52005PC0697

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lir-Renju ta’ Spanja biex japplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 11(A)(1) u l-Artikolu 28e tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill (77/388/KEE) dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ taxxi fuq il-fatturat /* KUMM/2005/0697 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 23.12.2005

KUMM(2005) 697 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lir-Renju ta’ Spanja biex japplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 11(A)(1) u l-Artikolu 28e tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill (77/388/KEE) dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ taxxi fuq il-fatturat.

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Skond l-Artikolu 27(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi fuq il-fatturat - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ valutazzjoni, il-Kunsill, filwaqt li jopera unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza kwalunkwe Stat Membru li japplika miżuri speċjali għal deroga minn dik id-Direttiva sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ħlas ta' taxxa jew iwaqqaf milli jseħħu ċerti tipi ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa. Permezz ta’ ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja talab awtorizzazzjoni biex jintroduċi miżuri li jidderogaw mill-Artikolu 11(A)(1) tad-Direttiva 77/388/KEE, u kkonferma sussegwentement lill-Kummissjoni li l-applikazzjoni kienet testendi wkoll għal talba għal deroga mill-Artikolu 28e ta’ l-istess Direttiva. B’konformità ma’ l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba mressqa minn Spanja fis-7 ta’ Ottubru 2005. Il-Kummissjoni nnotifikat lil Spanja fl-10 ta’ Ottubru 2005 li kienet irċeviet l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa biex tivvaluta t-talba. |

Kuntest ġenerali L-Artikolu 11(A)(1) tad-Direttiva 77/388/KEE jistabbilixxi s-somma taxxabbli ta’ provvista ta’ prodotti jew servizzi ta’ “dak kollu li jikkostitwixxi l-ħlas li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur mingħand-xerrej....”. Din id-dispożizzjoni hija normalment biżżejjed f’każijiet meta l-provvista tkun unikament tranżazzjoni kummerċjali u meta ma jkun hemm ebda rabta bejn il-fornitur u x-xerrej li tkun tista’ tolqot il-valur tal-provvista. Madankollu, fejn il-partijiet fit-tranżazzjoni jkunu konnessi, hemm x’juri li ammont anqas ta’ taxxa jispiċċa jkun dovut fuq xi fornimenti permezz tal-manipulazzjoni tal-valur tagħhom. Fejn min jirċievi ma jkollux id-dritt sħiħ għat-tnaqqis tat-taxxa, sottovalutazzjoni b’referenza għall-valur tas-suq normali tnaqqas li dan ikun espost għal taxxa mħallsa irrekuperabbli Sabiex jiġi evitat telf fil-ġbir tat-taxxa li jiġi minn dawn it-tip ta’ varjazzjonijiet fil-valur, Spanja talbet li jkollha l-abilità li temenda s-somma taxxabbli f’dawk il-każijiet deskritti fejn l-ammont taxxabbli jvarja sinifikattivament mill-valur tas-suq miftuħ u fejn il-provvista hija bejn persuni konnessi. Persuni konnessi għar-raġunijiet ta’ applikazzjoni tal-valutazzjoni mill-ġdid huma oġġettivament definiti u stipulati fil-liġi Spanjola. Il-proposta tippermetti l-awtoritajiet tat-taxxa fi Spanja japplikaw il-valur tas-suq miftuħ (kif definit fl-Artikolu 11(A)(1)) għall-provvista għall-iskopijiet ta’ kalkolazzjoni tal-VAT, aktar mill-ħlas li kien fil-fatt imħallas. Ir-regoli għall-valutazzjoni ta’ akkwisti intra-Komunitarji jinsabu fl-Artikolu 28e tad-Direttiva 77/388/KEE li testendi r-regoli ta’ l-Artikolu 11 (A) għall-akkwisti intra-Komunitarji. Sabiex jiġi żgurat li kemm il-provvisti domestiċi kif ukoll l-akkwisti intra-Komunitarji jiġu ttrattati bl-istess mod u li l-kontro-miżura ma tkunx tista' tiġi evitata malajr permezz ta' l-esplojtazzjoni ta' persuni konnessi fi Stati Membri oħra, Spanja tixtieq tinkludi l-akkwisti intra-Komunitarji fl-ambitu tal-miżura speċjali. Il-proposta tippermetti l-awtorizzazzjoni tal-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2009. Hija illimitata fiż-żmien biex tippermetti li ssir reviżjoni tal-miżura fid-dawl ta’ l-esperjenza u ta' valutazzjoni ta' kwalunkwe ħtieġa rikorrenti. Madankollu, fis-16 ta’ Marzu 2005 il-Kummissjoni ressqet id-dokument COM(2005)89 lill-Kunsill. Din hija proposta għal Direttiva li tbiddel id-Direttiva 77/388/KKE rigward ċerti miżuri biex tiġi ssimplifikata l-proċedura għall-ħlas tal-VAT u biex tgħin fl-azzjoni kontra l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, u tirrevoka ċerti Deċiżjonijiet li joffru derogi. L-hekk imsejħa "proposta ta’ razzjonalizzazzjoni ta’ l-Artikolu 27” tikludi, fost affarijiet oħra, leġiżlazzjoni li tkopri l-istess qasam bħall-miżura mitluba. Id-deroga proposta għalhekk ma jibqax ikollha effett minn x’ħin jidħlu fis-seħħ il-miżuri f’dan il-qasam li jinsabu fid-Direttiva li tirriżulta mill-proposta ta’ razzjonalizzazzjoni. |

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Derogi simili li għandhom x’jaqsmu ma’ l-Artikolu 11(A)(1) u l-Artikolu 28e tad-Direttiva 77/388/KEE ngħataw lil Stati Membri oħra. |

Konsistenza ma’ politika u għanijiet oħra ta’ l-Unjoni Mhux applikabbli. |

KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U EVALWAZZJONI TA’ L-IMPATT |

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

Mhux rilevanti |

Ġbir u użu ta’ għarfien espert |

Ma kienx hemm ħtieġa ta’ għarfien espert estern. |

Evalwazzjoni ta’ l-impatt Il-proposta hija mfassla biex tilqa' kontra l-evitar u l-evażjoni tal-VAT u għandha, għalhekk, impatt potenzjalment pożittiv, mhux l-anqas fosthom mill-effett ta’ osservanza li ġġib magħha. Id-direzzjoni li ttieħdet hija waħda li ħadu l-Istati Membri l-oħra u li kienet identifikata minn Spanja bħala miżura adatta biex tilqa’ kontra t-telf fil-ġbir tat-taxxa. Il-miżura mitluba hija wkoll konformi mal-proposta tal-Kummissjoni li tinsab f’COM(2005) 89 biex tirrazzjonalizza n-numru ta’ derogi ta’ l-Artikolu 27. |

ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA |

Sommarju ta’ l-azzjoni proposta Awtorizzazzjoni għall-Spanja biex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikoli 11(A)(1) u 28e tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE biex tippermetti r-rikalkolu tal-valur taxxabbli ta’ provvisti ta’ prodotti u servizzi kif ukoll ta’ akkwisti intra-Komunitarji f'ċerti każijiet fejn il-valur huwa sinifikattivament ’l isfel mill-valur tas-suq miftuħ; il-partijiet huma konnessi u fejn ir-riċevitur għandu dritt ristrett. Il-valur jista’ jittieħed li huwa l-valur tas-suq miftuħ tal-provvista kif definit fl-Artikolu 11(A)(1)(d) tas-Sitt Direttiva. |

Bażi legali L-Artikolu 27(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 (kif emendat) dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi fuq il-fatturat – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ evalwazzjoni. |

Prinċipju ta’ sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Il-prinċipju ta' sussidjarjetà għalhekk ma japplikax. |

Prinċipju ta’ proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja/in: |

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq it-talba tiegħu stess u ma timplika l-ebda obbligu. |

Minħabba fl-ambitu limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata ma’ l-għan li għandu jinkiseb. |

Għażla ta’ strumenti |

Strumenti proposti: oħrajn. |

Mezzi oħrajn ma jkunux adattati għar-raġuni(jiet) li ġejja/in: Taħt l-Artikolu 27 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta' taxxi fuq il-fatturat, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija biss possibbli fuq l-awtorità tal-Kunsill filwaqt li jopera unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni. Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-uniku strument adattat billi tista’ tiġi indirizzata lil stat membru individwali. |

IMPLIKAZZJONI BAġITARJA |

Il-proposta m’għandiex implikazzjoni għall-baġit Komunitarju. |

TAGħRIF ADDIZZJONALI |

Klawsola ta’ evalwazzjoni/reviżjoni/estinzjoni |

Il-proposta tinkludi klawsola ta' estinzjoni. |

1. Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lir-Renju ta’ Spanja biex japplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 11(A)(1) u l-Artikolu 28e tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill (77/388/KEE) dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ taxxi fuq il-fatturat.

(Il-verżjoni Spanjola biss hija awtentika)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra s-Sitt Direttiva tal-Kunsill (77/388/KEE) tas-17 ta’ Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ taxxi fuq il-fatturat – Sistema Komuni ta’ Taxxa fuq il-Valur Miżjud; bażi uniformi ta’ stima[1], u b’mod partikolari l-Artikolu 27 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[2],

Billi:

(1) Taħt l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kunsill, filwaqt li jopera unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru li japplika miżuri speċjali għal deroga minn dik id-Direttiva biex jissimplifika l-proċedura ta’ ħlas ta’ taxxa jew iwaqqaf milli jseħħu ċerti tipi ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa.

(2) F’ittra ddatata l-21 ta’ Ġunju 2005 u li waslet għand is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-22 ta’ Lulju 2005, ir-Renju ta’ Spanja talab l-awtorizzazzjoni biex jintroduċi miżura li tidderoga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 77/388/KEE li jirregolaw is-somma taxxabbli għal raġunijiet ta’ VAT.

(3) Skond l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħra bit-talba magħmula mir-Renju ta’ Spanja b’ittra ddatata s-7 ta’ Ottubru 2005. F’ittra ddatata l-10 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni avżat lir-Renju ta’ Spanja li hi kellha t-tagħrif kollu li tqis meħtieġ biex tivvaluta t-talba.

(4) L-Artikolu 11(A)(1)(a) tad-Direttiva 77/388/KEE jistabbilixxi l-ammont taxxabbli ta’ provvista għall-għanijiet ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li hu dak kollu li jikkostitwixxi l-ħlas magħmul għall-provvista. L-Artikolu 28e(1) ta’ l-istess Direttiva jirregola s-somma taxxabbli ta’ l-akkwiżizzjonijiet intra-Komunitarji, b’riferenza għall-Artikolu 11(A).

(5) Il-miżura li teħtieġ deroga hija maħsuba biex tilqa’ kontra t-telf tat-taxxa li jirriżulta mill-manipolazzjoni tas-somma taxxabbli ta’ provvisti ta' prodotti, servizzi, u akkwisti intra-Komunitarji soġġetti għall-VAT fejn bejjiegħ iżomm prezz imnaqqas lil xerrej konness li ma jkollux id-dritt sħiħ tat-tnaqqis.

(6) Il-miżura għandha tkun immirata li tapplika biss fil-każijiet ta’ evitar u evażjoni ta’ VAT u biss meta għadd ta’ kundizzjonijiet ikunu ntlaħqu. Il-miżura hija għalhekk proporzjonata ma’ l-għan propost.

(7) Derogi simili ngħataw lill-Stati Membri oħra biex jilqgħu kontra l-evitar jew l-evażjoni tat-taxxa u nstab li kienu effettivi.

(8) Derogi taħt l-Artikolu 27 tad-Direttiva 77/388/KEE li jilqgħu kontra l-evitar tal-VAT marbutin ma’ l-ammont taxxabbli ta’ provvisti bejn il-partijiet relatati huma inklużi fil-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2005 għal Direttiva li tirrazzjonalizza wħud mid-derogi skond dak l-Artikolu[3]. Huwa għalhekk meħtieġ li l-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ din id-deroga jiġi limitat sakemm din id-Direttiva tidħol fis-seħħ.

(9) Din id-deroga għandha tissalvagwardja l-ammont ta’ VAT dovut fil-fażi finali ta’ konsum u ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej mill-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Permezz tad-deroga mill-Artikolu 11(A)(1)(a) u l-Artikolu 28e tad-Direttiva 77/388/KEE, ir-Renju ta’ Spanja huwa b’dan awtorizzat biex jipprovdi li l-ammont taxxabbli ta’ provvista ta’ prodotti jew ta’ servizzi jew ta’ akkwist intra-Komunitarju ta’ prodotti għandu jkun l-istess bħall-valur tas-suq miftuħ, kif definit fl-Artikolu 11(A)(1)(d) tad-Direttiva msemmija fejn il-konsiderazzjoni hija ferm anqas mill-valur tas-suq miftuħ u r-riċevitur tal-provvista, jew fil-każ ta’ akkwist intra-Komunitarju, min jakkwista, ma għandux dritt sħiħ għal tnaqqis taħt l-Artikolu 17 tad-Direttiva 77/388/KEE.

Din il-miżura tista’ tintuża biss biex tilqa’ kontra l-evitar jew l-evażjoni tat-taxxa u meta l-ħlas li fuqu s-somma taxxabbli tkun altrimenti bbażata tkun ġiet influwenzata minn rabtiet familjari, ta’ tmexxija, ta’ pussess, finanzjarji jew legali kif definiti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għal dawn l-għanijiet, ir-rabtiet legali għandhom jinkludu r-relazzjoni formali bejn min iħaddem u min hu impjegat.

Artikolu 2

L-awtorizzazzjoni mogħtija taħt l-Artiklu 1 tagħlaq fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' Direttiva li tirrazzjonalizza d-derogi skond l-Artikolu 27 tad-Direttiva 77/388/KEE li jilqgħu mill-evitar jew l-evażjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud permezz tal-valutazzjoni tal-provvisti bejn persuni konnessi, jew fil-31 ta’ Diċembru 2009 liema minnhom tiġi l-ewwel.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 145, tat-13.6.1977, pl kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2004/66/KE(ĠU L 168, 1.5.2004, p. 35).

[2] ĠU L […], […], p. […].

[3] ĠU C 125, ta’ l-24.5.2005, p12. COM(2005) 89.