18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/116


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn ftehim komprensiv dwar it-tibdil fil-klima f'Kopenħagen”

COM(2009) 39 finali

(2010/C 128/22)

Relatur: is-Sur McDONOGH

Nhar it-28 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn ftehim komprensiv dwar it-tibdil fil-klima f'Kopenħagen

COM(2009) 39 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Settembru 2009.

Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-5 ta’ Novembru 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’168 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE huwa ddiżappuntat ħafna li l-Kapijiet ta’ Stat tal-UE għadhom ma laħqux ftehim dwar id-deċiżjonijiet kruċjali dwar il-finanzjament għat-tibdil fil-klima.

1.2.   Il-KESE jirrakkomanda li, b’konformità mar-riżultati xjentifiċi, tiġi stabbilita mira għal perijodu fit-tul (sal-2050) ta’ madwar 2 tunnellati ekwivalenti ta’ CO2 per capita kull sena, bil-għan li t-tisħin dinji ma jiżdidx b’aktar minn 2 °C.

1.3.   Il-KESE huwa tal-fehma li l-UE għandha tistabbilixxi mira intermedja ta’ tnaqqis ta’ mill-anqas 30 % fl-emissjonijiet globali tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-1990, dejjem sakemm ikun hemm tnaqqis komparabbli min-naħa ta’ pajjiżi żviluppati oħra u ta’ pajjiżi ekonomikament aktar avvanzati li qed jiżviluppaw.

1.4.   Il-pajjiżi żviluppati għandhom jimpenjaw ruħhom sabiex jiksbu tnaqqis ta’ mill-anqas 80 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2050, meta mqabbla mal-1990.

1.5.   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li bħala grupp, il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (bl-eċċezzjoni tal-pajjiżi l-anqas żviluppati tal-Afrika) sal-2020 għandhom jillimitaw iż-żieda fl-emissjonijiet tagħhom għal 15 % sa 30 % inqas milli f’xenarju fejn kollox jibqa’ l-istess.

1.6.   Il-gassijiet b’effett ta’ serra mill-avjazzjoni u t-trasport marittimu għandhom jiġu inkluzi fin-negozjati ta’ Kopenħagen.

1.7.   Il-KESE jtenni li sal-2020, id-deforestazzjoni grossa tal-foresti tropikali għandha tonqos b’mill-inqas 50 % meta mqabbla mal-livelli attwali. Fl-istess ħin, għandha tiġi assigurata l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, l-imriegħi, l-artijiet mistagħdra jew tal-pît fi bnadi oħra tal-pajjiżi żviluppati u għall-futur tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

1.8.   Il-KESE jaqbel mal-fatt li l-Kummissjoni tappoġġja ftehim internazzjonali bil-għan li jiżdiedu aktar gassijiet iffluworurati fil-qafas tal-Protokoll ta’ Kjoto.

1.9.   Għandu jiġi pprovdut finanzjament adegwat għar-riċerka dinjija (u reġjonali) dwar it-tibdil fil-klima, l-iżvilupp tat-teknoloġija u l-wiri.

1.10.   Il-KESE jappoġġja edukazzjoni proattiva u politika usa’ bil-għan li ċ-ċittadini tal-Ewropa u lil hinn jifhmu aħjar it-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu.

1.11.   Il-kriżi ekonomika globali attwali m’għandhiex ixxekkel it-teħid ta’ azzjonijiet deċiżivi u urġenti fil-qasam tat-tibdil fil-klima.

2.   Daħla

2.1.   Il-KESE huwa konvint li, fid-dawl tar-riżultati xjentifiċi reċenti li ħarġu mir-raba’ rapport ta’ valutazzjoni tal-Bord ta’ Esperti Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (l-IPCC) ’l quddiem, hemm bżonn ta’ azzjoni immedjata u issa aktar minn qatt qabel.

2.2.   Fl-1996, il-gvernijiet tal-UE stabbilixxew mira ta’ tisħin massimu li jista’ jiġi ttollerat ta’ 2 oC aktar mil-livelli preindustrijali u din ġiet affermata mill-ġdid mill-Kunsilli Ewropej u l-Kunsilli Ambjentali u aktar reċentement mill-Grupp ta’ Esperti tal-UE dwar it-Tibdil fil-Klima. Jekk dan il-livell jinqabeż jista’ joħloq problemi soċjali kbar minħabba l-impatt fuq is-saħħa, in-nuqqas ta’ ilma u n-nuqqas ta’ sigurtà fil-provvista tal-ikel u l-migrazzjoni mġiegħla. Madankollu, dawn il-2 oC mhumiex biżżejjed peress li diġà qed nosservaw li temperatura medja globali ta’ aktar minn 0.8 oC mil-livelli preindustrijali qed twassal għall-għajbien tas-silġ tal-Baħar Arktiku b’rata mgħaġġla ħafna.

2.3.   Ir-riżultati xjentifiċi reċenti huma ħafna aktar allarmanti minn dawk tar-raba’ rapport ta’ valutazzjoni tal-IPCC. L-organizzazzjoni Global Carbon Project ikkonfermat li l-emissjonijiet tal-karbonju qed jiżdiedu (b’medja ta’ 3.5 % bejn l-2000 u l-2007, żieda ta’ kważi erba’ darbiet aktar mill-0.9 % fis-sena bejn l-1990 u l-1999), b’rati ta’ tkabbir li jisbqu anke l-agħar xenarju possibbli stabbilit fir-Rapport Speċjali tal-IPCC dwar ix-Xenarji Possibbli fir-rigward tal-Emissjonijiet.

3.   Il-miri tal-emissjonijiet

3.1.   Sfond

Il-pajjiżi żviluppati u industrijalizzati, li jinkludu madwar biljun mis-6.7 biljun individwu fid-dinja skont statistika tal-2008, huma responsabbli għal madwar 70 % tal-emissjonijiet kollha mill-1950 ’il quddiem. Fil-futur, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħalissa ser jiġġeneraw il-biċċa l-kbira tal-emissjonijiet.

L-emissjonijiet globali għall-1990 u l-2000 kienu ta’ madwar 40 gigatunnellata (Gt) ekwivalenti ta’ CO2 fis-sena, u fl-2008 kienu ta’ madwar 50 gigatunnellata ekwivalenti ta’ CO2. L-emissjonijiet globali per capita fis-sena fl-1990 u fl-2000 kienu ta’ 7-7.5 tunnellati metriċi per capita u kważi 8 tunnellati metriċi per capita fl-2008. Il-ħidma reċenti mmexxija mill-Grupp ta’ Riċerka dwar l-Impatt tal-Klima f’Potsdam, il-Ġermanja, ikkonkludiet li l-emissjonijiet globali tal-gassijiet b’effett ta’ serra għandhom jonqsu b’aktar minn 50 % sal-2050, meta mqabbla mal-livelli tal-1990, sabiex ir-riskju li naqbżu l-mira ta’ 20C ma jkunx akbar minn 25 % (li xorta waħda mhuwiex riskju insinjifikanti).

3.2.   Il-KESE jirrakkomanda li, b’konformità mar-riżultati xjentifiċi u mal-ftehim xjentifiku ġenerali, tiġi stabbilita mira fuq il-perijodu iktar fit-tul (sal-2050) ta’ madwar 2 tunnelllati ekwivalenti ta’ CO2 per capita kull sena, u dan huwa ekwivalenti għal mira ta’ stabilizzazzjoni għall-emmissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra ta’ madwar 500 ppm ekwivalenti ta’ CO2. Il-mira ta’ 2 tunnellati per capita kull sena għandha tiġi promossa fil-livell nazzjonali.

3.3.   Il-KESE jaqbel mal-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet imressqa mill-Kummissjoni li jipprovdu għal tnaqqis tal-emissjonijiet globali għal anqas minn 50 % tal-livelli tal-1990 sal-2050.

3.4.   Il-KESE jaqbel mar-rabba’ rapport annwali tal-IPCC u mar-riżultati tal-ħidma aktar reċenti li l-pajjiżi żviluppati għandhom jimpenjaw ruħhom sabiex jiksbu tnaqqis ta’ mill-anqas 80 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2050, meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

L-UE tat l-eżempju billi mpenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet tagħha b’20 % sal-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

3.5.   Barra minn hekk, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li, kif ġie propost, l-UE għandha tistabbilixxi mira ogħla ta’ tnaqqis – ta’ 30 % – sal-2020, dejjem sakemm ikun hemm impenn għal tnaqqis komparabbli min-naħa ta’ pajjiżi żviluppati oħra u għal tnaqqis adegwat min-naħa ta’ pajjiżi ekonomikament aktar avvanzati li qed jiżviluppaw. Mhux il-pajjiżi kollha mniżżlin fl-Anness 1 tal-Protokoll ta’ Kjoto biss għandhom jimpenjaw ruħhom biex jiksbu din il-mira, iżda wkoll il-pajjiżi kollha membri tal-OECD, l-Istati Membri kollha tal-UE, il-pajjiżi kandidati u dawk li huma kandidati potenzjali tal-UE. Dan l-impenn min-naħa tal-pajjiżi żviluppati huwa meħtieġ, jekk mhux assolutament indispensabbli, biex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw isegwu u jadottaw il-miri. Dawn il-miri għandhom jiġu riveduti maż-żmien u għandu jitfassal pjan direzzjonali li jispeċifika l-miri previsti għall-2030 u l-2040, fid-dawl tal-aħħar riżultati tar-riċerka xjentifika.

3.6.   Il-KESE jinsab imħasseb ħafna dwar in-nuqqas ta’ ambizzjonijiet fil-proposti mressqa mill-pajjiżi żviluppati ewlenin l-oħra bħall-Istati Uniti u l-Ġappun. Fil-fatt, il-proposti tagħhom għadhom lura ħafna meta mqabbla mal-miri proposti hawn fuq għall-2020. Nhar il-21 ta’Mejju 2009, il-Kumitat tal-Enerġija u l-Kummerċ tal-Kungress Amerikan adotta leġiżlazzjoni dwar l-enerġija u t-tisħin dinji li tipprovdi għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ 17 % meta mqabbla mal-livelli tal-2005 (u mhux tal-livelli tal-1990 li huma partikolarment aktar baxxi) sal-2020 u għal tnaqqis ta’ 83 % sal-2050. Madankollu, din il-leġiżlazzjoni, li fiha 930 paġna, għad trid tiġi approvata mill-Gvern tal-Istati Uniti u x’aktarx dan mhux ser isir fiż-żmien mixtieq qabel il-konferenza ta’ Kopenħagen f’Diċembru. Il-KESE jinsab imħasseb dwar l-impatt li dan jista’ jkollu fuq is-suċċess tan-negozjati ta’ Kopenħagen.

3.7.   Il-KESE jikkritika wkoll in-nuqqas ta’ impenn finanzjarju konkret min-naħa tal-G8, tmien nazzjonijiet oħra u l-UE li ltaqgħu matul il-Forum tal-Akbar Ekonomiji dwar l-Enerġija u l-Klima f’L’Aquila, l-Italja, fid-9 ta’ Lulju 2009. Għalkemm ftehmu fuq mira globali fuq il-perijodu fit-tul għal tnaqqis tal-emissjonijiet dinjija tal-anqas b’50 % sal-2050, u mira ta’ tnaqqis ta’ 80 % jew aktar għall-pajjiżi żviluppati sal-2050, ma ngħatat l-ebda sena ta’ bażi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u ma ġew stabbiliti l-ebda miri għat-terminu medju (sal-2020).

3.8.   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li bħala grupp, il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (bl-eċċezzjoni tal-pajjiżi l-anqas żviluppati tal-Afrika) fl-istess waqt sal-2020 għandhom jillimitaw iż-żieda tal-emissjonijiet tagħhom għal 15 sa 30 % inqas milli f’xenarju fejn kollox jibqa’ l-istess.

Il-KESE jaħseb li biex dawn il-miri jintlaħqu hemm bżonn ta’ azzjoni bikrija u miftiehma.

3.9.   Il-KESE huwa tal-fehma li l-massa tal-emissjonijiet per capita huwa indiċi ġusta għall-miri ta’ tnaqqis tal-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw, peress li kwalunkwe ċittadin tad-dinja għandu jkollu l-istess drittijiet fil-qasam tat-tniġġis.

3.10.   Il-proporzjonijiet bħall-intensità tal-karbonju (l-emissjonijiet tal-karbonju għal kull unità tal-PDG) jistgħu jintużaw bħala indiċi għall-mira ta’ tnaqqis, għalkemm il-KESE jirrakkomanda li dan jintuża bil-kawtela, peress li t-tnaqqis ta’ dan il-parametru jista’ jirriżulta minn żieda fil-PDG ta’ pajjiż u mhux minn tnaqqis ġenerali tal-emissjonijiet ta’ dak il-pajjiż.

4.   Emissjonijiet mill-avjazzjoni u t-trasport marittimu

4.1.   L-emissjonijiet

4.1.1.   L-avjazzjoni internazzjonali (u nazzjonali) kif ukoll it-trasport marittimu jikkostitwixxu sors dejjem jikber ta’ emissjonijiet globali – l-emissjonijet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mill-avjazzjoni internazzjonali żdiedu b’4.5 % fis-sena bejn l-1990 u l-2004 filwaqt li l-emissjonijiet mit-trasport marittimu żdiedu b’2.75 % fis-sena fl-istess perijodu. Minkejja dan, dawn l-emissjonijiet mhumiex ikkontrollati fil-qafas tal-UNFCCC u l-Protokoll tagħha ta’ Kjoto. L-avjazzjoni hija responsabbli għal madwar 2 % tal-emissjonijiet globali, skont l-emissjonijiet tas-CO2 mill-avjazzjoni fl-2007 u dan il-persentaġġ x’aktarx jiżdied fil-futur qarib. F’Ġunju 2009 l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA) adottat sensiela ta’ miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mill-avjazzjoni. L-IATA tipproponi wkoll li l-emissjonijiet jitqiesu (jitħallsu) fil-livell globali u mhux fil-livell reġjonali jew lokali. Ir-rapporti reċenti tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) juru li t-trasport marittimu jipproduċi madwar 843 MT CO2 fis-sena (madwar 3.5 % tal-ammont totali emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fil-livell dinji), ekwivalenti għall-emissjonijiet ta’ pajjiż żviluppat kbir bħall-Ġermanja.

4.2.   Il-miri

4.2.1.   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali u t-trasport marittimu għandhom jiġu inklużi fil-ftehim ta’ Kopenħagen: “għal livell li jkun inqas minn dawk tal-2005 sal-2020, u għal livell li jkun ferm inqas mil-livell tal-1990 sal-2050”. Barra minn hekk, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li jekk sa tmiem l-2010 ma jkun hemm l-ebda ftehim fi ħdan l-Organizzazzjoni għall-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar il-miri tal-emissjonijiet, l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali u mit-trasport marittimu ser jingħaddu mal-ammont totali nazzjonali skont il-ftehim ta’ Kopenħagen. Il-KESE jtenni li l-applikazzjoni għal skemi ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet hija konsiderevolment aktar ikkomplikata fit-trasport marittimu milli fl-avjazzjoni u li skema globali alternattiva tista’ tkun aktar effettiva minn skema tal-UE jew skema reġjonali oħra (ara wkoll l-opinjoni tal-KESE dwar Lejn trasport marittimu u dak fuq l-ibħra interni aktar ekoloġiku).

5.   Emissjonijiet mill-użu tal-art u mit-tibdil fl-użu tal-art

5.1.   It-tibdil fl-użu tal-art – id-deforestazzjoni fi kwantitajiet kbar, il-ħruq tal-pît u attivitajiet simili oħra huma responsabbli għal madwar 17.4 % tal-emissjonijiet globali attwali.

5.2.   Fid-dawl ta’ din il-proporzjoni kbira ta’ emissjonijiet mit-tibdil fl-użu tal-art, il-KESE jisħaq mill-ġdid fuq il-ħtieġa li nnaqqsu d-deforestazzjoni grossa tal-foresti tropikali mill-anqas b’50 % sal-2020 meta mqabbla mal-livelli attwali (ara l-opinjoni tal-KESE dwar Nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità).

5.3.   Fl-istess ħin, għandha tiġi żgurata l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, l-imriegħi, l-artijiet mistagħdra jew tal-pît, għall-ewwel fil-pajjiżi żviluppati (u mbagħad fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw) sabiex is-CO2 jibqa’ jinqabad ukoll f’dawn il-pajjiżi. Il-pajjiżi kollha għandhom jieħdu passi sabiex jikkontrollaw id-deforestazzjoni.

5.4.   L-Ewropa għandha tagħti eżempju tajjeb u tippromovi l-ħarsien tal-foresti billi pereżempju l-prodotti tal-injam jingħataw ċertifikazzjoni ta’ ġestjoni sostenibbli.

5.5.   L-aspetti tas-settur agrikolu li huma marbutin mat-tibdil fil-klima huma indirizzati f’opinjoni separata tal-KESE (1) u għaldaqstant m’humiex żviluppati aktar f’din l-opinjoni.

6.   Approċċi settorjali fil-kuntest tan-negozjati dwar it-tibdil fil-klima

6.1.   Il-KESE jipproponi li tingħata attenzjoni lir-rwol ta’ approċċ settorjali sabiex nikkomplementaw in-negozjati dwar it-tibdil fil-klima. Pereżempju, fuq il-bażi tas-suġġerimenti f’rapport tal-grupp ta’ ħidma dwar il-Protokoll ta’ Kjoto, barra l-miri nazzjonali dwar l-emissjonijiet jistgħu jiġu stabbiliti miri volontarji/obbligatorji, kwantittattivi/kwalitattivi f’setturi speċifiċi (bħall-elettriku, il-ħadid u l-azzar, is-siment). L-approċċ settorjali huwa deskritt f’aktar dettall b’rabta mal-possibbiltajiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal ftehim globali dwar it-tibdil fil-klima.

7.   Gassijiet iffluworurati

7.1.   Il-KESE jaqbel mal-proposta li bosta kimiki industrijali ġodda jiġu inklużi fi trattat futur dwar il-klima. Wieħed minn dawn il-kompożizzjonijiet, it-Triflorur tan-nitroġenu (NF3), huwa komponent li jintuża ħafna fil-manifattura ta’ kompjuters personali u ta’ televiżjonijiet b’LCD flat-screen u bejn wieħed u ieħor huwa 17 000 darba aktar qawwi mis-CO2. L-idrofluworokarburi (HFCs) pereżempju m’humiex ikkontrollati mill-konvenzjoni ta’ Montreal u jintużaw bħala sostituti tal-HCFCs. Kimiki ġodda oħra li qegħdin jiġu kkunsidrati jinkludu tipi ġodda ta’ perfluworokarburi (PFCs) u HFCs, trifluworometil pentafluworur tal-kubrit (SF5CF3), eteri fluworurati, perfluworopolieteri (PFPEs) u l-idrokarburi (HCs). L-industrija tal-kimika hija mħeġġa tiżviluppa sostituti għall-gassijiet industrijali ġodda li għandhom potenzjal kbir li jikkontribwixxu għat-tisħin tad-dinja.

7.2.   Miri

7.2.1.   Il-KESE jaqbel mal-fatt li l-Kummissjoni beħsiebha żżid, permezz ta’ ftehim internazzjonali, il-gassijiet iffluworurati li ġejjin fil-qafas tal-Protokoll ta’ Kjoto: tipi ġodda ta’ HFCs u PFCs; trifluworometil pentafluworur, eteri fluworurati, PFPEs u HCs, bil-għan li jiġi stabbilit limitu qabel ma jibdew jitnaqqsu b’mod gradwali.

7.2.2.   Il-KESE jirrakkomanda li l-monitoraġġ u l-verifika tal-livelli ta’ konċentrazzjoni tal-gassijiet iffluworurati l-ġodda għandhom jikkostitwixxu parti importanti tal-ftehimiet internazzjonali.

8.   Miżuri ta’ mitigazzjoni

8.1.   Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-gvernijiet nazzjonali għandhom jippromovu miżuri favur it-tnaqqis fl-użu tal-enerġija li ma jiswewx ħafna flus bħall-miżuri għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini bis-saħħa ta’ regolamentazzjoni u standards. Tista’ tiġi introdotta leġiżlazzjoni għall-promozzjoni tat-tnaqqis tal-iskart u tar-riċiklaġġ. Jistgħu jingħataw sussidji biex iħeġġu lin-nies biex fost affarijiet oħra jinstallaw panewijiet solari u jtejbu l-iżolazzjoni fi djarhom

8.2.   Sorsi rinnovabbli tal-enerġija għandhom jiġu appoġġjati. Pereżempju, għandhom jingħataw sussidji biex jitwaqqfu turbini tar-riħ għall-produzzjoni tal-elettriku u għandu jkollhom il-faċilità li jkunu mqabbdin man-netwerk tal-elettriku. Nistgħu wkoll nużaw ġeneraturi li jkunu mqabbda man-netwerk tal-elettriku u li jkunu jaħdmu bil-bijogass (magħmul minn taħlita ta’ ħaxix, veġetazzjoni, sikrana, eċċ., li titħalla tiffermenta biex jiġi prodott il-metanu), kif irnexxilha tagħmel il-Ġermanja fil-qafas tal-liġi dwar is-sorsi rinnovabbli tal-enerġija u li bis-saħħa ta’ din il-leġiżlazzjoni aktar minn 14 % tal-elettriku tal-pajjiż jiġi minn sorsi rinnovabbli.

8.3.   Jeħtieġ li nippromovu t-teknoloġiji ekoloġiċi u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Il-pajjiżi żviluppati u li qed jiżviluppaw huma mħeġġa jieħdu t-triq tal-innovazzjoni u fejn ikun possibbli jadottaw teknoloġiji ġodda li jagħmlu użu effiċjenti tal-enerġija.

8.4.   Jeħtieġ li l-impjanti tal-elettriku kemm dawk li jeżistu diġà kif ukoll il-ġodda jittejbu billi jittieħdu miżuri bħat-tibdil għal karburanti b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, iż-żieda tal-proporzjoni tal-enerġija rinnovabbli jew nukleari, l-użu ta’ teknoloġiji aktar effiċjenti fl-impjanti tal-elettriku

8.5.   Il-KESE jirrakkomanda li l-investiment inizjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jkun immirat lejn ix-xiri tal-aqwa teknoloġiji disponibbli lokalment jew li jkunu adatti għall-kundizzjonijiet lokali.

9.   Miżuri ta’ adattament

9.1.   Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Bali jagħraf il-fatt li l-adattament għandu jiġi inkluż b’mod espliċitu fi ftehim dwar it-tibdil fil-klima għal wara l-2012. L-adattament għat-tibdil fil-klima, fejn is-soċjetà jkollha ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tiffaċċja l-impatti tat-tibdil fil-klima, reċentement ġie enfasizzat waqt Laqgħa Xjentifika Internazzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima. Fl-1 ta’ April 2009, tressqet White Paper tal-KE (COM (2009) 147 finali) dwar il-miżuri ta’ adattament li ser jippermettu lill-UE u lill-Istati Membri jippreparaw ruħhom aħjar għall-impatti tat-tibdil fil-klima.

9.2.   Il-KESE jappoġġja r-rieda tal-Kummissjoni li twaqqaf qafas għall-adattament fi ħdan il-ftehim ta’ Kopenħagen. Dan il-qafas għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

approċċ strateġiku għall-adattament,

l-adattament għandu jiġi integrat fl-oqsma ewlenin tal-politika Ewropea,

l-adattament għandu jseħħ fil-livell lokali u reġjonali,

appoġġ għall-adattament fil-pajjiżi l-inqas żviluppati u fl-istati gżejjer żgħar li qegħdin jiżviluppaw fil-qafas tal-Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima kif ukoll f’isem il-UNFCC, permezz tal-qafas għal azzjoni dwar l-adattament.

9.3.   Biex il-politiki ta’ adattament jirnexxu jeħtieġ li l-piżijiet jitqassmu b’mod ġust u li jitqiesu l-impatti fuq l-impjiegi u fuq il-kwalità tal-ħajja ta’ gruppi bi dħul baxx. Id-dimensjoni soċjali tal-politiki ta’ adattament għandha tiġi eżaminata wkoll u l-imsieħba soċjali kollha għandhom jiġu involuti.

10.   Ir-riċerka dinjija, l-iżvilupp teknoloġiku u l-wiri

Il-KESE jemmen li għandu jiġi pprovdut minnufih finanzjament għar-riċerka dinjija (u reġjonali), għall-iżvilupp teknoloġiku u l-wiri (RD&D). L-iskemi tar-RD&D huma rrakkomandati sabiex ikun hemm żvilupp aċellerat, it-titjib tekniku u l-introduzzjoni fis-suq ta’ sorsi rinnovabbli tal-enerġija u tal-koġenerazzjoni tas-sħana u l-enerġija għall-impjanti tal-elettriku.

10.1.1.   Il-KESE jappoġġja x-xewqa tal-Kummissjoni (SEC (2008) 3104 finali) li timplimenta riċerka integrata dwar it-tibdil fil-klima fis-Seba’ Programm Qafas ta’ Riċerka. Il-KESE jirrakkomanda sħubija aktar mill-qrib bejn il-KE u l-IPCC fis-Seba’ Programm Qafas ta’ Riċerka u fi programmi ta’ riċerka relatati fil-futur.

10.1.2.   Il-KESE jappoġġja l-idea li tingħata spinta ’l quddiem lir-riċerka, l-iżvilupp u l-wiri ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u li jagħmlu użu effiċjenti tal-enerġija li ġew identifikati mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, kif ukoll ta’ dawk it-teknoloġiji li ġew identifikati fil-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET) tal-UE bil-għan li jitnieda mill-ġdid u jitħaffef l-iżvilupp ta’ teknoloġiji strateġikament importanti b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u li jagħmlu użu effiċjenti tal-enerġija.

10.1.3.   Il-kwistjoni dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw inbidlet b’mod sinifikanti mill-1995 ’l quddiem, meta daħal fis-seħħ il-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPs). Skont dan il-ftehim, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jirrispettaw il-privattivi barranin. Mindu ġie introdott dan il-Ftehim, il-kumpaniji qed isibu li jaqblilhom aktar iressqu l-applikazzjonijiet tagħhom għall-privattivi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

10.2.   Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni favur l-miri li ġejjin:

it-twettiq ta’ riċerka dwar l-impatti tat-tibdil fil-klima, l-adattament u possibilitajiet oħra għall-mitigazzjoni fil-livell nazzjonali u internazzjonali;

il-promozzjoni tal-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika internazzjonali għar-riċerka kollha li hija relatata mal-klima, inkluż it-teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fis-setturi kollha;

li tal-anqas tirdoppja ir-RD&D relatati mal-enerġija sal-2012 u li sal-2020 ikunu erba’ darbiet aktar mill-livelli attwali, b’bidla sinifikanti favur it-teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju speċjalment sorsi rinnovabbli tal-enerġija.

11.   Riżorsi Finanzjarji

11.1.   Kwalunkwe ftehim komprensiv li jintlaħaq f’Kopenħagen għandu jiġi appoġġjat minn riżorsi finanzjarji adegwati. Il-proposti finanzjarji tal-pajjiżi żviluppati għandhom jitressqu f’qasir żmien jekk irridu nimmotivaw u nħeġġu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jieħdu azzjoni. Il-finanzjament, flimkien mal-miri mifthema mill-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw, huwa l-fattur ewlieni li jiddetermina s-suċċess jew il-falliment ta’ Kopenħagen.

11.2.   Hemm nuqqas ta’ ħeġġa fl-impenn tal-UE lejn il-Konferenza ta’ Kopenħagen u dan joħroġ fid-dieher permezz tal-fatt li waqt il-laqgħa tat-18 u d-19 ta’ Ġunju 2009, il-Kapijiet ta’ Stat tal-UE ipposponew deċiżjonijiet kruċjali dwar il-finanzjament tat-tibdil fil-klima u ddikjaraw li l-prinċipji tal-kapaċità li wieħed iħallas u jinżamm responsabbli għall-emissjonijiet għandhom iservu ta’ bażi għall-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

11.3.   Peress li l-Kunsill Ewropew s’issa għadu ma ħa l-ebda deċiżjoni dwar il-finanzjament, il-KESE jinsab imħasseb ħafna dwar in-nuqqas ta’ urġenza f’dan ir-rigward. Huwa inkwetanti ħafna li s’issa l-pajjiżi żviluppati, inkluż l-UE, mhumiex qed jagħmlu wegħdiet jew impenji finanzjarji adegwati.

11.4.   Investiment f’oqsma bħal dak tat-teknoloġiji li jagħmlu użu effiċjenti tal-enerġija u profil wiesa’ ta’ teknoloġiji b’livelli baxxi ta’ emissjonijiet ta’ karbonju jippromovu t-tkabbir ekonomiku u jtejbu l-iffrankar tal-enerġija.

11.5.   Ir-riżorsi bil-għan li jiffinanzjaw miżuri li jtaffu ż-żieda fl-emissjonijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jiġu minn sorsi domestiċi u esterni, mis-suq dinji tal-karbonju u mill-kontribut tal-pajjiżi żviluppati.

: l-investiment sal-2020 u t-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija fil-biċċa l-kbira tagħhom għandhom isiru bi prezz relattivament baxx permezz ta’ miżuri li jippromovu l-użu effiċjenti tal-enerġija fid-dar, fil-bini u fis-settur privat; u l-politiki tal-gvern għall-ambjent u l-enerġija jistgħu jappoġġjaw dan l-investiment finanzjarju. Barra minn hekk, is-sussidji u s-self ta’ flus fil-qafas ta’ programmi nazzjonali, internazzjonali u bilaterali jistgħu jkunu sorsi potenzjali oħra ta’ finanzjament.

: għall-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni li jmorru lil hinn minn possibbiltajiet ta’ prezzijiet baxxi jew ta’ benefiċċju nett fuq il-perijodu qasir u li jirrekjedu finanzjament li jisboq il-kapaċitajiet domestiċi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikkonċernati, jeħtieġ li tiġi appoġġjata s-sensiela sħiħa ta’ sorsi u mekkaniżmi innovattivi ta’ finanzjament, inkluż il-fondi pubbliċi u mekkaniżmi internazzjonali għall-ikkreditar tal-karbonju. Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni li tibni suq tal-karbonju li jkopri l-OECD kollha sal-2015 billi ġġib flimkien l-ETS tal-UE flimkien ma’ sistemi komparabbli ta’ limiti massimi u skambji oħra u suq usa’ sal-2020.

11.6.   Il-Kunsill Ewropew enfasizza l-ħtieġa li jiġu eżaminati f’aktar dettall il-mekkaniżmi internazzjonali ta’ finanzjament. Is-suġġett ser jerġa’ jkun fuq l-aġenda tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru. Il-KESE huwa konvint li l-kwistjoni ser tiġi indirizzata tard ħafna peress li l-Konferenza ta’ Kopenħagen ser tinżamm f’Diċembru.

Il-KESE jabel mal-Kummissjoni li l-pajjiżi żviluppati għandhom jagħtu l-kontribut tagħhom permezz ta’ finanzjament pubbliku u billi jużaw mekkaniżmi għall-ikkreditar tal-karbonju. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji pubbliċi għandhom ikunu komparabbli u bbażati fuq il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas kif ukoll fuq il-kapaċità ekonomika ta’ kull pajjiż. Il-firxa tal-kontribuzzjonijiet għandha tiġi negozjata u għandha tagħmel parti integrali mill-ftehim:

i)

L-impenn finanzjarju annwali tal-pajjiżi żviluppati għandu jiġi determinat fuq il-bażi ta’ formula stabbilita (li tikkombina l-priniċipju ta’ min iniġġes iħallas u l-kapaċità ta’ dak li jkun biex iħallas);

ii)

Għandu jitwarrab persentaġġ tal-emissjonijiet li huma permessi għal kull pajjiż żviluppat. Imbagħad, dawn l-emissjonijiet jiġu rkantati lill-gvernijiet f’livell internazzjonali miftiehem.

11.7.1.   Il-KESE jilqa’ b’mod partikolari l-proposta tal-Messiku li kull pajjiż fid-dinja għandu jikkontribwixxu f’riżerva ċentrali u d-daqs tal-kontribuzzjoni għandu jkun ibbażat fuq formula li tqis il-popolazzjoni ta’ kull pajjiż, il-PDG u l-livell tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. Din ir-riżerva ċentrali mbagħad tinqasam bejn il-pajjiżi kollha skont il-bżonnijiet tagħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet, jibnu teknoloġiji ekoloġiċi u jadattaw għall-impatti tat-tibdil fil-klima.

11.8.   Il-KESE

jappoġġja l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ limiti massimi u skambji l-ewwel fost il-pajjiżi żviluppati u mbagħad maż-żmien fost il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ewlenin;

jappoġġja wkoll ir-riforma tal-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (CDM) peress li l-fatt li n-natura tas-CDM hija speċifika għal kull proġett ħoloq spejjeż amministrattivi u ta’ tranżażżjoni kbar; Uzzjoni possibbli hija bidla mis-CDM attwali li huwa bbażat fuq il-proġett ikkonċernat għal CDM settorjali. Soluzzjoni oħra hija CDM ibbażat fuq l-iżvilupp tat-teknoloġija u t-trasferiment li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Bali.

11.9.   L-istimi tal-ispejjeż biex jintlaħqu l-miri fuq il-perijodu fit-tul sal-2050 mhumiex żgħar (madwar 2 % tal-PDG attwali), iżda l-ispejjeż ikunu konsiderevolment akbar jekk ma tittiħidx azzjoni deċiżiva.

12.   Is-sensibilizzazzjoni u l-involviment tal-pubbliku

12.1.   Jeħtieġ li l-pubbliku jsir aktar konxju tas-sitwazzjoni attwali tat-tisħin dinji u tal-konsegwenzi li dan iġib miegħu jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni minnufih fir-rigward tat-tibdil fil-klima.

12.2.   Iċ-ċittadini għandhom jitħeġġu u jingħataw inċentivi sabiex jagħtu sehemhom billi jużaw forom ta’ enerġija aktar ekoloġiċi, jixtru prodotti u servizzi li jagħmlu użu aktar effiċjenti tal-enerġija, u jnaqqsu l-impatt tal-karbonju tagħhom.

12.3.   Il-KESE jemmen li l-pajjiżi, permezz tal-mezzi tax-xandir, għandhom jissensibilizzaw liċ-ċittadini fir-rigward tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni minnufih, il-konservazzjoni tal-enerġija u li jiġu provduti sorsi alternattivi tal-enerġija (mhux mill-karburanti fossili) u b’hekk ikunu qed jgħinu biex inaqqsu l-gassijiet b’effet ta’ serra li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Jeħtieġ ukoll li l-kwistjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima jiġu indirizzati fl-iskejjel primarji u sekondarji, fil-qafas ta’ programmi edukattivi li għandhom jiġu inklużi fi strateġija fuq il-perijodu aktar fit-tul.

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tinħtieġ politika għal edukazzjoni proattiva bil-għan li jiġi promoss fehim aħjar tat-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu.

12.4.   Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-Kunsill Ewropew għandu jħeġġeġ lill-Istati Membri biex, fil-qafas tal-kompetenzi nazzjonali tagħhom, jappoġġjaw u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-intrapriżi, it-trejdjunjins u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili organizzata fil-promozzjoni tal-istrateġiji u l-inizjattivi dwar it-tibdil fil-klima.

12.5.   Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali għandhom jikkooperaw aktar mill-qrib biex joħolqu bażi soda ta’ għarfien dwar l-impatti u l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima billi jimmobilizzaw iċ-ċittadini tagħhom u s-settur privat. Pereżempju, madwar 500 muniċipalità impennjaw ruħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 b’aktar minn 20 % sal-2020 fil-qafas tal-Inizjattiva tal-UE tal-Patt tas-Sindki.

13.   Klawżola ta’ reviżjoni

13.1.   Il-KESE jenfasizza l-fatt li reviżjoni perjodika tal-progress ġenerali u tal-adegwatezza tal-impenni u l-azzjonijiet kif ukoll reviżjoni komprensiva fl-2015 għandhom jagħmlu parti integrali mill-ftehim.

Brussell, 5 ta’ Novembru 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 59-65..