20.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 168/71


Opinjoni tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni tas-sigurtà fl-infrastruttura tat-toroq

COM(2006) 569 finali — 2006/0182 (COD)

(2007/C 168/15)

Nhar il-10 ta' Novembru 2006, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 71(1)(ċ) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni tas-sigurtà fl-infrastruttura tat-toroq”

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-22 ta' Marzu. Ir-rapporteur kien is-Sur Simons.

Matul l-435 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-25 u s-26 ta' April 2007 (seduta tas-26 ta' April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'unanimità.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex tlaħħam it-tielet pilastru tal-politika għas-sigurtà fit-toroq: il-ġestjoni tas-sigurtà fl-infrastruttura tat-toroq. Bħala żieda ma' l-azzjoni u l-miżuri relatati mas-sewwieq immirati lejn it-titjib tas-sigurtà tal-vettura, id-direttiva attwalment ippreżentata tfittex li tintegra s-sigurtà fil-fażijiet kollha ta' l-ippjanar, id-disinn u l-operazzjoni ta' l-infrastruttura tat-toroq fin-Netwerk Trans-Ewropew (TEN-T). Fil-politika għas-sikurezza fit-toroq, dawn il-fatturi kollha huma importanti ndaqs.

1.2

Minkejja li l-Kumitat huwa konxju li, f'postijiet fejn l-infrastruttura hija diġà żviluppata sew, miżuri għall-infrastruttura tat-toroq ser ikollhom, ġeneralment, impatt inqas minn azzjoni relatata mas-sewwieq jew mal-vettura, huwa konvint li għandu jintuża kull mezz disponibbli f'dan il-qasam ukoll sabiex titjieb is-sikurezza fit-toroq u jitnaqqsu n-numri tal-vittmi.

1.3

Il-Kumitat iħoss li l-miżuri proposti għat-tielet pilastru tal-politika għas-sikurezza fit-toroq m'għandhomx jiġu ristretti għat-TEN-T biss, iżda għandhom jiġu estiżi sabiex jinkludu t-toroq kollha fl-Istati Membri 'l barra miż-żoni urbani li fihom, b'mod ċar, jiġru ħafna inċidenti. Billi l-għan huwa li jiċċekken in-numru ta' vittmi tat-traffiku fit-toroq u li l-biċċa l-kbira tas-suċċessi f'dan il-qasam — 1,300 inqas fatalitajiet minflok 600 — jistgħu jinkisbu fl-infrastruttura mhux TEN-T, il-Kummissjoni hija mistennija tagħti ħafna iktar attenzjoni lil dan l-aspett. Il-Kumitat iħoss li l-Artikolu 71(1)(ċ) tat-Trattat tal-KE jipprovdi bażi soda għal dan l-iskop.

1.4

Għalhekk, il-Kumitat jitlob lill-Istati Membri sabiex jaqblu li jestendu l-iskop għall-miżuri proposti għat-toroq kollha 'l barra miż-żoni urbani.

1.5

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi azzjoni fuq il-bażi ta' direttiva. B'ħarsa lejn l-effikaċja tal-miżuri proposti, il-Kumitat ma jħossx li direttiva jista' jkollha l-impatt mixtieq peress li tagħti wisq diskrezzjoni lill-Istati Membri, u li minħabba f'hekk ma tħallix lok għal applikazzjoni uniformi. Il-Kumitat iħoss li, sabiex jinkiseb l-għan li jitnaqqas bin-nofs in-numru ta' fatalitajiet fit-toroq sas-sena 2010 meta mqabbel maċ-ċifri tas-sena 2000, il-Kummissjoni għandha tipproponi strument legali li jorbot iktar minn direttiva, fejn l-atturi kollha tal-gvern u l-partijiet interessati privati kkonċernati jridu jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet.

1.6

Il-fatt li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jrid jiġi rrispettat skond il-bażi legali msemmija f'punt 1.3, m'huwiex ta' tfixkil. Għall-kuntrarju, approċċ Ewropew huwa essenzjali sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni uniformi li hija daqshekk neċessarja f'dan il-qasam.

1.7

Il-Kumitat jinnota wkoll l-importanza li jiġu analizzati l-kawżi ta' l-inċidenti tat-traffiku fit-toroq. Dan huwa l-uniku mezz sabiex jiġi identifikat kemm inċidenti bħal dawn huma kkawżati mid-disinn ta' l-infrastruttura tat-toroq u, fuq din il-bażi, jitniedu miżuri effettivi.

2.   Introduzzjoni

2.1

Sas-snin disgħin, inċidenti tat-traffiku fit-toroq kienu meqjusa bħala fenomenu inerenti tal-mobilità fl-ekonomija u s-soċjetà tagħna.

2.2

Ir-rwol tal-Komunità Ewropea kien ukoll limitat. Mingħajr responsabilitajiet ċari f'dan il-qasam, kellha ftit raġuni sabiex taġġixxi. Madankollu, setgħu jiġu adottati direttivi, partikularment fil-qasam ta' standards tekniċi ddisinjati sabiex itejbu s-sigurtà tal-vettura (l-użu obbligatorju taċ-ċinturin ta' sikurezza, sistemi għal-limitazzjoni tal-veloċità fit-triq għat-trakkijiet eċċ.)

2.3

Madankollu, mill-bidu ta' dan il-millennju, kien hemm bidla fundamentali fil-ħsieb f'dan il-qasam. Studji urew li s-sikurezza fit-toroq hija sors ewlieni ta' tħassib għall-pubbliku Ewropew. Dan jgħodd partikularment għat-trasport bit-triq — il-mod li bih jiġru l-iktar fatalitajiet.

2.4

Fis-sena 2000, inqatlu iktar minn 40 000 persuna u iktar minn 1,7 miljun sfaw feriti f'inċidenti fit-toroq fl-Unjoni Ewropea, li dak iż-żmien kien għad għandha ħmistax-il Stat Membru. L-ispiża diretta ta' l-inċidenti tat-traffiku fit-toroq li tista' titkejjel hija stimata daqs EUR 45 biljun, filwaqt li l-ispiża indiretta, inkluża l-ħsara fiżika u psikoloġika lill-vittmi u l-familji tagħhom, tiġi għal EUR 160 biljun kull sena.

2.5

Sa mit-Trattat ta' Maastricht, il-Komunità Ewropea diġà kellha għodod regolatorji aktar effettivi f'idejha sabiex tieħu azzjoni fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq, minkejja li l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà qiegħda tkompli tfixkel kull politika komuni ġenwina f'dal-qasam.

2.6

Fil-White Paper ta' l-2001 bl-isem ta' “Politika għal trasport Ewropew għall-2010: il-waqt li niddeċiedu” u l-Komunikazzjoni ta' Ġunju 2003 dwar Programm ta' Azzjoni Ewropew għas-Sikurezza fit-Toroq, jagħtu ħafna attenzjoni lill-miżuri disinjati sabiex itejbu s-sikurezza fit-toroq. It-tielet komponent ewlieni — flimkien mal-miżuri relatati mas-sewwieq u l-vettura — huwa azzjoni relatata ma' l-infrastruttura fiżika.

2.7

Għadha ma tnediet l-ebda inizjattiva fuq livell Ewropew għall-infrastruttura tas-sikurezza fit-toroq. Xi wħud mit-toroq li huma mgħammra b'sistemi ta' ġestjoni u kontroll tat-traffiku bażati fuq it-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) tassew saru iktar sikuri, iżda għad hemm ħafna xi jsir qabel ma t-toroq kollha jkunu attrezzati b'sistemi ICT.

2.8

Għalhekk, għad fadal ħafna xi jsir sabiex tittejjeb is-sigurtà ta' l-infrastruttura fiżika. It-tendenza, madankollu, hija li l-gvernijiet nazzjonali jipprovdu inqas fondi għall-infrastruttura tat-toroq — minkejja l-fatt li l-utenti tat-triq qegħdin jagħtu importanza dejjem ikbar lill-istandards tat-triq u tas-sigurtà fit-toroq.

2.9

Għalhekk, l-għan tal-Kummissjoni permezz tal-preżentazzjoni ta' din id-direttiva huwa li s-sigurtà tiġi integrata fil-fażijiet kollha ta' l-infrastruttua tat-toroq fin-Netwerk Trans-Ewropew (TEN-T). L-intenzjoni tagħha hija li tintroduċi evalwazzjonijiet ta' impatt għas-sigurtà fit-toroq flimkien ma' analiżi ekonomika u ambjentali.

3.   Kummenti Ġenerali

3.1

F'punt li diġà qajjem fl-opinjoni tiegħu ta' l-10 ta' Diċembru 2003 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Programm ta' Azzjoni Ewropew għas-Sikurezza tat-Toroq: Innaqqsu bin-nofs in-numru ta' vittmi ta' inċidenti tat-traffiku fl-Unjoni Ewropea sa l-2010: Dmir Komuni”, il-Kumitat jikkunsidra l-għan tal-Kummissjoni li tnaqqas in-numru ta' fatalitajiet fit-toroq sas-sena 2010 bin-nofs meta mqabbel maċ-ċifri tas-sena 2000 (minn 40 000fis-sena 2000 għal 25 000 fis-sena 2010) bħala kemxejn ambizzjuż.

3.2

M'hemmx dubju li dan huwa verament il-każ, billi fl-2005, iċ-ċifri ta' vittmi ta' inċidenti tat-traffiku fit-toroq fl-Unjoni Ewropea kienu għadhom ma' l-41 000— minkejja l-kwantità kbira ta' miżuri tas-sigurtà fit-toroq relatati mas-sewwieq u l-vettura li huma attwalment imnieda fuq livell Ewropew. Il-Kumitat jaħseb li kull vittma ta' inċident tat-traffiku fit-triq hija diġà wisq, u b'hekk jistenna li l-Kummissjoni għandha ssaħħaħ l-isforzi tagħha sabiex tikseb l-għan mixtieq, per eżempju billi tniedi kampanja kbira Ewropea dwar is-sikurezza fit-toroq u tagħti lill-Istati Membri rakkomandazzjonijiet dwar l-użu ta' strumenti iktar ibsin sabiex jitnaqqas in-numru ta' vittmi tat-traffiku fit-toroq.

3.3

Il-Kumitat jemmen li l-azzjoni komunitarja għas-sewwieqa u l-vetturi hija effettiva ferm fit-titjib tas-sigurtà fit-toroq. Miżuri li jtejbu l-infrastruttura tat-toroq — it-tielet pilastru tal-politika dwar is-sigurtà fit-triq — fil-fehma tal-Kumitat, huma inqas effettivi u, skond iċ-ċirkostanzi aċettati fl-Istat Membru kkonċernat, ser ikollhom impatt inqas fit-tnaqqis tan-numru ta' vittmi ta' inċidenti tat-toroq. Madankollu, il-Kumitat iħoss li kull mezz disponibbli għandu jintuża sabiex jitnaqqas in-numru ta' vittmi, per eżempju permezz ta' l-introduzzjoni ta' standards għad-disinn ta' l-infrastruttura tat-toroq u sinjali u indikazzjonijiet fl-Istati Membri ta' l-UE.

3.4

Il-fehma tal-Kumitat fir-rigward ta' l-effetti tal-miżuri ppreżentati hija kkonfermata mill-evalwazzjoni ta' impatt tad-direttiva proposta li saret fl-2003 min-netwerk tematiku ROSEBUD. Dan l-istudju sab li l-implimentazzjoni tad-direttiva fuq it-toroq TEN tista' — bi stima realistika — twassal għal iktar minn 600 fatalità inqas u iktar minn 7 000 inqas inċident b'korriment kull sena. Jekk, madankollu, id-direttiva tiġi applikata għat-toroq kollha 'l barra miż-żoni urbani, in-numru tal-vittmi jista' jitnaqqas b'madwar 1 300 kull sena, li jfisser tifdil annwali ta' EUR 5 biljun.

3.5

Il-Kumitat iħoss li l-Artikolu 71(1)(ċ) tat-Trattat tal-KE jipprovdi bażi soda għal dan. Għalhekk, il-Kumitat jitlob lill-Istati Membri sabiex jaqblu li jestendu l-iskop tal-miżuri proposti għat-toroq kollha 'l barra miż-żoni urbani.

3.6

L-abbozz ta' direttiva jippreżenta sett minimu ta' elementi li l-Kummissjoni tikkunsidra bħala neċessarji sabiex ikollha impatt fuq is-sigurtà u sabiex tferrex il-proċeduri li kienu effettivi. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkwota dawn l-erba' proċeduri li huma ċentrali għal kwalunkwe sistema ta' ġestjoni tas-sigurtà fl-infrastruttura tat-toroq: evalwazzjonijiet ta' impatt għas-sikurezza fit-toroq; awditjar tas-sikurezza fit-toroq; identifikazzjoni ta' toroq b'riskju għoli (jew black spots); u spezzjonijiet ta' sikurezza bħala parti mill-manutenzjoni regolari tat-toroq. Il-Kumitat għandu dubji serji dwar l-effikaċja ta' dan it-tip ta' miżuri li jieħdu l-forma ta' direttiva peress li dawn l-erba' proċeduri ċertament mhux ser jiġu applikati b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha ta' l-UE.

3.7

Il-Kummissjoni tħoss li din id-direttiva toħloq bilanċ tajjeb bejn it-titjib fis-sikurezza, il-limitazzjoni tal-piż amministrattiv u r-rispett għat-tradizzjonijiet, valuri u standards differenti fl-Istati Membri. Il-Kumitat iqajjem din il-kwistjoni għar-raġunijiet elenkati f'punti 3.4 u 3.5 hawn fuq.

3.8

Direttiva mhux ser ikollha l-impatt mixtieq peress li tagħti wisq diskrezzjoni lill-Istati Membri, u li b'hekk ma tħallix lok għal applikazzjoni uniformi. Il-Kumitat iħoss li, sabiex jintlaħaq l-objettiv li jitnaqqas bin-nofs in-numru ta' fatalitajiet fit-toroq sas-sena 2010 meta mqabbel maċ-ċifri tas-sena 2000, il-Kummissjoni għandha tipproponi strument legali li jorbot iktar minn direttiva, fejn l-atturi kollha tal-gvern u l-partijiet interessati privati kkonċernati jridu jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet.

3.9

Il-Kummissjoni taħseb li żidiet fl-ispejjeż bħala riżultat tal-proposti li jinsabu fl-abbozz ta' direttiva mhux ser ikunu iktar minn marġinali u ser jiġu kompensati f'perijodu qasir permezz tat-tifdil li jinkiseb bħala riżultat tan-numru mnaqqas ta' l-inċidenti. Il-Kumitat jistaqsi fuq liema bażi l-Kummissjoni qiegħda tagħmel din id-dikjarazzjoni.

4.   Kummenti Speċifiċi

4.1

Il-Kumitat jaħseb li, bħall-azzjoni relatata mal-vetturi u s-sewwieqa li taqa' taħt l-ewwel żewġ pilastri, il-miżuri proposti għat-tielet pilastru tal-politika għas-sikurezza fit-toroq — l-infrastruttura tat-toroq — għandhom ikopru mhux biss it-TEN-T, iżda għandhom jiġu estiżi sabiex jinkludu t-toroq kollha 'l barra miż-żoni urbani fejn, huwa ċar li qegħdin jiġru ħafna inċidenti.

4.2

Din hija wkoll waħda mill-konklużjonijiet tal-konsultazzjoni mal-pubbliku li nżammet bl-internet mit-12 ta' April sad-19 ta' Mejju 2006. Numru sinifikanti ta' dawk li wieġbu ssuġġerixxew l-estensjoni tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva għat-toroq li ma jagħmlux parti min-netwerk trans-Ewropew, billi huwa eżattament f'dawn it-toroq fejn jistgħu jiġu salvati l-ikbar numru ta' nies.

4.3

Id-direttiva proposta tistabbilixxi proċeduri għal evalwazzjonijiet tas-sikurezza fit-toroq, awditjar u spezzjonijiet. L-Istati Membri huma mistennija jużaw l-elementi elenkati fl-annessi sabiex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa b'mod uniformi. Fil-fehma tal-Kumitat, madankollu, il-fatt li d-dispożizzjonijiet huma miġburin f'direttiva jagħti lill-Istati Membri wisq diskrezzjoni sabiex ikun hemm xi forma ta' paragun f'saħħtu ta' l-impatt tal-miżuri li jinsabu hemm.

4.4

Anness I, per eżempju, jippreżenta numru ta' komponenti u elementi sabiex jintużaw mill-Istati Membri fl-evalwazzjonijiet ta' impatt għas-sikurezza fit-toroq. Din il-lista tagħti lill-Istati Membri tant diskrezzjoni fl-istħarriġ ta' evalwazzjonijiet ta' dan it-tip li hemm dubji serji jistgħux jipproduċu data li tista' tiġi mqabbla.

4.5

L-istess jista' jingħad għal-lista ta' l-elementi għall-awditjar ta' sikurezza fit-toroq ippreżentati f'Anness II. Hawnhekk ukoll l-Istati Membri għandhom skop wiesa' għall-interpretazzjoni tagħhom stess.

4.6

L-istess nuqqas japplika wkoll għall-ispezzjonijiet ta' sikurezza, bid-diffikultà addizzjonali li, f'Anness III tad-direttiva, wieħed mill-elementi għar-rappurtaġġ mill-grupp ta' spezzjoni huwa msemmi bħala “analiżi tar-rapporti dwar l-inċidenti”. Il-Kumitat iħoss li l-punt fokali m'għandux ikun daqshekk fuq l-analiżi tar-rapporti ta' l-inċidenti iżda l-ewwelnett fuq x'jikkawża l-inċidenti. Din il-konsiderazzjoni, sfortunatament, hija wkoll nieqsa mill-Artikolu 7 ta' l-abbozz tad-direttiva u minn Anness IV, li jitratta b'mod iktar iddettaljat dwar id-data ta' inċidenti li tista' tiġi inkluża f'rapporti ta' inċidenti.

4.7

Kif diġà enfasizza l-Kumitat fl-opinjoni tiegħu ta' l-10 ta' Diċembru 2003 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: “Programm ta' Azzjoni Ewropew għas-Sikurezza fit-Toroq: Innaqqsu bin-nofs in-numru ta' vittmi ta' inċidenti tat-traffiku fl-Unjoni Ewropea sa l-2010: Dmir Komuni”, kwantità kbira ta' informazzjoni tista' tinkiseb billi tingħata iktar konsiderazzjoni għat-toroq ta' riskju għoli (jew black spots), b'analiżi tal-kawżi ta' l-inċidenti għal kull wieħed minnhom. Fl-istess opinjoni, il-Kumitat jinnota wkoll il-ħidma ta' l-organizzazzjoni “Euro-RAP” li tippubblika pjan ta' azzjoni ta' pajjiżi varji Ewropej li tindika l-livell ta' periklu fuq toroq differenti, ibbażata fuq inċidenti li ġraw fir-realtà.

4.8

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha dispożizzjoni li tordna l-Istati Membri sabiex iżidu n-numru ta' żoni tal-parking għall-utenti kollha, inkluż dawk b'diżabilità, mar-rotot infrastrutturali maġġuri. Żoni tal-parking bħal dawn għandhom ikunu sikuri peress li inkella s-sewwieqa sempliċement ikomplu bil-vjaġġ tagħhom u dan jirriżulta, fost affarijiet oħra, fin-nuqqas ta' konformità mar-regoli dwar il-ħin tas-sewqan u l-perijodi ta' mistrieħ u b'hekk tkun kompromessa s-sikurezza fit-toroq.

4.9

Il-Kumitat iħoss li m'hix qiegħda tingħata biżżejjed attenzjoni lill-kwistjoni tad-dwal fit-toroq. Sabiex titjieb is-sikurezza fit-toroq, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jikkoordinaw il-politika tagħhom f'dan il-qasam.

4.10

Punt ta' l-aħħar li l-Kumitat jixtieq iressaq għall-attenzjoni tal-Kummissjoni huwa li l-preżentazzjoni viżwali ta' toroq ta' riskju għoli mill-Istati Membri — jiġifieri l-infrastruttura li fuqha l-iktar li jiġru inċidenti — hija għodda importanti sabiex titqajjem kuxjenza fost l-utenti tat-toroq.

Brussel, is-26 ta' April 2007

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS