali jrid jiġi vvalutat b’attenzjoni, b’valutazzjonijiet ex ante, in itinere u ex post. Valutazzjonijiet li qatt m’għandhom iwasslu għal aktar piżijiet burokratiċi.

4.5.1   Għall-kuntrarju, il-KESE huwa kontra l-applikazzjoni tal-kondizzjonalità makroekonomika fl-organizzazzjoni mill-ġdid ta’ fondi mmirati għall-politki ta’ koeżjoni, bil-għan li l-Istati Membri ma jitgħabbewx b’piżijiet żejda fi żmien soċjali u ekonomiku diffiċli. Barra minn hekk, huwa tal-fehma li l-introduzzjoni ta’ kategorija ġdida ta’ reġjuni tat-tranżizzjoni minflok il-kategoriji “fażi ta’ dħul” jew “fażi ta’ ħruġ” m’għandhiex tippenalizza r-riżorsi tar-reġjuni li huma inqas żviluppati. Fl-aħħar, filwaqt li japprova l-proposta għall-faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa”, jenfasizza li dan il-mekkaniżmu m’għandux ikun iffinanzjat b’madwar EUR 10 biljun permezz tal-Fond tal-Koeżjoni, b’mod li ma jintużax kif xieraq għal kompiti oħrajn marbuta mal-ambitu oriġinali tiegħu.

4.6   L-Artikolu 174 tat-Trattat ta’ Lisbona għandu jkun il-prinċipju gwida għall-futur tal-politika ta’ koeżjoni: “… l-Unjoni għandha jkollha l-għan li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni li huma anqas favoriti”.

Għaldaqstant:

Is-salvagwardja u żieda fl-investimenti fil-Politika ta’ Koeżjoni b’enfasi fuq l-għan tal-konverġenza.

Għall-Istati Membri bi tkabbir medju negattiv tal-PDG fil-perjodu 2007-2009 u li wrew rata ta’ assorbiment tajba fil-perjodu attwali, ir-rata ta’ limitu ser tiġi stabbilita mill-inqas fil-livell tal-perjodu attwali għall-politika ta’ koeżjoni.

4.7   Il-KESE jixtieq jara t-tisħiħ tal-monitoraġġ tar-riżultati tal-politiki tal-UE – b’mod partikolari l-PAK u l-Fondi tal-Koeżjoni minħabba fis-sehem tagħhom mill-baġit totali – sabiex l-effikaċja tal-infiq tal-UE u l-kapaċità li jintlaħqu l-miri ewlenin li l-UE stabbiliet għaliha nnifisha – nibdew mill-Istrateġija Ewropa 2020 – tkun tista’ tiġi vvalutata (26). Dan għandu jsir permezz ta’ kombinazzjoni ta’ sanzjonijiet għal min ma’ jirnexxilux jilħaq benchmarks fissi u l-inċentivi finanzjarji għal dawk l-Istati Membri li jkunu kisbu l-aħjar riżultati.

4.7.1   Madankollu, f’dan il-kuntest il-KESE jkun jixtieq jara li l-awtoritajiet lokali u reġjonali qed jiġu appoġġjati u qed jipparteċipaw aktar mill-qrib fil-livell nazzjonali u tal-UE sabiex ikollhom kull opportunità biex jaħdmu u jimplimentaw il-programmi ffinanzjati mill-politika ta’ koeżjoni u l-PAK, permezz ta’ programmi ta’ taħriġ adatti fuq il-proċeduri tal-UE dwar il-programmi, l-appoġġ, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni.

Brussell, 24 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Il-valur li jirriżulta minn intervent tal-UE li huwa addizzjonali għall-valur li kien jinħoloq li kieku l-azzjoni saret minn Stat Membru waħdu, (COM(2010) 700 final; SEC(2011) 867 final.

(2)  Art. 201.

(3)  F’valur nominali, l-ammont allokat għall-PAK ma jonqosx iżda jibqa’ kostanti tul il-perjodu ta’ programmazzjoni, u għaldaqstant f’termini reali se jkollu t-tendenza li jonqos meta mqabbel mal-2012.

(4)  www.euractiv.com/euro-finance/eu-countries-call-slim-eu-budget-news-507532.

(5)  ĠU C 248 tal-25.8.2011, p. 75.

(6)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew INI/2010/2211 tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar l-investiment fil-futur: Qafas finanzjarju multiannwali ġdid (QFM) għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklussiva.

(7)  Opinjoni tal-KtR dwar “Il-qafas finanzjarju multiannwali ġdid għal wara l-2013”, ĠU C 54, 23.2.2012, p. 40.

(8)  Opinjoni tal-KESE dwar “Is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, ĠU C 181 tal-21.6.2012, p. 45.

(9)  ĠU C 248 tal-25.8.2011, p. 75.

(10)  COM(2011) 510 final, p.5 Bħalissa, il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri fuq id-DNG jammontaw għal 70 % tal-baġit totali tal-UE, riżorsi proprji tradizzjonali (dazji u t-taxxa fuq iz-zokkor) jammontaw għal 14,1 %, it-taxxa fuq il-valur miżjud tipprovdi 11,2 % u r-riżorsi l-oħra (bilanċ pożittiv mis-snin ta’ qabel) 4,7 % (SEC(2011) 876 final).

(11)  Opinjoni tal-KESE dwar “Is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, ĠU C 181 tal-21.6.2012, p. 45.

(12)  Opinjoni tal-KESE dwar “Sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE”, ĠU C 181 tal-21.6.2012, p. 55.

(13)  SEC(2011) 1103 final.

(14)  Il-Kummissjoni Ewropea, 8 ta’ Diċembru 2010, konsultazzjoni pubblika dwar ir-“Reviżjoni tas-Swieq fid-Direttiva tal-Istrument Finanzjarju (MiFID)”, Direttorat Ġenerali tas-Suq Intern u s-Servizzi.

SEC(2011) 1226 final.

(15)  Opinjoni tal-KESE dwar “Is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, ĠU C 181 tal-21.6.2012, p. 45.

(16)  Opinjoni tal-KESE dwar “Is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, ĠU C 181 tal-21.6.2012, p. 45.

(17)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, cit.

(18)  Haug J. et al., cit., kap. 4.

(19)  http://ec.europa.eu/economy_finance/consultation/index_en.htm

(20)  ĠU C 143, 22.05.2012, p. 134.

(21)  COM(2010) 672 final.

(22)  Hart K. – Baldock D. (edituri): What Tools for the European Agricultural Policy to Encourage the Provision of Public Goods, Parlament Ewropew, Lulju 2011.

(23)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 63.

(24)  Opinjoni tal-KESE –dwar Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020. ĠU C 191 tal-29.6.2012, p. 116.

(25)  Barca F. (editur): An agenda for a reformed cohesion policy. A place-based approach to meeting European Union challenges and expectations; rapport għad-DĠ REGIO, 2009.

(26)  Chambon N. uRubio E.: In search of “the best value for money”: analyzing current ideas and proposals to enhance the performance of CAP and cohesion spending; workshop The post 2013 financial perspectives: Re-thinking EU finances in times of crisis, Torin, 7-8 ta’ Lulju 2011.