52006PC0084

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa /* KUMM/2006/0084 finali - CNS 2006/0022 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 13.07.2006

KUMM(2006) 84 finali

2006/0022 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa

(PREżENTATA MILL-KUMMISSJONI)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Bil-proposta tagħha għall-emendi lir-Regolament (KE) 539/2001[1], kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 851/2005[2], il-Kummissjoni qed issegwi l-għanijiet li ġejjin:

- li tiżgura li fil-kuntest tar-reviżjoni perjodika tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 li l-kompożizzjoni kurrenti ta’ l-annessi tiegħu – li fihom il-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viżi huma u jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri (l-Anness I) u l-lista ta’ dawk il-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn din il-ħtieġa (l-Anness II) – tikkonforma mal-kriterji stabbiliti fil-premessa 5, partikolarment f’dak li jirrigwarda l-immigrazzjoni illegali u l-kriterji ta’ politika pubblika u t-trasferiment ta’ pajjiżi minn anness għal ieħor skond kif ikun xieraq;

- li tamplifika ż-żewġ annessi tar-Regolament sabiex dawn jagħtu effett sħiħ lis-sett oġġettiv bl-Artikolu 62(2)(b)(i) tat-Trattat, viz. ir-Regolament għandu jiddetetrmina b'mod komprensiv jekk ċittadin ta' pajjiż terz għandux ikun suġġett għal jew eżentat mill-ħtieġa tal-viża;

- li tadatta r-regoli applikabbli għal refuġjati u persuni mingħajr stat sabiex dawn jibqgħu eliġibbli għal eżenzjoni mill-viża jekk ikunu residenti f’pajjiż terz imsemmi fl-Anness II imma jgwadu eżemzjoni awtomatika jekk ikunu residenti fi Stat Membru;

- li żżid każ ġdid ta’ eżenzjoni għal min jippossedi karta tat-traffiku lokali tal-fruntieri;

- li tipprovdi eżenzjoni mill-viża lil membri tal-forzi armati li jkunu qed jivvjaġġaw fuq xogħol tan-NATO jew tas-Sħubija għall-Paċi;

- li tikkjarifika l-kategoriji għal passaporti li mhumiex bħal dawk ordinarji.

Każijiet ta’ nuqqas ta’ reċiproċità f’affarijiet ta’ viża m’humiex koperti minn din il-proposta għall-emenda tar-Regolament (KE) Nru 539/2001. Dawn huma trattati fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 851/2005.

1. Reviżjoni ta’ l-annessi għar-Regolament

1.1. It-trasferiment ta’ pajjiż terz minn anness għall-ieħor

Il-Kunsill Ewropew ta’ Sevilla għall-ewwel darba saħaq fuq il-bżonn li jkunu riveduti l-annessi għar-Regolament (KE) Nru 539/2001. L-ewwel reviżjoni rriżultat fir-Regolament (KE) Nru 453/2003[3], li ttrasferixxa l-Ekwador mill-Anness II għall-Anness I. Għall-għanijiet tar-reviżjoni perjodika l-ġdida, il-Kummissjoni ġabret tagħrif billi, b’mod partikolari, tavviċina direttament lill-Istati Membri sabiex tiċċekkja jekk l-annessi għar-Regolament (KE) Nru 539/2001 kif inhuma għadhomx jikkorrispondu mal-kriterji stabbiliti bir-Regolament. It-tagħrif mgħoddi mill-Istati Membri b’rispons kien iċċekkjat ma’ informazzjoni u statistiċi oħra fornuti taħt iċ-CIREFI. Wara li analizzat din l-informazzjoni, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjonijiet li ġejjin:

L-ewwelnett, l-informazzjoni mgħoddija tindika pressjoni migratorja persistenti u intensa mill-Bolivja. L-effett qed jinħass fin-numru kbir ta’ rifjuti fil-fruntieri esterni u fi tkeċċijiet minn diversi Stati Membri. Lanqas ma tista’ titwarrab id-dimensjoni tal-politika pubblika ladarba l-ordnijiet għad-detenzjoni u l-kundanni ta’ Bolivjani għal offiżi kriminali u immigrazzjoni illegali qed jiżdiedu wkoll. Barra minn hekk, ċittadini ta’ pajjiżi Latin-Amerikani suġġetti għall-ħtieġa tal-viża qed jippruvaw jevitaw ir-rekwiżit tal-viża billi jiksbu passaport Bolivjani foloz. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Kummissjoni temmen li hemm raġunijiet tajbin, fid-dawl tal-kriterji fil-premessa 5 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001, sabiex tipproponi li l-Bolivja tiġi trasferita mill-Anness II għall-Anness I.

It-tieni, il-Kummissjoni nnutat li l-impożizzjoni tal-ħtieġa tal-viża fuq ċittadini ta' ċerti pajjiżi terzi m’għadux aktar iġġustifikat mill-istatistiċi jew minn tagħrif ieħor li jikkonferma li l-pajjiż jirrappreżenta riskju f’termini tal-kriterji fil-premessa 5 tar-Regolament Nru 539/2001, partikolarment l-immigrazzjoni illegali u l-politika pubblika. Iż-żamma tal-ħtieġa tal-viża lanqas ma hi ġustifikata f'termini ta' konsistenza reġjonali jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta' l-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma llimitatx l-attenzjoni tagħha għal fatti osservati f’pajjiżi li japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 539/2001. Qieset ukoll il-politika tal-viża fl-Irlanda, fir-Renju Unit u fl-Isvizzera u waslet għal konklużjonijiet siewja rigward l-immigrazzjoni illegali u l-kriterji ta’ politika pubblika. Għalhekk hu propost li l-Antigua u l-Barbuda, il-Bahamas, il-Barbados, il-Mauritius, Sait Kitts u Nevis, u s-Seychelles, ikunu trasferiti mill-Anness I għall-Anness II. Din l-emenda tagħmilha wkoll possibbli li jintemmu d-diffikultajiet prattiċi ta’ bħalissa ma' dawk il-pajjiżi, ladarba l-ebda Stat Membru ma għandu konsulat f'erbgħa minnhom u Stat Membru wieħed biss għandu konsulat fit-tnejn l-oħra. Il-pjan hu li l-eżenzjoni mill-viża tkun applikata għal ċittadini ta’ dawk il-pajjiżi b’mod parallel ma’, u fl-istess waqt mad-dħul fis-seħħ tal-ftehim magħhom ta' eżenzjoni mill-viża, u b'dan tkun żgurata r-reċiproċità u l-benefiċċju ta' l-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta' l-Istati Membri kollha.

1.2. Id-determinazzjoni tar-reġim ta’ viża applikabbli għal ċerti kategoriji speċifiċi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi

It-tielet, il-Kummissjoni tixtieq ittemm sitwazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 62 (2)(b)(i) tat-Trattat tal-KE u tar-Regolament (KE) Nru 539/2001, li kien adottat fuq dik il-bażi. M’hemm l-ebda dubju li l-listi ta’ pajjiżi terzi jridu jkunu komprensivi u għandhom ikopru ċ-ċittadini kollha tal-pajjiżi terzi. Dik l-interpretazzjoni hi ċara mit-test ta’ l-Artikolu nnifsu u hi konfermata, jekk ikun meħtieġ, mill-evoluzzjoni storika tal-politika komuni dwar il-viżi, li bdiet bil-ġabra ta’ lista waħdanija ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom irid ikollhom viża. Imma l-fatt hu li ċerti kategoriji ta’ nies li m’humiex ċittadini ta’ l-Unjoni ma jinsabu la fl-Anness I u lanqas fl-Anness II tar-Regolament (EC) Nru 539/2001. Dawn jinkludu Ċittadini Brittaniċi (Barra l-Pajjiż) u nies li huma “Brittaniċi” fi gradi li jvarjaw imma li m’humiex meqjusa bħala ċittadini tar-RU għall-finijiet tal-liġi Komunitarja[4]. L-Istati Membri, ikkonfrontati b’dan il-vojt fir-Regolament (KE) Nru 539/2001, adottaw soluzzjonijiet varji, uħud minnhom imponew il-viża, filwaqt li oħrajn applikaw l-eżenzjoni. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament (KE) Nru 539/2001[5]jirrifletti din ir-realtà prattika, li tmur kontra l-armonizzazzjoni sħiħa imposta mil-liġi komunitarja.

Sabiex ittemm din is-sitwazzjoni mhix sodisfaċenti, il-Kummissjoni tipproponi li dawn il-kategoriji jitdaħħlu jew fl-Anness I jew fl-Anness II sabiex il-listi jkunu jistgħu jkunu komprensivi. L-għażla tal-Kummissjoni ta’ lista jew l-oħra hi bbażata fuq il-kriterji fil-premessa 5 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001.

Din tipproponi li ċ-Ċittadini Brittaniċi (Barra l-Pajjiż) jitdaħħlu fl-Anness II. Dawn jaqgħu taħt it-territorju ta' Hong Kong, u l-biċċa l-kbira minnhom għandhom ukoll passaport SAR ta' Hong Kong u huma eżenti kif xieraq mill-ħtieġa tal-viża fl-Istati Membri. M’hemm l-ebda evidenza li tindika li, bħala Ċittadini Brittaniċi (Barra l-Pajjiż), huma jikkostitwixxu riskju migratorju jew riskju f’termini ta’ politika pubblika, kif diġà indikaw l-Istati Membri f’għadd ta’ okkażjonijiet f’diskussjonijiet waqt gruppi ta’ ħidma fil-Kunsill. Ċittadini Brittaniċi (Barra l-Pajjiż) jistgħu jerġgħu jidħlu f’Hong Kong. U l-passaporti maħruġa lilhom minn uffiċċji Brittaniċi għandhom karatteristiċi ta’ sigurtà mill-aktar ta’ min joqgħod fuqhom. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, l-eżenzjoni mill-viża (s’issa diġà applikata minn disa’ Stati Membri mingħajr l-ebda problema) hi ġustifikata bis-sħiħ. L-għan ta’ l-Artikolu 5(2) tal-proposta hu sabiex jasal għal dik il-konklużjoni u jżid liċ-Ċittadini Brittaniċi (Barra l-Pajjiż) ma’ l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 539/2001. Imma tkun tinħtieġ intestatura speċifika minħabba li dawn m’għandhomx in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz u ma jistgħux jitqiesu bħala ċittadini tat-territorju ta’ Hong Kong mill-perspettiva tad-dokument ta’ vvjaġġar li għandhom.

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qed tipproponi li ċ-Ċittadini Brittaniċi fit-Territorji ta' Barra l-Pajjiż (BOTC), Ċittadini Brittaniċi ta' Barra l-Pajjiż (BOC), Suġġetti Brittaniċi u Persuni Brittaniċi Protetti (BPP) jitqiegħdu fl-Anness I. Il-liġijiet ta’ nazzjonalità tar-Renju Unit ġew emendati b’mod estensiv permezz ta’ l-Att ta’ l-2002 dwar it-Territorji Brittaniċi, li għamel lill-maġġoranza tal-BOTC eleġibbli sabiex japplikaw biex isiru ċittadini Brittaniċi u għalhekk ċittadini ta’ l-Unjoni. F’dak li jirrigwardja l-BOTC li ma sarux ċittadini Brittaniċi u l-BOC, is-Suġġetti Brittaniċi u l-BPP, dawn il-kategoriji ta’ nies għandhom biss dik li tista’ titqies bħala rabta dgħajfa mar-Renju Unit minħabba li ma għandhom l-ebda dritt ta’ residenza u huma suġġetti għal kontrolli ta’ immigrazzjoni. Teżisti wkoll inċertezza konsiderevoli dwar ir-rabtiet possibbli ma’ Stati oħra u n-natura preċiża ta’ dawn ir-rabtiet. Il-Kummissjoni tikkonkludi li dawn il-kategoriji għandhom ikunu suġġetti għall-ħtiġijiet tal-viża ladarba minħabba li ma hemm l-ebda riskju ta' immigrazzjoni illegali[6]. L-Artikolu 5(1) idaħħalhom fl-Anness I. Imma jrid ikun hemm intestatura speċifika ladarba m’għandhomx in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz.

2. Regoli applikabbli għal min għandu passaport mhux ordinarju

Taħt l-artikolu 4(1) tar-Regolament, l-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li jeżentaw “titulari ta’ passaporti diplomatiċi, passaporti ta’ dmirijiet uffiċjali u passaporti uffiċjali oħra”, filwaqt li l-Anness 2 ta’ l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni (CCI)[7] jirreferi għal “titulari ta’ passaporti diplomatiċi, uffiċjali jew ta’ servizz”. It-Tabella ta’ dokumenti ta’ vvjaġġar li tista’ tintlaqa’ ma' viża tirreferi għal tliet kategoriji – passaporti diplomatiċi, speċjali jew ta’ servizz[8]. It-tipoloġiji varji użati f’dawn l-istrumenti kollha huma sors ta’ ambigwitajiet u jistgħu joħolqu diffikultajiet prattiċi fejn għandha tiġi applikata tema speċifika (ħtieġa jew eżenzjoni mill-viża) għal dan jew dak it-tip ta’ passaport. Sabiex issolvi dawn id-diffikultajiet u tikkjarifika l-affari, il-Kummissjoni tipproponi li ssir distinzjoni aktar preċiża bejn tliet kategoriji ta’ passaporti (passaporti diplomatiċi, passaporti uffiċjali u passaporti speċjali”). Dan hu l-għan ta’ l-Artikolu 1(2) ta’ din il-proposta. Naturalment, ikollha ssir ukoll id-distinzjoni, fl-Anness 2 tas-CCI u fit-Tabella tad-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar. Għal dak l-għan iridu jiġu ppreżentati proposti għal deċiżjonijiet.

Il-Kummissjoni qed tippjana wkoll li tikkjarifika r-regoli applikati għal din il-kategorija ta’ titular tal-passaport. L-Artikolu 4(1)(a) fil-forma preżenti tiegħu jissuġġerixxi li l-Istati Membri huma ħielsa li jiddeċiedu jekk jagħtux eżenzjoni għar-rekwiżit tal-viża. Imma dak mhux il-każ, kif jidher mid-dispożizzjonijiet magħquda ta' l-Artikoli 1(1) u 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 789/2001[9] ta' l-24 ta' April 2001 li jirriserva poteri ta' implimentazzjoni lill-Kunsill fir-rigward ta' ċerti dispożizzjonijiet dettaljati u proċeduri prattiċi għall-eżaminazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-viża. L-Artikolu 1 ta’ din il-proposta jżid ma’ l-Artikolu 4(1)(a) referenza għall-proċeduri msemmija fir-Regolament (KE) Nru 789/2001.

3. Il-konverżjoni ta’ ċerti possibbiltajiet għall-Istati Membri sabiex tingħata eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża f’każijiet ta’ eżenzjoni armonizzata

L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 kif inhu llum jipprovdi għal numru ta’ possibbiltajiet għal Stati Membri sabiex jiddeċiedu dwar l-eċċezzjonijiet fuq il-ħtieġa tal-viża. Fid-dawl tal-kriterji fil-premessa 5, u partikolarment l-immigrazzjoni illegali u l-kriterji ta’ politika pubblika, hemm kull ġustifikazzjoni sabiex l-armonizzazzjoni tittieħed pass ‘il quddiem billi tipprovdi għal eżemzjoni awtomatika mill-viża għal żewġ kategoriji ta’ persuni residenti fi Stat Membru.

3.1. Refuġjati rikonoxxuti u persuni mingħajr stat

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 jistipula li refuġjati rikonoxxuti u persuni mingħajr stat “jistgħu ikunu eżentati mill-ħtieġa tal-viża jekk il-pajjiż terz li fih huma jabitaw u li jkun ħareġ id-dokument ta’ l-ivvjaġġar tagħhom ikun wieħed mill-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II". It-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea sabiex tinkludi għaxar Stati Membri ġodda fl-1 ta' Mejju 2004 kellu l-effett paradossali li jnaqqas il-medda tal-possibilità li jagħti eżenzjoni mill-viża ladarba r-Regolament ma jipprovdix eżenzjoni mill-viża għal refuġjati rikonoxxuti u persuni mingħajr stat li joqogħdu fi Stat Membru li għadu ma japplikax l- acquis ta’ Schengen bis-sħiħ[10]

Il-Kummissjoni fi ħsiebha tirranġa din is-sitwazzjoni mhix sodisfaċenti, speċjalment minħabba li ntalbet espressament sabiex tagħmel dan mill-Parlament u l-Kunsill matul in-negozjati dwar il-proposta għal Regolament li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni fuq il-fruntieri (Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen)[11]. Fid-dawl tal-kriterji marbuta ma’ l-immigrazzjoni illegali u l-politika pubblika, il-Kummissjoni tikkunsidra li hu possibbli li tmur lil hinn milli sempliċement tipprovdi għall-possibbiltà ta’ eżenzjoni. Għalhekk qed tipproponi li ma’ l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 tiżdied eżenzjoni awtomatika mill-viża għal refuġjati u persuni mingħajr stat residenti fi Stat Membru. Din l-eżenzjoni ssolvi, per eżempju, is-sitwazzjoni ta’ “Non-ċittadini Latvjani”, li għalissa ma jistgħux jibbenefikaw mill-ekwivalenza bejn il-permessi ta’ residenza u l-viżi minħabba li l-Kunsill għadu ma adottax id-deċiżjoni ad hoc dwar l-applikazzjoni sħiħa tar-regoli ta’ Schengen għall-Istati Membri l-ġodda. L-Artikolu 4 ta’ din il-proposta b’hekk iżomm fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament il-possibilità ta’ eżenzjoni mill-viża għal tfal ta’ l-iskola residenti f’pajjiż terz imsemmi fl-Anness II.

3.2. Tfal ta’ l-iskola li jkunu qed jivvjaġġaw fuq ħarġiet skolastiċi

L-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 jipprovdi għall-possibilità ta' eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal tfal ta' l-iskola li jgħixu f'pajjiż terz imsemmi fl-Anness II. Bħal fil-każ ta’ refuġjati rikonoxxuti u persuni mingħajr stat, tfal ta’ l-iskola residenti fi Stat Membru li għadu ma japplikax l- acquis ta’ Schengen bis-sħiħ m’humiex intitolati għal eżenzjoni mill-viża. Bil-ħsieb li timminimizza l-ostakoli amministrattivi għall-organizzazzjoni ta’ vjaġġi skolastiċi fl-Ewropa, il-Kummissjoni tipproponi ż-żieda ta’ eżenzjoni awtomatika mill-viża fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 għal tfal ta’ l-iskola residenti fi Stat Membru li jkunu qegħdin jivvjaġġaw fil-kuntest ta' ħarġiet skolastiċi. L-Artikolu 4 ta’ din il-proposta b’hekk iżomm fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament il-possibilità ta’ eżenzjoni mill-viża għal tfal ta’ l-iskola residenti f’pajjiż terz imsemmi fl-Anness II.

4. Iż-żieda ta' eżenzjoni ġdida mill-ħtieġa tal-viża għal persuni li jkunu qegħdin jivvvjaġġaw fil-kuntest tat-traffiku lokali tal-fruntiera

Fit-22 ta’ Frar 2005 l-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli dwar traffiku lokali fuq il-fruntieri fil-fruntieri territorjali esterni ta’ l-Istati Membri u li temenda l-Konvenzjoni ta’ Schengen u l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni[12] Id-diskussjonijiet tal-Kunsill dwar din il-proposta enfasizzaw il-bżonn li tkun indirizzata l-kwistjoni ta’ karta speċjali tal-fruntiera li tintitola t-titulari li kienu ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għall-ħtieġa tal-viża skond ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 mingħajr viża fiż-żona tal-fruntiera. Il-Kummissjoni hi lesta biex tadotta dan l-approċċ ladarba dan ma jaffettwax l-għan ewlieni tar-Regolament, i.e. l-faċilitar tal-qsim tal-fruntieri għal residenti bona fide tal-fruntieri. Għal raġunijiet marbuta mal-bażi legali, tali eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża ma tistax tiddaħħal fir-regolament propost dwar it-traffiku lokali fil-fruntieri imma trid tiżdied ma’ l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 539/2001 li, kif inhu llum, ma jipprovdix għal din l-eventwalità. Dan hu l-għan ta’ l-Artikolu 1(1) tal-proposta.

Ir-regolazzjoni proposta fuq it-traffiku lokali fil-fruntieri, li għadha fl-istadju ta’ diskussjoni, tkun adottata bi proċedura ta’ ko-deċiżjoni. Jekk fl-aħħar mill-aħħar il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jadottaw arranġamenti li ma jipprovdux għat-tgħaqqid ta' l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża u l-ivvjaġġar fiż-żona tal-fruntiera ma' karta speċjali tat-traffiku fil-fruntiera, il-Kummissjoni jkollha temenda l-proposta tagħha.

5. Il-possibilità ta’ żieda ta’ eżenzjoni mill-viża lil membri tal-forzi armati li jkunu qed jivvjaġġaw fuq xogħol tan-NATO jew tas-Sħubija għall-Paċi

Il-possibilità għal Stati Membri sabiex jippermettu eċċezzjoni għar-rekwiżit tal-viża previst fl-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 jikkonċerna biss uffiċjali ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali. Jidher li, fil-qafas tan-NATO, Stati Membri li japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 (bl-eċċezzjoni ta’ l-Awstrija, il-Finlandja, l-Isvezja, Ċipru u Malta) ingħataw impenji taħt l-Organizzazzjoni tat-Trattat tat-Tramuntana ta’ l-Atlantiku (NATO) li jirrigwardaw ivvjaġġar minn membri tal-forzi armati. L-Artikolu III tal-Ftehim konkluż bejn il-partijiet tat-Trattat tat-Tramuntana ta’ l-Atlantiku f’Londra f’Ġunju ta’ l-1951 dwar l-istat tal-forzi tagħhom jgħid li membri tal-forzi armati “għandhom ikunu eżentati minn regolamenti ta’ passaporti u viżi”. Madanakollu, dan jipprevedi l-preżentazzjoni ta’ karta ta’ identità personali u ordni ta’ moviment individwali jew kollettiv. L-ambitu ta’ din l-eżenzjoni mill-viża kienet estiża bil-ftehim milħuq fi Brussell fid-19 ta’ Ġunju 1995 mill-partijiet tat-Trattat tat-Tramuntana ta’ l-Atlantiku u l-Istati l-oħra parteċipanti fis-Sħubija għall-Paċi rigward l-istat tal-forzi tagħhom. L-Artikolu I ta’ dan il-Ftehim għalhekk jistipola li, kif previst, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ l-1951 japplikaw ukoll, fil-prinċipju, fl-ambitu tal-qafas tal-Ftehim ta’ l-1995. Il-Ftehim ta' l-1995 ma jipprovdix għal xi eċċezzjoni għall-Artikolu III tal-Ftehim ta' l-1951 imsemmi hawn fuq.

Għalhekk mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' l-1951 u l-1995 li membri ta' forzi armati ta' l-Istati li huma partijiet għal dawk il-patti jistgħu jivvjaġġaw mingħajr ma jkunu suġġetti għal regolamenti ta' passaport u viża. Din l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża, li magħha jridu jikkonformaw l-istati firmatarji tal-patti msemmija hawn fuq, mhix riflessa fir-Regolament (KE) Nru 539/2001, għalkemm minnha jistgħu jibbenefikaw membri ta’ forzi armati li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Anness 1 tar-Regolament. Konsegwentement, fuq il-bażi tat-trasparenza u ċ-ċertezza legali, trid tiżdied referenza għall-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża li tirriżulta mill-patti fl-ambitu tal-qafas tan-Nato u s-Sħubija għall-Paċi fir-Regolament (KE) Nru 539/2001. Dan hu l-għan ta’ l-Artikolu 4(2).

2006/0022 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(2)(b)(i) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[13],

Wara li kkunsidra l-fehma tal-Parlament Ewropew,[14]

Billi:

(1) Il-kompożizzjoni tal-listi ta’ pajjiżi terzi fl-Ammessi I u II tar-Regolament għandhom ikunu, u għandhom jibqgħu, konsistenti mal-kriterji msemmija fil-premessa 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li fih lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri u dawk il-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa[15]. Xi pajjii terzi jridu jkunu trasferiti minn anness għall-ieħor, partikolarment fir-rigward ta’ immigrazzjoni illegali u politika pubblika.

(2) Id-data ta’ l-applikazzjoni tal-ħtieġa tal-viża għall-Bolivjani trid tintgħażel b’mod li tippermetti l-Istati Membri sabiex jirrevokaw il-ftehim bilaterali mal-Bolivja fil-ħin u biex jieħdu l-miżuri amministrattivi u organizzattivi kollha meħtieġa sabiex jintroduċu r-rekwiżit tal-viża in kwistjoni.

(3) Antigua u Barbuda, il-Bahamas, il-Barbados, il-Mauritius, Saint Kittss u Nevis, u s-Seychelles għandhom ikunu trasferiti għall-Anness II.L-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ dawk il-pajjiżi m’għandhiex tidħol fis-seħħ qabel ma jkun konkluż ftehim bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża bejn il-Komunità Ewropea u l-pajjiż in kwistjoni.

(4) Iż-żewġ annessi għar-Regolament (KE) Nru 539/2001 għandhom ikunu komprensivi. Għal dan l-għan, ma' kull wieħed mill-annessi għar-Regolament trid tiżdied intestatura li tagħmilha possibbli li wieħed jiddetermina l-arranġamenti tal-viża li għandhom ikunu applikati mill-Istati Membri għal kategoriji ta’ persuni magħmula suġġetti għall-ħtieġa tal-viża minn ċerti Stati Membri u eżentati minnu minn oħrajn. Kategoriji varji ta’ persuni “Brittaniċi” li m’humiex ċittadini tar-Renju Unit fit-tifsira tal-liġi Komunitarja għandhom jiżdiedu ma' l-Anness I tar-Regolament u ċ-Ċittadini Brittaniċi (Barra l-Pajjiż) għandhom jingħaddu ma' l-Anness II.

(5) L-Istati Membri jistgħu jipprevedu eċċezzjonijiet għall-ħtieġa tal-viża għal titulari ta’ ċerti passaporti minbarra dawk ordinarji. It-titoli mogħtija lil dawn il-passaporti jitolbu kjarifika. Fir-regolament (KE) Nru 539/2001 trid issir referenza wkoll għall-proċeduri applikabbli fejn isir rikors għal tali eċċezzjonijiet.

(6) L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-ħtieġa tal-viża lil refuġjati rikonoxxuti u lil persuni bla stat residenti f'pajjiż terz imsemmi fl-Anness II u tfal ta' l-iskola li jkunu qed jivvjaġġaw fuq ħarġiet skolastiċi u li jgħixu f'wieħed minn’dawk il-pajjiżi. Jekk dawn iż-żewġ kategoriji ta' persuni jgħixu fl-Istati Membri trid issirilhom eżenzjoni sħiħa mill-ħtieġa tal-viża.

(7) L-iżviluppi fid-diskussjonijiet u d-dħul ta’ l-arranġamenti fuq it-traffiku lokali fil-fruntieri joħolqu l-ħtieġa li tkun prevista eżenzjoni ġdida mill-ħtieġa tal-viża għal titulari ta’ karta tat-traffiku lokali fil-fruntieri.

(8) L-arranġamenti li jirregolaw l-eċċezzjonijiet għall-ħtieġa tal-viża għandhom jirriflettu l-prattiċi attwali bis-sħiħ. Ċerti Stati Membri jagħtu dispensa mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Anness I li huma membri ta’ forzi armati li jkunu qed jivvjaġġaw fuq xogħol tan-Nato jew tas-Sħubija għall-Paċi. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, dawn id-dispensi, li huma bbażati fuq obbligi internazzjonali esterni għal-liġi Komunitarja, jridu madankollu jissemmew fir-Regolament (KE) Nru 539/2001.

(9) Minħabba l-emendi konsekuttivi għar-Regolament (KE) Nru 539/2001 hu meħtieġ li l-istruttura tiegħu titjieb u ssir eħfef sabiex tinqara, u għalhekk għandu jinkiteb mill-ġdid aktar tard.

(10) F’dak li jirrigwarda l-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jippreżenta żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l- acquis ta’ Schengen[16] fit-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l- acquis ta’ Schengen, li jaqa’ fiż-żona msemmija fl-Artikolu 1 (B) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim[17].

(11) Ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex marbuta bir-Regolament (KE) Nru 539/2001. Konsegwentement, m’humiex qegħdin jipparteċipaw fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u m’humiex marbuta jew suġġetti għall-applikazzjoni tiegħu.

(12) Fir-rigward ta’ l-Isvizzera, dan ir-Regolament jirrappreżenta l-iżvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l- acquis ta' Schengen, fit-tifsira tal-Ftehim iffirmat mill-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l- acquis ta’ Schengen,[18] li jaqa’ fiż-żona msemmija fl-Artikolu 1(B) tad-deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/860/KE tal-25 ta’ Ottubru 2004 dwar l-iffirmar, f’isem il-Komunità Ewropea, u dwar l-applikazzjoni proviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera, dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l- acquis ta’ Schengen[19].

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 hu emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 1 hu emendat kif ġej:

2. Is-sotto-paragrafu li ġej jiżdied ma’ paragrafu 1:

“Mingħajr preġudizzju għall-ħtiġijiet li joħorġu mill-Ftehim Ewropew dwar it-Tneħħija tal-Viżi għar-Refuġjati ffirmat fi Strasbourg fl-20 t’April 1959, refuġjati rikonoxxuti u persuni mingħajr stat għandhom ikollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri jekk il-pajjiż terz li fih huma residenti u li ħarġilhom id-dokument ta’ vvjaġġar huwa pajjiż terz imsemmi fl-Anness I."

3. Is-sotto-paragrafu li ġej jiżdied ma’ paragrafu 2:

“Dawn li ġejjin ukoll se jkunu eżenti mill-ħtieġa tal-viża:

- iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Anness I li huma titulari ta’ karta tat-traffiku lokali fil-fruntieri maħruġa mill-Istati Membri skond ir-Regolament (KE) Nru ......

- tfal ta’ l-iskola li huma ċittadini ta’ pajjiż terz imsemmi fl-Anness I u li huma residenti fi Stat Membru u jkunu qed jivvjaġġaw fil-kuntest ta’ ħarġa skolastika bħala membri ta’ grupp ta’ tfal ta’ l-iskola akkumpanjati minn għalliem mill-iskola in kwistjoni;

- refuġjati rikonoxxuti u persuni bla stat li huma residenti fi Stat Membru u li huma titulari ta’ dokument ta’ vjaġġar maħruġ minn dak l-Istat.”

- L-Artikolu 4 hu emendat kif ġej:

- L-Artikolu (1)(a) hu sostitwit minn dan li ġej:

“(a) titulari ta’ passaporti diplomatiċi, ta’ servizz jew passaporti uffiċjali u passaporti speċjali skond waħda mill-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 1(1) u 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 789/2001;”.

4. Il-Paragrafu 2 hu sostitwit minn dan li ġej:

“2. Stat Membru jista’ jeżenta mir-rekwiżit tal-viża:

(a) tifel/tifla ta’ l-iskola li jkollu/ha nazzjonalità ta’ pajjiż terz imsemmi fl-Anness I li jgħix/tgħix f’pajjiż terz imsemmi fl-Anness II u li jkun/tkun qed j/tivvjaġġa fil-kuntest ta’ ħarġa skolastika bħala membru ta’ grupp ta’ tfal ta’ l-iskola akkumpanjati minn għalliem mill-iskola in kwistjoni;

(b) refuġjati rikonoxxuti u persuni mingħajr stat jekk il-pajjiż terz li jkunu jgħixu fih u li jkun ħarġilhom id-dokument ta’ vjaġġar tagħhom ikun wieħed mill-pajjiżi terzi msemmija fl-Anneess II;

(c) membri tal-forzi armati li jkunu qed jivvjaġġaw fuq xogħol tan-Nato jew tas-Sħubija għall-Paċi u titulari ta’ ordnijiet ta’ identifikazzjoni u moviment previsti fil-Ftehim tad-19 ta’ Ġunju 1951 bejn il-Partijiet tat-Trattat tat-Tramuntana ta’ l-Atlantiku dwar l-istat tal-forzi tagħhom.”

5. L-Artikolu 1 hu emendat kif ġej:

6. żdiedet referenza għall-Bolivja;

7. ir-referenzi għal Antigua u Barbuda, il-Bahamas, il-Barbados, il-Mauritius, Saint Kittss u Nevis, u s-Seychelles tneħħew;

8. żdied il-punt 3 li ġej:

"3 ĊITTADINI BRITTANIĊI LI MHUMIEX ĊITTADINI TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ GĦALL-ISKOPIJIET TAL-LIĠI KOMUNITARJA:

Ċittadini Brittaniċi tat-Territorji Barra l-Pajjiż

Ċittadini Brittaniċi Barra l-Pajjiż

Suġġetti Brittaniċi

Persuni Brittaniċi Protetti”;

9. L-Anness II hu emendat kif ġej:

10. tneħħiet ir-referenza għall-Bolivja;

11. iddaħħlu l-linji li ġejjin:

Antigua u Barbuda

Bahamas

Barbados

Mauritius

Saint Kitts u Nevis

Seychelles

12. żdied il-punt 3 li ġej:

3 ĊITTADINI BRITTANIĊI LI MHUMIEX ĊITTADINI TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ GĦALL-ISKOPIJIET TAL-LIĠI KOMUNITARJA:

Ċittadini Brittaniċi (Barra l-Pajjiż)”.

L-Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom japplikaw ir-rekwiżit tal-viża għal ċittadini Bolivjani b’effett minn ...

L-Istati Membri għandhom japplikaw l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ l-Antigua u l-Barbuda, il-Bahamas, il-Barbados, Mauritius, Saint Kitts u Nevis u s-Seychelles mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar eżenzjonijiet mill-viża li għandu ikun konkluż mill-Komunità Ewropea mal-pajjiż terz in kwistjoni.

L-Artikolu 3

Dan ir-Regolament se jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej .

Dan ir-Regolament jorbot fis-sħuħija tiegħu u hu direttament applikabbli fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[pic][pic][pic][pic][pic][pic]

[1] ĠU L 81, 21.3.2001, p. 2.

[2] ĠU L 141, 4.6.2005, p. 3.

[3] ĠU L 69, 13.3.2003, p. 10.

[4] Ara d-Dikjarazzjoni mir-Renju Unit, l-aktar riċenti fl-1983 (ĠU C 23, 28.1.1983, p. 1).

[5] ĠU L 68, 21.3.2003, p. 11.

[6] Mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-2003 jidher li l-parti l-kbira ta' l-Istati Membri jagħmlu lill-BOTC suxxettibbli għar-rekwiżit tal-viża.

[7] L-aħħar edizzjoni: dokument 12357/05, VISA 230 COMIX 586, 27.9.2005.

[8] L-aħħar edizzjoni: dokument 11599/05, VISA 200 COMIX 527, 29.7.2005.

[9] ĠU L 116, 24.6.2001, p. 2.

[10] Fl-Adattamenti Tekniċi magħmula bl-Att ta’ Adeżjoni, kien loġikament deċiż li titħassar ir-referenza għall-Istati Membri l-ġodda mill-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 539/2001.

[11] Dikjarazzjoni fuq titulari ta’ passaporti barranin u passaporti ta’ dawk mhux ċittadini: "Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jitolbu lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposti fl-ambitu tal-qafas tar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 bil-ħsieb li teżenta lil titulari ta’ passaporti barranin u ta’ passaporti ta’ dawk mhux ċittadini li huma residenti fi Stat Membru mir-rekwiżiti tal-viża”.

[12] COM(2005)56 finali.

[13] ĠU C , , p. .

[14] ĠU C , , p. .

[15] ĠU L , , p. .

[16] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

[17] ĠU L 368, 15.12.2004, p. 26.

[18] Id-dokument tal-Kunsill 13054/044, disponibbli fuq http://register.consilium.eu.int.

[19] ĠU L 370, 17.12.2004, p. 78.