16.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 320/6


Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill fil-21 ta' Novembru 2008, dwar il-mobilità taż-żgħażagħ

(2008/C 320/03)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

BILLI:

1.

Il-Kunsill Ewropew, imlaqqa' f'Lisbona f'Marzu 2000 u f'Barċellona f'Marzu 2002, qabel li jistabbilixxi l-objettiv strateġiku li jagħmel lill-Unjoni Ewropea, minn issa sal-2010, l-ekonomija u s-soċjetà tal-għarfien l-aktar kompetittiva u l-aktar dinamika tad-dinja, li jagħmel is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Unjoni Ewropea, minn issa sal-2010, referenza ta' kwalità dinjija u li joħloq Spazju Ewropew tar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

2.

Il-Kunsill Ewropew, imlaqqa' fi Brussell f'Marzu 2008 qabel dwar l-objettiv li jelimina l-ostakoli għall-moviment liberu tal-għarfien billi joħloq il-“ħames libertà”, li fost oħrajn tinvolvi aktar mobilità transkonfinali tar-riċerkaturi kif ukoll tal-istudenti, tax-xjenzjati u tal-għalliema tal-universitajiet.

3.

Id-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxu Programmi ta' Azzjoni għall-perijodu 2007-2013 fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħajja u tul iż-żgħożija għandhom kollha l-għan li jtejbu l-mobilità; barra minn hekk, il-programmi u l-azzjonijiet Ewropej fl-oqsma tar-riċerka u tal-politiki dwar l-intrapriżi, kif ukoll il-Fondi Strutturali, ukoll jikkondividu dak l-istess għan.

4.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Karta Ewropea ta' Kwalità għall-Mobilità (2006) issuġġeriet prinċipji ewlenin biex ikunu żgurati l-aħjar kondizzjonijiet possibbli biex jitħejja, jiġi assisti u jiġi valutat il-perijodu ta' mobilità ta' żgħażugħ fi Stat Membru ieħor.

5.

L-għan tal-proċess ta' Bolonja fil-każ tal-edukazzjoni għolja u l-proċess ta' Kopenħagen fil-każ tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huwa li jiġi stabbilit spazju Ewropew li joffri aktar mobilità tal-istudenti u l-għalliema, aktar trasparenza fir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-perijodi tal-istudju u t-taħriġ, u l-kooperazzjoni mtejba bejn l-istituzzjonijiet.

6.

Id-diversi strumenti Ewropej, kemm eżistenti (QEK, ECTS u Europass) u futuri (ECVET) għandhom, l-għan li jippermettu li ċ-ċittadini Ewropej ikollhom il-kwalifiki u l-kompetenzi tagħhom rikonoxxuti u mogħtija siwi akbar, kif ukoll biex jipprovdulhom informazzjoni dwar opportunitajiet ta' tagħlim fl-Ewropa kollha (il-portal PLOTEUS u l-portali “Srudji fl-Ewropa”). (1)

7.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kompetenzi interkulturali ta' Mejju 2008 jenfasizzaw il-kontribuzzjoni tal-mobilità għall-kisba ta' tali kompetenzi.

8.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Mobilità ta' Voluntiera Żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea Kollha ta' l-20 ta' Novembru 2008 tindirizza l-kwistjonijiet relatati speċifikament mal-mobilità ta' voluntiera żgħażagħ,

JILQA' r-rapport mill-Forum ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar il-Mobilità li l-Kummissjoni Ewropea pubblikat f'Ġunju 2008 (2), bħala rispons għall-appell tal-Kunsill biex il-mobilità tiġi promossa u estiża lil hinn mill-istudenti sabiex jibbenifikaw gruppi ta' mira żgħażagħ oħra, u r-rapport tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-29 ta' Mejju 2008 bl-isem “Intejbu l-mobilità taż-żgħażagħ fl-Ewropa: aspetti prattiċi u aġenda”.

KONXJU li:

il-mobilità taż-żgħażagħ fl-Ewropa, ibbażata fuq il-prinċipju tal-moviment liberu ggarantit liċ-ċittadini Ewropej kollha, imqiegħda fil-qalba tal-kooperazzjoni Ewropea rigward l-edukazzjoni u t-taħriġ, sew jekk formali, informali jew mhux formali, u sfida kruċjali għall-Ewropa bbażata fuq l-għarfien, hija għodda importanti sabiex:

trawwem is-sentiment ta' appartenenza Ewropea,

tippromwovi l-inklużjoni soċjali u professjonali,

tiżgura l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea f'ambjent globalizzat.

JINNOTA li:

Waqt li l-programm Erasmus kien ta' suċċess, il-mobilità taż-żgħażagħ madanakollu wisq drabi tibqa' l-eċċezzjoni; dak hu veru anke għall-istudenti li minnhom huwa biss proporzjon baxx li jmur fi Stat Membru ieħor biex jistudja jew biex jieħu taħriġ f'intrapriża. Il-mobilità għadha mhix iddistribwita b'mod ugwali, skont is-setturi u t-tipi ta' taħriġ, is-suġġetti ta' studju, il-pajjiżi jew l-isfond soċjali, b'mod partikolari bħala riżultat ta' nuqqas ta' informazzjoni, problemi ta' finanzjament u rikonoxximent insuffiċjenti ta' perijodi ta' studju fuq korsijiet barra l-pajjiż. Il-mobilità tkompli ma tkunx magħrufa biżżejjed, minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni ta' kwalità tajba u ta' statistika affidabbli u komparabbli barra l-qafas tal-programmi Komunitarji.

JISSOTTOLINJA L-PRINĊIPJI LI ĠEJJIN:

1.

il-mobilità tikkonċerna liż-żgħażagħ Ewropej kollha, kemm jekk huma tfal tal-iskola, kif ukoll studenti, apprendisti, volontarji, għalliema, riċerkaturi żgħażagħ, ħarrieġa, dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ, imprendituri, jew dawk fis-suq tax-xogħol;

2.

il-mobilità għandha tiftiehem primarjament bħala mobilità fiżika, li tfisser toqgħod f'pajjiż ieħor għal studju, għal perijodu f'ambitu professjonali, għal ħidma għall-ġid tal-komunità jew għal taħriġ supplimentari fil-kuntest ta' taħriġ tul il-ħajja. Madanakollu, “mobilità virtwali”, jiġifieri l-użu ta' TIK għall-iżvilupp ta' sħubijiet u ta' skambji fuq distanzi twal ma' żgħażagħ f'pajjiżi oħra bħala parti minn proġett edukattiv jew ta' taħriġ strutturat, jista' jkun ukoll ta' kontribut sinifikattiv għall-mobilità, b'mod partikolari fil-kuntest tal-iskejjel;

3.

il-mobilità ma għandhiex titqies bħala għan fih innifsu, iżda bħala mezz ippreferut għat-tisħiħ taċ-ċittadinanza u l-kompetittività Ewropea, għall-espansjoni u l-arrikkiment tat-taħriġ u l-esperjenzi taż-żgħażagħ, it-tisħiħ tal-kapaċità tagħhom ta' adattament u impjegabbiltà, kif ukoll l-iżvilupp tal-fehim interkulturali tagħhom permezz tal-ħiliet tal-lingwi u li jkunu esposti għal kulturi oħra;

4.

Sabiex politika ambizzjuża u trasversali għall-mobilità fl-Ewropa tirnexxi, hija għandha toħloq interess fil-mobilità fost iż-żgħażagħ kollha, għandu jkollha l-objettiv li b'mod gradwali perijodu ta' mobilità f'pajjiż Ewropew ieħor isir ir-regola għal kulħadd u tippermetti li jkunu allokati riżorsi finanzjarji adatti sabiex tintlaħaq dik l-isfida. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għal dawk l-istudenti li, minħabba l-isfond soċjo-ekonomiku jew il-ħtiġijiet speċjali tagħhom, jeħtieġu appoġġ finanzjarju addizzjonali. Politika simili għandha tiffoka wkoll fuq l-arranġamenti għall-preparazzjoni u għall-appoġġ tal-mobilità, kif ukoll għar-rikonoxximent tar-riżultat ta' perijodu ta' mobilità, u għandha tippromwovi l-iżvilupp tal-mobilità għal għalliema u ħarrieġa, li għandhom parti ewlenija f'dawn l-arranġamenti.

5.

Din il-politika ta' mobilità hija, fuq kollox, immirata lejn mobilità intra-Ewropea iżda tista' tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp tal-mobilità bejn l-Ewropa u pajjiżi terzi.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

1.

jadottaw l-objettiv li perijodi ta' tagħlim barra mill-pajjiż isiru gradwalment ir-regola aktar milli l-eċċezzjoni għaż-żgħażagħ Ewropej kollha billi jiżdiedu l-opportunitajiet għall-mobilità transkonfinali f'diversi oqsma ta' edukazzjoni u taħriġ u, b'konsiderazzjoni adatta għall-oqfsa u għall-leġislazzjoni nazzjonali, fil-qasam tal-attivitajiet volontarji;

2.

għal dak l-għan, jilħqu l-objettivi stabbiliti mill-programmi tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tal-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, il-kultura, iċ-ċittadinanza u r-riċerka għall-perijodu 2007-2013;

3.

abbażi tal-proċedimenti tal-Forum ta' Esperti ta' Livell Għoli, jaħdmu kemm jista' jkun għall-għanijiet li ġejjin lil hinn mill-2013:

3.1.

kull żgħażugħ għandu jkollu l-opportunità li jieħu sehem f'xi forma ta' mobilità, sew jekk din tkun tul l-istudji jew it-taħriġ tiegħu, fil-forma ta' taħriġ professjonali u sew jekk tkun fil-kuntest ta' attivitajiet volontarji. B'mod partikolari:

kull student tal-iskola f'edukazzjoni ġenerali jew f'edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali għandu jkollu l-opportunità li jipparteċipa fi skema tal-mobilità matul l-istudji tagħhom,

kull student fl-edukazzjoni ogħla għandu jkollu l-opportunità li jsegwi perijodu ta' studju jew taħriġ jew taħriġ professjonali barra l-pajjiż. Istituzzjonijiet ta' Edukazzjoni Ogħla għandhom ikunu mħeġġa jagħmlu tali perijodi ta' mobilità parti mill-korsijiet universitarji li jwasslu għal lawrja, fl-ewwel jew fit-tieni ċiklu,

l-opportunitajiet għall-mobilità fil-kuntest tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali għandhom jiżdiedu b'mod sinifikanti.

3.2

il-mobilità ta' għalliema, ta' ħarrieġa u ta' persunal ieħor edukattiv, speċjalment fil-qafas ta' programmi eżistenti, għandha tiżdied;

4.

jpoġġu dawn l-objettivi fil-prattika f'diversi livelli biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta' mobilità disponibbli għaż-żgħażagħ u jiġu implimentati sħubiji għall-mobilità li jinvolvu lill-partijiet interessati kollha — awtoritajiet pubbliċi, intrapriżi, istituzzjonijiet edukattivi u tat-taħriġ — u s-soċjetà ċivili.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI EWROPEA, FL-ISFERI TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM, biex jadottaw miżuri li jikkunsidraw s-sitwazzjonijiet u l-leġislazzjoni nazzjonali, bil-għan li gradwalment jeliminaw l-ostakoli għall-mobilità fl-oqsma differenti u biex jiżguraw ir-rikonoxximent tal-perijodi ta' studju u ta' taħriġ barra mill-pajjiż. Fil-qafas tad-diversi eżerċizzji ta' metodu miftuħ ta' koordinazzjoni għall-edukazzjoni u t-taħriġ, il-kultura u ż-żgħażagħ, huma għandhom ifittxu b'mod partikolari li:

1.   Jiżviluppaw l-ambitu għall-mobilità għaż-żgħażagħ kollha

1.1.

jamministraw aħjar l-appoġġ pubbliku għall-mobilità billi jippromwovu intervent koordinat mill-atturi politiċi (l-Unjoni Ewropea, l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali u lokali) u amministrattivi (speċjalment l-aġenziji nazzjonali inkarigati mill-ġestjoni tal-programmi Komunitarji);

1.2.

jisfruttaw b'mod sħiħ il-possibbiltajiet attwali kollha ta' mobilità offruti mill-programmi tal-Unjoni Ewropea li jinkludu l-mobilità virtwali u jinvolvu mhux biss liż-żgħażagħ, iżda b'mod aktar ġenerali lill-persunal edukattiv;

1.3.

jieħdu kont tal-ħtiġijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-finanzjament, ta' studenti li ma għandhomx mezzi biżżejjed u li ma jkunux jistgħu jieħdu vantaġġ minn programmi ta' mobilità mingħajr finanzjament;

1.4.

jippromwovu l-iżvilupp ta' opportunitajiet ġodda ta' mobilità, b'mod partikolari billi:

jestendu s-sħubiji li jintegraw perijodi rikonoxxuti ta' mobilità fi stabbilimenti jew strutturi oħra, speċjalment assoċjazzjonijiet,

iżidu n-numru ta' diplomi doppji jew konġunti,

isaħħu l-appoġġ għall-mobilità għat-taħriġ vokazzjonali ta' żgħażagħ, inkluzi l-apprendisti,

jirrikorru aktar għal żjarat kulturali u lingwistiċi,

jippromwovu r-raggruppamenti ta' studenti tal-iskejjel tal-arti Ewropej bl-għan li jwettqu proġetti konġunti,

jistabbilixxu moduli ta' taħriġ komplimentarju offruti mill-universitajiet, pereżempju, korsijiet tas-sajf,

iżidu l-mobilità bejn l-intrapriżi u bejn intrapriżi u il-komunitajiet akademiċi ta' taħriġ u ta' riċerka,

joħolqu opportunitajiet għal skambji fil-qafas tal-attivitajiet volontarji.

2.   Jipprovdu informazzjoni aħjar dwar il-programmi kollha ta' mobilità li jeżistu

2.1.

jqajmu sensibilizzazzjoni dwar il-vantaġġi tal-mobilità fost iż-żgħażagħ, il-persunal responsabbli minnhom u ċ-ċirkolu soċjali tagħhom (b'mod partikolari il-familja, l-għalliema u l-persunal edukattiv tagħhom), u dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ; għal dak il-għan, jippromwovu aċċess għall-informazzjoni għal dawn il-gruppi ta' mira bil-mezzi kollha possibbli;

2.2.

isaħħu aktar il-promozzjoni u l-implimentazzjoni ta' programmi tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tal-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, il-kultura, iċ-ċittadinanza u r-riċerka.

3.   Jissimplifikaw il-proċeduri

3.1.

ikomplu jissimplifikaw il-modalitajiet tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari billi jagħmlu użu ġenerali mill-konvenzjonijiet multiannwali, speċjalment fil-qasam tat-tagħlim u t-taħriġ professjonali. Tali arranġamenti huma prekondizzjoni biex jiġu stabbiliti sħubiji dejjiema bejn stabbilimenti tat-taħriġ u intrapriżi;

3.2.

jimplimentaw jew jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' strateġija ta' inċentiv finanzjarju għal korpi u partijiet interessati, b'mod partikolari l-għalliema, l-ħarrieġa u dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ li jorganizzaw il-mobilità Ewropea taż-żgħażagħ li jkunu inkarigati minnhom;

3.3.

itejbu r-rikonoxximent tat-tagħlim miksub permezz tal-mobilità, billi jiġġeneralizzaw kemm jista' jkun il-validazzjoni tat-tagħlim miksub għal perijodi kollha ta' mobilità fl-Ewropa — objettiv iffaċilitat bill-korrelazzjoni li jmiss, sal-2010, tas-sistemi ta' kwalifiki tal-Istati Membri mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, u mill-istrumenti Ewropej bħall-Europass, il-Youthpass, il-krediti tal-ECTS u s-sistema ECVET.

4.   Iwessgħu u jiddiversifikaw is-sorsi tal-finanzjament għall-mobilità taż-żgħażagħ

4.1.

jappoġġaw il-mobilità taż-żgħażagħ permezz ta' finanzjament Komunitarju, fil-limiti ffissati mill-Qafas Finanzjarju, b'mod partikolari mill-Fondi Strutturali — l-aktar b'użu aħjar tal-possibilitajiet offruti mill-Fond Soċjali Ewropew — u għal perijidu fit-tul billi jadattaw il-linji gwida tagħhom u l-ġestjoni tagħhom skont il-prijoritajiet tal-Istati Membri biex jieħdu kont tal-objettiv ta' mobilità;

4.2.

jinkoraġġixxu diversifikazzjoni usa' u komplimentarjetà aħjar tal-metodi ta' finanzjament tal-proġetti ta' mobilità taż-żgħażagħ, billi jirrikorru għal sorsi ta' finanzjament pubbliċi u privati fil-limiti tal-kapaċitajiet rispettivi tagħhom (l-Istat, awtoritajiet reġjonali u lokali, intrapriżi, istituzzjonijiet bankarji inkluż il-Bank Ewropew tal-Investiment, fondazzjonijiet, assoċjazzjonijiet professjonali Ewropej, eċċ.);

4.3

jieħdu kont tal-ħtiġijiet finanzjarji partikolari ta' studenti minn sfondi soċjo-ekonomiċi anqas favorevoli jew bi ħtiġijiet speċjali biex jippermettu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi ta' mobilità;

5.   Japplikaw il-prinċipji mniżżla fil-Karta Ewropea ta' Kwalità għall-Mobilità fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ għall-forom kollha ta' mobilità taż-żgħażagħ, b'mod partikolari fir-rigward ta' arranġamenti għat-tħejjija, l-appoġġ u l-valutazzjoni tal-perijodi ta' mobilità

5.1.

jinkoraġġixxu skambji ta' prattiki tajbin fir-rigward tat-żieda tal-kapaċità u t-titijib ta' kwalità ta' akkoljenza ta' żgħażagħ Ewropej fi skemi ta' mobilità;

5.2.

jappellaw lill-partijiet interessati responsabbli biex itejbu l-kondizzjonijiet tal-akkomodazzjoni, tal-ħajja u tax-xogħol taż-żgħażagħ Ewropej fi skemi ta' mobilità, b'mod partikolari fuq il-kampus tal-edukazzjoni ogħla;

5.3.

itejbu l-kondizzjonijiet tat-tħejjija lingwistika u kulturali għall-mobilità taż-żgħażagħ.

6.   Iżidu l-għarfien dwar il-mobilità taż-żgħażagħ

6.1.

jeżaminaw is-sitwazzjoni tal-flussi ta' mobilità fl-Ewropa, billi jikkonsolidaw u, fejn applikabbli, jiġbru statistika affidabbli u komparabbli;

6.2.

ixerrdu u jikkondividu b'mod aktar effiċjenti r-riżultati ta' stħarriġ disponibbli;

6.3.

iwettqu studji tal-impatt kif adatt biex jiġu valutati l-benefiċċji prattiċi tal-mobilità għaż-żgħażagħ Ewropej minn punt di vista kulturali, edukattiv u professjonali.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI EWROPEA BIEX:

1.

tistabbilixxi pjan ta' ħidma biex jiġu inklużi miżuri ta' mobilità transkonfinali fil-programmi kollha Ewropej, b'mod partikolari bl-istabbiliment ta' mekkaniżmi għall-promozzjoni ta' programmi fost iż-żgħażagħ u li jiffaċilitaw l-iżvilupp, flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, ta' “one-stop-shops”, kif ukoll portal Ewropew għall-mobilità taż-żgħażagħ, biex titjieb id-dessiminazzjoni tal-informazzjoni fost iż-żgħażagħ u l-istituzzjonijiet rilevanti, jiġu sfrutatti l-possibbilitajiet ta' kull programm għall-mobilità virtwali, u biex jiġu ġġenerati effetti multipliċi fost id-diversi programmi;

2.

tippubblika, qabel tmiem l-2010, rapport dwar l-iżvilupp fit-terminu medju tal-mobilità Ewropea taż-żgħażagħ u biex tfassal rapporti regolari inkluzi fir-rapport interim konġunt ta' kull 4 snin dwar l-istat tal-mobilità taż-żgħażagħ l-għalliema fl-Unjoni Ewropea;

3.

tipproduċi gwida għall-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-istituzzjonijiet edukattivi u tat-taħriġ u l-atturi assoċjati mal-politiki taż-żgħażagħ bl-għan li tiffaċilitalhom l-aċċess għall-politiki Ewropej l-oħrajn li jappoġġaw il-mobilità, bħal ma huma l-fondi strutturali u l-politiki u l-programmi għar-riċerka;

4.

tesplora l-fattibbiltà tal-iżvilupp ta' mezzi oħra ta' għajnuna finanzjarja sabiex tgħin liż-żgħażagħ biex jgħaddu perijodi ta' mobilità ta' tagħlim transkonfinali, inkluża l-possibilità ta' “Self Ewropew għall-Istudenti”, u li tgħarraf lill-Kunsill bil-progress miksub.


(1)  http://www. ec.europa.eu/ploteus, http://www.study-in-europe.org

(2)  http://ec.europa.eu/education/doc/2008/mobilityreport_en.pdf