52007DC0281




mt

Brussel 30.5.2007

KUMM(2007) 281 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Lejn Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Brażil

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Lejn Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Brażil

1. Nibnu partenarjat bejn l-UE u l-Brażil

Matul dawn l-aħħar snin, l-importanza tal-Brażil bħala attur dinji importanti baqgħet tikber, u llum ħareġ bħala interlokutur ewlieni għall-UE. Madankollu, sa ftit ilu d-djalogu bejn il-Brażil u l-UE ma ġiex sfruttat biżżejjed u twettaq biss l-aktar permezz ta' djalogu bejn l-UE u l-Mercosur. Il-Brażil ser ikun l-aħħar "BRICS" [1] li se jiltaqa' f'Samit ma' l-UE. Issa wasal iż-żmien li nħarsu lejn il-Brażil bħala sieħeb strateġiku kif ukoll bħala attur Amerikan Latin maġġuri u mexxej reġjonali [2]. L-ewwel Samit bejn l-UE u l-Brażil ser isir f'Liżbona f'Lulju 2007, u se jimmarka żvolta fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Brażil.

L-intensifikazzjoni u d-diversifikazzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-Brażil jeżiġu l-ħolqien ta' qafas globali, koerenti u kkoordinat. Ir-rwol ekonomiku u politiku emerġenti tal-Brażil iġib miegħu responsabbiltajiet ġodda għall-Brażil biex jaġixxi bħala attur internazzjonali fuq quddiemnett. Il-partenarjat strateġiku propost bejn il-Brażil u l-UE għandu jappoġġja lill-Brażil biex jattwa tmexxija pożittiva fuq livelli globali u reġjonali u biex jimpenja ruħu ma' l-UE fi djalogu globali, strateġiku, sostanzjali u miftuħ kemm b'mod bilaterali kif ukoll f'fora multilaterali u reġjonali. L-UE stabbilixxiet relazzjonijiet wiesgħa mal-Brażil imsejsa fuq rabtiet storiċi u kulturali qawwijin. Matul dawn l-aħħar ftit tas-snin, il-Brażil ħareġ bl-akbar unuri fost il-pajjiżi li qed jiżviluppaw fi ħdan in-NU u l-WTO. L-UE u l-Brażil iħaddnu l-istess valuri fundamentali u għandhom interessi komuni, fosthom ir-rispett lejn l-Istat tad-dritt u lejn id-drittijiet tal-bniedem, it-tħassib dwar il-bidla fil-klima, u l-kisba tat-tkabbir ekonomiku u l-ġustizzja soċjali fil-pajjiż u barra mill-pajjiż. Il-Brażil huwa alleat vitali ta' l-UE meta tiġi biex tiffaċċja dawn l-isfidi u oħrajn fil-fora internazzjonali.

Il-Brażil li fih innifsu huwa kważi kontinent, għandu piż demografiku u livell ta' żvilupp ekonomiku tali li jagħmluh mexxej naturali fl-Amerka ta' Isfel u attur ewlieni fl-Amerka Latina. Illum il-Bażil jattwa dan ir-rwol b'mod attiv ħafna fi ħdan il-qafas Mercosur u jinsab fuq quddiemnett biex imexxi 'l quddiem il-promozzjoni ta' l-Unjoni tan-Nazzjonijiet ta' l-Amerka ta' Isfel (UNASUR) [3].

Il-Brażil għandu rwol ċentrali fis-suċċess tan-negozjati bejn l-UE u l-Mercosur, għan strateġiku ta' prijorità għall-UE, li ma ġewx konklużi minħabba nuqqas ta' progress fil-livell tal-kapitolu kummerċjali u dan wassal biex sa issa għadha ma nħolqitx assoċjazzjoni strateġika usa' bejn l-UE u l-Mercusor. Tmexxija pożittiva mill-Brażil tista' tmexxi 'l quddiem in-negozjati mal-Mercosur. Sadanitant, l-UE tibqa' impenjata li tikkonsolida relazzjoni politika u ekonomika soda mal-Mercosur bħala blokk u li tiżviluppa r-relazzjonijiet bilaterali tagħha mal-pajjiżi l-oħrajn fir-reġjun speċjalment ma' l-Arġentina, interlokutur Sudamerikan importanti ieħor (għadd ta' djalogi politiċi tnidew reċentement).

Kummerċjalment, il-Brażil huwa ċentru ta' investiment maġġuri fl-Amerka Latina [4] u huwa suq li ser joffri ftuħ ulterjuri wiesa' għall-kummerċ ta' l-UE, ladarba jitlestew in-negozjati dwar il-Programm ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA) li qed isiru fi ħdan il-qafas tal-WTO u ma' Mercosur, u jkomplu jitnaqqsu aktar il-barrieri kummerċjali. Minkejja l-fatt li l-Brażil għadu ma laħaqx ir-rati ta' tkabbir ekonomiku taċ-Ċina jew l-Indja [5], dan il-pajjiż: għandu riżorsi naturali enormi, reputazzjoni għal eċċellenza xjentifika u akkademika, diversità industrijali kbira u suq intern vast.

Il-Brażil għad għandu l-isfidi x'jegħleb: in-nuqqas akut ta' ugwaljanza fis-salarji jibqa' żvantaġġ reali u huwa waħda mill-miri ewlenin li dwarhom il-gvern irid jieħu azzjoni, partikolarment permezz tal-programm tiegħu msejjaħ il-'bolsa familia' u settur ewlieni għall-kooperazzjoni u d-djalogu ma' l-UE. Dawn l-inugwaljanzi huma riflessi wkoll fid-differenzi reġjonali profondi fil-Brażil bejn it-tramuntana u n-nofsinhar li huwa aktar żviluppat. L-iskambji ta' prassi tajba fir-rigward tal-koeżjoni reġjonali huwa settur fejn l-UE tixtieq li fih ikollha kooperazzjoni eqreb mal-Brażil.

2. nistabbilixxu programm komuni

Sħubija strateġika aktar mill-qrib u aktar qawwija hija fl-interess ta' l-UE u tal-Brażil. Fil-kapitolu ta' hawn taħt il-Kummissjoni tidentifika għadd ta' oqsma u setturi fuq il-livelli dinjija, reġjonali u bilaterali fejn tikkunsidra li kooperazzjoni eqreb bejn l-UE u l-Brażil jistgħu jkunu ta' benefiċċju reċiproku u tista' tifforma l-qalba ta' partenarjat strateġiku għall-ġejjieni.

Din il-proposta lill-Kunsill u l-Parlament tista', jekk tkun approvata, isservi bħala bażi għall-formulazzjoni tal-proposta ta' l-UE lill-Brażil fis-samit ta' Liżbona. Fuq din il-bażi, il-Brażil huwa mistieden jissottometti ir-rispons strateġiku tiegħu għall-proposti ta' l-UE.

Is-Samit ta' Liżbona għandu għalhekk ikun it-tnedija ta' proċess li jippermetti lill-UE u l-Brażil jiżviluppaw programmi komuni għal partenarjat strateġiku.

2.1. Insaħħu l-Multilateraliżmu

Il-Brażil u l-UE jaqblu bejniethom li l-isfidi globali tallum jistgħu jkunu indirizzati biss permezz ta' qafas multilaterali msejjes fuq NU b'saħħithom. It-tnejn li aħna, għalhekk, nuru fuq bażi permanenti l-impenn tagħna għall-prinċipju ta' multilateraliżmu effikaċi permezz ta' l-azzjonijiet li nieħdu. Mir-riforma tan-NU sal-bidla fil-klima, mid-diżarmament sal-kummerċ dinji, il-Brażil għandu rwol essenzjali fil-bini ta' pontijiet bejn id-differenzi li qed iżommu lura l-progress fil-qasam ta' kwistjonijiet internazzjonali. Huwa fl-interess taż-żewġ imsieħba li jfittxu konverġenza akbar bejn il-pożizzjoni ta' l-UE u dik Brażiljana dwar firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet permezz ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib u konsultazzjoni fuq il-livelli kollha. L-UE tapprezza li l-Brażil jadotta pożizzjoni aktar assertiva u proattiva u li jkabbar il-kooperazzjoni tiegħu ma' l-UE fi ħdan l-entitajiet tan-NU, kompatibbli mar-rwol u l-piż tiegħu fx-xena internazzjonali.

· L-ewwel pass importanti ser ikun it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ta' bejnietna fil-fora internazzjonali kollha, billi nikkonsultaw sistematikament ma' xulxin qabel laqgħat importanti tan-NU, inqabblu l-veduti tagħna, nallinjaw il-pożizzjonijiet tagħna fejn ikun possibbli, niżguraw appoġġ reċiproku fejn jidħlu kwistjonijiet importanti u niżviluppaw inizjattivi komuni.

Pereżempju, l-UE u l-Brażil jistgħu jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet għal koordinazzjoni eqreb bejn il-pożizzjonijiet rispettivi tagħna fil-Kummissjoni għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi tan-NU (PBC). Dan jista' jinkludi kooperazzjoni sabiex ikun żgurat li l-Kummissjoni għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi tinbidel f'organu orjentat lejn l-istrateġija, kif kien previst fil-bidu, u ma tibqax sempliċement mekkaniżmu ieħor għall-koordinazzjoni tad-donaturi.

L-UE għandha stima għolja ta' l-impenn tal-Brażil biex ikollu rwol prominenti fl-operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi [6] partikolarment f'Ħaiti permezz tar-rwol ta' kmand tiegħu fil-missjoni għaż-żamma tal-paċi tal-MINUSTAH.

· Meta jitqies l-involviment qawwi ta' l-UE f'Ħaiti [7], ma jonqsux ir-raġunijiet għaliex m'għandhomx jissaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-UE u l-Brażil f'dan il-pajjiż u lilhinn minnu fil-qasam ta' l-operazzjonijiet għall-paċi u l-istabilizzazzjoni.

Fuq il-livell ta' non-proliferazzjoni, il-Brażil għandu interess qawwi fis-sistema globali ta' non-proliferazzjoni u jista' possibbilment jiffaċilita t-tisħiħ fir-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u l-G77.

· L-UE u l-Brażil għandhom jikkooperaw b'mod eqreb lejn xulxin biex jappoġġjaw u jiżviluppaw dejjem aktar is-sistema globali ta' non-proliferazzjoni.

Reċentement, il-Brażil assuma r-rwol ta' mexxej għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fil-WTO, speċjalment fejn jikkonċerna l-kummerċ tal-prodotti agrikoli u permezz tal-grupp G20. Il-Brażil u l-UE għandhom l-istess ambizzjoni li jsaħħu aktar is-sistema tal-kummerċ multilaterali, sabiex il-pajjiżi fil-livelli kollha ta' żvilupp ikunu jistgħu jibbenefikaw aktar b'mod aktar sħiħ mill-ftuħ globali tas-swieq. B'riżultat ta' dan, kemm il-Brażil kif ukoll l-UE għandhom responsabbiltà speċjali biex iwasslu ċ-Ċiklu ta' negozjati ta' Doħa, li jinsabu għaddejjin, għal tmiem favorevoli. Fuq medda twila ta' żmien, irridu wkoll ninvolvi ruħna aktar biex niffaċċjaw l-isfidi l-ġodda ta' l-ekonomija dinjija, fejn il-kwistjonijiet regolatorji għandhom rwol importanti li dejjem qed jikber biex jiġu żgurati l-kompetizzjoni ġusta u l-iżvilupp sostenibbli.

· L-UE u l-Brażil għandhom ikomplu jwettqu flimkien rwol attiv ħafna fl-oqsma interni differenti tan-negozjati tal-WTO bil-għan li jikkonkluduhom fl-2007.

Fil-forum tal-Ministri tal-Finanzi tal-G20, il-Brażil jista' jkun sieħeb prinċipali ta' l-UE biex magħha jiżviluppa pożizzjonijiet komuni, speċjalment fejn jikkonċerna d-diskussjonijiet dwar ir-riformi ta' l-arkitettura finanzjarja internazzjonali. Dan ikun partikolarment rilevanti matul il-presidenza Brażiljana tal-G20 fl-2008.

2.2 Intellgħu l-Istandards tad-Drittijiet tal-Bniedem u Nippromwovu d-Demokrazija u Ggvernar Tajjeb

L-UE u l-Brażil ilhom żmien jaqsmu bażi wiesgħa ta' valuri u interessi komuni fir-rigward tal-promozzjoni u l-ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem, it-tisħiħ tad-demokrazija, l-Istat tad-dritt u l-iggvernar tajjeb. It-tnejn appoġġjaw b'mod riżolut il-ħolqien ta' korp komprensiv ta' standards internazzjonali u firxa ta' strumenti għall-implimentazzjoni tagħhom. Fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-Tielet Kumitat ta' l-UNGA (l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti) jeżisti potenzjali kbir għas-sinerġiji u aktar kooperazzjoni għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem mad-dinja kollha. Kemm l-UE kif ukoll il-Brażil għandhom ukoll interess komuni biex jippromwovu d-demokrazija u l-Istat tad-dritt u l-iggvernar tajjeb fil-pajjiżi kollha.

· Fir-rigward tad-Drittijiet tal-Bniedem l-UE hija partikolarment ħerqana li taħdem mill-qrib mal-Brażil biex tikseb kunsens akbar dwar riżoluzzjonijiet jew inizjattivi għal sponsorizzazzjoni fejn jidħlu pajjiżi speċifiċi u kwistjonijiet fi ħdan l-organi differenti tan-Nazzjonijiet Uniti.

2.3. Niksbu l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp u nippromwovu l-iżvilupp reġjonali u soċjali

Nikkooperaw fl-isforzi internazzjonali tal-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanza fid-dinja: Bħal potenzi oħrajn li qegħdin jinħolqu, il-Brażil qed ikun aktar u aktar assertiv fir-rigward tal-kooperazzjoni Sud-Sud, speċjalment fil-viċinat tiegħu stess u fl-Afrika lużofona. Filwaqt li l-impenn tal-parti l-kbira mid-'donaturi emerġenti' huwa spiss immirat biex jiġġenera riżultati u rendimenti fuq medda qasira ta' żmien, l-enfasi tal-programm ta' kooperazzjoni tal-Brażil (li huwa relattivament fuq skala żgħira) ixaqleb aktar lejn żvilupp sostenibbli għat-tul. Il-Brażil magħruf għall-azzjonijiet tiegħu ta' promozzjoni fuq il-pjattaforma multilaterali u għall-iżvilupp ta' mudelli ta' kooperazzjoni multilaterali u trilaterali innovattivi, bħall-'Azzjoni kontra l-Ġuħ u l-Faqar', imnedija fl-2004, fuq l-inizjattiva tal-President Lula, flimkien maċ-Ċili, Franza u l-NU [8]. Teżisti konverġenza bejn l-UE u l-Brażil fil-metodu tagħhom ta' kif iqisu l-kooperazzjoni fl-iżvilupp bħala mezz biex jippromwovu l-paċi u s-sigurtà.

Il-kooperazzjoni bilaterali bejn il-KE u l-Brażil fil-qafas tal-programmi tematiċi kellha valur kbir [9]. Il-proġetti u l-programmi approvati jindirizzaw oqsma li l-firxa tagħhom tkopri r-riforma amministrattiva u ekonomika, l-iżvilupp soċjali u l-ambjent.

Il-Kummissjoni tinsab ħerqana biex tesplora triqat għal kooperazzjoni triangolari mal-Brażil u l-Komunità tal-pajjiżi fejn hu mitkellem il-Portugiż (CPLP) (pereżempju dwar l-enerġija), u biex jistabbilixxu qafas għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-Brażil u l-pajjiżi Afrikani fejn hu mitkellem il-Portugiż.

· Il-Kummissjoni tinsab lesta biex tintensifika l-kooperazzjoni mal-Brażil fil-qasam ta' l-għajnuna għall-iżvilupp, speċjalment fejn tidħol kooperazzjoni triangolari mas-CPLP f'attivitajiet ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp.

Djalogi dwar kwistjonijiet soċjali, l-impjieg u l-politika reġjonali: Għalkemm il-Brażil huwa wieħed mill-pajjiżi ta' l-Amerka ta' Isfel l-anqas 'dipendenti fuq l-għajnuna' (l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp - ODA - tirrappreżenta 0.05% tal-PGN) il-pajjiż huwa mikul minn faqar kbir (pereżempju r-rata tal-faqar hija 27.9%) u għandu indiċi tal-GINI għoli (58.2% fl-2003 li niżel għal 56.7 fl-2005) kif ukoll qed iħabbat wiċċu ma' sfidi li dejjem qegħdin jikbru f'termini ta' disparitajiet fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni. Meta rrikorra għall-programm 'Bolsa Familia' u programmi effikaċi oħra, il-Brażil irnexxielu jkabbar l-Indikatur ta' l-Iżvilupp Uman [10] u jaqta' bin-nofs il-faqar estrem 10 snin qabel l-2012 li kienet is-sena fil-mira tiegħu, imma għad fadal ħafna xi jsir biex ir-riżorsi jitqassmu b'mod aktar ġust. L-istruttura ta' l-impjieg qed tevolvi b'ritmu mgħaġġel ħafna u bosta aspetti tal-globalizzazzjoni qed jisfidaw il-politika reġjonali u soċjali u l-kapaċità ta' l-azzjoni pubblika biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi. Ħafna mill-aspetti ta' l-istrateġija ta' Liżbona huma mfassla biex jilqgħu għal dawn l-isfidi. Jekk naqsmu l-esperjenzi politiċi rispettivi tagħna jkun għalhekk ta' siwi kemm għall-UE kif ukoll għall-Brażil. Fuq il-bażi tad-djalogi bejn l-UE u l-Brażil dwar kwistjonijiet soċjali u ta' impjieg u dwar politika reġjonali, il-Brażil jista' jaqsam l-esperjenza tiegħu bl-għoti ta' soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi tal-faqar, l-inugwaljanza u l-esklużjoni soċjali lil pajjiżi oħra ta' l-Amerka Latina.

· Id-djalogu li ġie stabbilit reċentement bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil dwar kwistjonijiet soċjali u ta' impjieg jipprovdi forum għall-iskambju ta' l-aħjar prassi u d-diskussjoni politika fl-oqsma ta' l-impjieg, il-ħarsien soċjali, l-inklużjoni u d-djalogu soċjali.

· Bl-istess mod, id-djalogu dwar il-politika reġjonali tagħti lill-Brażil il-possibbiltà li jaqsam fl-esperjenza ta' l-UE biex titnaqqas id-disparità reġjonali u jinkiseb bilanċ territorjali aħjar u biex jitwettaq skambju ta' l-aħjar prassi għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika reġjonali, b'mod partikolari dwar kwistjonijiet bħall-partenarjat fuq livelli multipli (li jkun jinvolvi atturi reġjonali u lokali, is-settur privat u s-soċjetà ċivili), l-ippjanar strateġiku għal terminu medju, l-effett ta' amplifikazzjoni fuq ir-riżorsi nazzjonali (kemm pubbliċi kif ukoll privati), l-iżvilupp tal-kapaċità amministrattiva, il-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni interistituzzjonali, id-diffużjoni tal-kultura ta' evalwazzjoni u l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni.

· Il-Brażil jista' jieħu rwol fuq quddiemnett ma' pajjiżi oħra ta' l-Amerka ta' Isfel biex joffri soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi tal-faqar, l-inugwaljanza, l-esklużjoni soċjali, in-nuqqas ta' diviżjonijiet bejn ir-reġjuni, il-ħarsien soċjali u xogħol diċenti għal kulħadd.

2.4. Inħarsu l-ambjent

Il-Brażil huwa l-kustodju ta' l-akbar żoni ta' foresti tropikali li għad fadal fid-dinja u sieħeb ta' importanza kruċjali għall-UE fil-kampanja biex tittieħed azzjoni internazzjonali akbar fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u biex jitwaqqaf it-tnaqqis tal-biodiversità. Ser tkun meħtieġa rieda politika qawwija u sostnuta biex jintlaħaq ftehim globali kompensiv dwar il-klima bil-għan li 'jitrażżan it-tisħin globali u jinżamm f'livell anqas minn 2° Ċ' mqabbel mal-livelli fiż-żmien preindustrijali. Kif affermat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Jannar 2007 dwar 'it-trażżin tal-bidla fil-klima globali għal 2°C' u approvat mill-Kapijiet ta' Stat u l-gvernijiet fil-Kunsill tar-Rebbiegħa tat-8-9 ta' Marzu 2007, l-UE temmen li, meta titqies l-urġenza tal-kwistjoni, in-negozjati għal ftehim ġenerali fuq skala dinjija għal wara l-2012, ibbażati essenzjalment fuq il-prinċipju ta' responsabbiltajiet komuni differenzjati jeħtieġu jkunu mnedija fil-Konferenza tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima li se ssir f'Bali f'Diċembru ta' din is-sena u titlesta sa l-2009. Huwa meħtieġ impenn politiku ta' livell għoli biex tissaħħaħ u tkun implimentata l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bioloġika u biex tinkiseb il-mira għall-2010 tas-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fil-qasam tal-biodiversità. L-UE u l-Brażil jinsabu t-tnejn imħassba dwar sfidi ambjentali oħra speċjalment il-ħarsien tal-foresti, il-ġestjoni ta' l-ilma, l-ambjent marittimu, l-isfida dinjija fir-rigward tal-merkurju u l-modi ta' konsum u produzzjoni mhux sostenibbli.

Minbarra l-ħidma għalenija tagħhom fix-xena internazzjonali, l-UE u l-Brażil jikkonsultaw bilateralment dwar firxa ta' kwistjonijiet ambjentali. Laqgħat ta' djalogu dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Brażil isiru fuq bażi regolari. L-UE hija interessata li taqsam l-esperjenzi tagħha fil-ġestjoni ta' l-ilma u ta' kif tittratta l-forom ta' konsum u produzzjoni li ma jkunux sostenibbli.

· L-UE għandha tiżviluppa u ssaħħaħ id-djalogu Politiku Ambjentali tagħha mal-Brażil dwar temi bħat-tibdil fil-klima, il-ġestjoni ta' l-ilma, il-biodiversità u d-deforestazzjoni speċjalment dwar ir-rwol tal-popli indiġeni, sabiex nifhmu aħjar il-pożizzjonijiet rispettivi tagħna, u b'hekk inkabbru l-influwenza kollettiva tagħna f'dawn l-oqsma.

· L-UE għandha taħdem id f'id mal-Brażil f'fora internazzjonali biex jitmexxew 'il quddiem id-diskussjonijiet dwar it-tibdil fil-klima u d-deforestazzjoni bil-għan li jintlaħaq ftehim għal qafas dinji għal wara l-2012.

· Għandha tkun prevista wkoll kooperazzjoni aktar mill-qrib lejn implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bioloġika u l-ksib tal-mira 2010 fir-rigward tal-biodiversità kif ukoll dwar tħassib globali ewlieni ieħor bħal mhi l-ġlieda kontra t-tniġġis bil-merkurju.

2.5. Insaħħu l-kooperazzjoni fil-qasam ta' l-enerġija

Il-Brażil kien l-ewwel pajjiż li żviluppa b'suċċess produzzjoni domestika fuq skala kbira ta' biokarburanti b'potenzjal kbir għall-iżvilupp. Huwa assuma rwol fuq quddiemnett fl-istadji differenti kollha tal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum tal-biokarburanti. Reċentement, l-UE kkonfermat li l-użu akbar ta' l-enerġiji rinnovabbli huwa prijorità ewlenija fil-politika dwar l-enerġija ta' l-UE. Il-pjan ta' azzjoni ta' l-2007 għal politika ta' l-enerġija għall-Ewropa, li ġie approvat politikament mill-mexxejja ta' l-UE, jistabbilixxi miri ambizzjużi għall-użu ta' l-enerġija rinnovabbli (20%) u tal-biokarburanti (minimu ta' 10%) sa l-2020.

L-UE u l-Brażil it-tnejn jinsabu konvinti li l-kooperazzjoni f'dan il-qasam tista' toffri benefiċċji reċiproċi: inbena partenarjat fil-kuntest tal-Forum Internazzjonali dwar il-Biokarburanti li nbeda mill-Brażil f'Marzu 2007 [11]. Dan il-Forum jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' standards u kodiċi komuni bil-għan li tinħoloq il-possibbiltà biex jikber suq internazzjonali għall-biokarburanti filwaqt li jiġi żgurat li l-produzzjoni tkun sostenibbli u li r-riżultati tagħha jkunu t-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett tas-serra u li jkunu indirizzati għanijiet oħrajn għall-iżvilupp sostenibbli. Il-Konferenza Internazjonali dwar il-Biokarburanti organizzata mill-Kummissjoni għall-5-6 ta' Lulju 2007 fi Brussell ser toffri opportunità biex titwessa' l-kooperazzjoni b'mod sinifikanti.

L-UE hija wkoll akkanita biex tkabbar il-kooperazzjoni mal-Brażil dwar l-effiċjenza ta' l-enerġija, kemm fuq livell bilaterali kif ukoll mill-perspettiva ta' ftehim-qafas internazzjonali għall-ġejjieni.

· It-tnedija, fl-2007, tad-Djalogu bejn il-KU u l-Brażil dwar il-Politika ta' l-Enerġija tista' tirrappreżenta progress kbir fil-kooperazzjoni dwar l-enerġija bejn l-UE u l-Brażil, kemm fil-livell regolatorju kif ukoll f'dak tekniku. It-temi għandhom jinkludu l-biokarburanti sostenibbli u sorsi oħrajn ta' enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza ta' l-enerġija u t-teknoloġiji għal rata baxxa ta' emissjonijiet tal-karbonju. Id-djalogu għandu wkoll jikkontribwixxi għat-tiswir ta' rabtiet aktar mill-qrib, il-bdil ta' fehmiet dwar l-iżviluppi maġġuri fil-qasam ta' l-enerġija fix-xena internazzjonali u l-promozzjoni ta' politika biex jittejbu s-sigurtà u s-sostenibilità ta' l-enerġija.

2.6. Nikkonsolidaw l-istabbiltà u l-prosperità ta' l-Amerka Latina

Matul dawn l-aħħar ftit tas-snin, il-Brażil saħħaħ ir-relazzjonijiet mal-ġirien tiegħu, partikolarment ma' l-Arġentina, li magħha l-Brażil stabbilixxa 'relazzjoni strateġika'.

Fuq il-front politiku, il-Brażil sar pilastru ta' l-istabbiltà Sud Amerikana. Dan il-pajjiż kellu l-ħila jindirizza sfidi li ħabbtu wiċċhom magħhom ħafna pajjiżi tar-reġjun (sfidi bħal m'huma l-koeżjoni soċjali) fl-ambitu tal-qafas tas-sistema politika u istituzzjonali tiegħu.

Il-Brażil kien minn ta' quddiem fl-isforzi biex tissaħħaħ l-integrazzjoni ta' l-Amerka ta' Isfel kemm permezz tal-Mercosur kif ukoll bit-twaqqif, f'Diċembru 2004, tal-Komunità tan-Nazzjonijiet ta' l-Amerka ta' Isfel, li wassal għall-ħolqien ta' l-UNASUR fis-Samit reġjonali ta' April 2007. Matul dawn l-aħħar snin, ir-relazzjonijiet tal-Brażil mal-ġirien tiegħu kienu kkaratterizzati mill-moderazzjoni, kif jidher mill-mod li bih ittratta oqsma fejn kienu jeżistu diverġenzi bejn il-fehmiet tiegħu u dawk tal-Veneżwela u l-Bolivja.

Fl-oqsma ta' l-enerġija, it-telekomunikazzjoni, l-ilma u t-trasport, l-interkonnettività għandha rwol importanti fil-promozzjoni ta' l-istabbiltà u l-prosperità fl-Amerka Latina. Il-parteċipazzjoni tal-Brażil f'kull proġett reġjonali kbir ta' l-enerġija hija kundizzjoni essenzjali għall-kontribuzzjoni tal-Brażil għall-infrastrutturi ta' l-enerġija tar-reġjun. L-iżvilupp tal-kurituri bi-oċeaniċi tul il-fusien Pan-Amerikani jfisser li l-Brażil issa jinsab integrat aħjar fin-netwerk tat-trasport ta' l-Amerka Latina.

Il-Brażil għandu rwol importanti xi jwettaq fil-proċess UE-Amerka Latina-Karibew. Għall-UE tfisser ħafna l-parteċipazzjoni attiva tal-Brażil u l-kontribuzzjoni tiegħu fid-diskussjonijiet dwar il-koeżjoni soċjali u, b'mod partikolari, fil-Forum Unjoni Ewropea-Amerka Latina-Karibew li jmiss dwar il-Koeżjoni Soċjali.

· L-UE ser taħdem b'konċentrazzjoni kontinwa mal-Brażil biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza UE-LAC dwar il-Koeżjoni Soċjali ta' Marzu 2006 u biex jitmexxa 'l quddiem dan il-programm ta' ħidma. It-tħejjijiet għall-Forum UE-LAC dwar il-Koeżjoni Soċjali ser jipprovdu opportunità tajba għad-djalogu. Iż-żewġ naħat jistgħu wkoll jimpenjaw ruħhom b'mod konġunt biex jinkoraġġixxu lil organizzazzjonijiet u s-soċjetà ċivili jippromwovu l-koeżjoni soċjali.

· L-UE tilqa' bil-qalb l-involviment mill-qrib tal-Brażil fil-proċess ta' tħejjija għas-samit EU-LAC li jmiss u li se jsir f'Lima fl-2008.

2.7. Ir-reġistrazzjoni ta' progress fir-rigward tal-programm Mercosur

L-importanza u l-influwenza li għandu l-Brażil u s-suq vast tiegħu fil-Mercosur huma evidenti. Fl-2005 l-Brażil kien jirrappreżenta kważi 80% tal-PGD tal-Mercosur kollu [12]. Barra dan, il-Brażil huwa l-makna ekonomika ta' l-Amerka ta' Isfel u d-direzzjoni tal-politika ekonomika tiegħu ser tinfluwenza l-istabbiltà u l-integrazzjoni ekonomiċi tar-reġjun kollu.

Meta titqies l-importanza li għandu l-Brażil fi ħdan il-Mercosur, it-tisħiħ tar-relazzjoni politika ta' l-UE ma' dan il-pajjiż b'daqstant importanza ser ikun ta' appoġġ għall-integrazzjoni intra-Mercosur u għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Mercosur.

Billi jaqsam ma' ħaddieħor l-għarfien tiegħu ta' l-UE u l-esperjenza li kiseb fin-negozjar ta' aġenda konġunta ma' l-UE, il-Brażil jista' jappoġġja aħjar l-isforżi tal-Mercosur għat-tiswir ta' suq komuni u għaqda politika. Dan huwa ta' rilevanza partikolari fi żmien meta l-Mercosur jinsab għaddej minn fażi diffiċli. Il-grupp għad fadallu x-xogħol xi jlesti fuq għadd sostanzjali ta' aspetti ta' l-integrazzjoni ekonomika tiegħu, bħal m'huma t-tlestija ta' l-unjoni doganali u l-iffinalizzar tas-suq komuni tas-servizzi. Il-personalitajiet influwenti tal-pajjiżi kollha tal-Mercosur huma wkoll konxji dejjem aktar mill-ħtieġa li għandu l-grupp għar-rinfurzar tal-livell tiegħu ta' ambizzjoni u effikaċja speċjalment għall-iżvilupp tad-dinensjoni politika tiegħu speċjalment fir-rigward tal-politika barranija. Il-gvern Brażiljan kemm-il darba wera interess fl-esperjenza ta' l-UE li jqisha bħala mudell għall-integrazzjoni tal-Mercosur, għalkemm il-gvernijiet tal-Mercosur ġeneralment joqogħdu attenti ħafna fit-trasferiment ta' parti mill-poter tagħhom lil istituzzjonijiet supranazzjonali fil-perspettiva ta' integrazzjoni ekonomika u politika. L-UE hija s-sostenitriċi prinċipali tal-Mercosur u waħda fost l-akbar mid-donaturi tiegħu.

Id-djalogu msaħħaħ ser jgħin ukoll liż-żewġ partijiet biex jilħqu l-għanijiet tagħhom għall-konklużjoni ta' ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur, li s-suċċess tiegħu huwa marbut b'mod intrikat mal-progress ta' integrazzjoni politika u ekonomika intraMercosur, proċess li fih il-Brażil għandu jassumi rwol fuq quddiemnett.

· Għalhekk aħna nittamaw li l-Brażil jikkontribwixxi b'mod kostruttiv biex jintlaħaq ftehim bejn l-UE u l-Mercosur li jkun kemm ibbilanċjat kif ukoll komprensiv.

· Flimkien, l-UE u l-Brażil għandhom ifittxu kif jibnu l-aqwa kooperazzjoni bejniethom u jattwaw l-aqwa tpartit ta' esperjenzi fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' integrazzjoni reġjonali.

2.8. Insaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi

L-iżviluppar tal-kummerċ u l-investiment: Il-Brażil huwa s-suq l-iżjed importanti għall-UE fl-Amerka Latina, li jirrappreżenta terz tal-kummerċ totali li l-UE għandha ma' dan ir-reġjun u bi flussi kummerċjali bilaterali ta' tkabbir annwali li laħħaq iż-żewġ ċifri. Bi 22% tal-kummerċ totali tal-Brażil, l-UE hija wkoll l-aqwa msieħba kummerċjali ta' dan il-pajjiż. Madankollu, il-Brażil ma jirrapreżentax aktar minn 1.8% tal-kummerċ totali ta' l-UE, u jikklassifika biss fil-ħdax-il post fil-lista ta' l-aqwa msieħba kummerċjali ta' l-UE (Eurostat, 2005). Dan juri l-potenzjal kbir li jirrappreżenta dan is-suq għall-UE. Minn fost il-BRICs kollha, kien il-Brażil li ġibed lejh l-ikbar investiment dirett barrani [13] li ġej mill-UE, bi stokk ta' investiment li jlaħħaq it-€ 80.1 biljun. Il-Brażil huwa wkoll investitur kbir fl-UE [14], partikolarment f'setturi bħall-kummerċ, l-esplojtazzjoni tal-minjieri u l-bini.

Fir-rigward ta' l-aċċess għas-swieq, l-għan tagħna hu li nkabbru dejjem aktar l-opportunitajiet kummerċjali tagħna permezz tad-DDA u n-negozjati bejn l-UE u l-Mercosur, meta jitqies il-livell ta' protezzjoni relattivament għoli applikat bħalissa fis-swieq Brażiljani ta' l-oġġetti u s-servizzi. L-UE għalhekk jinkoraġġixxi lill-Brażil biex inaqqas il-barrieri tariffarji u mhux tariffarji, jippromwovi r-riforma ekonomika u tmexxija tajba fil-qasam tat-taxxa u jistabbilixxi ambjent regolatorju stabbli għall-operaturi ekonomiċi, inklużi l-investituri barranin. Klima aktar favorevoli għall-kummerċ u l-investiment fil-Brażil tkabbar il-kompetittività fis-setturi kollha u toħloq mezzi għat-tkabbir fil-prosperità.

· Il-Partenarjat UE-Brażil ġejjieni huwa opportunità biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' relevanza bilaterali speċifika li jikkomplimentaw id-diskussjonijiet bejn l-UE u l-Mercosur, pereżempju permezz ta' djalogu dwar kwistjonijiet relatati mal-proprjetà intellettwali, il-politika industrijali u l-kooperazzjoni regolatorja kif ukoll konsultazzjonijiet fil-qasam sanitarju u fitosantiarju (SPS), biex b'hekk jissaħħaħ l-għarfien reċiproku tal-kundizzjoniet rispettivi ta' l-SPS li jistgħu jeffettwaw il-kummerċ.

Kwistjonijiet ekonomiċi u finanzjarji: Meta jitqies x'toqol sinifikanti għandu l-Brażil fl-ekonomija dinjija u l-fora internazzjonali ewlenin, bħal mhuma l-G20, il-WHO u l-Grupp ta' Ħidma "Relazzjonijiet barrani" tal-G8, l-UE għandha wkoll tikkonsolida d-djalogu mal-Brażil dwar kwistjonijiet finanzjarji u makroekonomiċ. Dan jista' jinkludi sfidi makroekonomiċi u fiskali, strateġiji għal riformi strutturali għal żieda fit-tkabbir sostenibbli, u kwistjonijiet dwar koeżjoni soċjali.

· Il-partenarjat strateġiku UE-Brażil għandu jinvolvi djalogu makroekonomiku fuq bażi regolari.

Is-self mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment (BEI) kellu sehem importanti fit-tisħiħ tar-rabtiet ekonomiċi bejn il-Brażil u l-UE u appoġġja wkoll l-iżvilupp tas-settur privat. Il-Brażil kien l-akbar benefiċjarju fl-Amerka Latina tas-self mill-BEI u ser jibqa' benefiċjarju importanti tas-self mill-BEI. L-iffinanzjar mill-BEI fil-Brażil ser ikun b'appoġġ għall-għanijiet ta' l-UE biex tkun iffukata l-attenzjoni fuq is-sostenibilità ambjentali (inkluż it-trażżin tal-bidla fil-klima), is-sigurtà ta' l-enerġija, l-appoġġ għall-FDI, u t-trasferiment tat-teknoloġija u l-kompetenza.

Is-soċjetà ta' l-informazzjoni: L-UE u l-Brażil jaqblu li jirrikonoxxu li t-Teknoloġiji ta' l-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) mhux biss huma essenzjali għall-promozzjoni ta' l-innovazzjoni, il-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku, għall-ħolqien tax-xogħol u t-tkattir fl-effiċjenza tas-settur pubbliku imma wkoll għandhom dimensjoni soċjali importanti fit-titjib tal-koeżjoni soċjali, iż-żieda fil-kwalità tal-ħajja u t-tnaqqis fil-livell tal-faqar.

· Il-prijorità ta' l-UE hija biex testendi aktar id-djalogu u l-kooperazzjoni bilaterali dwar l-ITC b'mod li jkunu koperti l-aspetti regolatorji, politiċi u ta' riċerka. Dan ser jikkontribwixxi biex tingħata garanzija ta' qafas regolatorju stabbli u sod f'dan is-settur, li jintgħamel l-aħjar użu ta' l-ICT biex ikunu appoġġjati l-politika pubblika u l-ħarsien soċjali, u li jiġu żviluppati skambji fl-oqsma xjentifiċi u teknoloġiċi rilevanti.

Trasport bl-ajru: B'madwar erba' miljun passiġġier kull sena li jużaw titjiriet skedati, is-suq Brażiljan-UE tat-trasport bl-ajru huwa ta' importanza kruċjali biex jgħaqqad in-nies u n-negozji bejn l-UE u l-Brażil. Biex is-settur jiżviluppa, is-servizzi bl-ajru bejn il-Brażil u l-UE jeħtieġu qafas legali stabbli. Għalhekk huwa meħtieġ li l-ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru bejn il-Brażil u l-Istati Membri ta' l-UE jinbidlu biex jirriflettu l-eżistenza tas-suq uniku ta' l-avjazzjoni ta' l-UE. Hekk kif il-Brażil jirrikonoxxi l-eżistenza ta' l-UE fil-livell tal-ftehimiet bilaterali tiegħu dwar is-servizzi ta' l-ajru, dan il-pajjiż ikollu l-potenzjal li jsir sieħeb importanti f'diversi aspetti tal-politika ta' l-avjazzjoni. Eżempju tajjeb ta' ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru huwa l-proġett SESAR (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku ta' l-Ajru fis-Sema Uniku Ewropew), li l-għan tiegħu hu li jkabbar is-sigurezza, l-effiċjenza u s-sostenibbiltà ambjentali tat-trasport bl-ajru permezz ta' kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tas-sigurezza fl-avjazzjoni, speċjalment fir-rigward ta' l-għarfien tal-konklużjonijiet taċ-ċertifikati tan-navigabbiltà.

· Il-prijorità ta' l-UE hija li, b'mod urġenti, tagħmel tibdil fil-ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru bejn il-Brażil u l-Istati Membri ta' l-UE.

Trasport marittimu u tmexxija tajba marittima: Il-Brażil u l-UE it-tnejn huma atturi ewlenin fl-ekonomija dinjija u t-trasport marittimu huwa ta' importanza fundamentali għat-tkabbir, il-kummerċ u l-iżvilupp. Huwa meħtieġ li d-djalogu politiku bejn l-UE u l-Brażil dwar it-trasport marittimu stabbilit reċentement ikompli jiżviluppa bil-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet għall-kumpanniji marittimi tal-Brażil u l-UE, jiġi ffaċilitat it-trasport marittimu fil-Brażil u l-UE, tiġi żviluppata aktar il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ naħiet fl-oqsma kollha ta' interess reċiproku, inklużi l-portijiet, in-navigazzjoni interna, l-infrastruttura u s-sigurezza marittimi, kif ukoll li tkun diskussa l-konverġenza bejn il-metodi fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali.

· Barra minn hekk, il-partijiet jista' jkollhom ix-xewqa li jikkunsidraw il-ħolqien ta' kooperazzjoni transsettorjali fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' tmexxija tajba marittima li tkopri firxa wiesgħa ta' aspetti marittimi, minn trasport, sajd, riċerka marittima,-ħarsien ta' l-ambjent marittimu u sfruttar sostenibbli tar-riżorsi naturali, sa ppjanar rilevanti, tmexxija tajba u nfurzar tal-liġi.

· Id-djalogu politiku bejn l-UE u l-Brażil dwar it-trasport marittimu stabbilit reċentement għandu jkompli jiżviluppa.

Il-qasam tax-Xjenza, it-Teknoloġija (S&T) u l-innovazzjoni ġie ddikjarat bħala prijorità għall-gvern Brażiljan [15]. Il-kooperazzjoni bilaterali hija wkoll sinifikanti għaliex il-Brażil huwa wieħed mill-pajjiżi terzi l-aktar importanti fost il-parteċipanti fis-Sitt Programm Qafas ta' Riċerka (FP6 2002-2006) fuq il-livelli bilaterali u bireġjonali b'attivitajiet konġunti ta' riċerka fl-oqsma tematiċi maġġuri kollha li l-firxa tagħhom tkopri l-ambjent, l-ikel, is-saħħa, l-enerġija u t-trasport bl-art. Id-dħul fis-seħħ riċenti tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Brażil S&T u l-possibbiltajiet il-ġodda għall-parteċipazzjoni internazzjonali fis-Seba' Programm Qafas ta' Riċerka tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2007-2013 (FP 2007-2013) joffru bażi soda għat-tkabbir tal-kooperazzjoni eżistenti li qiegħed dejjem jikber.

· Id-djalogu settorjali S&T għandu jissaħħaħ u l-ippjanar konġunt jittejjeb biex ikunu mmirati u ffissati l-prijoritajiet permezz ta' djalogi tematiċi xierqa fl-oqsma ta' interess komuni.

· In-naħa Brażiljana hija mħeġġa biex, jekk u meta jkun xieraq, tiffinanzja lill-parteċipanti tagħha stess fl-attivitajiet ta' l-FP7. Iż-żewġ naħat għandhom jiffaċilitaw il-mobilità tar-riċerkaturi li l-UE tippromwovi permezz tal-programm speċifiku 'Persunal'. L-UE u l-Brażil għandhom jikkonsolidaw u jtejbu l-viżibbiltà tal-kooperazzjoni f'dan is-settur.

· Għandu jitqies il-ħolqien ta' ftehim bejn l-EURATOM u l-Brażil, bil-ftehimiet eżistenti ma' pajjiżi oħra jservu bħala mudell. Dan jista' jkun jew fil-qasam speċifiku ta' fużjoni, pereżempju għall-promozzjoni ta' l-interess li għandu l-Brażil biex jipparteċipa fil-proġett tar-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (ITER), jew fl-oqsma usa' ta' riċerka nukleari.

Navigazzjoni bis-satellita, Galileo: Il-kooperazzjoni fir-rigward tal-Programm Ewropew ta' Navigazzjoni bis-Satellita, Galileo, għandha tiġi intensifikata permezz ta' ftehim ta' kooperazzjoni ġdid (fuq il-bażi ta' skambju ta' informazzjoni inizjali u kuntatti oħra).

· Il-parteċipazzjoni tal-Brażil f'Galileo għandha tipprovdi opportunità perfetta biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni industrijali u xjentifika fl-oqsma tat-teknoloġija għolja bejn l-UE u l-Brażil.

2.9. Ġustizzja, Ħelsien u Sigurtà

L-UE u l-Brażil għandhom jikkooperaw, speċjalment fil-fora internazzjonali, biex jistabbilixxu standards internazzjonali għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, billi jippromwovu kooperazzjoni fi kwistjonijiet kriminali u b'mod partikolari l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjonijiet u l-Protkolli tan-NU dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità tranżnazzjonali organizzata u kontra l-korruzzjoni. L-UE u l-Brażil għandhom ukoll jippromwovu kooperazzjoni reġjonali multidixxiplinari bejn is-servizzi tagħhom ta' l-infurzar tal-liġi. Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Brażil fir-rigward tal-ġlieda kontra d-drogi illegali għandha tissejjes fuq il-prinċipju ta' responsabbiltà maqsuma u għandha tappoġġja l-iżvilupp ta' politika u programmi li jgħinu biex titkabbar il-kapaċità tal-Brażil biex jindirizza l-problema dinjija tad-doga permezz ta' approċċ integrat u bbilanċjat.

Il-Kummissjoni tinsab kunfidenti li n-negozjati bejn il-Komunità Ewropea u l-Brażil dwar ftehim biex għaż-żjarat qosra ma tkunx meħtieġa l-viża ser ikunu suċċess u li ser jingħalqu fix-xhur li ġejjin. Dan il-ftehim ser isolvi s-sitwazzjoni ta' trattament mhux indaqs ipprattikat mill-Brażil fir-rigward ta' ċerti ċittadini ta' l-UE wara li seħħ it-tkabbir ta' l-2004, u ser jiżgura sistema ta' eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża perfettament reċiproka kemm għaċ-ċittadini Brażiljani kif ukoll għal dawk Ewroprej. Il-Kummissjoni mistennija tadotta abbozz ta' mandat għan-negozjati lejn l-aħħar ta' Ġunju.

Fil-kuntest ta' dawn in-negozjati, irid jiġi enfasizzat li l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali għandha tkun diskussa sabiex jinkiseb appoġġ favur kooperazzjoni eqreb bejn l-UE u l-Brażil. Ta' rilevanza partikolari fil-kuntest tal-migrazzjoni hija l-kwistjoni ta' l-għoti ta' fondi mill-UE lill-Brażil li matul dawn l-aħħar snin kiber sostanzjalment. Meta dawn ikunu amministrati tajjeb, jistgħu jkunu ta' kontribut għat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp. Parti mid-diskussjonijiet għandhom ikunu wkoll dwar metodi ta' kif jista' jkun iffaċilitat aktar l-għoti tal-fondi, b'mod speċjali permezz ta' djalogu makroekonomiku.

· L-UE u l-Brażil għandhom ukoll jippromwovu kooperazzjoni reġjonali multidixxiplinari għall-infurzar tal-liġi.

2.10. Inqarrbu n-nies lejn xulxin

M'għandniex xi ngħidu, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Brażil ma jfissrux sempliċement interess ta' natura ekonomika: ifissru wkoll rabtiet storiċi, affinitajiet kulturali u lingwistiċi qawwija, kooperazzjoni bejn l-universitajiet, rabtiet fil-qasam sportiv, flussi turistiċi miż-żewġ direzzjonijiet, relazzjonijiet bejn l-impriżi, interess komuni fil-qasam tas-saħħa u ħafna aktar.

Fil-qafas tal-proċess tat-tisħiħ u l-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Brażil, teżisti ħtieġa ta' azzjoni biex in-nies ikunu ssensibilizzati dwar il-kulturi u s-soċjetajiet ta' sħabna u jitkabbar l-għarfien dwarhom. Għandna nwettqu azzjonijiet diretti biex inkejlu l-opinjoni pubblika u nivvalutaw x'jidhrilhom il-Brażiljani mill-UE, u viċiversa, u niżvuluppaw u nwettqu strateġiji mmirati biex titkabbar il-viżibbiltà u biex in-nies tkun aktar issensibilizzata, biex jissaħħaħ l-għarfien reċiproku u biex jissewwew l-ideat foloz.

Edukazzjoni għolja

Jeżisti interess qawwi u ambitu wiesa' fil-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Brażil rigward l-edukazzjoni għolja, biex jitwessa' l-għarfien akkademiku u jitressqu eqreb lejn xulxin l-elit intellettwali tal-ġejjieni. Il-Brażil kien parteċipant attiv fil-programm ta' l-UE għall-edukazzjoni għolja AlβAN [16], l-Erasmus Mundus [17] u fil-programmi ta' skambji bilaterali ta' l-Istati Membri ta' l-UE. Il-Brażil irreġistra wkoll parteċipazzjoni qawwija fil-programm ta' l-UE, ALFA [18] favur il-kooperazzjoni interuniversitarja UE-Amerka Latina. B'mod sinifikattiv, qiegħda tkun ikkunsidrata t-tnedija ta' djalogu politiku dwar l-iskambji ta' l-aħjar prassi fil-qasam ta' l-edukazzjoni.

· L-UE tipproponi li tistimula aktar l-iskambji u d-djalogu bejn il-kulturi tagħna permezz ta' l-intensifikar ta' skambji universitarji fil-ġejjieni qrib, b'fondi li jiġu mid-Dokument Strateġiku ta' l-UE 2007-2013: €30.5 miljun huma previsti għal boroż ta' studji Erasmus Mundus ulterjuri għall-istudenti Brażiljani.

Kultura: L-UE u l-Brażil għandhom viżjonijiet konverġenti u għanijiet komuni dwar il-kultura, b'mod partikolari fir-rigward tad-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali. Djalogu settorjali, li dwaru ntlaħaq qbil reċentement, ser jipprovdi l-qafas għall-promozzjoni tad-diversità kulturali u ta' l-industriji kulturali. Dan il-djalogu ser jagħmel enfażi partikolari fuq il-Konvenzjoni ta' l-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjojoni tad-Diversità ta' l-Espressjonijiet Kulturali u fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-fora internazzjonali bil-ħsieb li tkun garantita l-implimentazzjoni effettiva tagħha. Fis-settur tal-lingwi, l-esperjenza ta' l-UE tista' tipprovdi l-aħjar prassi għall-promozzjoni tad-diversità lingwistika.

Soċjetà ċivili: Il-kuntatti bejn il-popli tal-Brażil u l-UE għandhon jitkabbru wkoll permezz tas-soċjetà ċivili: fuq iż-żewġ naħiet jeżisti interess komuni qawwi fi kwistjonijiet ta' tħassib reċiproku, bħal mhuma t-tibdil fil-klima, l-ambjent, it-tnaqqis tal-faqar, l-iżvilupp soċjali, l-urbanizzazzjoni, imma wkoll fi kwistjonijiet aktar tekniċi u ekonomiċi bħal mhuma kwistjonijiet relatati max-xjenza u t-teknoloġija u t-trasport marittimu.

· Il-kuntatti tas-soċjetà ċivili għandhom jitkabbru f'diversi oqsma.

· L-iskambju taż-żgħażagħ u l-kooperazzjoni barra mis-settur ta' l-edukazzjoni formali jistgħu jitkabbru aktar permezz tal-programm "Iż-żgħożija fl-Azzjoni".

Impriżi: Il-potenzjal ta' kooperazzjoni bejn l-impriżi – rifless fiċ-ċifri impressjonanti ta' l-investiment fuq iż-żewġ naħat – għadu 'l bogħod minn sfruttament sħiħ. Il-kuntatti bejn l-impriżi għandhom ikunu inkoraġġiti u appoġġjati aktar mill-organizzazzjoni tal-Mejda Tonda UE-Brażil.

· L-ewwel Mejda Tonda Kummerċjali bejn l-UE u l-Brażil hija skedata biex issir fl-istess żmien tas-Samit Politiku ta' Liżbona bejn l-UE u l-Brażil.

3. It-triq tal-ġejjieni

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Brażil, li qed jitqawwew b'ritmu mgħaġġel, huma attwalment ibbażati fuq il-Ftehim-Qafas ta' Kooperazzjoni ta' l-1992 u fuq il-Ftehim-Qafas ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur (l-1995). Dan bilfors jirrestrinġi l-ambitu u l-fond tad-djalogu ta' bejnietna.

Iż-żjara tal-President Barrosa fil-Brażil f'Mejju 2006 tat spinta ġdida lir-relazzjonijiet ta' bejnietna, bl-għarfien tal-benefiċċji potenzjali ta' kooperazzjoni f'firxa ta' setturi settorjali, iddefiniti fil-laqgħa tal-Kumitat Konġunt tli saret f'April 2005 [19]. L-ewwel ċiklu ta' konsultazzjonijiet politiċi mal-Brażil tat-tip Trojka kien ġie organizzat fi Brażilja f'Mejju 2007.

Dawn il-miżuri riċenti wrew entużjażmu li dejjem qed jikber fuq iż-żewġ naħat għall-espanzjoni u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni ta' bejnietna f'ħafna setturi. Il-Brażil wera interess qawwi kemm fil-proċess u l-iżvilupp ta' 'partenarjat strateġiku' ma' l-Ewropa.

Is-Samit ta' Lulju jipprovdi lill-Unjoni opportunità biex tagħti mbuttatura ġdida u b'saħħitha lir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Brażil fl-assjem tagħhom. Partenarjat strateġiku mal-Brażil, li ilu għal żmien twil ħabib u alleat f'reġjun ta' importanza kbira għall-UE, ikun jimplika l-bini ta' kunsens u flehimiet dwar kooperazzjoni politika usa' għall-promozzjoni tal-paċi u l-istabbiltà fil-kontinenti rispettivi tagħna u lilhinn minnhom, u jippermettilna li nikkombinaw l-isforzi tagħna biex inħabbtu wiċċna ma' l-isfidi dinjija li qed jikkonfrontawna. Dan ikun ifisser l-adozzjoni ta' sistema ta' kooperazzjoni fejn jidħlu r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali u t-twettiq ta' progress fis-setturi identifikati għall-kooperazzjoni. Ikun involut ukoll impenn qawwi għal integrazzjoni reġjonali, l-ikkonsolidar tal-kooperazzjoni tagħna mal-Mercosur u t-tħabrik għal konklużjoni b'suċċess tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur. Flaħħarnett, partenarjat strateġiku bejn l-UE u l-Brażil ikun jirrappreżenta pass 'il quddiem pożittiv ħafna għall-UE, għall-Brażil u għar-reġjun kollu kemm hu.

F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni hija tal-fehma li fis-Samit ta' Liżbona, f'Lulju, l-UE ser ikollha l-opportunità li tagħmel l-ewwel passi kruċjali lejn l-offerta ta' partenarjat strateġiku lill-Brażil.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tirrakkomanda dan li ġej:

· Meta jitqiesu l-prijoritajiet stabbiliti f'din il-komunikazzjoni u, b'mod partikolari l-elementi sostantivi ddefiniti taħt il-Kapitolu 2, u;

· sabiex ikunu intensifikati r-rabtiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil permezz tat-twessigħ tad-djalogu politiku biex jinkludi l-kwistjonijiet kollha ta' importanza dinjija li jippreżentaw interess komuni, permezz tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bilaterali u l-kontribuzzjoni għall-konklużjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur;

L-UE għandha:

· Timpenja ruħha mal-Brażil biex tniedi partenarjat strateġiku fis-Samit ta' Liżbona bejn l-UE u l-Brażil,

· Tistieden lill-Brażil jissottometti l-fehmiet tiegħu dwar l-ambitu tal-partenarjat strateġiku

Ħarsa ġenerali lejn il-Brażil

Data politika u ġeografika |

Isem uffiċjali : | Repubblika Federattiva tal-Brażil |

President attwali tar-Repubblika: | Mr. Luiz Inácio Lula da Silva (minn Jannar ta' l-2003, reġa' kien elett f'Ottubru 2006) |

Erja tal-wiċċ: | 8.512 miljun kmm kwadru |

Land boundaries: | total: 14,691 kmPajjiżi fil-fruntieri: l-Arġentina 1.224 km, il-Bolivia 3.400 km, il-Kolombja 1.643 km, il-Gujana Fraċiża 673 km, il-Gujana 1.119 km, il-Paragwaj 1.290 km, il-Peru 1.560 km, is-Suriname 597 km, l-Urugwaj 985 km, il-Venezwela 2.200 km |

Popolazzjoni: | 189 miljun (2007) |

Tkabbir fil-popolazzjoni: | 1.3% p.a. |

Urbanizzazzjoni: | 84% (2005) |

Bliet ewlenin: | São Paolo (10.8m), Rio de Janeiro (6m), Salvador (2.6m), Belo Horizonte (2.3m), Fortaleza (2.3m) |

Indikaturi ekonomiċi |

PGD: PGD/capita : | € 710 biljun (2006, Eurostat) € 3.820 (2006, Eurostat) |

Tkabbir fil-PGD : | 0.5%(2003), 4.9% (2004), 3.3% (2005), 3.5% (2006) |

Inflazzjoni: | 14.8%(2003), 6.6% (2004), 6.8% (2005), 4.6% (2006) |

Bilanċ tal-kont kurrenti: | 0.8% (2003), 1.9% (2004), 1.7% (2005), 0.7% (2006) |

Esportazzjoni lejn l-UE: | €26.2 biljun (2006) = 22% esportazzjoni totali; 1.9% importazzjoni mill-UE |

Importazzjoni mill-UE: | €17.7 biljun (2004) = 22% importazzjoni totali; 1.5% esportazzjoni mill-UE |

Stokk ta' investiment Komunitarju fil-Brażil: : | €59.2 biljun (2002), €76.3 biljun (2005) |

Indikaturi soċjali magħżula |

Analfabetiżmu: | 11.5% |

Tul mistenni ta' l-għomor mat-twelid: | 71 sena (2005) |

Rata netta ta' l-attendenza fl-iskejjel ta' nies li għandhom bejn is-7 u l-24 sena: | Elementari (7-14): 96 % (2005)Sekondarja (15-17): 46% (2005)Edukazzjoni ogħla (18-24): 22% (2003) |

Faqar : | 36.3% (2005); (Indiġenza: 10.6%) |

Rata ta' l-imwiet tat-tfal: | 20 kull 1000 tarbija li jitwieldu ħajjin (2005) |

Koeffiċjent Gini: | 0.61 = għoli (0 hija ekwivalenti għal ugwaljanza assoluta/ 1 għal inugwaljanza assoluta) |

Sorsi: Eurostat, Banco do Brasil, Bank Dinji, IBGE, IMF, NU-ECLAC

(...PICT...)

(...PICT...)

[1] Dan hu terminu maħluq fl-2003 minn Goldman Sachs biex jiddeskrivi l-ekonomiji tal-Brażil, ir-Russja, l-Indja, iċ-Ċina u l-Afrika ta' Isfel li kienu qed jikbru b'ritmu mgħaġġel ħafna.

[2] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew, "Partenarjat aktar b'saħħtu bejn l-UE u l-Amerka Latina" [KUMM(2005) 636], tistabbilixxi l-bażi għal partenarjat aktar b'saħħtu mar-reġjun ta' l-Amerka Latina.

[3] L-Unjoni Sudamerikana – UNASUR – twaqqfet formalment f'Samit fil-Veneżwela li kien sar f'April 2007.

[4] Fl-aħħar ta' l-2004, 38% ta' l-istokks fl-investiment tal-kapital fl-Amerka latina kienu jinsabu fil-Brażil (Eurostat Annwarju 2006).

[5] It-tkabbir ekonomiku tal-Brażil fl-2006 kien taħt it-3.7%

[6] Preżentement il-Brażil qed jieħu sehem fl-operazzjoni ta' l-UNPK li ġejjin: Is-Sudan, il-Kosta ta' l-Ivorju, il-Liberja, l-Etijopja u l-Eritrea, Ħaiti, Timor tal-Lvant, Ċipru.

[7] Il-kontribuzzjon i ta' l-UE lill-Ħaiti għall-2002-2007 (id-Disa' EDF) hija kważi €300 miljun u kważi €233 miljun huma allokati għall-perjodu 2008-2013.

[8] Aktar minn 100 pajjiż iffirmaw din id-Dikjarazzjoni tan-NU ta' l-2004, li tappella għall-użu ta' mekkaniżmi ta' finanzjament innovattivi bħala għajnuna għall-ksib ta' l-MDGs. Din l-inizjattiva wasslet għall-ħolqien fl-2006 ta' l-UNITAID biex jiġġieled kontra tliet mardiet kbar qattiela li huma t-tuberkolożi, l-AIDA u l-malarja. Ir-Renju Unit, Franza, l-Italja, Spanja u l-Iżvezja huma l-membri fundaturi.

[9] L-ammont totali tal-proġetti u l-programmi ta' kooperazzjoni kollha flimkien jaqbżu l-165 miljun EUR mingħajr ma jingħaddu l-proġetti RTD.

[10] Il-klassifika fl-2004: 69 minn 177 (sors: ir-Rapport ta' l-UNDP dwar l-Iżvilupp Uman (2006).

[11] Il-membri l-oħra jinkludu liċ-Ċina, l-Indja, l-Istati Uniti u l-Afrika ta' Isfel.

[12] Sors: Il-Bank Dinji.

[13] Filwaqt li l-flussi ħierġa 'l barra lejn ir-Russja, iċ-Ċina u l-Indja bejn l-2003 u l-2005 kienu ogħla minn dawk tal-Brażil, fl-assjem, il-volum ta' kapital fil-kumpanniji tal-Brażil huwa ikbar minn dak tal-pajjiżi l-oħrajn kollha ta' BRIC flimkien: 2005.Brażil € 80,1 biljun, Russja € 31.3 biljun, Ċina € 31.3 biljun, Indja € 13.7 biljun.

[14] €5.2 biljun ta' kapital Brażiljan ġew investiti fl-UE fl-2005 biss (sors: Banco Central do Brasil).

[15] L-investimenti attwali fil-qasam tar-riċerka, li jirrappreżentaw 1% tal-PGD huma stmati li ser jirduppjaw sa tmiem it-tieni mandat tal-President Lula.

[16] Mill-2003 'hawn, madwar 2,500 student Brażiljan ipparteċipaw fil-programm Komunitarju ta' edukazzjoni għolja "ALBAN" iddedikat għall-Amerka Latina: dan jirrappreżenta 30% tal-parteċipanti kollha mill-Amerka Latina.

[17] Il-Brażil huwa l-pajjiż Amerikan Latin parteċipanti fil-programm Erasmus Mundus li rreġistra l-aħjar riżultati. 89 student u 28 universitarju mill-istituzzjonijiet Brażiljani ngħataw boroż ta' studju Erasmus Mundus biex jistudjaw jew jaħdmu fl-Ewropa matul il-perjodu 2004-2006. Seba' universitajiet Brażiljani huma involuti f'partenarjati mal-korsijiet tal-Masters ta' l-Erasmus Mundus.

[18] ALFA II (América Latina Formação Académica) – madwar 70 istituzzjoni Brażiljana differenti ta' l-Edukazzjoni Għolja implimentaw bejn wieħed u ieħor 136 proġett, li 82 minnhom ippermettew is-seħħ ta' madwar 1,300 semestru ta' mobilità AL-UE.

[19] Enerġija, ambjent, xjenza u teknoloġija, trasport marittimu, politika soċjali, politika reġjonali.

--------------------------------------------------