16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/53


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, diesel u żejt tal-gass u l-introduzzjoni ta' mekkanizmu sabiex jissorvelja u jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mill-użu tal-karburanti tat-trasport fit-triq u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE, dwar l-ispeċifikazzjoni tal-karburant użat mill-bastimenti fil-kanali interni li tirrevoka d-Direttiva 93/12/KEE”

COM(2007) 18 finali — 2007/0019 (COD)

(2008/C 44/15)

Nhar l-14 ta' Marzu 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikoli 95 u 175 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, diesel u żejt tal-gass u l-introduzzjoni ta' mekkanizmu sabiex jissorvelja u jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mill-użu tal-karburanti tat-trasport fit-triq u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE, dwar l-ispeċifikazzjoni tal-karburant użat mill-bastimenti fil-kanali interni li tirrevoka d-Direttiva 93/12/KEE.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Lulju 2007 Ir-rapporteur kien is-Sur Osborn.

Matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta ta' l-24 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'74 vot favur, l-ebda vot kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja bis-sħiħ il-pjanijiet ta' l-Unjoni li tindirizza l-bidla fil-klima billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra (GHG). Fis-settur tat-trasport, il-Kumitat jemmen li l-azzjoni trid tibda mil-livell fundamentali billi tindirizza l-pressjonijiet li wasslu għaż-żieda kontinwa fit-traffiku ta' kull tip fuq medda ta' snin.

1.2

Il-Kumitat jemmen ukoll li għad hemm il-possibbilità li titjieb l-effiċjenza enerġetika fil-prestazzjoni ta' kull tip ta' trasport. Il-Kumitat jiddeplora dak li jidher bħala dgħajfien ta' l-intenzjonijiet oriġinali tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-effiċjenza tal-magni tal-karozzi, li b'hekk ittaffi l-pressjoni fuq l-industrija tal-karozzi ħalli tilħaq livelli aktar għoljin.

1.3

Il-Kumitat jaqbel fil-prinċipju ma' l-espansjoni tal-bijokarburanti fl-Unjoni. Madankollu huwa jemmen li hemm bżonn li l-impatt globali tas-CO2 tal-bijokarburanti jiġi evalwat b'attenzjoni kbira u li l-pass u l-bilanċ ta' l-espansjoni għandhom jiġu segwiti mill-viċin.

1.4

B'mod speċifiku, il-Kummissjoni Ewropea għandha tiċċara kif bi ħsiebha tilħaq il-mira ta' l-użu ta' 10 % ta' bijokarburanti sa l-2020 filwaqt li żżomm quddiem għajnejha l-kundizzjonijiet li għamel il-Kunsill sabiex tintlaħaq dik il-mira, u għandha tkun lesta li timmodifika l-approċċ tagħha jekk jidher li huwa inqas effettiv fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-karbonju milli kien ittamat, jew li qiegħed ikollu xi effetti oħra mhux mixtieqa fuq l-istruttura ta' l-agrikoltura dinjija jew fuq il-bijodiversità.

1.5

Il-KESE jaċċetta li madankollu huwa xieraq li r-regoli ta' speċifikazzjoni tal-karburanti għandhom jinbidlu kif ġie propost mid-Direttiva preżenti sabiex jippermettu li jiġi prodott u kkummerċjalizzat petrol ġdid b'kontenut għoli ta' bijokarburant, sakemm jiġu indirizzati l-preokkupazzjonijiet dwar l-impatti ta' tniġġis potenzjali.

1.6

Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ il-proposta li l-industrija tal-karburanti tinħtieġ li tissorvelja u tirrapporta l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra li jseħħu matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-karburanti li hija tpoġġi fis-suq. Hija tkun meħtieġa li tnaqqas dawn l-emissjonijiet b'1 % kull sena bejn l-2010 u l-2020. Il-Kumitat iqis li hemm każ b'saħħtu għaliex dan għandu jiġi mħaddem f'livell Ewropew, minflok ma jitħalla għall-Istati Membri.

1.7

Il-Kumitat jappoġġja l-bidliet minuri fil-kontenut tal-kubrit fil-karburanti li huma proposti. Jissuġġerixxi li t-tnaqqis f'żewġ stadji ta' l-emissjonijiet tal-kubrit propost fil-każ tal-kanali interni, jiġi rivedut għal tnaqqis ta' darba li jwassal għall-figura finali (10ppm kontenut ta' kubrit) sabiex tiġi evitata l-possibbilità li s-sidien tad-dgħajjes ikollhom jagħmlu żewġ modifiki separati fuq il-bastimenti tagħhom.

2.   Introduzzjoni

2.1

Id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti 98/70/KE (u d-Direttivi sussegwenti li jemendawha) fiha l-ispeċifikazzjonijiet ta' kwalità għall-karburant ambjentali għall-petrol u għad-diesel fil-komunità fejn l-enfażi ewlenija hija li jiġi limitat il-kontenut tal-kubrit, u, fil-każ tal-petrol taċ-ċomb flimkien mal-kontenut aromatiku. Hija tistabbilixxi wkoll limitu fuq il-kubrit fiż-żjut tal-gass użat mill-makkinarju mobbli mhux għat-triq.

2.2

Id-Direttiva 1999/32/KE tal-Kunsill, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KE, tistabbilixxi l-limiti għall-kubrit f'ċerti karburanti likwidi u b'mod speċifiku tirreferi għall-karburant użat mill-bastimenti fil-kanali interni.

2.3

Il-proposta attwali tibdel l-ispeċifikazzjonijiet permessi sabiex tippermetti l-introduzzjoni ta' grad ġdid ta' petroleum b'kontenut għoli ta' bijokarburant li jkun fih sa 10 % ta' etanol. Tippermetti wkoll ftit aktar issikkar fil-livelli tal-kubrit permessi fil-karburanti.

3.   Żviluppi ewlenin fl-UE

3.1

Il-Komunità reċentement ikkommettiet lilha nnifisha sabiex tilħaq miri ta' tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra ta' 20 % inqas mil-livelli ta' 1990 sa l-2020.

3.2

It-trasport fuq l-art bħalissa jgħodd għal madwar 20 % ta' dawn l-emissjonijiet u jrid jikkontribwixxi lejn dan it-tnaqqis. Il-Kummissjoni indirizzat aspett ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mit-trasport permezz ta' l-adozzjoni ta' strateġija ġdida komprensiva sabiex tnaqqas l-emissjonijiet tad-dijossidu karboniku minn karozzi u vannijiet ġodda mibjugħa fl-Unjoni Ewropea. Dan jippermetti li l-UE tilħaq il-mira li kienet ilha li stabbiliet li tillimita l-emissjonijiet medji tas-CO2 mill-karozzi l-ġodda għal 120 gramma kull km sa l-2012.

3.3

Mil-lat tal-karburanti, id-Direttiva ta' l-UE dwar il-bijokarburanti (2003/30/KE) għandha l-għan li tagħti kontribut ieħor lejn it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 billi tinkoraġġixxi l-użu tal-bijomassa mit-trasport, kif ukoll ta' karburanti oħra rinnovabbli. L-Istrateġija tal-Komunità dwar il-Bijokarburanti ġiet żviluppata aħjar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Strateġija ta' l-UE għall-Bijokarburanti li dwarha l-Kumitat adotta opinjoni fl-24 ta' Ottubru 2007.

3.4

F'Marzu 2007 il-Kunsill stabbilixxa mira minima u li torbot ta' 10 % li trid tintlaħaq mill-Istati Membri kollha, għas-sehem tal-bijokarburanti fil-konsum totali tal-petrol u d-diesel mit-trasport fl-UE sa l-2020. Din trid tiddaħħal b'mod li hu effiċjenti f'termini ta' spejjeż.

3.5

Id-direttiva attwali għandha l-intenzjoni li tappoġġja dik l-istrateġija. Il-bidla prinċipali hija li tippermetti li livelli ogħla ta' etanol jitħalltu ma' grad ġdid ta' petrol għall-karozzi sabiex ikun possibbli li ssir l-espansjoni mgħaġġla ta' bijokarburanti li ġiet mandata mill-Kunsill.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Bir-raġun kollu, l-Unjoni Ewropea ħadet rwol ta' tmexxija fid-dinja dwar il-kwistjoni tal-bidla fil-klima, u adottat miri ambizzjużi għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra sa l-2012 u l-2020.

4.2

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-miri u l-aproċċ ġenerali tal-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi programm komprensiv għall-azzjoni. Madankollu jemmen li fis-settur tat-trasport hemm il-periklu li tiġi stabbilita ordni żbaljata ta' prijoritajiet.

4.3

Fis-sezzjoni tat-trasport, il-Kumitat jemmen li l-azzjoni trid tibda mill-livell fundamentali li tindirizza l-pressjonijiet li wasslu għaż-żieda kontinwa fit-traffiku ta' kull tip għal dawn l-aħħar żewġ sekli. L-Istrateġija ta' l-Unjoni Ewropea għal Żvilupp Sostenibbli adottata mill-Kunsill fl-2006 ikkommettiet lill-Unjoni għall-objettiv li tifred it-tkabbir ta' l-ekonomija miż-żieda fit-trasport. Dak il-kompitu għandu jingħata l-ogħla prijorità. Il-Kumitat għal darb'oħra jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta studju integrat u fundamentali ta' kif dan jista' jseħħ.

4.4

Prijorità oħra għandha tkun li teħtieġ li tittejjeb sew l-effiċjenza fil-konsum fil-karozzi u vetturi oħra. Il-proposta li jiġi stabbilit limitu ta' 120 gramma ta' emissjonijiet ta' CO2 kull kilometru huwa bidu utli. Il-Kumitat jemmen li għandu jkun possibbli li nimxu aktar 'il quddiem u b'rata aktar mgħaġġla f'din il-kwistjoni, u li kien ikun aħjar li kieku l-Kummissjoni żammet mal-proposta oriġinali li tirrikjedi li l-kostrutturi tal-karozzi jilħqu din il-mira. Il-Kumitat jistenna li l-Kummissjoni tagħmel aktar pressjoni f'din id-direzzjoni.

4.5

Fir-rigward tal-bijokarburanti, il-Kumitat jaqbel li jista' jkollhom xi rwol utli. Iżda huwa jqis li għandu jingħata aktar kas ta' l-impatt ambjentali, soċjali, agrikolu u fuq l-impjiegi li hemm implikati kemm fl-Ewropa kif ukoll madwar id-dinja. Il-Kumitat bħallissa qiegħed jaħdem fuq opinjoni separata dwar din il-kwistjoni.

4.6

Il-koltivazzjoni għall-produzzjoni tal-bijokarburanti tista' tkun mod utli kif tintuża l-art. sakemm ma tieħux post użi oħra li huma tajbin daqs jew aħjar għall-iskop tat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra. Il-prattiċi ta' l-agrikoltura fl-Ewropa jilħqu livelli ambjentali għoljin grazzi għall-kundizzjonalità, u bi prinċipju l-kundizzjonalità tista' tiġi żviluppata f'għodda sabiex tiżgura li l-produzzjonijiet għall-bijokarburanti jitkabbru b'mod ottimali mil-lat ta' effiċjenza fl-emissjonijiet tal-karbonju. Madankollu jkun essenzjali li jiġu pparagunati u kkuntrastati il-proċessi tat-trasport u ta' raffinerija li jipproduċu l-bijokarburanti u l-karburanti tradizzjonali. L-impatt globali fuq is-CO2 tal-bijokarburanti għandu jiġi evalwat b'attenzjoni kbira u jista' ma jkunx pożittiv fil-każijiet kollha

4.7

B'mod aktar ġenerali, l-espansjoni massiva tal-koltivazzjonijiet għall-produzzjoni tal-bijokarburanti fl-Ewropa u partijiet oħra tad-dinja jista' jkollhom effetti sinifikanti fuq il-produzzjoni ta' l-ikel, il-ħarsien tal-foresti u tal-bijodiversità u fuq aspetti oħra li wkoll iridu jiġu studjati bir-reqqa. Din il-kwistjoni wkoll ser tiġi eżaminata f'Opinjoni separata.

4.8

Fl-opinjoni tal-Kumitat hemm bżonn ta' monitoraġġ kontinwu għall-aħjar mod kif jista' jiġi żviluppat is-suq għall-bijomassa u l-bijokarburanti. Huwa importanti li miżuri ta' sostenn għall-iżvilupp ta' dan is-suq, kemm jekk ikunu f'din id-direttiva kif ukoll f'xi miżuri oħra jippermettu li s-suq isib l-aħjar triq lejn l-aktar soluzzjonijiet effiċjenti u li jnaqqsu l-preżenza tal-karbonju.

4.9

Fid-dawl ta' dawn ir-riżervi dwar l-iskala u r-rata ta' żvilupp tal-bijokarburanti, il-Kumitat jemmen li l-Kummissjoni u l-Unjoni għandhom iżommu l-mira ta' 10 % għall-użu tal-bijokarburanti sa l-2020 taħt reviżjoni u jkunu lesti li jimmodifikawha f'każ ta' bżonn.

4.10

Il-Kumitat iħares lejn din id-Direttiva minn din il-perspettiva ġenerali. Il-Kumitat ma jopponix, bi prinċipju, li d-Direttiva dwar il-kwalità tal-karburanti tiġi emendata sabiex tippermetti t-taħlit ta' bijokarburanti adattati. Imma jħoss li għandna noqogħdu attenti ħafna sabiex niżguraw li t-taħlit tal-bijokarburanti mal-petrol ma jġibx effetti ħżiena oħra fuq l-ambjent bħat-tixrid ta' komposti organiċi volatili (VOCs) li jagħmlu aktar ħsara. Huwa importanti wkoll li l-kalkoli dwar l-impatti minstennija fuq l-emissjonijiet netti tas-CO2 għandhom isiru b'reqqa kbira, u għandhom iqisu l-analiżi taċ-ċiklu kollu tal-ħajja, każ b'każ, sabiex jiġu ottimizzati l-gwadanji potenzjali fuq is-CO2.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   L-Espansjoni tal-bijokarburanti

5.1.1

Il-Kumitat jaċċetta li x'aktarx ser ikun hemm bżonn li ssir xi żieda tal-bijokarburanti. Għalhekk huwa xieraq li r-regoli ta' speċifikazzjoni tal-karburanti għandhom jinbidlu kif ġie propost mid-Direttiva sabiex jippermettu li jiġi prodott u kkummerċjalizzat petrol ġdid b'kontenut għoli ta' bijokarburant, sakemm l-effetti kollaterali ta' tniġġis potenzjali jiġu trattati.

5.1.2

Il-Kumitat jappella li jittieħdu passi oħra dwar il-proposta li jittaffew il-limiti fuq il-pressjoni mill-fwar sabiex jippermettu pressjoni aktar għolja fil-petroleum il-ġdid b'kontenut għoli ta' bijokarburant. Pressjoni aktar għolja twasslu sabiex il-petroleum jibda jevapora aktar malajr, b'tixrid akbar ta' komposti volattili organiċi, li xejn m'huma mixtieqa, kemm mill-pompa tal-petrol, kif ukoll permezz ta' l-evaporazzjoni u tinfid mit-tankijiet u partijiet oħra tal-vetturi. Din il-problema tista' tittaffa b'mod konsiderevoli b'miżuri tekniċi adegwati.

5.1.3

Il-Kumitat jissuġġerixxi li l-Kummissjoni teżamina dan l-aspett aktar fil-fond qabel ma timplimenta d-Direttiva. Xi kummentaturi ssuġġerew li jista' jkun possibbli li jsir użu akbar tal-bijokarburanti mingħajr ma jkun hemm bżonn li jogħlew il-livelli tal-pressjoni. Inkella l-permess għal-livelli ogħla jridu jintrabtu ma' miżuri oħra dwar il-pompi tal-petrol (kif diġà huwa previst mill-Kummissjoni) u ma' restrizzjonijiet fl-użu ta' materjali li jassorbu fid-disinn tal-magni sabiex jiġi żgurat li l-emissjonijiet netti tal-komposti organiċi volatili ma jiżdidux meta l-bijokarburanti jiddaħħlu b'mod aktar estensiv.

5.2   Monitoraġġ ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra emessi matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-karburanti

5.2.1

Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ il-proposta li l-industrija tal-karburanti tinħtieġ li tissorvelja u tirrapporta l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra emessi matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-karburanti li hija tpoġġi fis-suq; hija għandha tnaqqas dawn l-emissjonijiet b'1 % fis-sena bejn l-2010 u l-2020. Għalkemm l-industrija tal-karburanti tejbet il-prestazzjoni tagħha f'termini ta' effiċjenza enerġetika f'dawn l-aħħar snin għad hemm skop għal titjib sostanzjali. Għad hemm wisq gass li jinqabad fil-bokkaturi tal-bjar. Dan jaħli riżorsa prezzjuża u joħloq miljuni ta' tunnellati ta' emissjonijiet tal-karbonju u tniġġis ieħor. L-operazzjonijiet tar-raffinerija u t-trasmissjoni permezz tal-piplines u t-trasport fis-settur tal-karburanti wkoll ivarjaw ħafna fl-effiċjenza enerġetika tagħhom u l-ammonti li jitilfu jew li jaħlu. Hemm ħafna x'jista' jsir sabiex il-livelli jitjiebu fl-industrija kollha u jilħqu dawk ta' l-aħjar operaturi.

5.2.2

Il-ħtieġa ta' monitoraġġ li hija proposta għall-industrija tal-karburanti hija mniżżla b'tali mod li l-introduzzjoni progressiva tal-bijokarburanti fit-taħlita enerġetika tista' tgħodd bħala kontribuzzjoni lejn il-mira globali tat-tnaqqis ta' emissjonijiet mill-industrija. Il-Kumitat jappoġġja strateġija li hija mmirata li tisfrutta l-benefiċċji potenzjali tal-bijokarburanti għall-ambjent, is-suq u l-impiegi u b'hekk tiżgura tnaqqis fis-CO2 li huwa ottimali minn kull lat iżda huwa ppreokkupat li l-proposta attwali tista' twassal lill-kumpaniji tal-karburanti sabiex jinjoraw l-opportunitajiet li jtejbu l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija fl-operat tagħhom favur espansjoni mgħaġġla żżejjed tal-bijokarburanti.

5.2.3

Jekk il-proposta timxi 'l quddiem, hemm bżonn li jsiru numru ta' punti. Hija ta' importanza kritika li jiġi żgurat li l-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja tal-bijokarburanti u tal-prodotti taż-żejt tiġi magħmula bir-reqqa u ma tiġix meqjusa biss bħala formola. Tipi u sorsi differenti ta' bijokarburanti għandhom impatti differenti ħafna fuq il-bilanċ globali tas-CO2. B'mod ġenerali, il-bijokarburanti jista' jkollhom prestazzjoni aħjar mill-karburanti ta' oriġini fossili f'termini taċ-ċiklu tal-ħajja tas-CO2 L-Unjoni Ewropea għandha tieħu l-passi sabiex tħeġġeġ l-aħjar soluzzjonijiet.

5.2.4

Jekk il-benefiċċji fis-CO2 ser jintlaħqu kif imiss, kull sors li jiġi wżat irid ikollu l-analiżi u l-valutazzjoni tiegħu, peress li applikazzjonijiet differenti tal-bijokarburanti jista' jkollhom impatti differenti f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju.

5.2.5

Il-proposta ġustament tapprova l-użu tal-bijomassa għall-produzzjoni tal-bijokarburanti jew għall-produzzjoni ta' l-enerġija. Dan għandu jirriżulta fi żvilupp kontinwu u pożittiv tas-suq tal-bijomassa.

5.2.6

Id-direttiva proposta ma tgħid xejn dwar livelli ta' monitoraġġ jew kif ir-rekwiżiti ser jiġu sorveljati u infurzati. Peress li ħafna mid-ditti involuti joperaw fuq bażi globali, u għandhom bżonn li jkollhom ċertu konsistenza fir-rekwiżiti imposti fuqhom, il-Kumitat iqis li hemm każ b'saħħtu għal standards, monitoraġġ u infurzar li għandhom jiġu mħaddma f'livell Ewropew, minflok ma jitħallew għall-interpretazzjoni u l-infurzar xejn konsistenti ta' bejn l-Istati Membri.

5.3   Il-kubrit fil-karburanti

5.3.1

Il-Kumitat jappoġġja l-konferma li ġiet proposta tad-data obbligatorja ta' l-2009 sabiex jintlaħaq il-livell massimu ta' 10ppm ta' kubrit fid-diesel. Huwa jappoġġja wkoll it-tnaqqis propost fil-kontenut massismu ta' kubrit fiż-żjut tal-gass li huma initiżi għall-użu minn makkinarju mobbli mhux għat-triq u t-tratturi agrikoli u tal-foresti. Dawn il-proposti jġibu r-rekwiżit għall-kubrit fl-istess livell ta' dawk li diġà ġew adottati għall-vetturi tat-triq u jikkontribwixxu sabiex jiġi żgurat li t-tniġġis mill-kubrit u mill-partiċelli jkompli jitnaqqas.

5.3.2

Fil-każ tal-kanali interni il-Kummissjoni pproponiet tnaqqis f'żewġ fażijiet ta' l-emissjonijiet tal-kubrit. Il-Kumitat jissuġġerixxi li jista' jkun aħjar li t-tnaqqis isir f'darba li jkun iwassal għaċ-ċifra finali, sabiex tiġi evitata l-possibbilità li s-sidien tad-dgħajjes ikollhom jagħmlu żewġ modifiki separati fuq il-bastimenti tagħhom. Jista' jkun xieraq ukoll li jiġi kkunsidrat xi solliev għall-bastimenti storiċi jew ta' valur patrimonjali li ma jkunux jistgħu joqogħdu għall-modifiki neċessarji.

Brussell, l-24 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS