52011PC0290

/* KUMM/2011/0290 finali - COD 2011/0138 */ REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Kuntest ġenerali u raġunijiet għall-proposta

Skont l-Artikolu 62(2)(b)(i) tat-Trattat li Jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001[1] li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni (l-hekk imsejħa lista negattiva) u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa (l-hekk imsejħa lista pożittiva). L-Artikolu 61 tat-Trattat tal-KE rrefera għal dawk il-listi fost il-miżuri laterali li huma direttament marbuta mal-moviment liberu tal-persuni ġewwa żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

Għalhekk, mill-adozzjoni tiegħu, ir-Regolament ġie emendat tmien darbiet[2]. Il-modifikazzjonijiet riċenti tar-Regolament ffukaw kollha kemm huma fuq ir-reviżjoni tal-listi pożittivi u tal-listi negattivi tal-viża annessi mar-Regolament, u dawk l-aktar riċenti fir-rigward tat-trasferiment tat-Tajwan għal-lista pożittiva u kif ukoll fir-rigward tar-riżultat tad-djalogi dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża billi jiġu trasferiti ż-żewġ pajjiżi li fadal tal-Balkani tal-Punent, l-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina għal-lista pożittiva tal-viża.

F’dawn l-aħħar snin, kien hemm il-bżonn li jsiru wkoll ċerti modifikazzjonijiet tekniċi oħra fit-test ewlieni tar-Regolament, pereżempju t-tisħiħ taċ-ċertezza legali billi jiġu pprovduti regoli għal ċerti sitwazzjonijiet li kienu għadhom ma ġewx koperti bir-Regolament u l-aġġustament ta’ ċerti definizzjonijiet minħabba l-bidliet riċenti li saru permezz tal-leġiżlazzjoni sekondarja, pereżempju permezz tal-adozzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 810/2009)[3].

Barra minn hekk, għaxar snin wara l-integrazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-UE u t-twaqqif tal-politika komuni dwar il-viża, skont l-Artikolu 77(2)(a) tat-TFUE, jenħtieġ li jsir aktar progress lejn armonizzazzjoni ulterjuri tal-politika komuni tal-UE dwar il-viża fir-rigward ta’ ċerti kategoriji elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament u li s’issa kienu f’idejn id-deċiżjonijiet unilaterali tal-Istati Membri individwali.

Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jenħtieġ li jsiru aktar modifikazzjonijiet, bħall-introduzzjoni ta’ klawżola ta' salvagwardja u modifikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità.

1.1. Sommarju tal-azzjoni proposta

Il-modifikazzjoni attwali tar-Regolament għandha l-għan li

- tipprovdi għal klawżola ta' salvagwardja tal-viża li tippermetti s-sospensjoni mgħaġġla u temporanja tal-eżenzjoni mill-viża għal pajjiż terz fil-lista pożittiva f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza, fejn ikun hemm bżonn li jingħata rispons b’mod urġenti biex jiġu solvuti d-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-Istati Membri;

- timmodifika ċerti dispożizzjonijiet, pereżempju dwar il-mekkaniżmu ta’ reċiproċità, sabiex dawn ikunu jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet rispettivi tat-TFUE;

- tiżgura l-konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 810/2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (il-Kodiċi dwar il-Viżi)[4] li hu applikabbli mill-5 ta’ April 2010, billi tipprovdi pereżempju definizzjonijiet xierqa ta' soġġorn qasir u ta' viża;

- tiżgura li, skont l-Artikolu 77(2)(a) tat-TFUE, ir-Regolament jistabbilixxi b’mod estensiv jekk ċittadin ta’ pajjiż terz għandux ikun soġġett għal rekwiżit tal-viża jew għandux jiġi eżentat minnu biex b'hekk tkun ipprovduta ċertezza legali, billi jikkomplimenta r-regoli applikabbli għar-refuġjati u għall-persuni mingħajr stat sabiex ikun iċċarat ir-reġim ta’ viża applikabbli għal dawk li jgħixu fir-Renju Unit jew fl-Irlanda;

- tagħmel progress lejn l-armonizzazzjoni totali tal-politika komuni dwar il-viża billi tipprovdi għal regoli ġodda u aktar armonizzati fir-rigward tar-rekwiżit jew tal-eżenzjoni mill-viża applikabbli għal diversi kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi;

- tipprovdi għal regoli ċari fir-rigward tar-rekwiżit/tal-eżenzjoni mill-viża għal detenturi ta’ laissez-passers u ta' passaporti differenti maħruġa minn ċerti entitajiet soġġetti għal-liġi internazzjonali, iżda li ma jikkwalifikawx bħala organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali;

- tadotta dispożizzjoni ġdida fir-rigward tal-obbligi għal ċerti Stati Membri skont xi ftehimiet preċedenti tal-UE/internazzjonali, li jimplikaw il-ħtieġa li ssir deroga mir-regoli komuni tal-viża.

2. L-elementi tal-proposta

2.1. It-twaqqif ta’ klawżola ta’ salvagwardja tal-viżi għas-sospensjoni tal-liberalizzazzjoni tal-viżi

Il-Kunsill tal-ĠAI tat-8 ta’ Novembru 2010 adotta l-eżenzjoni mill-viża għall-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina minkejja n-nuqqas ta’ rieda ta’ ċerti Stati Membri minħabba ż-żieda mgħaġġla ta’ applikazzjonijiet għall-asil f’uħud minnhom wara li ngħatat il-liberalizzazzjoni tal-viża lil ċerti pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Sabiex tirreaġixxi għal dan it-tħassib, il-Kummissjoni ħarġet Dikjarazzjoni biex issaħħaħ, mill-aktar fis possibbli, il-monitoraġġ li jseħħ wara l-liberalizzazzjoni tal-viża fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent li kisbu l-liberalizzazzjoni tal-viża, u stqarret b’mod partikolari li fil-każ ta ’ dħul f'daqqa ta ’ ċittadini ta ’ pajjiż terz jew aktar, inkluż iċ-ċittadini tal-Balkani tal-Punent, fi Stat Membru jew aktar, il-Kummissjoni tista ’ tipproponi biex il-Kunsill jadotta miżuri proviżorji għall-benefiċċju tal-Istat(i) Membru/Membri kkonċernat(i) skont l-Artikolu 78 tat-Trattat, u sospensjoni mgħaġġla tal-liberalizzazzjoni tal-viża.

Wara d-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, fl-aħħar ta’ Diċembru 2010, żewġ Stati Membri ssottomettew dokument (dok. 18212/10 VISA 311 COMIX 842), fejn issuġġerixxew li tiddaħħal klawżola ta’ salvagwardja fir-Regolament 539/2001, li tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tiddeċiedi dwar is-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-viża, f'konformità mal-proċedura ta' komitoloġija, jekk jintlaħqu ċerti kondizzjonijiet.

Klawżola ta’ salvagwardja tista’ wkoll tgħin biex tiġi ppreservata l-integrità fil-futur tal-proċessi ta’ liberalizzazzjoni tal-viżi u biex tinħoloq kredibbiltà fil-konfront tal-pubbliku.

Barra minn hekk, l-Istati Membri taw appoġġ ġenerali għal dan is-suġġeriment fil-Kumitat Strateġiku dwar l-Immigrazzjoni, il-Fruntieri u l-Asil (SCIFA). L-Istati Membri qablu dwar il-fatt li tali klawżola ta’ salvagwardja tkun tipprovdi qafas ġenerali għall-futur, mingħajr ma tkun relatata ma' pajjiżi terzi speċifiċi.

Il-klawżola għandha tikkomplimenta l-klawżola ta’ salvagwardja, iżda tiddistingwi ruħha minnha fl-Artikolu 78(3) tat-TFUE. Din għandha tkun applikata biss bħala miżura temporanja f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza definiti b’mod ċar.

Il-klawżola ta’ salvagwardja għandha tiddikjara b’mod ċar li hi tirrigwarda sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża għal perjodu ta’ żmien qasir biss, f’każ ta’ urġenza, u abbażi ta’ kriterji definiti tajjeb u limitati. Il-klawżola tista’ tintuża biss f’każijiet ta’ emerġenza, jiġifieri jekk ikun hemm tibdil f’daqqa tas-sitwazzjoni, pereżempju meta ċ-ċifri rilevanti jiżdiedu f’daqqa f’perjodu ta’ żmien relattivament qasir, u meta jkun meħtieġ li jingħata rispons urġenti dwar il-“viżi” biex jissolvew id-diffikultajiet li jkunu qed jiffaċċjaw l-Istati Membri, u meta l-miżuri li jkunu bbażati fuq l-Artikolu 78(3) tat-TFUE ma jkunux jikkostitwixxu rispons xieraq jew suffiċjenti.

Sabiex tkun tista’ tirreaġixxi malajr fis-sitwazzjonijiet imsemmija hawn fuq, tkun trid tiġi adottata deċiżjoni dwar is-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-viża permezz tal-komitoloġija skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011[5]: billi jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 291 tat-TFUE.

Anki jekk il-kondizzjonijiet li jistimulaw l-użu tal-klawżola ta’ salvagwardja jkunu definiti b’mod ċar, il-Kummissjoni trid tagħmel valutazzjoni tas-sitwazzjoni u ma għandu jkun hemm l-ebda proċess awtomatizzat li jkun ġej min-notifiki tal-Istati Membri. Meta tkun qed issir il-valutazzjoni ta' kemm ikun xieraq li tiġi sospiża l-eżenzjoni mill-viża għal xi pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra n-numru ta’ Stati Membri li jintlaqtu mill-okkorrenza mhux mistennija ta' kwalunkwe sitwazzjonijiet li ġew elenkati f’din il-proposta u l-impatt globali tagħhom fuq is-sitwazzjoni migratorja fl-UE.

F'konformità mar-regoli tal-komitoloġija fir-Regolament (UE) Nru 182/2011, skont il-proċedura ta’ eżaminazzjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirċievu, fl-istess żmien mal-membri tal-kumitat, il-proposta għal deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissospendi l-eżenzjoni mill-viża għal pajjiż terz jew aktar flimkien ma’ dokumenti oħra rilevanti, inkluż pereżempju l-possibbiltà ta’ rapporti tal-FRONTEX u tal-EASO u n-notifiki inizjali tal-Istati Membri..

Sabiex tiġi sospiża eżenzjoni mill-viża, jidher li l-applikazzjoni tal- proċedura ta ’ eżaminazzjoni tkun adattata. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu permezz ta’ maġġoranza kwalifikata. Il-voti tal-membri għandhom jgħoddu skont kif ġie stipulat fid-dispożizzjoni rilevanti tat-Trattat (l-Art. 238(3) tat-TFUE). Meta l-kumitat jagħti opinjoni pożittiva, il-Kummissjoni għandha tadotta l-att ta’ implimentazzjoni. Jekk il-kumitat jagħti opinjoni negattiva, il-Kummissjoni m’għandhiex tadotta l-att.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jkollhom id-dritt ta’ skrutinju sabiex ikun żgurat li l-Kummissjoni ma taqbiżx is-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Furthermore, in the interest of transparency, the Commission could exchange views with the European Parliament at the latter's request, following a proposal to suspend temporarily the visa waiver for one or more third countries.

Qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ sospensjoni temporanja, il-Kummissjoni tkun trid tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill akkumpanjat, fejn ikun xieraq, minn proposta biex jiġi mmodifikat ir-Regolament (KE) Nru 539/2001, f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, sabiex il-pajjiż terz jiġi ttrasferit għal-lista negattiva tal-viżi. F’każ bħal dan, il-miżura ta’ sospensjoni tkun tista’ tiġi estiża permezz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni ġdida adottata permezz tal-komitoloġija għal perjodu massimu ta' disa' xhur, fejn jingħata biżżejjed żmien lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jirrifjutaw jew biex jadottaw il-proposta ta' emenda tal-listi tar-Regolament (KE) Nru 539/2001.

2.2. Il-modifikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità

Waqt l-eżerċizzju ta’ kodifikazzjoni li jikkonċerna r-Regolament (KE) Nru 539/2001, il-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv tal-esperti legali tal-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew eżamina l-bażi legali sekondarja stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 851/2005[6]. L-Artikolu 1(4)(c) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 kif emendat jgħid dan li ġej: “Fi żmien 90 jum wara l-pubblikazzjoni ta' dik in-notifika, il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat, għandha tirrapporta lill-Kunsill. Ir-rapport jista’ jkun akkumpanjat minn proposta li tipprovdi għad-dħul mill-ġdid temporanju tar-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz inkwistjoni. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tippreżenta din il-proposta wara deliberazzjonijiet fil-Kunsill dwar ir-rapport tagħha. Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq tali proposta b’maġġoranza kwalifikata fi żmien tliet xhur."

Il-Grupp Konsultattiv tas-Servizzi Legali kkunsidra li din id-dispożizzjoni stabbilixxiet bażi legali sekondarja li ma tneħħietx għal kollox, u għalhekk għandha terġa’ tiġi eżaminata fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Mejju 2008 fil-Kawża C-133/06 bil-għan li din titħassar jew li tiġi emendata.

F’żona fejn tapplika l-kodeċiżjoni, mhuwiex legalment possibbli illi tkun ipprovduta proċedura ssimplifikata fil-leġiżlazzjoni sekondarja li tkun tippermetti lill-Kunsill li jiddeċiedi fuq proposta tal-Kummissjoni, mingħajr l-involviment tal-Parlament Ewropew.

Konsegwentament, id-dispożizzjoni msemmija għandha tinżamm iżda għandha tiġi mmodifikata, min-naħa l-waħda billi tkun tipprevedi li r-rapport għandu jkun indirizzat ukoll lill-Parlament Ewropew u min-naħa l-oħra billi jiġi miżjud fiha l-irwol kodeċiżiv tal-Parlament Ewropew.

L-eżerċizzju ta’ kodifikazzjoni se jitkompla u se jiġi ffinalizzat meta l-emenda attwali tiġi adottata.

F’dan il-kuntest, għandu jissemma l-fatt li Stat Membru għamel suġġeriment għall- modifikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità attwali sabiex isir aktar effiċjenti. Skont is-suġġeriment, il-Kummissjoni tkun obbligata li tippreżenta proposta, f’perjodu ta’ żmien qasir ħafna, għall-introduzzjoni mill-ġdid b’mod temporanju tar-rekwiżit tal-viża għal ċittadini ta’ xi pajjiż terz, li ma tneħħix l-obbligu ta’ viża f’perjodu massimu ta' 12-il xahar wara li jkun ġie introdott għal xi Stat Membru.

Huwa importanti li jiġi enfasizzat li tali modifikazzjonijiet tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità jkunu jiksru d-dritt esklussiv ta' inizjattiva tal-Kummissjoni u mhux bilfors ikunu jwasslu għall-adozzjoni tal-miżura ta' ritaljazzjoni proposta.

Il-mekkaniżmu ta’ reċiproċità inizjali tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 diġà kien fih ċertu proċess awtomatizzat: in-notifika ta’ każijiet ta’ nuqqas ta' reċiproċità ma kinitx obbligatorja; l-Istat Membru kkonċernat kien fil-libertà li jinnotifika jew le. Iżda jekk in-notifika tkun saret, imbagħad l-Istati Membri kienu jkunu obbligati li jimponu r-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz kkonċernat b’mod proviżorju u awtomatiku, 30 jum wara n-notifiki, sakemm ma jiddeċidiex mod ieħor il-Kunsill.

Dan il-proċess awtomatizzat kien ikkunsidrat bħala d-dgħjufija tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità inizjali u għalhekk ġie abbandunat fl-2005 peress li kien kontroproduttiv. There is no reason to believe that it would entail more efficiency now.

Il-mekkaniżmu ta’ reċiproċità attwali, kif immodifikat fl-2005, b'mod ġenerali hu kkunsidrat bħala effiċjenti, u l-każijiet ta’ nuqqas ta' reċiproċità tnaqqsu b’mod konsiderevoli. Is-sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta' reċiproċità li jifdal fil-biċċa l-kbira huma l-każijiet fejn pajjiżi terzi jqisu li uħud mill-Istati Membri ma jilħqux il-kriterji oġġettivi għal eżenzjoni mill-viża kif stipulat minn dawn il-pajjiżi terzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

Filwaqt li l-użu tal-proċedura tal-komitoloġija jitqies meta tkun applikata l-klawżola ta’ salvagwardja f’każijiet ta’ emerġenza kkaratterizzati minn kondizzjonijiet definiti sewwa (ara l-punt 2.3 hawn fuq), fil-każ li tiġi introdotta l-miżura ta' ritaljazzjoni għad-dħul mill-ġdid tar-rekwiżit tal-viża fil-konfront ta' pajjiż terz fil-każ ta’ nuqqas ta' reċiproċità, għandha tiġi kkunsidrata l-politika esterna ġenerali tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiż terz inkwistjoni, mingħajr ebda proċess awtomatizzat, kif ukoll il-prinċipju ta’ solidarjetà fost l-Istati Membri tal-UE. Għandha ssir valutazzjoni politika dwar kemm tkun adattata tali miżura.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ġibdu l-attenzjoni wkoll dwar ir-(ri)impożizzjoni “awtomatika” ta’ rekwiżit tal-viża għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi minħabba l-implikazzjonijiet politiċi tagħha u minflok kienu favur approċċ imfassal b’mod speċifiku u l-applikazzjoni ta’ miżuri proviżorji f’oqsma oħra.

2.3. Id-Definizzjoni ta' viża u ta' soġġorn qasir mingħajr viża

Din il-proposta tallinja d-definizzjoni ta’ “viża” mad-definizzjoni użata fil-Kodiċi dwar il-Viżi. Għalhekk, viża hi l-awtorizzazzjoni ta’ tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri jew għal soġġorn previst fihom għal mhux aktar minn tliet xhur fi kwalunkwe perjodu ta’ sitt xhur mill-ewwel data ta’ dħul fit-territorju tal-Istati Membri.

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, il-viża għal tranżitu fl-ajruport hi eskluża minn din id-definizzjoni, peress li r-reġim ta’ viżi applikabbli mill-Istati Membri għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jagħmlu tranżitu minn ajruporti internazzjonali tal-Istati Membri hu rregolat minn u jinsab fil-Kodiċi dwar il-Viżi.

Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma elenkati fil-lista tal-Anness II għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1 għal soġġorni fit-territorji tal-Istati Membri għal mhux aktar minn tliet xhur fi kwalunkwe perjodu ta’ sitt xhur.

Din id-definizzjoni tqis ukoll l-implikazzjonijiet miġjuba permezz tal-interpretazzjoni tar-regola ta’ soġġorn qasir ta’ tliet xhur mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fil-Kawża 241/05[7].

2.4. Ir-refuġjati u l-persuni mingħajr stat li joqogħdu fir-Renju Unit jew fl-Irlanda

Emenda preċedenti tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 fl-2006 (ir-Regolament (KE) Nru 1932/2006) kellha diġà l-intenzjoni li tiċċara s-sitwazzjoni tar-refuġjati u l-persuni mingħajr stat billi taġġusta r-regoli tal-viża applikabbli li jiddistingwixxu bejn dawk li joqogħdu fi Stat Membru u dawk li joqogħdu f’pajjiż terz.

Skont il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-Irlanda u r-Renju Unit mhumiex qed jipparteċipaw fl-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 u l-emendi tiegħu. Għalhekk, għar-Regolament (KE) Nru 539/2001, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex qed jiġu kkunsidrati bħala Stati Membri. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1932/2006 dwar ir-regoli tal-viża applikabbli għar-refuġjati u l-persuni mingħajr stat ma japplikawx għal tali persuni meta dawn ikunu joqogħdu fir-Renju Unit jew l-Irlanda.

Din il-proposta għandha l-għan li taġġusta din is-sitwazzjoni mhux sodisfaċenti billi fir-Regolament tinkludi dispożizzjoni dwar ir-refuġjati u l-persuni mingħajr stat li joqogħdu fir-Renju Unit jew l-Irlanda.

Peress li ma hemmx rikonoxximent reċiproku tal-viżi u ma hemm l-ebda ekwivalenza bejn permess ta’ residenza u viża fir-relazzjoni ta’ bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda fuq in-naħa l-waħda, u fuq in-naħa l-oħra, l-Istati Membri ta’ Schengen, ir-Regolament iħalli lill-Istati Membri fil-libertà li jiddeċiedu b’mod individwali dwar l-eżenzjoni mill-viża jew l-obbligu ta’ viża għal din il-kategorija ta’ persuni. Tali deċiżjonijiet nazzjonali għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament.

2.5. L-armonizzazzjoni tar-rekwiżit tal-viża/l-eżenzjoni mill-viża għal ċerti kategoriji elenkati fl-Artikolu 4(1)

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 jipprovdi l-possibbiltà lill-Istati Membri biex jeżentaw b’mod individwali kategoriji differenti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-lista negattiva mir-rekwiżit tal-viża jew biex jissottomettu lil dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu fil-lista pożittiva, għar-rekwiżit tal-viża.

Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, għaxar snin wara l-integrazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fl-UE, issa wasal iż-żmien li jsir il-pass li jmiss lejn politika komuni dwar il-viża aktar armonizzata. Għandhom isiru sforzi biex ikun hemm konformità sħiħa mat-Trattat billi tinħoloq politika komuni effettiva dwar il-viża. Għal din ir-raġuni, din il-proposta għandha l-għan li tillimita l-libertà tal-Istati Membri fl-għoti ta' eżenzjoni mill-viża jew fl-impożizzjoni ta' rekwiżit tal-viża għal diversi kategoriji ta' persuni koperti bl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 billi tistabbilixxi aktar regoli komuni dwar ir-rekwiżit tal-viża għal uħud minn dawn il-kategoriji. Madankollu, il-proposta tieħu inkunsiderazzjoni wkoll id-differenzi konsiderevoli attwali bejn il-prattiki tal-Istati Membri fir-rigward ta’ ċerti kategoriji (bħal detenturi ta’ passaport diplomatiku u detenturi ta' passaport ta’ servizz) billi żżomm il-possibbiltà li għalissa l-Istati Membri jkomplu jiddeċiedu b’mod individwali dwar l-eżenzjoni mill-viża jew dwar ir-rekwiżit tal-viża, ħlief f’każijiet fejn l-UE tkun innegozjat ftehimiet dwar l-eżenzjoni mill-viża għal dawn il-kategoriji ma' ċerti pajjiżi terzi.

2.5.1. Armonizzazzjoni ulterjuri

Il-Kummissjoni qed tagħmel sforz għal aktar progress lejn armonizzazzjoni totali fir-rigward tal-kategoriji tal-Artikolu 4(1), fejn diġà teżisti armonizzazzjoni de facto jew kważi armonizzazzjoni.

F'konformità man-notifiki attwali pprovduti mill-Istati Membri, il-membri tal- ekwipaġġ ta ’ titjiriet ċivili huma eżentati mir-rekwiżit tal-viża min-naħa tal-Istati Membri kollha. F’tali ċirkustanzi, iż-żamma tal-possibbiltà għall-Istati Membri biex jiddeċiedu b'mod liberu dwar l-eżenzjoni ta' tali kategorija m'għandhiex tiġi iġġustifikata aktar.

Fir-rigward tal- ekwipaġġ ta ’ tbaħħir ċivili , l-Istati Membri kollha minbarra tnejn jeżentaw tali persuni mir-rekwiżit tal-viża f’każ ta’ liv mhux abbord , filwaqt li l-Istati Membri kollha minbarra tnejn iżommu r-rekwiżit tal-viża għal għanijiet ta’ tranżitu . Għalhekk din l-emenda se tistipula b'mod ġenerali u armonizzat, l-eżenzjoni mill-viża għall-ewwel kategorija u r-rekwiżit tal-viża għat-tieni waħda rispettivament.

Hemm Stat Membru wieħed biss li jeżenta lill- ekwipaġġ u l-assistenti ta' titjiriet li jkunu fuq titjiriet ta' emerġenza jew ta' salvataġġ u persuni oħra li jagħtu l-għajnuna fil-każ ta' diżastru jew ta' inċident mir-rekwiżit tal-viża, u għalhekk dan ir-Regolament se jħassar din il-kategorija.

2.5.2. Iż-żamma tar-regoli

Għall-kategorija tal- ekwipaġġ civili ta ’ vapuri li jbaħħru f ’ passaġġi tal-ilma interni internazzjonali, id-dispożizzjonijiet attwali se jinżammu peress li min-notifiki tal-Istati Membri jidher li l-Istati Membri li għandhom ir-Rhine jew id-Danubju għaddejjin mit-territorji tagħhom isegwu prattiki differenti fir-rigward tal-eżenzjoni mill-viża jew ir-rekwiżit tal-viża applikabbli għal din il-kategorija. Barra minn hekk, qed isir xogħol leġiżlattiv fis-CCNR (il-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Rhine) dwar din il-kwistjoni, li jrid ukoll jittieħed inkunsiderazzjoni.

Lanqas il-possibbiltà attwali għall-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar l-eżenzjoni ta’ detenturi ta ’ laissez-passer maħruġa minn ċerti organizzazzjonijiet integovernattivi mhi se tiġi affettwata b’din il-modifikazzjoni.

2.5.3. Dispożizzjoni ġdida fir-rigward tal-obbligi li ġejjin minn ftehimiet preċedenti tal-UE

Qabel ma twaqqfet politika komuni tal-UE dwar il-viża, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha kkonkludew ftehimiet internazzjonali, bħal ftehimiet ta’ assoċjazzjoni, ma’ pajjiżi terzi li jittrattaw b'mod partikolari l-moviment tal-persuni u tas-servizzi, li jista’ jkollhom impatt fuq ir-rekwiżit tal-viża impost fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Tali ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni jieħdu preċedenza fuq dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE, inkluż ir-Regolament (KE) Nru 539/2001. F’każ li tali ftehimiet internazzjonali jkun fihom l-hekk imsejħa ‘klawżola ta’ sospensjoni’, din tista’ tinkludi l-obbligu għal ċerti Stati Membri biex jidderogaw mir-regoli dwar il-politika komuni dwar il-viża skont il-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki rispettivi tagħhom applikabbli/fis-seħħ fid-data li fiha l-klawżola ta’ sospensjoni daħlet fis-seħħ għalihom.

Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi illi fl-Artikolu 4 tiġi introdotta dispożizzjoni li tippermetti lill-Istati Membri biex jeżentaw lill-fornituri ta' servizzi mir-rekwiżit tal-viża, sakemm ikun neċessarju biex jiġu rrispettati l-obbligi internazzjonali konklużi mill-Komunità qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 539/2001.

Din il-proposta hi koerenti mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Frar 2009 fil-Kawża C-228/06, Mehmet Soysal u Ibrahim Savatli , fejn il-Qorti ddeċidiet li “l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mat-Turkija, iffirmat fi Brussell fit-23 ta’ Novembru 1970, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-introduzzjoni, mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, tal-ħtieġa ta’ viża sabiex ċittadini Torok, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ikunu jistgħu jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru sabiex jipprovdu fih servizzi f’isem impriża stabbilita fit-Turkija, meta, f’dik id-data, tali viża ma kinitx meħtieġa”.

L-Artikolu 41 tal-Protokoll Addizzjonali jistabbilixxi klawżola ta’ ‘sospensjoni’, li tistipula li “l-Partijiet Kontraenti għandhom jibqgħu lura milli jintroduċu bejniethom xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà tal-provvediment ta' servizzi”. Bħalissa, il-Kummissjoni ma tafx b'pajjiżi oħra apparti t-Turkija li jibbenifikaw minn ‘klawżola ta’ sospensjoni’ simili stabbilita permezz ta’ ftehim internazzjonali konkluż mal-Unjoni.

L-Istati Membri kkonċernati minn din id-deroga għandhom jinnotifikawha lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

2.5.4. Proċedura biex jiġu eżentati mir-rekwiżit tal-viża, id-detenturi ta' passaport diplomatiku u d-detenturi ta' passaport ta' servizz minn pajjiżi terzi, wara r-revoka tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 789/2001 [8]

It-test attwali tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 jirreferi għall-proċedura stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 789/2001 li trid tiġi applikata meta Stat Membru jiddeċiedi li jeżenta mir- rekwiżit tal-viża, lid-detenturi ta’ passaport diplomatiku u/jew ta' passaport ta’ servizz minn pajjiż terz.

Skont ir-Regolament (KE) Nru 789/2001, l-Istati Membri, li jkunu jixtiequ jeżentaw lid-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi u ta' passaporti ta’ servizz minn pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom ikunu soġġetti għal konsultazzjoni minn qabel, riedu jkunu ssottomettew inizjattiva leġiżlattiva, li l-Kunsill ikun iddeċieda dwarha permezz ta’ maġġoranza kwalifikata (mill-2006).

Fir-rigward tad-detenturi ta’ tali passaporti minn pajjiżi terzi li mhumiex soġġetti għal konsultazzjoni minn qabel, ir-Regolament (KE) Nru 789/2001 kien jobbliga lill-Istati Membri biex sempliċiment jgħarrfu lill-Kunsill bi kwalunkwe emendi li jkunu saru għar-regoli tagħhom tal-viża (rekwiżit jew eżenzjoni).

Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 789/2001 tħassar permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 810/2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (il-Kodiċi dwar il-Viżi)[9]. Wara li tħassar ir-Regolament imsemmi hawn fuq, ġie kkunsidrat li l-aktar strument xieraq biex ikunu koperti dawn l-aspetti “proċedurali” tad-deċiżjonijiet nazzjonali dwar ir-rekwiżit tal-viża jew l-eżenzjoni mill-viża għal detenturi ta’ dawn il-passaporti, għandu jkun ir-Regolament (KE) Nru 539/2001, skont kif ikun meħtieġ.

Għalhekk, fil-qafas tal-modifikazzjoni attwali, għandu jiġi eżaminat jekk proċedura speċifika ta’ teħid ta’ deċiżjoni għandhiex tkun ipprovduta f'każ li Stat Membru jkun irid iħassar ir-rekwiżit tal-viża għad-detenturi ta’ passaport diplomatiku u d-detenturi ta' passaport ta’ servizz minn pajjiż terz li jkunu soġġetti għall-konsultazzjoni minn qabel.

Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, ma hemmx bżonn li jiġi stabbilit tali "mekkaniżmu ta' deċiżjoni komuni” speċifiku għal din il-kwistjoni, kemm għal raġunijiet istituzzjonali kif ukoll għal dawk sostantivi.

Fir-rigward tal-aspetti istituzzjonali:

Wara l-perjodu tranżitorju ta’ ħames snin kif ipprovdut fit-Trattat ta’ Amsterdam għat-Titlu IV tat-TEC u wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat il-ġdid dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, legalment ma għadux aktar possibbli li tiġi stabbilita proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjoni li tipprevedi dritt ta’ inizjattiva għal xi Stat Membru; lanqas mhuwa aċċettabbli li, mil-lat istituzzjonali, jiġi aċċettat li suġġeriment jew intenzjoni ta' Stat Membru (li jitħassar ir-rekwiżit tal-viża għal detenturi ta' passaport diplomatiku ta' pajjiż li jkun soġġett għall-konsultazzjoni minn qabel) jkun/tkun jorbot/torbot lill-Kummissjoni bid-dritt ta’ inizjattiva tagħha; il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata li tippreżenta proposta.

Barra minn hekk, jekk proċedura għal “deċiżjoni komuni” tkun stabbilita, il-prinċipji u l-proċeduri pprovduti mit-TFUE għandhom ikunu rrispettati (ara hawn fuq, fil-punt 2.2 rigward il-mekkaniżmu ta’ reċiproċità). Il-Kunsill ma jistax jiddeċiedi waħdu; tali miżura tkun trid tiġi adottata permezz tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni mal-Parlament Ewropew.

Fir-rigward tal-aspetti sostantivi:

Id-deċiżjoni li tintalab konsultazzjoni minn qabel dwar l-applikazzjonijiet għall-viża mressqa minn ċittadini ta’ ċerti pajjiżi terzi (jew ta' ċerti kategoriji tagħhom) hi purament deċiżjoni nazzjonali. Fil-fatt, is-solidarjetà ta’ Schengen timplika li l-Istati Membri l-oħra jibagħtu b’mod sistematiku, l-applikazzjonijiet għall-viża kkonċernati għall-konsultazzjoni minn qabel lill-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba.

Fil-prinċipju, id-deċiżjoni li jitneħħa r-rekwiżit tal-viża għal detenturi ta’ passaporti diplomatiċi u ta’ passaporti ta' servizz minn pajjiżi li huma elenkati fil-lista negattiva hi wkoll deċiżjoni unilaterali meħuda minn Stat Membru. Fil-prinċipju, l-Istati Membri l-oħra mhumiex obbligati li jaċċettaw tali miżuri: fuq il-bażi ta' tali deċiżjoni, id-diplomatiċi kkonċernati jistgħu jivvjaġġaw mingħajr viża lejn l-Istat Membru kkonċernat, iżda jkomplu jinħtieġu viża biex jivvjaġġaw lejn l-Istati Membri l-oħra. Huwa minnu li l-fatt li d-diplomatiċi huma preżenti fiż-żona ta’ Schengen mingħajr fruntieri interni, jista’ jimplika ċertu riskju.

Madankollu, għandhom jiġu mfakkra dawn l-elementi li ġejjin:

- jekk Stat Membru wieħed jew aktar ineħħu l-obbligu għad-detenturi ta’ passaport diplomatiku u ta’ passaport ta' servizz minn ċertu pajjiż terz qabel ma Stat Membru ieħor iżid lil dan il-pajjiż mal-lista tal-pajjiżi soġġetti għall-konsultazzjoni minn qabel, it-tneħħija tar-rekwiżit tal-viża li tkun saret qabel ma tiġi affettwata xejn u tibqa’ tapplika;

- anki jekk fi proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel Stat Membru jopponi għall-ħruġ ta’ viża lil xi applikant, l-Istat Membru li jkun qed jipproċessa l-applikazzjoni għall-viża mhux obbligat li jirrifjuta l-viża; dak l-Istat Membru jista' jiddeċiedi li joħroġ viża b'validità territorjali limitata, li b'hekk tippermetti aċċess għat-territorju tiegħu biss. Ovvjament il-fatt li persuna tkun preżenti fiż-żona ta’ Schengen mingħajr fruntieri interni – mill-ġdid - jista’ jimplika ċertu riskju.

2.6. Il-kjarifika tas-sitwazzjoni u t-twaqqif tal-bażi legali tar-rekwiżit tal-viża jew tal-eżenzjoni mill-viża għal entitajiet oħra soġġetti għal-liġi internazzjonali li joħorġu passaporti diplomatiċi jew passaporti ta' servizz jew laissez-passers lill-membri tagħhom, iżda li mhumiex organizzazzjonijiet intergovernattivi

Jeżistu ċerti entitajiet soġġetti għal-liġi internazzjonali, li joħorġu passaporti diplomatiċi jew passaporti ta’ servizz jew laissez-passers. Dawn l-entitajiet mhumiex organizzazzjonijiet intergovernattivi, għalhekk bħalissa dawn mhumiex koperti mill-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001. Min-naħa l-oħra, dawn huma inklużi fit-Tabella ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u l-Istati Membri ddikjaraw jekk jirrikonoxxux id-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom jew le (pereżempju l-Ordni Sovran tal-Kavallieri ta’ Malta).

Hu neċessarju li tali entitajiet jiġu koperti wkoll mir-Regolament (KE) Nru 539/2001 u l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu u jinnotifikaw lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 5, jekk jeżentawx jew le lid-detenturi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa minn tali entitajiet.

3. L-organizzazzjonijiet/esperti ewlenin ikkonsultati

L-Istati Membri ġew ikkonsultati.

4. Il-valutazzjoni tal-impatt

Mhux bilfors.

5. Il-bażi legali

Abbażi tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), din il-proposta tikkostitwixxi żvilupp tal-politika komuni dwar il-viża f'konformità mal-Artikolu 77(2)(a) tat-TFUE.

6. Il-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' sussidjarjetà:

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni (il-lista negattiva) u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa (il-lista pożittiva).

Id-deċiżjoni biex jinbidlu l-listi, biex jiġi ttrasferit pajjiż mil-lista negattiva għal-lista pożittiva jew viċe versa, kif ukoll biex isiru aktar modifikazzjonijiet għar-Regolament, taqa’ fil-kompetenza tal-Unjoni skont l-Artikolu 77(2)(a) tat-TFUE. Din tikkostitwixxi suġġett fejn, għal perjodu ta’ żmien konsiderevoli, kien qed isir sforz lejn l-armonizzazzjoni totali għal raġunijiet evidenti ta’ effiċjenza.

7. L-għażla tal-istrumenti

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 għandu jiġi emendat b’Regolament.

8. L-implikazzjoni baġitarja

Il-proposta ta' emenda ma għandha l-ebda effett fuq il-baġit tal-UE.

2011/0138 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[10],

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Huma u jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi klawżola ta' salvagwardja tal-viżi li tippermetti s-sospensjoni temporanja u mgħaġġla tal-eżenzjoni mill-viża għal pajjiż terz li jkun jinsab fil-lista pożittiva f'każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza, fejn ikun hemm bżonn li jingħata rispons b'mod urġenti sabiex jiġu solvuti d-diffikultajiet li jkun qed jiffaċċja xi Stat Membru jew aktar, u li tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt ġenerali li tħalli din is-sitwazzjoni ta' emerġenza fuq l-Unjoni Ewropea kollha.

2. Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-klawżola ta' salvagwardja tal-viżi, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom ikunu konferiti fuq il-Kummissjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni[11].

3. Il-mekkaniżmu dwar ir-reċiproċità li għandu jiġi implimentat jekk wieħed mill-pajjiżi terzi msemmija fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 jissottometti liċ-ċittadini ta’ Stat Membru jew aktar għall-obbligu tal-viża, jeħtieġ li jiġi adattat għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona flimkien mal-ġurisprudenza tal-Qorti fuq bażijiet legali sekondarji.

4. Sabiex tkun żgurata l-konsistenza mar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi)[12], dan ir-Regolament jallinja d-definizzjoni ta’ viża ma' dik tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

5. Għandu jsir aktar progress biex ikun hemm armonizzazzjoni totali tal-politika komuni dwar il-viża fir-rigward tal-kategoriji ta' eċċezzjonijiet li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001. Għal dan il-għan, dan ir-Regolament jemenda l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 dwar kwistjonijiet fejn teżisti diġà armonizzazzjoni de facto jew kważi armonizzazzjoni fuq il-bażi ta’ prattiki konverġenti tal-Istati Membri.

6. Peress li r-Regolament (KE) Nru 1932/2006 dwar ir-regoli tal-viża applikabbli għar-refuġjati u l-persuni mingħajr stat ma japplikax għal tali persuni meta dawn ikunu joqogħdu fir-Renju Unit jew l-Irlanda, hu neċessarju li tiġi ċċarata s-sitwazzjoni li tikkonċerna r-rekwiżit tal-viża għal ċerti refuġjati u persuni mingħajr stat li joqogħdu fir-Renju Unit jew fl-Irlanda. Dan ir-Regolament iħalli lill-Istati Membri fil-libertà li jiddeċiedu dwar l-eżenzjoni mill-viża jew l-obbligu tal-viża għal dik il-kategorija ta’ persuni. Tali deċiżjonijiet nazzjonali għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni.

7. B’konsiderazzjoni ta’ ċerti obbligi fuq l-Istati Membri skont ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Komunità qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jimplikaw il-ħtieġa ta’ deroga mir-regoli komuni tal-viża, dan ir-Regolament jintroduċi dispożizzjoni li tippermetti lill-Istati Membri biex jeżentaw mir-rekwiżit tal-viża, lil persuni li jipprovdu servizzi matul is-soġġorn tagħhom, sakemm ikun neċessarju biex jiġu rrispettati dawk l-obbligi.

8. Dan ir-Regolament jipprovdi bażi legali għar-rekwiżit tal-viża jew għall-eżenzjoni mill-viża għal detenturi ta’ laissez-passer u ta’ passaporti diplomatiċi jew ta' passaporti ta’ servizz maħruġa minn ċerti entitajiet soġġetti għal-liġi internazzjonali li mhumiex organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali.

9. Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta' Schengen, skont il-Protokoll li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, kif iddefinit fl-Anness A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/435/KE[13] tal-20 ta' Mejju 1999 fir-rigward tad-definizzjoni tal-acquis ta' Schengen sabiex, f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tiġi ddeterminata l-bażi legali għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet jew mid-deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis.

10. Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen[14], li jaqa' fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt (B), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim[15].

11. Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen[16], li jaqa' fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt (B) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE[17].

12. Fir-rigward ta’ Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqa’ fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt (B) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill [xx/2011/UE]. Nota f'qiegħ il-paġna [ref. għall-ĠU, adottata fis-7.3.11; għadha mhix ippubblikata][18].

13. Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li ma jiħux sehem fih ir-Renju Unit, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu sehem f’xi uħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen[19]. Għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

14. Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li ma tiħux sehem fih l-Irlanda, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen[20]. Għalhekk l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa emendat kif ġej:

15. L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

16. il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i) l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma elenkati fil-lista tal-Anness II għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1 għal soġġorni ta' mhux aktar minn tliet xhur fi kwalunkwe perjodu ta’ sitt xhur mid-data tal-ewwel dħul fit-territorji tal-Istati Membri."

(ii) fit-tieni subparagrafu, huma miżjuda l-inċiżi li ġejjin:

- “membri tal-ekwipaġġ ta’ titjiriet ċivili;

- membri tal-ekwipaġġ tat-tbaħħir ċivili li jmorru barra mill-kosta u li jkollhom dokument tal-identità ta’ baħħara maħruġ skont il-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (Nru 108 tal-1958 u Nru 185 tal-2003) jew il-Konvenzjoni tal-IMO ta’ Londra tal-1965 (FAL) dwar il-faċilitazzjoni tat-traffiku marittimu internazzjonali.”

- il-punt (c) fil-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

- “fi żmien 90 jum wara l-pubblikazzjoni ta' dik in-notifika, il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat, għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport jista’ jkun akkumpanjat minn proposta li tipprovdi għad-dħul mill-ġdid temporanju tar-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz inkwistjoni. Il-Kummissjoni tista’ tippreżenta wkoll din il-proposta wara deliberazzjonijiet fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ir-rapport tagħha. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaġixxu fuq tali proposta permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

- Għandu jiddaħħal l-Artikolu 1a li ġej:

“Artikolu 1a–Klawżola ta’ salvagwardja

1. Il-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw fil-każ li Stat Membru wieħed jew aktar ikollhom jiffaċċjaw sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata bl-okkorrenza ta' kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

17. żieda f’daqqa ta’ mill-inqas 50% fuq perjodu ta’ sitt xhur, meta mqabbel mas-sitt xhur ta' qabel, fin-numru ta’ ċittadini ta’ wieħed mill-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II li jinstabu li jkunu qed joqogħdu illegalment fit-territorju tal-Istat Membru;

18. żieda f’daqqa ta’ mill-inqas 50% fuq perjodu ta’ sitt xhur, meta mqabbel mas-sitt xhur ta' qabel, fin-numru ta’ applikazzjonijiet għall-asil miċ-ċittadini ta’ wieħed mill-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II fejn ir-rata ta’ rikonoxximent tal-applikazzjonijiet għall-asil matul is-sitt xhur ta’ qabel kienet inqas minn 3%;

19. żieda f’daqqa ta’ mill-inqas 50% fuq perjodu ta' sitt xhur, meta mqabbel mas-sitt xhur ta' qabel, fin-numru ta’ applikazzjonijiet għar-riammissjoni li ġew irrifjutati, sottomessi minn Stat Membru lil wieħed mill-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II għaċ-ċittadini tiegħu stess.

2. Stat Membru li jkun qed jiffaċċja kwalunkwe waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet ta' emerġenza deskritti fil-paragrafu 1 jista' jinnotifika lill-Kummissjoni. Din in-notifika għandha tkun motivata kif xieraq u għandha tinkludi dejta u statistika rilevanti kif ukoll spjegazzjoni dettaljata tal-miżuri preliminari li jkun ħa l-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li jirrimedja s-sitwazzjoni.

3. Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni n-numru tal-Istati Membri affettwati minn kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 1 u tal-impatt globali taż-żidiet fuq is-sitwazzjoni migratorja fl-Unjoni kif din tal-aħħar tkun tidher mid-dejta pprovduta mill-Istati Membri kif ukoll minn rapporti mħejjija mill-FRONTEX u/jew mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil, u fi żmien tliet xhur wara li tkun irċeviet dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tissospendi l-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz ikkonċernat għal perjodu ta’ sitt xhur. Id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni għandha tiġi adottata skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4a(2). Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni għandha tiddetermina d-data li fiha għandha tidħol fis-seħħ is-sospensjoni tal-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża.

4. Qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ validità tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni adottata skont il-paragrafu 3, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istat(i) Membru/Membri kkonċernat(i), għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport jista’ jkun akkumpanjat minn proposta li temenda dan ir-Regolament sabiex il-pajjiż terz ikkonċernat jiġi ttrasferit fl-Anness I.

5. F'każ li l-Kummissjoni tkun ipproponiet li ssir emenda għal dan ir-Regolament sabiex jiġi ttrasferit pajjiż terz fl-Anness I, skont il-paragrafu 4, hi tista’ testendi l-validità tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni adottata skont il-paragrafu 3 għal perjodu massimu ta' disa’ xhur. Id-deċiżjoni biex tiġi estiża l-validità tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni għandha tiġi adottata skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4a(2).

20. L-Artikolu 2 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, "viża" għandha tfisser l-awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru għal tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri, jew għal soġġorn previst fih, għal mhux aktar minn tliet xhur fi kwalunkwe perjodu ta' sitt xhur mid-data tal-ewwel dħul fit-territorju tal-Istati Membri.”

21. L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

22. Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"1. Stat Membru jista’ jipprovdi għal eċċezzjonijiet mir-rekwiżit tal-viża previst fl-Artikolu 1(1) jew mill-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża kif previst fl-Artikolu 1(2), f'dak li jirrigwarda:

23. id-detenturi ta' passaporti diplomatiċi, ta' passaporti ta’ servizz/passaporti uffiċjali jew ta' passaporti speċjali;

24. l-ekwipaġġ ċivili ta' vapuri li jbaħħru f'ibħra internazzjonali;

25. id-detenturi ta’ laissez-passer, ta' passaporti diplomatiċi jew ta' passaporti ta' servizz maħruġa minn xi organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali jew minn entitajiet oħra soġġetti għal-liġi internazzjonali, għall-uffiċjali tagħhom.”

26. il-punt (d) li ġej huwa miżjud fil-paragrafu 2:

"(d) ir-refuġjati rikonoxxuti u l-persuni mingħajr stat u persuni oħra li m'għandhom ċittadinanza tal-ebda pajjiż, li joqogħdu fir-Rejnu Unit jew fl-Irlanda u li huma detenturi ta' dokument tal-ivvjaġġar maħruġ minn dawk l-Istati Membri".

27. Ġie miżjud il-paragrafu 4 ġdid:

“Sa fejn huwa impost mill-applikazzjoni tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn it-Turkija u l-KE, Stat Membru jista’ jipprevedi xi eċċezzjonijiet mir-rekwiżit tal-viża stipulat fl-Artikolu 1(1), fir-rigward ta' ċittadini Torok li jipprovdu servizzi matul is-soġġorn tagħhom."

28. Għandu jiddaħħal l-Artikolu 4a li ġej:

“L-Artikolu 4a

Proċedura tal-kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara il-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1.

[2] Ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2414/2001 tas-7 ta’ Diċembru 2001 (ĠU L 327, 12.12.2001, p. 1), ir-Regolament (KE) Nru 453/2003 tas-6 ta’ Marzu 2003 (ĠU L 69, 13.3.2003, p. 10), ir-Regolament (KE) Nru 851/2005 tat-2 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 141, 4.6.2005, p. 3), ir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1), ir-Regolament (KE) Nru 1932/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 405, 30.12.2006, p. 23), ir-Regolament (KE) Nru 1244/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 (ĠU L 336, 18.12.2009, p. 1), ir-Regolament (UE) Nru 1091/2010 tal-24 ta’ Novembru 2010 (ĠU L 329, 14.12.2010, p. 1) u r-Regolament (UE) Nru 1211/2010 tal-15 ta’ Diċembru 2010 (ĠU L 339, 22.12.2010, p. 9)

[3] ĠU L 243 15.9.2009, p. 1.

[4] ĠU L 243 15.9.2009, p. 1.

[5] ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[6] ĠU L 141, 4.6.2005, p. 3.

[7] Fil-Kawża 241/05, il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ddeċidiet li l-Artikolu 20(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, għandu jiġi interpretat b'tali mod li t-terminu ‘l-ewwel dħul’ f’dik id-dispożizzjoni jirreferi, minbarra l-ewwel dħul assolut fit-territorji tal-Istati Kontraenti għal dak il-ftehim, għall-ewwel dħul f’dawk it-territorji, li jseħħ wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ sitt xhur eżatt wara dak l-ewwel dħul assolut u kif ukoll għal kwalunkwe l-ewwel dħul ieħor li jseħħ wara l-iskadenza ta’ kwalunkwe perjodu ġdid ta’ sitt xhur minn data preċedenti tal-ewwel dħul. Dan – permezz ta’ interpretazzjoni analoga – japplika wkoll għal żjarat abbażi ta’ viża.

Viża ta’ żjara qasira hi viża tal-ivvjaġġar valida għal dħul wieħed jew iżjed, sakemm la t-tul taż-żjara kontinwa u lanqas it-tul totali taż-żjarat suċċessivi ma jaqbżux it-tliet xhur fi kwalunkwe semestru, mid-data tal-ewwel dħul. Il-barranin li mhumiex soġġetti għar-rekwiżit tal-viża jistgħu jiċċaqalqu b'mod liberu fit-territorji tal-Istati ta' Schengen għal mhux aktar minn tliet xhur f'perjodu ta' sitt xhur wara d-data tal-ewwel dħul.

[8] ĠU L 116, 24.4.2001, p. 2.

[9] ĠU L 243 15.9.2009, p. 1.

[10] ĠU C […], […], p. […].

[11] ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[12] ĠU L 243 15.9.2009, p. 1.

[13] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 1.

[14] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

[15] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

[16] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

[17] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

[18] ĠU L ……

[19] ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

[20] ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.