31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 77/49


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-Appoġġ għal Turija minn Kmieni tal-Produzzjoni Sostenibbli ta' l-Enerġija mill-Fjuwils Fossili”

COM(2008) 13 finali

(2009/C 77/13)

Nhar it-23 ta' Jannar 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni- L-Appoġġ għal Turija minn Kmieni tal-Produzzjoni Sostenibbli ta' l-Enerġija mill-Fjuwils Fossili”.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-16 ta' Lulju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Simons.

Matul l-447 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u t-18 ta' Settembru 2008 (seduta tas-17 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'143 vot favur, 3 voti kontra, u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-KESE japprova l-mekkaniżmi fil-proposta għall-promozzjoni tat-turija tat-teknoloġiji tas-CCS (Carbon Capture and Storage — Il-qbid u l-ħżin tad-dijossidju tal-karbonju) fl-impjanti tal-enerġija, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, madankollu huwa ta' tħassib in-nuqqas ta' kapaċità ta' finanzjament u ta' għażliet ta' finanzjament stabbiliti b'mod ċar fuq perijodu medju (2010-2020) u fit-tul (2020 u wara).

1.2

Għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li n-nuqqas ta' kapaċità ta' finanzjament mill-Kummissjoni jista' jiġi kkumpensat parzjalment mid-dħul iġġenerat permezz tal-European Emission Trading Scheme (L-Iskema Ewropea tal-Iskambju tal-Kwoti) (EU-ETS) pereżempju permezz tal-irkantar tal-kwoti ta' emissjonijiet mis-settur tal-produzzjoni tal-enerġija wara l-2013. Huwa importanti li wieħed jinnota li s'issa, ma ġiet suġġerita l-ebda skema finanzjarja speċifika — inkluża s-sigurtà meħtieġa — fil-livell tal-UE.

1.3

Huwa importanti li sa mhux aktar tard minn tmiem l-2009, il-kundizzjonijiet finanzjarji jkunu ċari u stabbiliti sew. Dan biss jiżgura bażi finanzjarja għat-tnedija tat-tħejjija ta' siti ta' turija tas-CCS fuq skala kbira sabiex dawn ikunu operattivi fl-2015.

1.4

Id-dħul iġġenerat mill-EU-ETS għandu jinġabar fil-livell nazzjonali bħala parti mill-implimentazzjoni tad-Direttiva riveduta EU-ETS mill-2013 'il quddiem.

1.5

L-idea tal-Kummissjoni li jsiru rkanti nazzjonali EU-ETS ikkombinati ma' 20 % tad-dħul totali li jkun iddedikat għal miżuri għall-appoġġ ta' tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 hija totalment inadegwata u opportunità finanzjarja mitlufa. L-Istati Membri għandhom jitħeġġu bil-qawwa biex jirrevoluzzjonaw il-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tad-dħul EU-ETS, u jiddedikaw id-dħul EU-ETS kollu tagħhom għal teknoloġiji b'użu minimu ta' karbonju jew li huma newtrali fir-rigward il-karbonju b'limiti speċifiċi għas-CCS. B'dan il-mod il-biljuni ta' euros li l-Kummissjoni bħalissa jonqsulha u li huma meħtieġa għall-appoġġ tat-turija bikrija ta' CCS fuq skala kbira jkunu jistgħu jsiru disponibbli.

1.6

Il-Kummissjoni għandha tfassal pjan li jiddefinixxi l-organizzazzjoni u r-rwol tal-Inizjattiva Industrijali Ewropea, u tiżgura li din tikkumplimenta iżda ma tisporġix fuq inizjattivi oħra bħall-proġetti appoġġjati mis-Seba' Programm Qafas, il-Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija għal Impjanti tal-Enerġija tal-Fjuwils Fossili b'Żero Emissjonijiet u l-Programm Prominenti Ewropew.

1.7

Il-KESE jaqbel mal-bżonn għal infrastruttura Ewropea konġunta għat-trasport u l-ħżin tas-CO2. Hemm bżonn ta' sistema Ewropea tat-trasport għall-fini ta' konnessjoni tal-Istati Membri li jista' jkun ma jkunux kapaċi joħolqu faċilitajiet nazzjonali ta' ħżin huma stess.

1.8

Minħabba l-importanza tat-trasport bħala element essenzjali fil-ħolqien ta' infrastruttura fuq skala kbira tas-CCS, jista' jiġi adottat l-akronimu CCTS (Carbon Capture, Transport and Storage — Il-Qbid, it-Trasport u l-Ħżin tal-Karbonju, jiġifieri bit-trasport inkluż).

2.   Sfond  (1)

2.1

L-iżvilupp tal-katina kollha tal-valur miżjud tas-CCS, li jinvolvi l-qbid, it-trasport u l-ħżin tas-CO2, jinsab f'fażi bikrija u f'xi każijiet anke esploratorja. Min-naħa l-oħra, il-miżuri sabiex tiżdied l-effettività tat-teknoloġija ta' impjanti tal-enerġija konvenzjonali qed jagħmlu progress gradwali. B'konsiderazzjoni tal-ħtieġa urġenti u b'saħħitha li jkunu ssostitwiti l-kapaċitajiet tal-impjanti tal-enerġija fis-snin li ġejjin, il-KESE jirrakkomanda approċċ pragmatiku, fejn iż-żewġ teknoloġiji jkomplu jiżviluppaw u jintużaw flimkien. Filwaqt li l-iżvilupp ta' livell ogħla ta' effiċjenza jista' jkun influwenzat mis-suq, it-teknoloġiji tas-CCS jeħtieġu — kemm għall-impjanti tal-enerġja u l-infrastruttura — għajnuna addizzjonali fil-fażi tat-turija u dik tal-introduzzjoni fis-suq.

2.2

It-teknoloġija tas-CCS qiegħda tiġi żviluppata bl-użu ta' żewġ approċċi: (a) it-teknoloġija integrata tal-impjanti tal-enerġija, li tinvolvi l-qbid tas-CO2, qabel il-proċess tal-kombustjoni; u (b) it-teknoloġija ta' wara l-kombustjoni li tinvolvi li s-CO2 jiġi ffiltrat mid-duħħan tal-gass wara l-kombustjoni (CO2 washing, i.e. ħasil tas-CO2). Meta jkun żviluppa b'mod xieraq, il-metodu (b) għandu jkun adegwat għall-applikazjoni f'impjanti tal-enerġija ġodda li huma effiċjenti ħafna, li bħalissa qegħdin jinbnew, sakemm ikunu mibnija kif inhu meħtieġ (capture ready, i.e. lesti għall-ġbir). Element komuni ta' danw iż-żewġ possibbiltajiet ta' żvilupp huwa l-fatt li s-CO2 li jinġabar b'dak il-mod għandu jiġi ttrasportat mill-impjant tal-enerġija għal post ta' ħżin adattat.

2.3

Għall-approvazzjoni soċjali u politika ta' dan il-proċess, il-kwistjoni ta' ħżin tas-CO2 li jkun sikur u fit-tul hija ta' sinifikat determinanti. Dan l-aspett, fl-analiżi finali, huwa l-kwistjoni ambjentali prinċipali li taffronta din it-teknoloġija fiha nnifisha (2).

2.4

Waqt laqgħa f'Aomori, il-Ġappun, fid-9 ta' Ġunju 2008, il-Grupp tat-Tmien Poteri Industrijali (il-G8) qabel li sal-2010 jniedi 20 proġett kbir ta' turija tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju (CCS), bil-għan li jiġi appoġġjat l-iżvilupp tat-teknoloġija u t-tnaqqis fl-ispiża għat-tħaddim fuq skala wiesa' tas-CCS mill-2020 'il quddiem.

2.5

Fil-laqgħa tal-G8 attendew rappreżentanti mir-Renju Unit, mill-Kanada, mill-Italja, mill-Ġappun, minn Franza, mill-Ġermanja, mir-Russja, mill-Istati Uniti, miċ-Ċina, mill-Indja u mill-Korea t'Isfel.

2.6

Bħala appoġġ għall-impenn tal-G8 fir-rigward tas-CCS, id-Dipartiment tal-Enerġija tal-Istati Uniti (DOE) wiegħed li jiffinanzja, taħt il-programm tiegħu FutureGen, iż-żieda tat-teknoloġija tas-CCS ma' eżemplari multipli u fuq skala kummerċjali Integrated Gasification Combined Cycle (Gasifikazzjoni Integrata b'Ċiklu Kkombinat — IGCC), jew impjanti tal-enerġija oħra avvanzati fil-qasam tat-teknoloġija tal-faħam nadif. L-Istati Uniti qed tiffinanzja wkoll seba' sħubijiet reġjonali tal-iżolament tal-karbonju sabiex turi l-effettività tal-ħżin taħt l-art tad-dijossidu tal-karbonju fuq skala kbira u fit-tul.

2.7

Id-dikjarazzjoni dwar is-CCS tal-G8 hija konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA) sabiex it-teknoloġija tas-CCS tintuża bħala parti minn soluzzjoni kkombinata għat-tnaqqis bin-nofs tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2050.

3.   Is-sens tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

3.1

It-teknoloġiji għall-qbid u l-ħżin tas-CO2 (CCS) jirrappreżentaw element kruċjali f'portafoll ta' teknoloġiji eżistenti u li qegħdin jinħolqu bil-potenzjal li jwasslu għat-tnaqqis meħtieġ fl-emissjonijiet tas-CO2 sabiex jintlaħqu l-miri lil hinn mill-2020 (3).

3.2

L-applikazzjoni fuq skala wiesgħa tat-teknoloġiji tas-CCS fl-impjanti tal-enerġija tista' tkun kummerċjalment vijabbli fi żmien 10 sa 15-il sena, sabiex sal-2020 jew ftit wara, it-teknoloġiji tas-CCS ikunu awtosuffiċjenti f'sistema bbażata fuq Skema ta' Skambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) bħala strument kruċjali għat-tneħħija tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-fjuwils fossili fil-produzzjoni tal-enerġija.

3.3

Dan mhux ser iseħħ jekk ma jibdewx jittieħdu l-miżuri ta' tħejjija neċessarji minnufih; it-turija bikrija hija meħtieġa b'mod partikulari għat-teknoloġiji tas-CCS, li huma diġà żviluppati u użati globalment f'applikazzjonijiet oħrajn, sabiex ikunu adattati b'mod xieraq għal applikazzjoni fuq skala kbira fil-produzzjoni tal-enerġija.

3.4

F'Marzu 2007, il-Kunsill Ewropew approva l-ħsieb tal-Kummissjoni li tistimula l-bini u t-tħaddim sal-2015 ta' 12-il impjant jew inqas ta' turija tat-teknoloġiji sostenibbli tal-fjuwils fossili fil-produzzjoni kummerċjali tal-enerġija, u f'Marzu 2008 dan rega' sostnieh.

3.5

Filwaqt li tikkumplimenta l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar il-Ħżin Ġeoloġiku tas-CO2 li toħloq il-qafas legali għat-teknoloġiji tas-CCS fl-UE, il-Komunikazzjoni attwali tmexxi 'l quddiem il-ħidma b'rabta mat-teknoloġiji tas-CCS, u għandha l-għan li toħloq struttura sabiex tikkoordina u tappoġġja b'mod effettiv it-turija fuq skala kbira tat-teknoloġiji tas-CCS u l-ħolqien tal-kundizzjonijiet sabiex l-industrija tipproċedi għal investimenti awdaċi f'għadd ta' impjanti.

3.6

Huwa essenzjali li mill-aktar fis possibbli jinbdew l-isforzi Ewropej fit-turija tat-teknoloġiji tas-CCS fi ħdan qafas ta' politika integrata, li jinkludu sforzi ffukati fuq l-Iżvilupp u r-Riċerka u miżuri li jkabbru l-għarfien u l-aċċettazzjoni tagħhom mill-pubbliku. Skont il-Kummissjoni Ewropea, dewmien ta' seba' snin fit-turija, li jwassal għal dewmien simili fl-introduzzjoni globali tat-teknoloġiji tas-CCS, jista' jfisser ir-rilaxx mad-dinja kollha, sal-2050, ta' aktar minn 90 Gt ta' emissjonijiet tas-CO2 li jistgħu jiġu evitati (4), ekwivalenti għal iktar minn 20 sena tal-emissjonijiet tas-CO2 attwali kollha fl-UE.

3.7

Huwa essenzjali li jkun hemm impenji ċari u deċiżivi mill-industrija Ewropea appoġġjati minn inċentivi u garanziji tal-Kummissjoni jekk il-kontribuzzjonijiet ser jitħallsu mill-fondi pubbliċi. B'mod partikulari, dawk l-Istati Membri li għandhom l-intenzjoni li jserrħu fuq il-faħam fit-taħlita tal-enerġija futura tagħhom għandhom jimplimentaw miżuri ta' appoġġ għal turija bikrija tat-teknoloġiji tas-CCS.

3.8

Jissemmew żewġ tipi prinċipali ta' ostakli:

ostakli leġiżlattivi u ta' sikurezza: dawn il-kwistjonijiet jistgħu jingħelbu f'waqthom u mingħajr spejjeż addizzjonali sostanzjali. Ladarba qafas regolatorju jiżgura t-taffija tar-riskju, jistgħu jiġu indirizzati l-ostakli legali,

ostakli ekonomiċi: l-ispiża tas-CCS hija stmata li fl-2020 tkun ta' EUR 35 għal kull tunnellata ta' CO2 u hija mbassra li ser tkun koperta faċilment mill-valur tal-kwoti tal-emissjonijiet.

Id-dokument tal-Kummissjoni jissuġġerixxi li l-UE għandha l-possibbiltà li taqdi r-rwol ta' mexxejja fil-livell tar-regolamentazzjoni internazzjonali.

3.9

L-Inizjattiva Industrijali Ewropea proposta għandha tgħaqqad l-isforzi tagħha mal-pijunieri impenjati li joħolqu netwerk ta' proġetti ta' turija. Din għandha tgħin fl-iskambju ta' esperjenza u informazzjoni, iżżid l-għarfien pubblika u tipprovdi informazzjoni għall-politiċi li jippermettu katina kompleta tal-valur tat-teknoloġiji tas-CCS. Barra dan, l-Inizjattiva Industrijali Ewropea hija mistennija wkoll li tgħin sabiex jiġu attirati fondi nazzjonali u internazzjonali.

3.10

Il-Kummissjoni tistqarr li hija tista' tipprovdi biss parti minima mill-appoġġ u għalhekk tiffoka fuq it-tħeġġiġ tal-finanzjament għat-teknoloġiji mill-pijunieriu minn finanzjamenti pubbliċi mill-gvernijiet nazzjonali u mill-NGOs internazzjonali.

3.11

Ġew definiti tliet azzjonijiet:

il-mobilizzazzjoni tal-pijunierifl-industrija permezz tal-Programm Prinċipali u l-provvediment ta' benefiċċju kummerċjali reali,

ir-rieda tal-Kummissjoni li tippermetti l-użu ta' għajnuna statali u miżuri preferenzjali oħra mill-Istati Membri fuq bażi ta' każ każ,

il-mobilizzazzjoni tal-finanzjament fil-livell tal-UE: inizjattiva speċifika mill-Kummissjoni flimkien mal-BEI sabiex jiġu żviluppati strumenti ta' finanzjament/qsim tar-riskju.

Barra minn hekk, huwa enfasizzat li aktar ma l-industrija ddum sabiex tibda tilqa' t-teknoloġiji tas-CCS, aktar dawk li jfasslu l-politika ser ikunu obbligati jikkunsidraw miżuri obbligatorji.

3.12

Huwa indirizzat il-bżonn ta' infrastruttura konġunta Ewropea għat-trasport u l-ħżin tas-CO2. Hija prevista reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-E li tinkludi t-teknoloġiji tas-CCS.

4.   Il-kuntest tal-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea

4.1

Wara d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Marzu 2007 dwar il-bidla fil-klima u t-theddid għas-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija, il-Kummissjoni pproponiet pakkett ta' miżuri fil-forma ta' dokumenti separati sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mid-deċiżjonijiet tal-Kunsill. Dawn il-miżuri jiffukaw fuq l-effiċjenza tal-enerġija, il-promozzjoni ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġiji innovattivi rilevanti. Il-Kumitat ħejja opinjonijiet speċifiċi dwar kull miżura (5).

4.2

Qasam wieħed ta' importanza prinċipali f'dan il-kuntest huwa l-iżvilupp ta' metodi biex inaqqsu b'mod sostenibbli l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra li jirriżultaw mill-użu ta' fjuwils fossili, li huwa s-suġġett diskuss f'din l-opinjoni.

4.3

Din l-opinjoni torbot ma' opinjoni tal-Kumitat (6) dwar l-istess teknoloġija li tiddiskuti l-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju.

5.   Kummenti ġenerali

5.1

Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kemm-il darba ssostni li sabiex il-pjanijiet tagħha jirnexxu, huwa kruċjali li jintwera fi stadju bikri li (a) l-Iskema ta' Skambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (EU-ETS) ser taqdi rwol vitali u (b) hemm skop għal “benefiċċji kummerċjali reali”. Naturalment, l-EU-ETS twiegħed li toħloq benefiċċju kummerċjali reali għall-pijunieri. Madankollu, ikun tard wisq jekk il-Kummissjoni ma tipprovdix, qabel tmiem l-2009, lista bażika ċara u aħħarija ta' regoli għall-iskema EU-ETS wara l-2012.

Sa tmiem l-2009, l-industrija ser ikollha bżonn bażi solida sabiex tieħu deċiżjonijiet fir-rigward tal-investiment sabiex tibda l-fażi ta' inġinerija u ta' kostruzzjoni fil-ħin ħalli l-ewwel siti tas-CCS ikunu operattivi fl-2015. Dan l-aspett ma kienx enfasizzat biżżejjed, l-iktar fid-dawl tan-nuqqas attwali ta' ċarezza fir-rigward tal-EU-ETS u t-talbiet vagi tal-Kummissjoni lill-industrija u lill-gvernijiet nazzjonali, li mhux qegħdin isolvu l-kwistjoni ta' finanzjament.

5.2

L-EU-ETS tikkostitwixxi tassew suq tal-karbonju importanti, li tista' tirriżulta li hija effettiva ħafna, iżda dan ser ikun il-każ biss jekk l-iskema tiġi orjentatadeċiżament lejn l-istabbiliment ta' prezz għall-kwoti tal-emissjonijiet li jkopri lil hinn mill-ispejjeż żejda li jiġu mill-miżuri għat-taffija tal-karbonju. Jekk il-Kummissjoni tonqos milli twaqqaf dispożizzjonijiet ċari fir-rigward tar-regoli u l-ambitu tal-irkantar u l-irkupru xieraq tad-dħul ikkonċernat, u jekk tonqos milli jkollha rwol ta' sorveljanza, l-investituri potenzjali ser ikollhom jadottaw atteġġjament ta' stennija, minħabba li jkun hemm inċertezzi wisq kbar.

5.3

Infrastruttura konġunta Ewropea għat-trasport u l-ħżin tas-CO2 hija tassew xi ħaġa li tista' tiffaċilita b'mod ċar l-implimentazzjoni fuq skala kbira tas-CCS fl-Ewropa kollha. Jista' jkun li xi Stati Membri ma jkunux jistgħu joħolqu faċilitajiet nazzjonali ta' ħżin huma stess (7). Fejn ikun possibbli, għandu jsir użu minn infrastruttura li diġà teżisti li ma baqgħetx tintuża jew minn faċilitajiet ġodda integrati ma' infrastruttura oħra. Minħabba l-importanza tat-trasport, il-KESE jissuġġerixxi wkoll l-adozzjoni tal-akronimu CCTS (il-Qbid, it-Trasport u l-Ħżin tal-Karbonju) li jinkludi t-trasport b'mod espliċitu, anke jekk l-akronimu CCS diġà huwa magħruf u rikonoxxut fil-livell internazzjonali.

5.4

Il-Kummissjoni timponi piż konsiderevoli fuq l-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-finanzjament tas-CSS peress li m'hemmx skop għal kontribut sinifikanti mill-baġit attwali tal-Kummissjoni. Filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li dan is-suġġett huwa kwistjoni ta' importanza għall-UE u fid-dawl tal-bżonn ta' sorveljanza fuq livell tal-UE sabiex ikun żgurat is-suċċess tal-proġetti ta' turija, il-Kummissjoni għandha tassumi sehem ħafna ikbar tal-finanzjament ta' proġetti tas-CCS milli tipprevedi bħalissa, appoġġjat, fejn meħtieġ, minn kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri pprovduti mill-Istati Membri (8).

5.4.1

L-irkantar tad-drittijiet tal-emissjonijiet taħt l-EU-ETS ipprovda opportunità sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' finanzjament insuffiċjenti tal-Kummissjoni. Bħalissa 20 % biss huwa dedikat għall-appoġġ ta' teknoloġiji b'użu minimu ta' karbonju jew li huma newtrali fir-rigward il-karbonju. L-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa bil-qawwa sabiex jirrevoluzzjonaw il-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tad-dħul EU-ETS, u jiddedikaw id-dħul EU-ETS kollu tagħhom għal teknoloġiji b'użu minimu ta' karbonju jew li huma newtrali fir-rigward il-karbonju b'limiti speċifiċi għas-CCS (9). B'dan il-mod il-biljuni ta' euros li l-Kummissjoni bħalissa jonqsulha u li huma meħtieġa għall-appoġġ tat-turija bikrija ta' CCS fuq skala kbira jkunu jistgħu jsiru disponibbli.

5.4.2

Barra minn hekk, kif diġà ssuġġerixxa l-Kumitat, il-baġit għall-enerġija fi ħdan is-Seba' Programm Qafas (FP7) jista' jiżdied b'mod sinifikanti bi 15 %, żjieda li għandha tirriżulta f'żjieda minn 2 % sa 3 % tal-PGD li jiġi investit fl-Iżvilupp u r-Riċerka. B'dan il-mod jista' jsir kontribut reali għall-promozjoni tat-turija tas-CCS permezz tal-FP7.

5.4.3

Hemm bosta miżuri oħra appoġġjati taħt is-Seba' Programm Qafas li jistgħu wkoll jikkontribwixxu għat-tlestija ta' proġetti ta' turija fuq skala kbira. Il-miżuri varji għandhom ikunu marbutin b'mod ċar mal-mekkaniżmi proposti għall-promozzjoni tat-turija.

5.5

Ma jissemmiex kif l-Inizjattiva Industrijali Ewropea torbot mal-firxa ta' miżuri u inizjattivi oħra li fihom hija involuta l-Kummissjoni (10). Sabiex ikun żgurat approċċ integrat huwa essenzjali li jiġu indikati liema miżuri għandhom jittieħdu.

5.6

Huwa antiċipat li l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tat-teknoloġiji tas-CCS ser ikollhom impatt sostanzjali pożittiv fuq l-impjiegi fl-Ewropa. Xi fornituri ewlenin tat-tagħmir tat-teknoloġiji tas-CCS u tal-infrastruttura tat-trasport huma bbażati fl-Ewropa. Dawn jiżviluppaw u jbigħu u jinstallaw ukoll ngħidu aħna tagħmir u pajpijiet meta t-teknoloġiji tas-CCS jiġu implimentati mad-dinja kollha. L-Ewropa għandha pożizzjoni b'saħħitha fid-dinja kollha b'rabta mat-teknoloġiji tas-CCS li tista' tissaħħaħ aktar jekk l-UE tirnexxi fit-turija bikrija fuq skala kbira tat-teknoloġiji tas-CCS fl-Ewropa (11).

5.7

Il-KESE jipproponi li tintuża l-kelma 'nodfa' minflok fjuwils fossili 'sostenibbli'. Il-kelma 'sostenibbli' tixraq aktar ngħidu aħna għall-enerġija mix-xemx u dik mill-bijomassa u tixraq anqas għat-teknoloġiji tas-CCS li jnaqqsu l-firda, bl-użu tal-fjuwils fossili b'mod nadif, sa ma jirnexxilna niksbu transizzjoni sħiħa lejn provvista sostenibbli tal-enerġija.

5.8

Fir-rigward tal-fattibiltà tal-ħżin b'mod sikur tas-CO2 diġà hemm esperjenza konsiderevoli f'dan il-qasam, kif indikat fil-qosor hawn taħt:

i)

faċilitajiet tal-gass: evidenza ta' lqugħ għall-gass naturali; għandha tingħata evidenza dwar il-potenzjal ta' titjib fil-produzzjoni tal-gass (EGR);

ii)

faċilitajiet taż-żejt: evidenza ta' lqugħ għaż-żejt; titjib fir-rutina tal-produzzjoni taż-żejt (EOR) fil-Lbiċ tal-Istati Uniti tal-Amerka min-nofs is-snin sebgħin;

iii)

akwiferi: potenzjal kbir b'inċertezza kbira; hemm bżonn ta' evalwazzjoni speċifika għas-sit, esperjenza tajba ta' ħafna snin fl-akwiferi tal-melħ tal-faċilità Sleipner f'Utsira;

iv)

“coal seams” (saffi twal ta' faħam taħt l-art): niċċa interessanti għat-titjib tal-produzzjoni tal-metanu estratt mis-sodda tal-faħam bl-injezzjoni tas-CO2. Madankollu, din għadha fil-fażi tar-riċerka;

v)

aspett importanti għal turija fuq skala kbira ser ikun li tintwera u tingħata evidenza lill-pubbliku li l-ħżin tas-CO2 fi bjar oħrajn tal-gass huwa sikur daqs il-produzzjoni taż-żejt u l-gass mill-istess tipi ta' bjar. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-miżuri xierqa ħalli tgħarraf lill-pubbliku.

6.   Kummenti speċifiċi

6.1

Il-KESE jista' japprova l-mekkaniżmi fil-proposta għall-promozzjoni tat-turija tat-teknoloġiji tas-CCS fl-impjanti tal-enerġija, kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, iżda jixtieq jagħmel għadd ta' osservazzjonijiet:

6.1.1

Il-Kummissjoni għandu jkollha strateġija li tiżgura li l-Inizjattiva Industrijali Ewropea ma tisporġix fuq il-Programm Prinċipali Ewropew u l-Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija għall-Impjanti tal-Enerġija mill-Fjuwils Fossili b'Emissjonijiet Żero (ZEP). Dawn l-attivitajiet għandhom ikunu koordinati b'mod xieraq u għandhom isaħħu lil xulxin.

6.1.2

Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni titkellem dwar it-“twessigħ tal-iskop tal-Inizjattiva Industrijali Ewropea lil hinn minn netwerk ta' proġetti”. L-għan ta' din id-dikjarazzjoni mhuwiex ċar. Jiġi enfasizzat ukoll il-fatt li l-finanzjament neċessarju għad irid jinstab. Liema valur miżjud jiġi pprovdut minn tali estensjoni u dan kif jorbot mal-miżuri msemmija hawn fuq fil-qasam tat-teknoloġiji tas-CCS?

6.2

Il-KESE ma japprovax il-proposta biex jitħeġġeġ il-finanzjament għat-turija tat-teknoloġiji tas-CCS minħabba li ma jaħsibx li hi biżżejjed.

6.2.1

Il-proposta tinkoraġġixxi strateġija ta' “każ każ” li taħtha l-Kummissjoni tiġi ppreżentata b'inizjattivi nazzjonali u tevalwa liema forom ta' għajnuna statali u miżuri nazzjonali oħra jiġu permessi. Jekk l-implimentazzjoni tal-proġetti ta' turija tal-Programm Prinċipali Ewropew ikollha suċċess, il-Kummissjoni għandu jkollha rwol ċentrali ta' koordinazzjoni u sorveljanza. Dan ikun ifisser li l-Kummissjoni tkun responsabbli mill-finanzjament ġenerali. Barra mill-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni, il-finanzjament imbagħad jista' jiġi appoġġjat minn kontribuzzjonijiet assenjati pprovduti mill-Istati Membri kkonċernati li mbagħad ikollhom tali finanzjament rikonoxxut bħala għajnuna statali awtorizzata. Fl-istess waqt l-industrija jkollha timpenja ruħha fir-rigward tal-finanzjament u l-implimentazzjoni.

6.2.2

Kieku l-Kummissjoni kellha tiggarantixxi, soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet, il-ko-finanzjament mill-UE proporzjonali għal kontribut nazzjonali assenjat, dan jista' jipprovdi inċentiv għall-awtoritajiet nazzjonali. Ko-finanzjament determinat minn qabel jista' jneħħi xi ftit mill-inċertezza li hemm b'rabta mal-finanzjament ta' proġetti u tista' tħaffef l-iżvilupp tagħhom.

6.2.3

It-tħeġġiġ tal-finanzjament għal proġetti ta' turija permezz ta' faċilitajiet finanzjarji ġodda huwa, fih innifsu, idea attraenti. Madankollu, fl-analiżi finali, tali proposti jistgħu jkunu effettivi biss jekk ir-riskju jkun aċċettabbli u jekk ikun ċar kif l-ispejjeż żejda fit-tul jistgħu jiġu rkuprati f'kull każ.

6.3

Il-KESE jista' japprova minn issa l-fehma li l-inklużjoni tat-teknoloġiji tas-CCS fl-EU-ETS tipprovdi stimolu importanti għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' proġetti ta' turija fuq skala kbira f'kuntest Ewropew. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-pijunieri għandhom ikunu kapaċi jaraw “benefiċċju kummerċjali reali”.

6.4

Madankollu, jingħad li l-EU-ETS għandha tkun kapaċi tagħmel tajjeb — jew anke aktar milli tagħmel tajjeb — għall-ispejjeż addizzjonali li jsiru f'kull każ. Madankollu, kif jinsabu l-affarijiet bħalissa, dan ix-xenarju ma jistax jiġi garantit għar-raġunijiet li ġejjin:

is-sitwazzjoni rigward l-EU-ETS wara l-2012 għadha mhijiex ċara,

filwaqt li jiġi assunt li t-teknoloġiji tas-CCS jiġu inkorporati fl-EU-ETS, hemm inċertezza kontinwa dwar il-prezz tal-kwoti tal-emissjonijiet. Il-kwistjonijiet ewlenin ikkonċernati f'dan il-kuntest huma, ngħidu aħna: il-karattru, l-ambitu u l-għażla taż-żmien tal-irkantar fil-livell tal-Istati Membri fi ħdan il-kuntest tal-UE kollha jew l-influwenza tal-Mekkaniżmu tal-Iżvilupp Nadif (CDM),

l-ispejjeż reali involuti fit-teknoloġiji tas-CCS wara l-2012 (turija bikrija) u wara l-2020 (implimentazzjoni kummerċjali) ser tiddependi ħafna fuq il-progress li jsir fl-R&D u żviluppi ekonomiċi (ngħidu aħna l-prezzijiet tal-fjuwil u l-ispejjeż tad-disinn u l-kostruzzjoni).

6.5

L-Iskema ta' Skambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (EU-ETS) tipprovdi għan importanti biex tippermetti lill-pijunieri jieħdu benefiċċju kummerċjali reali fil-konfront ta' partijiet oħra. Madankollu hija meħtieġa aktar elaborazzjoni sabiex l-EU-ETS issir suq affidabbli u fit-tul li jagħti lill-pijunieri vantaġġ kompetittiv fuq parteċipanti sussegwenti fis-suq. Barra dan, għandhom isiru sforzi sabiex ikun hemm forzi tas-suq aktar b'saħħithom u possibbilment differenti.

Brussell, is-17 ta' Settembru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ara l-opinjoni CESE 1203/2008 dwar il-Proposta għal Direttiva dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE, 96/61/KE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (COM(2008) 18 finali — 2008/0015 (COD).

(2)  Ara b'mod partikulari r-Rapport IEA, “The Primes model scenarios Energy System analysis of CCS technology” kif ukoll il-punti 5.3.2; 5.15.1u 5.15.2 tal-opinjoni CESE 1203/2008 fin (NAT/401) dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju.

(3)  Filwaqt li jrid ikun hemm bilfors titjib fl-effiċjenzi tal-kombustjoni, dan waħdu mhux ser iwassal għat-tnaqqis meħtieġ fl-emissjonijiet tas-CO2.

(4)  IAES.

(5)  NAT/399, NAT/400, NAT/401 u TEN/334, TEN/338, TEN/341.

(6)  Opinjoni NAT/401 — CESE 1203/2008 fin dwar il-Proposta għal Direttiva dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE, 96/61/KE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (COM(2008) 18 finali — 2008/0015 (COD).

(7)  Ara l-Istudju Primes imsemmi fin-nota 2, bil-mapep relevanti mehmużin.

(8)  Hemm ukoll suġġerimenti oħrajn dwar kif għandu jiġi solvut dan in-nuqqas ta' ftehim fir-rigward il-finanzjament — ara l-artiklu fuq EurActive.com tal-Erbgħa 27 ta' Frar 2008“Financing woes plague EU Climate technologies.”

(9)  Qed jiġi diskuss fil-proposti tal-Parlament Ewropew li jiġi dedikat dħul ta' bejn EUR 60 u 500 miljun mill-ETS għal proġetti kummerċjali ta' turija fuq skala kbira (li jemendaw l-abbozz tad-direttiva li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex ittejjeb u twessa' s-sistema Komunitarja għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra COM(2008) 16 finali).

(10)  F'dan il-kuntest tista' ssir referenza, ngħidu aħna, għall-Programm Prinċipali Ewropew jew għall-Pjattaforma tal-Impjanti tal-Enerġija b'Emissjonijiet Żero.

(11)  Ara r-rapport tal-IEA.