22.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 134/1


DIRETTIVA (UE) 2023/977 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Mejju 2023

dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u li tħassar id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikolu 87(2), il-punt (a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

L-attivitajiet kriminali transnazzjonali jikkostitwixxu theddida sinifikanti għas-sigurtà interna tal-Unjoni u jitolbu rispons ikkoordinat, immirat u adattat. Filwaqt li l-awtoritajiet nazzjonali li joperaw fil-prattika jinsabu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu, l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni hija kruċjali biex tiġi żgurata kooperazzjoni effiċjenti u effettiva fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni. Barra minn hekk, il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, b’mod partikolari, huma emblematiċi tar-rabta bejn is-sigurtà interna u esterna. L-attivitajiet kriminali transnazzjonali huma mifruxa bejn il-fruntieri u jimmanifestaw rwieħhom fi gruppi kriminali organizzati u terroristiċi li jinvolvu ruħhom f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet kriminali dejjem aktar dinamiċi u kumplessi. Għalhekk, hemm bżonn ta’ qafas legali mtejjeb biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi jkunu jistgħu jipprevjenu, jindividwaw u jinvestigaw reati kriminali b’mod aktar effiċjenti.

(2)

Għall-iżvilupp ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, ikkaratterizzat min-nuqqas ta’ kontrolli fil-fruntieri interni, huwa essenzjali li l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi fi Stat Membru wieħed ikollhom, fil-qafas tal-liġi tal-Unjoni u tal-liġi nazzjonali applikabbli, il-possibbiltà li jiksbu aċċess ekwivalenti għall-informazzjoni disponibbli għall-kollegi tagħhom fi Stat Membru ieħor. F’dak ir-rigward, l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi jenħtieġ li jikkooperaw b’mod effettiv u madwar l-Unjoni. Għalhekk, il-kooperazzjoni tal-pulizija dwar l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti għall-fini tal-prevenzjoni, l-individwazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali hija komponent essenzjali tal-miżuri li jirfdu s-sigurtà pubblika f’żona interdipendenti mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. L-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-kriminalità u l-attivitajiet kriminali, inkluż it-terroriżmu, iservi l-objettiv ġenerali li tiġi protetta s-sigurtà ta’ persuni fiżiċi u li jiġu ssalvagwardjati l-interessi importanti ta’ persuni ġuridiċi protetti mil-liġi.

(3)

Il-maġġoranza tal-gruppi tal-kriminalità organizzata huma preżenti f’aktar minn tliet pajjiżi u huma magħmula minn membri b’nazzjonalitajiet multipli li jinvolvu ruħhom f’diversi attivitajiet kriminali. L-istruttura ta’ gruppi kriminali organizzati hija dejjem aktar sofistikata, b’sistemi ta’ komunikazzjoni u kooperazzjoni b’saħħithom u effiċjenti bejn il-membri tagħhom bejn il-fruntieri.

(4)

Biex il-kriminalità transfruntiera tiġi miġġielda b’mod effettiv, huwa ta’ importanza kbira li l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi jiskambjaw malajr l-informazzjoni u jikkooperaw b’mod operattiv ma’ xulxin. Minkejja li l-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tjiebet f’dawn l-aħħar snin, għadhom jeżistu ostakli prattiċi u legali. F’dak ir-rigward, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/915 (2) se tassisti lill-Istati Membri biex ikomplu jtejbu l-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera.

(5)

Xi Stati Membri żviluppaw proġetti pilota biex isaħħu l-kooperazzjoni transfruntiera, li jiffukaw, pereżempju, fuq viġilanzi konġunti minn uffiċjali tal-pulizija minn Stati Membri ġirien fir-reġjuni tal-fruntiera. Għadd ta’ Stati Membri kkonkludew ukoll ftehimiet bilaterali jew saħansitra multilaterali biex isaħħu l-kooperazzjoni transfruntiera, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni. Din id-Direttiva ma tillimitax tali possibbiltajiet, dment li r-regoli dwar l-iskambju ta’ informazzjoni stabbiliti f’tali ftehimiet ikunu kompatibbli ma’ din id-Direttiva meta tapplika. Għall-kuntrarju, l-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu skambju tal-aħjar prattika u t-tagħlimiet meħuda minn tali proġetti pilota u ftehimiet u jagħmlu użu mill-fondi disponibbli tal-Unjoni f’dak ir-rigward, b’mod partikolari mill-Fond għas-Sigurtà Interna, stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(6)

L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri għall-fini tal-prevenzjoni u l-individwazzjoni ta’ reati kriminali huwa regolat mill-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 (4), adottata fid-19 ta’ Ġunju 1990, b’mod partikolari l-Artikoli 39 u 46 tagħha. Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI (5) issostitwiet parzjalment dawk id-dispożizzjonijiet u introduċiet regoli ġodda għall-iskambju ta’ informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi.

(7)

L-evalwazzjonijiet, inklużi dawk imwettqa skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 (6), indikaw li d-Deċiżjoni Kwadru 2006/960/ĠAI ma hijiex ċara biżżejjed u ma tiżgurax l-iskambju adegwat u rapidu ta’ informazzjoni rilevanti bejn l-Istati Membri. L-evalwazzjonijiet indikaw ukoll li dik id-Deċiżjoni Kwadru ftit li xejn tintuża fil-prattika, parzjalment minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza ffaċċjata fil-prattika bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru.

(8)

Għalhekk, il-qafas legali eżistenti jenħtieġ li jiġi aġġornat bil-għan li jiġu eliminati d-diskrepanzi u li jiġu stabbiliti regoli ċari u armonizzati biex jiġi ffaċilitat u żgurat l-iskambju adegwat u rapidu ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stati Membri differenti u biex l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi jitħallew jadattaw għas-sitwazzjoni ta’ kriminalità organizzata li qed tinbidel u tespandi b’ħeffa, inkluż fil-kuntest tal-globalizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà.

(9)

B’mod partikolari, din id-Direttiva jenħtieġ li tkopri l-iskambju ta’ informazzjoni għall-fini tal-prevenzjoni, l-individwazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali, u b’hekk tissostitwixxi bis-sħiħ, sa fejn ikunu kkonċernati tali skambji, l-Artikoli 39 u 46 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u tipprovdi ċ-ċertezza legali meħtieġa. Barra minn hekk, jenħtieġ li r-regoli rilevanti jiġu ssimplifikati u ċċarati, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni effettiva tagħhom fil-prattika.

(10)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli armonizzati li jirregolaw l-aspetti trażversali ta’ tali skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri skont din id-Direttiva fi stadji differenti ta’ investigazzjoni, mill-fażi ta’ ġbir ta’ intelligence dwar reati kriminali għall-fażi ta’ investigazzjoni kriminali. Dawk ir-regoli jenħtieġ li jinkludi l-iskambju ta’ informazzjoni permezz taċ-Ċentri ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija u tad-Dwana stabbiliti bejn żewġ Stati Membri jew aktar abbażi ta’ arranġamenti bilaterali jew multilaterali għall-fini tal-prevenzjoni, l-individwazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali. Madankollu, jenħtieġ li dawk ir-regoli ma jinkludux l-iskambju bilaterali ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Jenħtieġ li r-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva ma jaffettwawx l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi tal-Unjoni dwar sistemi jew oqfsa speċifiċi għal tali skambji, bħal ma huma r-Regolamenti (UE) 2016/794 (7), (UE) 2018/1860 (8), (UE) 2018/1861 (9) u (UE) 2018/1862 (10) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi (UE) 2016/681 (11) u (UE) 2019/1153 (12) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI (13) u 2008/616/ĠAI (14).

(11)

‘Reat kriminali’ huwa kunċett awtonomu tal-liġi tal-Unjoni kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, fl-interess tal-ġlieda effettiva kontra l-kriminalità, “reat kriminali” jenħtieġ li jinftiehem bħala li jirreferi għal kwalunkwe mġiba punibbli skont il-liġi kriminali tal-Istat Membru li jirċievi informazzjoni, jew skont talba jew skont għoti ta’ informazzjoni fuq inizjattiva proprja f’konformità ma’ din id-Direttiva, irrispettivament mill-piena li tista’ tiġi imposta f’dak l-Istat Membru u irrispettivament minn jekk l-imġiba hijiex punibbli wkoll skont il-liġi kriminali tal-Istat Membru li jipprovdi informazzjoni, mingħajr preġudizzju għar-raġunijiet għar-rifjut ta’ talbiet għal informazzjoni stabbiliti f’din id-Direttiva.

(12)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-assistenza reċiproka u l-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali (15) (Napli II).

(13)

Peress li din id-Direttiva ma tapplikax għall-ipproċessar ta’ informazzjoni matul attività li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà nazzjonali ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(14)

Din id-Direttiva ma tirregolax l-għoti u l-użu ta’ informazzjoni bħala evidenza fi proċedimenti ġudizzjarji. B’mod partikolari, hija ma għandhiex tinftiehem bħala li tistabbilixxi dritt għall-użu tal-informazzjoni pprovduta f’konformità ma’ din id-Direttiva bħala evidenza u, konsegwentement, ma taffettwa l-ebda rekwiżit previst fil-liġi applikabbli biex jinkiseb il-kunsens tal-Istat Membru li jipprovdi l-informazzjoni għal tali użu. Din id-Direttiva ma taffettwax l-atti legali tal-Unjoni dwar l-evidenza, bħal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordnijiet Ewropej ta’ Produzzjoni u Preservazzjoni għall-evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali u għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ kustodja wara proċedimenti kriminali, id-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar id-deżinjazzjoni ta’ stabbilimenti ddeżinjati u l-ħatra ta’ rappreżentanti legali għall-fini tal-ġbir ta’ evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali. Konsegwentement, saħansitra jekk ma humiex meħtieġa jagħmlu dan skont din id-Direttiva, l-Istati Membri li jipprovdu informazzjoni skont din id-Direttiva jenħtieġ li jitħallew jagħtu l-kunsens tagħhom, meta jipprovdu l-informazzjoni jew wara, għall-użu ta’ dik l-informazzjoni bħala evidenza fi proċedimenti ġudizzjarji, inkluż, meta meħtieġ skont il-liġi nazzjonali, permezz tal-użu ta’ strumenti relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fis-seħħ bejn l-Istati Membri.

(15)

Jenħtieġ li l-iskambji kollha ta’ informazzjoni skont din id-Direttiva jkunu soġġetti għal ħames prinċipji ġenerali, jiġifieri dawk tad-disponibbiltà, l-aċċess ekwivalenti, il-kunfidenzjalità, is-sjieda tad-data u l-affidabbiltà tad-data. Filwaqt li dawk il-prinċipji huma mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet aktar speċifiċi ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li huma jiggwidaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħha meta rilevanti. L-ewwel nett, il-prinċipju tad-disponibbiltà jenħtieġ li jinftiehem bħala li jindika li l-informazzjoni rilevanti disponibbli għall-Punt Uniku ta’ Kuntatt jew għall-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stat Membru wieħed jenħtieġ li tkun disponibbli wkoll, kemm jista’ jkun, għall-Punt Uniku ta’ Kuntatt jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stati Membri oħrajn. Madankollu, jenħtieġ li dak il-prinċipju ma jaffettwax l-applikazzjoni, meta jkun ġustifikat, ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ din id-Direttiva li jirrestrinġu d-disponibbiltà tal-informazzjoni, bħal dawk għar-raġunijiet ta’ rifjut ta’ talbiet għal informazzjoni u awtorizzazzjoni ġudizzjarja, jew tal-obbligu li jinkiseb il-kunsens tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz li inizjalment ipprovda l-informazzjoni biex din tiġi kondiviża. It-tieni, skont il-prinċipju tal-aċċess ekwivalenti u soġġett għad-dispożizzjonijiet aktar speċifiċi ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-aċċess li l-Punt Uniku ta’ Kuntatt u l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stati Membri oħrajn ikollhom għal informazzjoni rilevanti jkun sostanzjalment l-istess bħall-aċċess li l-Punt Uniku ta’ Kuntatt u l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom stess jkollhom għal dik l-informazzjoni u b’hekk dan l-aċċess la jkun aktar strett u lanqas inqas strett. It-tielet, il-prinċipju tal-kunfidenzjalità jirrikjedi li l-Istati Membri jirrispettaw ir-regoli nazzjonali ta’ xulxin dwar il-kunfidenzjalità meta jittrattaw informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali li tiġi pprovduta lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom, billi jiżguraw livell simili ta’ kunfidenzjalità f’konformità mar-regoli dwar il-kunfidenzjalità stabbiliti fil-liġi nazzjonali. Ir-raba’, skont il-prinċipju tas-sjieda tad-data, l-informazzjoni inizjalment miksuba minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz jenħtieġ li tiġi pprovduta biss bil-kunsens tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz u f’konformità mal-kondizzjonijiet imposti minnhom. Il-ħames, skont il-prinċipju tal-affidabbiltà tad-data, id-data personali li tinstab li ma hijiex preċiża, mhux kompluta jew li ma għadhiex aġġornata jenħtieġ li titħassar jew tiġi rettifikata jew l-ipproċessar ta’ dik id-data jenħtieġ li jiġi ristrett, kif xieraq, u kwalunkwe riċevitur ta’ dik id-data jenħtieġ li jiġi nnotifikat mingħajr dewmien.

(16)

Sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-iffaċilitar u tal-iżgurar tal-iskambju adegwat u rapidu ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, din id-Direttiva jenħtieġ li tipprevedi l-possibbiltà li l-Istati Membri jiksbu informazzjoni billi jindirizzaw talba għal informazzjoni lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt tal-Istat Membru l-ieħor ikkonċernat, f’konformità ma’ ċerti rekwiżiti ċari, simplifikati u armonizzati. Fir-rigward tal-kontenut ta’ talbiet għal informazzjoni, din id-Direttiva jenħtieġ li tispeċifika, b’mod partikolari, b’mod eżawrjenti u dettaljat biżżejjed u mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa ta’ valutazzjoni każ b’każ, is-sitwazzjonijiet meta t-talbiet għal informazzjoni għandhom jitqiesu bħala urġenti, id-dettalji li għandhom jinkludu bħala minimu u b’liema lingwa għandhom jiġu ppreżentati.

(17)

Filwaqt li jenħtieġ li l-Punti Uniċi ta’ Kuntatt ta’ kull Stat Membru fi kwalunkwe każ ikunu kapaċi jissottomettu talbiet għal informazzjoni lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt ta’ Stat Membru ieħor, fl-interess tal-flessibbiltà, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jiddeżinjaw, barra minn hekk, xi wħud mill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom, li jistgħu ikunu involuti fil-kooperazzjoni Ewropea, bħala awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi deżinjati għal fini li jissottomettu tali talbiet lill-Punti Uniċi ta’ Kuntatt ta’ Stati Membri oħra. Kull Stat Membru jenħtieġ li jissottometti lill-Kummissjoni lista tal-awtoritajiet deżinjati tal-infurzar tal-liġi tiegħu. L-Istati Membri jenħtieġ li jinformaw lill-Kummissjoni kull meta jkun hemm bidliet għal dik il-lista. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tippubblika l-listi online. Madankollu, sabiex il-Punti Uniċi ta’ Kuntatt ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet ta’ koordinazzjoni tagħhom skont din id-Direttiva, huwa meħtieġ li, meta Stat Membru jiddeċiedi li jippermetti lil xi wħud mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu tal-infurzar tal-liġi jissottomettu talbiet għal informazzjoni lill-Punti Uniċi ta’ Kuntatt ta’ Stati Membri oħra, dak l-Istat Membru jagħmel lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt tiegħu konxju tat-talbiet kollha li joħorġu għall-informazzjoni u ta’ kwalunkwe komunikazzjoni relatata magħhom, billi dejjem jikkopja l-Punt Uniku ta’ Kuntatt tiegħu. L-Istati Membri jenħtieġ li jfittxu li jnaqqsu d-duplikazzjoni mhux ġustifikata tad-data personali għal minimu strett.

(18)

Huma meħtieġa limiti ta’ żmien biex jiġi żgurat l-ipproċessar rapidu tat-talbiet għal informazzjoni ppreżentati lil Punt Uniku ta’ Kuntatt. Jenħtieġ li tali limiti ta’ żmien ikunu ċari u proporzjonati u jqisu jekk it-talba għall-informazzjoni hijiex urġenti u jekk it-talba hijiex relatata ma’ informazzjoni direttament aċċessibbli jew ma’ informazzjoni indirettament aċċessibbli. Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-limiti ta’ żmien applikabbli, filwaqt li madankollu jkun permess grad ta’ flessibbiltà meta jkun oġġettivament ġustifikat, jenħtieġ li, fuq bażi eċċezzjonali, devjazzjoni minn dawk il-limiti ta’ żmien tkun possibbli biss meta, u sa fejn, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istat Membru rikjest ikollha bżonn żmien addizzjonali biex tiddeċiedi dwar l-għoti tal-awtorizzazzjoni ġudizzjarja meħtieġa. Tali ħtieġa tista’ tinħoloq, pereżempju, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ jew il-kumplessità tal-kwistjonijiet imqajma mit-talba għal informazzjoni. Sabiex jiġi żgurat, kemm jista’ jkun, li l-opportunitajiet kritiċi taż-żmien biex tittieħed azzjoni f’każijiet speċifiċi ma jintilfux, l-Istat Membru rikjest jenħtieġ li jipprovdi kwalunkwe informazzjoni mitluba hekk kif din tinżamm mill-Punt Uniku ta’ Kuntatt, anki meta dik l-informazzjoni ma tkunx l-unika informazzjoni disponibbli li tkun rilevanti għat-talba. Il-bqija tal-informazzjoni mitluba jenħtieġ li tiġi pprovduta wara, hekk kif din tinżamm mill-Punt Uniku ta’ Kuntatt.

(19)

Jenħtieġ li l-Punti Uniċi ta’ Kuntatt jivvalutaw jekk l-informazzjoni mitluba hijiex meħtieġa u proporzjonata biex jinkisbu l-għanijiet ta’ din id-Direttiva u jekk l-ispjegazzjoni tar-raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-talba hijiex ċara u dettaljata biżżejjed, sabiex jiġi evitat l-għoti mhux ġustifikat ta’ informazzjoni jew l-għoti ta’ ammonti sproporzjonati ta’ informazzjoni.

(20)

F’każijiet eċċezzjonali, jista’ jkun oġġettivament ġustifikat li Stat Membru jirrifjuta talba għal informazzjoni sottomessa lil Punt Uniku ta’ Kuntatt tiegħu. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tas-sistema maħluqa minn din id-Direttiva f’konformità sħiħa mal-istat tad-dritt, jenħtieġ li dawk il-każijiet jiġu speċifikati u interpretati b’mod restrittiv. Madankollu, ir-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva jagħmlu enfasi qawwija fuq il-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità, u b’hekk jipprovdu salvagwardji kontra kwalunkwe użu ħażin ta’ talbiet għal informazzjoni, inkluż meta dan ikun jinvolvi ksur manifest tad-drittijiet fundamentali. L-Istati Membri, bħala espressjoni tad-diliġenza dovuta ġenerali tagħhom, jenħtieġ li għalhekk dejjem jivverifikaw il-konformità tat-talbiet ippreżentati lilhom skont din id-Direttiva mal-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità u jenħtieġ li jirrifjutaw dawk it-talbiet li jsibu li ma humiex konformi. Meta r-raġunijiet għar-rifjut tat-talba jkunu relatati biss ma’ partijiet tal-informazzjoni mitluba, jenħtieġ li l-informazzjoni li jifdal tingħata fil-limiti ta’ żmien stabbiliti f’din id-Direttiva. Sabiex jiġu evitati rifjuti bla bżonn ta’ talbiet għal informazzjoni, jenħtieġ li l-Punt Uniku ta’ Kuntatt jew l-awtorità deżinjata tal-infurzar tal-liġi tal-Istat Membru rikjedenti, kif applikabbli, fuq talba, jagħtu l-kjarifiki jew l-ispeċifikazzjonijiet li huma meħtieġa biex tiġi pproċessata t-talba għal informazzjoni. Il-limiti ta’ żmien applikabbli jenħtieġ li jiġu sospiżi mill-mument li l-Punt Uniku ta’ Kuntatt jew, meta applikabbli, l-awtorità deżinjata tal-infurzar tal-liġi tal-Istat Membru rikjedenti jirċievu t-talba għal kjarifiki jew għall-ispeċifikazzjonijiet. Madankollu, jenħtieġ li jkun possibbli li jintalbu kjarifika jew speċifikazzjonijiet biss meta l-kjarifika jew l-ispeċifikazzjonijiet ikunu oġġettivament meħtieġa u proporzjonati b’tali mod li mingħajrhom it-talba għal informazzjoni jkollha tiġi rrifjutata għal waħda mir-raġunijiet elenkati f’din id-Direttiva. Fl-interess ta’ kooperazzjoni effettiva, jenħtieġ li tibqa’ wkoll il-possibilità li jintalbu l-kjarifiki jew l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa f’sitwazzjonijiet oħrajn, mingħajr ma dan iwassal għal sospensjoni tal-limiti ta’ żmien.

(21)

Sabiex tkun permessa l-flessibbiltà meħtieġa fid-dawl tal-ħtiġijiet operattivi li jistgħu jvarjaw fil-prattika, jenħtieġ li din id-Direttiva tipprevedi żewġ mezzi oħrajn ta’ skambju ta’ informazzjoni, minbarra t-talbiet għal informazzjoni ppreżentati lill-Punti Uniċi ta’ Kuntatt. L-ewwel wieħed huwa l-għoti ta’ informazzjoni mhux mitluba minn Punt Uniku ta’ Kuntatt jew minn awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt jew lill-awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stat Membru ieħor mingħajr talba minn qabel, jiġifieri l-għoti ta’ informazzjoni fuq inizjattiva proprja. It-tieni wieħed huwa l-għoti ta’ informazzjoni fuq talba għal informazzjoni ppreżentati jew minn Punt Uniku ta’ Kuntatt jew inkella mill-awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi direttament lill-awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stat Membru ieħor. Fir-rigward taż-żewġ mezzi ta’ skambju ta’ informazzjoni, din id-Direttiva tistabbilixxi għadd limitat biss ta’ rekwiżiti minimi, b’mod partikolari dwar iż-żamma tal-Punti Uniċi ta’ Kuntatt rilevanti informati u, fir-rigward tal-għoti ta’ informazzjoni fuq inizjattiva proprja, is-sitwazzjonijiet li fihom għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni u l-lingwa li għandha tintuża. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti japplikaw ukoll għal sitwazzjonijiet li fihom awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħti informazzjoni lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt tal-Istat Membru tagħha stess biex tipprovdi dik l-informazzjoni lil Stat Membru ieħor, bħal meta jkun meħtieġ li tikkonforma mar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva dwar il-lingwa li għandha tintuża meta tingħata l-informazzjoni.

(22)

Ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel għall-għoti ta’ informazzjoni, meta jkun previst mil-liġi nazzjonali, jikkostitwixxi salvagwardja importanti li jenħtieġ li tiġi rrispettata. Madankollu, is-sistemi legali tal-Istati Membri huma differenti f’dan ir-rigward u jenħtieġ li din id-Direttiva ma tinftihemx bħala li taffettwa r-regoli u l-kondizzjonijiet li jikkonċernaw l-awtorizzazzjonijiet ġudizzjarji minn qabel stabbiliti fil-liġi nazzjonali, għajr li teħtieġ li l-iskambji domestiċi u l-iskambji bejn l-Istati Membri jiġu ttrattati b’mod ekwivalenti, kemm fis-sustanza kif ukoll proċeduralment. Barra minn hekk, sabiex kwalunkwe dewmien u kumplikazzjonijiet relatati mal-applikazzjoni ta’ tali rekwiżit jinżammu f’livell minimu, il-Punt Uniku ta’ Kuntatt jew l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi, kif applikabbli, tal-Istat Membru tal-awtorità ġudizzjarja kompetenti jenħtieġ li jieħdu l-passi prattiċi u legali kollha, meta rilevanti f’kooperazzjoni mal-Punt Uniku ta’ Kuntatt jew mal-awtorità deżinjata tal-infurzar tal-liġi tal-Istat Membru rikjedenti, biex l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja tinkiseb kemm jista’ jkun malajr. Għalkemm il-bażi legali ta’ din id-Direttiva hija limitata għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi skont l-Artikolu 87(2), il-punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), din id-Direttiva tista’ tkun ta’ rilevanza għall-awtoritajiet ġudizzjarji.

(23)

Huwa partikolarment importanti li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, b’rabta mal-iskambji kollha ta’ informazzjoni skont din id-Direttiva. Għal dak l-għan, jenħtieġ li kwalunkwe pproċessar ta’ data personali minn Punt Uniku ta’ Kuntatt jew awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi skont din id-Direttiva jitwettaq f’konformità sħiħa mad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17). Skont ir-Regolament (UE) 2016/794, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) għandha tipproċessa d-data f’konformità mar-regoli stabbiliti fih. Dik id-Direttiva u dak ir-Regolament ma humiex affettwati minn din id-Direttiva. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġi speċifikat li kwalunkwe data personali skambjata minn Punti Uniċi ta’ Kuntatt u mill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tibqa’ limitata għall-kategoriji ta’ data skont il-kategorija tas-suġġett tad-data elenkati fl-Anness II, it-Taqsima B, tar-Regolament (UE) 2016/794. Għaldaqstant, jenħtieġ li ssir distinzjoni ċara bejn id-data li tikkonċerna l-persuni suspettati u d-data li tikkonċerna x-xhieda, il-vittmi, jew il-persuni li jappartjenu għal gruppi oħra, li għalihom japplikaw limitazzjonijiet aktar stretti. Barra minn hekk, sa fejn ikun possibbli, kwalunkwe data personali bħal din jenħtieġ li tiġi distinta skont il-grad ta’ akkuratezza u affidabbiltà tagħha. Sabiex jiġu żgurati l-preċiżjoni u l-affidabbiltà, jenħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-fatti u l-valutazzjonijiet personali. Il-Punti Uniċi ta’ Kuntatt jew, meta applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi jenħtieġ li jipproċessaw it-talbiet għal informazzjoni skont din id-Direttiva malajr kemm jista’ jkun sabiex jiġu żgurati l-preċiżjoni u l-affidabbiltà tad-data personali, biex jiġi evitat il-ħżin doppju bla bżonn tad-data u biex jitnaqqas ir-riskju li d-data tiskadi jew ma tibqax disponibbli għalihom. Meta jidher li d-data personali hija skorretta, jenħtieġ li din tiġi kkoreġuta jew imħassra jew jenħtieġ li l-ipproċessar tagħha jkun ristrett mingħajr dewmien.

(24)

Sabiex ikun hemm għoti adegwat u rapidu ta’ informazzjoni mill-Punti Uniċi ta’ Kuntatt, fuq talba jew fuq inizjattiva proprja tagħhom, huwa importanti li l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi jifhmu lil xulxin. L-iskambji kollha ta’ informazzjoni, inkluż l-għoti ta’ informazzjoni mitluba, ir-rifjuti ta’ talbiet għal informazzjoni, inklużi r-raġunijiet għal tali rifjuti, u, meta applikabbli, talbiet għal kjarifika jew speċifikazzjonijiet u kjarifika jew speċifikazzjonijiet ipprovduti li huma relatati ma’ talba speċifika jenħtieġ li jiġu trażmessi fil-lingwa li fiha tkun ġiet sottomessa dik it-talba. Għalhekk, sabiex jiġi evitat dewmien fl-għoti tal-informazzjoni mitluba kkawżat minn ostakli lingwistiċi u biex jiġu limitati l-ispejjeż tat-traduzzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu lista ta’ lingwa waħda jew aktar li biha jew bihom il-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jista’ jiġi indirizzat u jista’ jikkomunika. Peress li l-Ingliż huwa lingwa li tinftiehem u tintuża b’mod wiesa’ fil-prattika fir-rigward tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi fl-Unjoni, jenħtieġ li jiġi inkluż f’dik il-lista. L-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu dik il-listi u kwalunkwe aġġornament tagħha lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tippubblika online ġabra ta’ dawk il-listi.

(25)

Sabiex jiġu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej, huwa essenzjali li l-Europol ikollha l-informazzjoni meħtieġa biex taqdi r-rwol tagħha bħala ċ-ċentru ta’ informazzjoni kriminali tal-Unjoni li jappoġġja lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi. Għalhekk, meta jsir skambu ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, irrispettivament minn jekk l-iskambju jsirx skont talba għal informazzjoni sottomessa lil Punt Uniku ta’ Kuntatt jew awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi jew jekk tiġix ipprovduta minn Punt Uniku ta’ Kuntatt jew awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi fuq inizjattiva proprja, jenħtieġ li ssir valutazzjoni, fuq bażi ta’ każ b’każ, dwar jekk kopja tat-talba għal informazzjoni sottomessa skont din id-Direttiva jew tal-informazzjoni skambjata skont din id-Direttiva jenħtieġx li tintbagħat lill-Europol f’konformità mal-Artikolu 7(6) tar-Regolament (UE) 2016/794 meta tkun tikkonċerna reat kriminali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-objettivi tal-Europol. Tali valutazzjonijiet jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-objettivi tal-Europol kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/794 sa fejn huwa kkonċernat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-reat kriminali. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux obbligati jibgħatu kopja tat-talba għal informazzjoni jew tal-informazzjoni skambjata lill-Europol meta dan imur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istat Membru kkonċernat, meta dan jipperikola s-suċċess ta’ investigazzjoni attwali jew is-sikurezza ta’ individwu jew meta jiżvela informazzjoni relatata ma’ organizzazzjonijiet jew attivitajiet speċifiċi ta’ intelligence fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali. Barra minn hekk, f’konformità mal-prinċipju tas-sjieda tad-data u mingħajr preġudizzju għall-obbligu stabbilit fir-Regolament (UE) 2016/794 dwar id-determinazzjoni tal-fini tal-ipproċessar tal-informazzjoni mill-Europol u r-restrizzjonijiet fuqu, l-informazzjoni inizjalment miksuba minn Stat Membru ieħor jew pajjiż terz jenħtieġ li tiġi pprovduta lill-Europol biss meta dak l-Istat Membru jew il-pajjiż terz ikun ta l-kunsens tiegħu. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-persunal tal-Punt Uniku ta’ Kuntatt u tal-awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi jkun appoġġjat u mħarreġ b’mod adegwat sabiex jidentifika malajr u b’mod preċiż liema informazzjoni skambjata skont din id-Direttiva taqa’ fil-mandat tal-Europol u hija meħtieġa biex l-Aġenzija tissodisfa l-objettivi tagħha.

(26)

Il-problema tal-proliferazzjoni tal-mezzi ta’ komunikazzjoni użati għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi bejn l-Istati Membri jenħtieġ li tiġi rrimedjata, minħabba li xxekkel l-iskambju adegwat u rapidu ta’ tali informazzjoni u żżid ir-riskji li jikkonċernaw is-sigurtà tad-data personali. Għalhekk, jenħtieġ li l-użu tal-applikazzjoni ta’ Network għall-Iskambju Sikur ta’ Informazzjoni (SIENA), ġestita u żviluppata mill-Europol f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/794, jsir obbligatorju għal dawn it-trażmissjonijiet u l-komunikazzjonijiet kollha skont din id-Direttiva, inklużi t-trażmissjoni tat-talbiet għal informazzjoni lill-Punti Uniċi ta’ Kuntatt u direttament lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi, l-għoti ta’ informazzjoni skont tali talbiet u l-għoti ta’ informazzjoni mill-Punti Uniċi ta’ kuntatt u mill-awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi fuq inizjattiva proprja, il-kjarifiki, l-ispeċifikazzjonijiet u il-komunikazzjonijiet dwar ir-rifjuti tat-talbiet għal informazzjoni, u t-trażmissjoni tal-kopji tat-talbiet għall-informazzjoni jew l-informazzjoni lill-Punti Uniċi ta’ Kuntatt u lill-Europol. Għal dak l-għan, il-Punti Uniċi ta’ Kuntatt kollha, kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti kollha tal-infurzar tal-liġi li jistgħu jkunu involuti fi skambji ta’ informazzjoni, jenħtieġ li jkunu konnessi direttament mas-SIENA. Sabiex l-uffiċjali tal-ewwel linja, bħall-uffiċjali tal-pulizija involuti f’operazzjonijiet ta’ tfittxija sistematika, ikunu jistgħu jużaw is-SIENA, jenħtieġ li din tkun taħdem fuq apparati mobbli, meta jkun xieraq. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi previst perjodu ta’ tranżizzjoni qasir sabiex tkun tista’ ssir l-introduzzjoni sħiħa tas-SIENA, peress li din tinvolvi bidla fil-prattiki attwali f’xi Stati Membri u tirrikjedi li l-persunal jitħarreġ. Sabiex titqies ir-realtà operazzjonali u biex ma tiġix imfixkla l-kooperazzjoni tajba bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jippermettu lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom jużaw mezz ta’ komunikazzjoni sigur ieħor f’għadd limitat ta’ sitwazzjonijiet ġustifikati. Meta l-Istati Membri jippermettu lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom jużaw mezz ta’ komunikazzjoni ieħor minħabba l-urġenza tat-talba għal informazzjoni, jenħtieġ li, meta jkun prattikabbli u konsistenti mal-ħtiġijiet operazzjonali, jerġgħu lura għall-użu ta’ SIENA wara li s-sitwazzjoni ma tibqax urġenti. Jenħtieġ li l-użu ta’ SIENA ma jkunx obbligatorju għal skambji interni ta’ informazzjoni fi Stat Membru.

(27)

Sabiex jissimplifikaw, jiffaċilitaw u jimmaniġġjaw aħjar il-flussi tal-informazzjoni, jenħtieġ li kull Stat Membru jistabbilixxi jew jaħtar Punt Uniku ta’ Kuntatt. Jenħtieġ li l-Punti Uniċi ta’ Kuntatt ikunu kompetenti biex jikkoordinaw u jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni skont din id-Direttiva. Jenħtieġ li kull Stat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment jew id-deżinjazzjoni tal-Punt Uniku ta’ Kuntatt tiegħu u dwar kwalunkwe tibdil għal dan. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika dawk in-notifiki u kwalunkwe aġġornament tagħhom. Jenħtieġ li l-Punti Uniċi ta’ Kuntatt jikkontribwixxu b’mod partikolari għall-mitigazzjoni tal-ostakli għall-flussi tal-informazzjoni li jirriżultaw mill-frammentazzjoni tal-mod li bih l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi jikkomunikaw ma’ xulxin, b’reazzjoni għall-ħtieġa dejjem tikber li tiġi indirizzata b’mod konġunt il-kriminalità transfruntiera, bħat-traffikar tad-droga, iċ-ċiberkriminalità, it-traffikar tal-bnedmin, u t-terroriżmu. Jenħtieġ li l-Punti Uniċi ta’ Kuntatt jiġu assenjati għadd ta’ kompiti speċifiċi u minimi u jkollhom ċerti kapaċitajiet minimi sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw b’mod effettiv il-funzjonijiet ta’ koordinazzjoni tagħhom fir-rigward tal-iskambju transfruntier ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi skont din id-Direttiva.

(28)

Il-Punti Uniċi ta’ Kuntatt jenħtieġ li jkollhom aċċess għall-informazzjoni kollha disponibbli fl-Istat Membru tagħhom, inkluż billi jkollhom aċċess faċli għall-utenti għall-bażijiet tad-data u l-pjattaformi rilevanti kollha tal-Unjoni u internazzjonali, f’konformità mal-arranġamenti speċifikati fil-liġi tal-Unjoni u fil-liġi nazzjonali applikabbli. Sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari dawk li huma limitati biż-żmien, jenħtieġ li l-Punti Uniċi ta’ Kuntatt jingħataw riżorsi adegwati f’termini ta’ baġit u persunal, inklużi kapaċitajiet adegwati ta’ traduzzjoni, u jiffunzjonaw il-ħin kollu. F’dak ir-rigward, il-fatt li jkun hemm front desk li jkun jista’ jiskrinja, jipproċessa u jidderieġi t-talbiet għal informazzjoni li jidħlu jista’ jżid l-effiċjenza u l-effettività tagħhom. Il-Punti Uniċi ta’ Kuntatt jenħtieġ li jkollhom ukoll għad-dispożizzjoni tagħhom, il-ħin kollu, awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti biex jagħtu l-awtorizzazzjonijiet ġudizzjarji meħtieġa. Fil-prattika, dak jista’ jsir, pereżempju, billi tiġi żgurata l-preżenza fiżika ta’ tali awtoritajiet ġudizzjarju fil-bini tal-Punt Uniku ta’ Kuntatt jew id-disponibbiltà funzjonali ta’ tali awtoritajiet ġudizzjarji, jew fil-bini tal-Punt Uniku ta’ Kuntatt jew inkella direttament disponibbli fuq sejħa.

(29)

Sabiex ikunu jistgħu jwettqu b’mod effettiv il-funzjonijiet ta’ koordinazzjoni tagħhom skont din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Punti Uniċi ta’ Kuntatt ikunu magħmula minn persunal ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi, li l-involviment tagħhom ikun meħtieġ għall-iskambju adegwat u rapidu ta’ informazzjoni skont din id-Direttiva. Filwaqt li huwa f’idejn kull Stat Membru li jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni u l-kompożizzjoni preċiżi meħtieġa biex jiġi ssodisfat dak ir-rekwiżit, il-pulizija, id-dwana u awtoritajiet kompetenti oħrajn tal-infurzar tal-liġi responsabbli għall-prevenzjoni, l-individwazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali u punti ta’ kuntatt possibbli għall-uffiċċji reġjonali u bilaterali, bħall-uffiċjali ta’ kollegament u l-attachés issekondati jew stazzjonati fi Stati Membri oħrajn u aġenziji rilevanti tal-Unjoni għall-infurzar tal-liġi, bħall-Europol, ikunu jistgħu jiġu rrappreżentati fil-Punti Uniċi ta’ Kuntatt. Madankollu, fl-interess ta’ koordinazzjoni effettiva, bħala minimu, jenħtieġ li l-Punti Uniċi ta’ Kuntatt ikunu magħmula minn rappreżentanti tal-unità nazzjonali tal-Europol, tal-Uffiċċju SIRENE u tal-Uffiċċju Ċentrali Nazzjonali tal-Interpol, kif stabbiliti bl-att legali rilevanti tal-Unjoni jew ftehim internazzjonali u minkejja li din id-Direttiva ma tkunx applikabbli għall-iskambji ta’ informazzjoni speċifikament regolati minn dawk l-atti legali tal-Unjoni.

(30)

Minħabba d-domandi speċifiċi tal-kooperazzjoni transfruntiera fl-infurzar tal-liġi, inkluż it-trattament ta’ informazzjoni sensittiva f’dak il-kuntest, huwa essenzjali li l-persunal tal-Punti Uniċi ta’ Kuntatt u tal-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi jkollhom l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom skont din id-Direttiva b’mod legali, effiċjenti u effettiv. B’mod partikolari, il-membri tal-persunal tal-Punti Uniċi ta’ Kuntatt jenħtieġ li ssirilhom offerta ta’ korsijiet ta’ taħriġ adegwati u regolari mogħti kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak nazzjonali, li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet professjonali u l-isfondi speċifiċi tagħhom u li jiffaċilitaw il-kuntatt tagħhom ma’ Punti Uniċi ta’ Kuntatt u ma’ awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi minn Stati Membri oħrajn, liema kuntatt huwa meħtieġ għal-applikazzjoni tar-regoli stabbilit f’din id-Direttiva, u jenħtieġ li jiġu mħeġġa jibbenefikaw minn tali offerta ta’ taħriġ. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-użu xieraq tal-għodod tal-ipproċessar tad-data u tas-sistemi tal-IT, għall-għoti ta’ għarfien dwar l-oqfsa legali rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, b’enfasi partikolari fuq il-protezzjoni tad-data personali, il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u t-trattament ta’ informazzjoni kunfidenzjali, u għal-lingwi li bihom l-Istat Membru kkonċernat indika li l-Punt Uniku ta’ Kuntatt tiegħu jista’ jiskambja informazzjoni, bil-ħsieb li jgħin biex jingħelbu l-ostakli lingwistiċi. Għall-fini li jipprovdu t-taħriġ, jenħtieġ li, meta jkun xieraq, l-Istati Membri jużaw ukoll il-korsijiet ta’ taħriġ u l-għodod rilevanti offruti mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), stabbilita bir-Regolament (UE) 2015/2219 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), jikkunsidraw il-possibbiltà li l-persunal iqatta’ ġimgħa fl-Europol, u jagħmlu użu mill-offerti rilevanti magħmula skont dawn il-programmi u proġetti ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni, bħall-programm ta’ skambju tas-CEPOL.

(31)

Minbarra l-ħiliet tekniċi u l-għarfien legali, il-fiduċja reċiproka u l-fehim komuni huma prerekwiżiti għal kooperazzjoni transfruntiera effiċjenti u effettiva fl-infurzar tal-liġi skont din id-Direttiva. Il-kuntatti personali miksuba permezz ta’ operazzjonijiet konġunti u l-kondiviżjoni tal-għarfien espert jiffaċilitaw il-bini tal-fiduċja u l-iżvilupp ta’ kultura komuni tal-Unjoni fil-qasam tal-pulizija. L-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw ukoll korsijiet ta’ taħriġ konġunt u skambji tal-persunal li jiffukaw fuq it-trasferiment tal-għarfien dwar il-metodi ta’ ħidma, l-approċċi investigattivi u l-istrutturi organizzattivi tal-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi fi Stati Membri oħrajn.

(32)

Biex tiżdied il-parteċipazzjoni f’korsijiet ta’ taħriġ għall-persunal tal-Punti Uniċi ta’ Kuntatt u l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw ukoll inċentivi speċifiċi għal tali persunal.

(33)

Huwa meħtieġ li l-Punti Uniċi ta’ Kuntatt jvaraw u joperaw sistema elettronika unika ta’ ġestjoni tal-każijiet li jkollha ċerti funzjonijiet u kapaċitajiet minimi sabiex ikunu jistgħu jwettqu kull wieħed mill-kompiti tagħhom skont din id-Direttiva b’mod effettiv u effiċjenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni. Is-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet hija sistema ta’ fluss tax-xogħol li tippermetti lill-Punti Uniċi ta’ Kuntatt jimmaniġġjaw l-iskambju ta’ informazzjoni. Ikun tajjeb li l-istandard tal-format universali tal-messaġġ stabbilit bir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) jintuża fl-iżvilupp tas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet.

(34)

Ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2016/680 japplikaw għall-ipproċessar ta’ data personali fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet. L-ipproċessar jinkludi l-ħżin. Fl-interess taċ-ċarezza u l-protezzjoni effettiva tad-data personali, ir-regoli stabbiliti f’dik id-Direttiva jenħtieġ li jiġu speċifikati aktar f’din id-Direttiva. B’mod partikolari, fir-rigward tar-rekwiżit stabbilit fid-Direttiva (UE) 2016/680 li d-data personali tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom tiġi pproċessata, jenħtieġ li din id-Direttiva tispeċifika li, meta Punt Uniku ta’ Kuntatt jirċievi informazzjoni skambjata skont din id-Direttiva li jkun fiha data personali, jenħtieġ li l-Punt Uniku ta’ Kuntatt iżomm id-data personali fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet biss sa fejn tkun meħtieġa u proporzjonata għat-twettiq tal-kompiti tiegħu skont din id-Direttiva. Meta dan ma jibqax il-każ, jenħtieġ li l-Punt Uniku ta’ Kuntatt iħassar b’mod irrevokabbli d-data personali mis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet. Sabiex jiġi żgurat li d-data personali tinżamm biss sakemm tkun meħtieġa u b’mod proporzjonat, f’konformità mar-regoli dwar il-limiti ta’ żmien għall-ħżin u r-rieżami stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2016/680, jenħtieġ li l-Punt Uniku ta’ Kuntatt jirrieżamina regolarment jekk dawk ir-rekwiżiti għadhomx jiġu ssodisfati. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-ewwel rieżami ma jsirx aktar tard minn sitt xhur wara li jkun ġie konkluż skambju ta’ informazzjoni skont din id-Direttiva, jiġifieri, il-mument li fih ikun ġie mogħti l-aħħar punt ta’ informazzjoni jew tkun ġiet skambjata l-aħħar komunikazzjoni relatata miegħu. Madankollu, jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva fir-rigward ta’ tali rieżami u tħassir ma jaffettwawx il-possibbiltà għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-prevenzjoni, l-individwazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali li jżommu d-data personali fil-fajls kriminali nazzjonali tagħhom skont il-liġi nazzjonali, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva (UE) 2016/680.

(35)

Sabiex jassistu lill-Punti Uniċi ta’ Kuntatt u lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi fl-iskambju ta’ informazzjoni skont din id-Direttiva u biex irawmu kultura Ewropea komuni tal-pulizija bejn l-Istati Membri, l-Istati Membri jenħtieġ li jinkoraġġixxu kooperazzjoni prattika fost il-Punti Uniċi ta’ Kuntatt tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Kunsill jorganizza laqgħat tal-Kapijiet tal-Punti Uniċi ta’ Kuntatt mill-inqas fuq bażi annwali biex jiġu kondiviżi l-esperjenza u l-aħjar prattika rigward l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. Forom oħra ta’ kooperazzjoni jenħtieġ li jinkludu l-abbozzar ta’ manwali dwar l-iskambju ta’ informazzjoni b’rabta mal-infurzar tal-liġi, il-kompilazzjoni ta’ skedi informattivi nazzjonali dwar l-informazzjoni direttament u indirettament aċċessibbli, il-Punti Uniċi ta’ Kuntatt, l-awtoritajiet deżinjati tal-infurzar tal-liġi u r-reġimi lingwistiċi, jew dokumenti oħra dwar proċeduri komuni, l-indirizzar tad-diffikultajiet rigward il-flussi tax-xogħol, is-sensibilizzazzjoni dwar l-ispeċifiċitajiet tal-oqfsa legali rilevanti u l-organizzazzjoni, kif xieraq, ta’ laqgħat bejn il-Punti Uniċi ta’ Kuntatt rilevanti.

(36)

Sabiex ikunu jistgħu jsiru l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni meħtieġa tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu obbligati jiġbru u jipprovdu kull sena ċerta data lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dak ir-rekwiżit huwa meħtieġ, b’mod partikolari, biex jirrimedja n-nuqqas ta’ data komparabbli li tikkwantifika l-iskambji ta’ informazzjoni transfruntiera rilevanti bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi u jiffaċilita wkoll l-obbligu ta’ rapportar tal-Kummissjoni rigward l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Id-data meħtieġa għal dik il-fini jenħtieġ li tiġi ġġenerata awtomatikament mis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet u mis-SIENA.

(37)

In-natura transfruntiera tal-kriminalità transnazzjonali u t-terroriżmu tirrikjedi li l-Istati Membri jiddependu fuq xulxin biex jipprevjenu, jindividwaw jew jinvestigaw tali reati kriminali. Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-iżgurar ta’ flussi ta’ informazzjoni adegwati u rapidi bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi u lejn l-Europol, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni permezz tal-istabbiliment ta’ regoli komuni u kultura komuni dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u permezz ta’ għodod u mezzi ta’ komunikazzjoni moderni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dak l-objettiv.

(38)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) u ta opinjoni fis-7 ta’ Marzu 2022.

(39)

Din id-Direttiva tibni fuq il-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-TUE, inkluż l-istat tad-dritt, il-libertà u d-demokrazija. Jirrispetta wkoll id-drittijiet fundamentali u s-salvagwardji u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”), b’mod partikolari d-dritt għal-libertà u s-sigurtà, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali kif previsti fl-Artikoli 6, 7 u 8 tal-Karta rispettivament, kif ukoll fl-Artikolu 16 TFUE. Jenħtieġ li kwalunkwe pproċessar ta’ data personali skont din id-Direttiva ikun limitat għal dak li huwa strettament meħtieġ u proporzjonat u soġġett għal kondizzjonijiet ċari, rekwiżiti stretti u superviżjoni effettiva mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali stabbiliti bid-Direttiva (UE) 2016/680 u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, meta jkun xieraq, f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom.

(40)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din id-Direttiva tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Direttiva jekk hijiex se timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(41)

L-Irlanda qed tieħu sehem f’din id-Direttiva, f’konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (21).

(42)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Direttiva tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (22), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt H, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (23).

(43)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Direttiva tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (24), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt H, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI (25).

(44)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Direttiva tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (26), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt H, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE (27),

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli armonizzati għall-iskambju adegwat u rapidu ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi għall-fini tal-prevenzjoni, l-individwazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali.

B’mod partikolari, din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar:

(a)

it-talbiet għal informazzjoni ppreżentati lill-Punti Uniċi ta’ Kuntatt stabbiliti jew iddeżinjati mill-Istati Membri, b’mod partikolari dwar il-kontenut ta’ tali talbiet, l-għoti ta’ informazzjoni skont tali talbiet, il-lingwi ta’ ħidma tal-Punti Uniċi ta’ Kuntatt, il-limiti ta’ żmien obbligatorji għall-għoti tal-informazzjoni mitluba u r-raġunijiet għar-rifjut ta’ tali talbiet;

(b)

l-għoti minn Stat Membru, fuq inizjattiva proprja, tal-informazzjoni rilevanti lill-Punti Uniċi ta’ Kuntatt jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stati Membri oħrajn, b’mod partikolari s-sitwazzjonijiet u l-mod li bih għandha tiġi pprovduta tali informazzjoni;

(c)

il-mezz prestabbilit ta’ komunikazzjoni li għandu jintuża għall-iskambji kollha ta’ informazzjoni skont din id-Direttiva u l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-Punti Uniċi ta’ Kuntatt b’rabta mal-iskambji ta’ informazzjoni direttament bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi;

(d)

l-istabbiliment jew id-deżinjazzjoni u l-organizzazzjoni, il-kompiti, il-kompożizzjoni u l-kapaċitajiet tal-Punt Uniku ta’ Kuntatt ta’ kull Stat Membru, inkluż dwar il-varar u t-tħaddim ta’ sistema elettronika unika ta’ ġestjoni tal-każijiet għat-twettiq tal-kompiti tiegħu skont din id-Direttiva.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal skambji ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi għall-fini tal-prevenzjoni, l-individwazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali li huma speċifikament regolati minn atti legali oħrajn tal-Unjoni. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva u atti legali oħrajn tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw aktar l-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stati Membri oħrajn għall-fini tal-prevenzjoni, l-individwazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali, inkluż permezz ta’ arranġamenti bilaterali jew multilaterali.

3.   Din id-Direttiva ma timponi l-ebda obbligu fuq l-Istati Membri biex:

(a)

jiksbu informazzjoni permezz ta’ miżuri koerċittivi;

(b)

jaħżnu informazzjoni għall-iskop uniku li jagħtuha lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stati Membri oħrajn;

(c)

jagħtu informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stati Membri oħrajn sabiex tintuża bħala evidenza fi proċedimenti ġudizzjarji.

4.   Din id-Direttiva ma tistabbilixxi l-ebda dritt li l-informazzjoni pprovduta f’konformità ma’ din id-Direttiva tintuża bħala evidenza fi proċedimenti ġudizzjarji. L-Istat Membru li jipprovdi l-informazzjoni jista’ jagħti l-kunsens għall-użu tagħha bħala evidenza fi proċedimenti ġudizzjarji.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ din id-Direttiva:

(1)

“awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi” tfisser kwalunkwe awtorità tal-pulizija, awtorità doganali jew awtorità oħra tal-Istati Membri li tkun kompetenti skont il-liġi nazzjonali biex teżerċita l-awtorità u tieħu miżuri koerċittivi għall-fini tal-prevenzjoni, l-individwazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali jew kwalunkwe awtorità li tieħu sehem f’entitajiet konġunti stabbiliti bejn żewġ Stati Membri jew aktar għall-fini tal-prevenzjoni, l-individwazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali iżda teskludi aġenziji jew unitajiet li jittrattaw prinċipalment kwistjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali u uffiċjali ta’ kollegament issekondati skont l-Artikolu 47 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen;

(2)

“awtorità deżinjata tal-infurzar tal-liġi” tfisser awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi li hija awtorizzata tissottometti talbiet għal informazzjoni lill-Punti Uniċi ta’ Kuntatt ta’ Stati Membri oħra f’konformità mal-Artikolu 4(1);

(3)

“reat kriminali serju” tfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

reat kif imsemmi fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI (28);

(b)

reat kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) jew (2) tar-Regolament (UE) 2016/794;

(4)

“informazzjoni” tfisser kwalunkwe kontenut li jikkonċerna persuna fiżika jew ġuridika waħda jew aktar, fatti jew ċirkostanzi rilevanti għall-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi għall-fini tal-eżerċitar tal-kompiti tagħhom skont il-liġi nazzjonali tal-prevenzjoni, l-individwazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali, inkluża l-intelligence kriminali;

(5)

“informazzjoni disponibbli” tfisser informazzjoni direttament aċċessibbli u indirettament aċċessibbli;

(6)

“informazzjoni direttament aċċessibbli” tfisser informazzjoni miżmuma f’bażi tad-data li tista’ tiġi aċċessata direttament mill-Punt Uniku ta’ Kuntatt jew minn awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi tal-Istat Membru li mingħandu tintalab l-informazzjoni;

(7)

“informazzjoni indirettament aċċessibbli” tfisser informazzjoni li Punt Uniku ta’ Kuntatt jew awtorità tal-infurzar tal-liġi kompetenti tal-Istat Membru li minnu l-informazzjoni hija mitluba jista’ jikseb minn awtoritajiet pubbliċi oħrajn jew minn partijiet pubbliċi stabbiliti fl-Istat Membru, meta dan huwa permess mil-liġi nazzjonali u f’konformità magħha, mingħajr miżuri koerċittivi;

(8)

“data personali” tfisser data personali kif definita fl-Artikolu 3, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2016/680.

Artikolu 3

Prinċipji rigward l-iskambju ta’ informazzjoni

Kull Stat Membru għandu, b’rabta mal-iskambji kollha ta’ informazzjoni skont din id-Direttiva, jiżgura li:

(a)

l-informazzjoni disponibbli tista’ tiġi pprovduta lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stati Membri oħrajn (“il-prinċipju tad-disponibbiltà”);

(b)

il-kondizzjonijiet biex tintalab l-informazzjoni mingħand il-Punti Uniċi ta’ Kuntatt ta’ Stati Membri oħrajn u mill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi maħtura ta’ Stati Membri oħrajn, kif ukoll biex tiġi pprovduta informazzjoni lilhom, ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli sabiex tintalab u tiġi pprovduta informazzjoni simili fi ħdan dak l-Istat Membru (“il-prinċipju tal-aċċess ekwivalenti”);

(c)

jipproteġi l-informazzjoni pprovduta lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt tiegħu jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi li tkun immarkata bħala kunfidenzjali f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi nazzjonali tiegħu li toffri livell simili ta’ kunfidenzjalità bħal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li pprovda l-informazzjoni (“il-prinċipju tal-kunfidenzjalità”);

(d)

meta l-informazzjoni mitluba tkun inizjalment inkisbet minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz, din tipprovdi tali informazzjoni lil Stat Membru ieħor jew lill-Europol bil-kunsens tal-kondizzjonijiet imposti dwar l-użu tagħha u f’konformità magħhom, mill-Istat Membru jew il-pajjiż terz li inizjalment ipprovda l-informazzjoni (“il-prinċipju tas-sjieda tad-data”);

(e)

id-data personali skambjata skont din id-Direttiva li tinstab li ma tkunx preċiża, li ma tkunx kompluta jew li ma tkunx għadha aġġornata, titħassar jew tiġi rettifikata jew li l-ipproċessar tagħha jkun ristrett, kif xieraq, u li kwalunkwe riċevitur jiġi nnotifikat mingħajr dewmien (“il-prinċipju tal-affidabbiltà tad-data”).

KAPITOLU II

SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI PERMEZZ TAL-PUNTI UNIĊI TA’ KUNTATT

Artikolu 4

Talbiet għal informazzjoni lill-Punti Uniċi ta’ Kuntatt

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talbiet għall-informazzjoni ppreżentati mill-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom u, meta l-liġi nazzjonali tagħhom tipprevedi dan, mill-awtoritajiet deżinjati tal-infurzar tal-liġi lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt ta’ Stat Membru ieħor jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6.

L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni lista tal-awtoritajiet deżinjati tal-infurzar tal-liġi tagħhom. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni kull meta jkun hemm bidliet għal dik il-lista. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-listi, u kwalunkwe aġġornament tagħhom, online.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-awtoritajiet deżinjati tal-infurzar tal-liġi tagħhom jibagħtu talba għal informazzjoni lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt ta’ Stat Membru ieħor, fl-istess ħin, jibagħtu kopja ta’ dik it-talba lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom.

2.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-awtoritajiet deżinjati tal-infurzar tal-liġi tagħhom ma jibagħtux, fuq bażi ta’ każ b’każ, kopja ta’ talba għal informazzjoni lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom fl-istess ħin li jissottomettuha lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt ta’ Stat Membru ieħor f’konformità mal-paragrafu 1 meta dan jipperikola wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

investigazzjoni sensittiva ħafna li tkun għaddejja u li għaliha l-ipproċessar tal-informazzjoni jkun jirrikjedi livell xieraq ta’ kunfidenzjalità;

(b)

każijiet ta’ terroriżmu li ma jinvolvux sitwazzjonijiet ta’ emerġenza jew ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet;

(c)

is-sikurezza ta’ individwu.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talbiet għal informazzjoni jiġu ppreżentati lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt ta’ Stat Membru ieħor biss meta jkun hemm raġunijiet oġġettivi biex wieħed jemmen li:

(a)

l-informazzjoni mitluba tkun meħtieġa u proporzjonata biex jintlaħaq l-iskop imsemmi fl-Artikolu 1(1), l-ewwel subparagrafu; u

(b)

l-informazzjoni mitluba tkun disponibbli għal dak l-Istat Membru l-ieħor.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe talba għal informazzjoni sottomessa lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt ta’ Stat Membru ieħor tispeċifika jekk hijiex urġenti u, jekk ikun il-każ, tagħti r-raġunijiet tal-urġenza. Tali talbiet għal informazzjoni għandhom jitqiesu urġenti meta, wara li jitqiesu l-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, ikun hemm raġunijiet oġġettivi biex wieħed jemmen li l-informazzjoni mitluba hija waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

essenzjali għall-prevenzjoni ta’ theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika ta’ Stat Membru;

(b)

meħtieġa sabiex tiġi evitata theddida imminenti għall-ħajja jew għall-integrità fiżika ta’ persuna;

(c)

meħtieġa biex tiġi adottata deċiżjoni li tista’ tinvolvi ż-żamma ta’ miżuri restrittivi li jammontaw għal ċaħda tal-libertà;

(d)

f’riskju imminenti li titlef ir-rilevanza jekk ma tiġix ipprovduta b’mod urġenti u titqies importanti għall-prevenzjoni, l-individwazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talbiet għal informazzjoni ppreżentati lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt ta’ Stat Membru ieħor ikun fihom id-dettalji kollha meħtieġa biex jippermettu l-ipproċessar adegwat u rapidu tagħhom f’konformità ma’ din id-Direttiva, inklużi mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)

speċifikazzjoni tal-informazzjoni mitluba li tkun dettaljata kemm jista’ jkun raġonevolment possibbli fiċ-ċirkostanzi partikolari;

(b)

deskrizzjoni tal-iskop li għalih qed tintalab l-informazzjoni, inklużi deskrizzjoni tal-fatti u indikazzjoni tar-reat sottostanti;

(c)

ir-raġunijiet oġġettivi li għalihom huwa maħsub li l-informazzjoni mitluba hija disponibbli għall-Istat Membru rikjest;

(d)

spjegazzjoni tal-konnessjoni bejn l-iskop li għalih ġiet mitluba l-informazzjoni u kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew entità li magħhom hija relatata l-informazzjoni, meta applikabbli;

(e)

ir-raġunijiet li għalihom it-talba titqies bħala urġenti, meta applikabbli, f’konformità mal-paragrafu 4;

(f)

restrizzjonijiet fuq l-użu tal-informazzjoni li tinsab fit-talba għal finijiet oħra minbarra dawk li għalihom ġiet ippreżentata.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talbiet għal informazzjoni jkunu ppreżentati lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt ta’ Stat Membru ieħor b’waħda mil-lingwi inklużi fil-lista stabbilita minn dak l-Istat Membru l-ieħor f’konformità mal-Artikolu 11.

Artikolu 5

L-għoti ta’ informazzjoni skont it-talbiet lill-Punti Uniċi ta’ Kuntatt

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jipprovdi l-informazzjoni mitluba f’konformità mal-Artikolu 4 mill-aktar fis possibbli u, fi kwalunkwe każ fil-limiti ta’ żmien li ġejjin, kif applikabbli:

(a)

tmien sigħat fil-każ ta’ talbiet urġenti relatati ma’ informazzjoni direttament aċċessibbli;

(b)

tlett ijiem kalendarji fil-każ ta’ talbiet urġenti relatati ma’ informazzjoni indirettament aċċessibbli;

(c)

sebat ijiem kalendarji fil-każ tat-talbiet l-oħra kollha.

Il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-ewwel subparagrafu għandhom jibdew malli tasal it-talba għall-informazzjoni.

2.   Meta, skont il-liġi nazzjonali tiegħu f’konformità mal-Artikolu 9, Stat Membru jista’ jipprovdi l-informazzjoni mitluba biss wara li jkun kiseb awtorizzazzjoni ġudizzjarja, dak l-Istat Membru jista’ jiddevja mil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu sa fejn ikun meħtieġ biex tinkiseb tali awtorizzazzjoni. F’tali każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jagħmel dawn it-tnejn li ġejjin:

(a)

jinforma minnufih lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt jew, meta applikabbli, lill-awtorità deżinjata tal-infurzar tal-liġi tal-Istat Membru rikjedenti dwar id-dewmien mistenni, filwaqt li jispeċifika t-tul tad-dewmien mistenni u r-raġunijiet għal dan;

(b)

iżomm aġġornati lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt jew, meta applikabbli, lill-awtorità deżinjata tal-infurzar tal-liġi tal-Istat Membru rikjedenti, u jipprovdi l-informazzjoni mitluba kemm jista’ jkun malajr wara li jikseb l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jipprovdi l-informazzjoni mitluba f’konformità mal-Artikolu 4 lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt jew, meta applikabbli, lill-awtorità deżinjata tal-infurzar tal-liġi tal-Istat Membru rikjedenti, bil-lingwa li biha ġiet sottomessa dik it-talba għal informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 4(6).

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jipprovdi kopja tal-informazzjoni mitluba lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt tal-Istat Membru rikjedenti fl-istess ħin li jipprovdi l-informazzjoni mitluba lill-awtorità deżinjata tal-infurzar tal-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom ma jibgħatx, fl-istess ħin li jipprovdi l-informazzjoni lill-awtoritajiet deżinjati tal-infurzar tal-liġi ta’ Stat Membru ieħor f’konformità ma’ dan l-Artikolu, kopja ta’ dik l-informazzjoni lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt ta’ dak l-Istat Membru ieħor, fejn ikunu se jiġu pperikolati wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

investigazzjoni sensittiva ħafna li għaddejja u li għaliha l-ipproċessar tal-informazzjoni jeħtieġ livell xieraq ta’ kunfidenzjalità;

(b)

każijiet ta’ terroriżmu li ma jinvolvux sitwazzjonijiet ta’ emerġenza jew ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet;

(c)

is-sikurezza ta’ individwu.

Artikolu 6

Ir-rifjuti ta’ talbiet għal informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jirrifjuta biss li jipprovdi l-informazzjoni mitluba f’konformità mal-Artikolu 4 sa fejn tapplika kwalunkwe waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni mitluba ma tkunx disponibbli għall-Punt Uniku ta’ Kuntatt u għall-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tal-Istat Membru rikjest;

(b)

it-talba għal informazzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4;

(c)

l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja meħtieġa skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rikjest f’konformità mal-Artikolu 9 tkun ġiet irrifjutata;

(d)

l-informazzjoni mitluba tikkostitwixxi data personali għajr dik li taqa’ fil-kategoriji ta’ data personali msemmija fl-Artikolu 10, il-punt (b);

(e)

l-informazzjoni mitluba nstabet li mhijiex preċiża, mhijiex kompluta jew ma għadhiex aġġornata u ma tistax tiġi pprovduta skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva (UE) 2016/680;

(f)

ikun hemm raġunijiet oġġettivi biex wieħed jemmen li l-għoti tal-informazzjoni mitluba:

(i)

tmur kontra jew tikkaġuna ħsara lill-interessi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru rikjest;

(ii)

tpoġġi fil-periklu s-suċċess ta’ investigazzjoni għaddejja ta’ reat kriminali jew is-sikurezza tal-individwu;

(iii)

tikkaġuna ħsara bla bżonn lill-interessi importanti protetti ta’ persuna ġuridika;

(g)

it-talba tikkonċerna:

(i)

reat kriminali punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ sena jew inqas skont il-liġi tal-Istat Membru rikjest; jew

(ii)

kwistjoni li mhijiex reat kriminali skont il-liġi tal-Istat Membru rikjest;

(h)

l-informazzjoni mitluba inizjalment inkisbet minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz u dak l-Istat Membru jew pajjiż terz ma tax il-kunsens tiegħu għall-għoti tal-informazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jeżerċitaw diliġenza dovuta fil-valutazzjoni ta’ jekk it-talba għal informazzjoni sottomessa lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom hijiex f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4, b’mod partikolari dwar jekk hemmx ksur manifest tad-drittijiet fundamentali.

Kwalunkwe rifjut jew talba għal informazzjoni għandhom jaffettwaw biss il-parti tal-informazzjoni mitluba li magħha jkunu relatati r-raġunijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu u għandhom, meta applikabbli, ma jaffetwawx l-obbligu li jiġu pprovduti l-partijiet l-oħrajn tal-informazzjoni f’konformità ma’ din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jinforma lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt jew, meta applikabbli, lill-awtorità deżinjata tal-infurzar tal-liġi tal-Istat Membru rikjedenti bir-rifjut, filwaqt li jispeċifika r-raġunijiet għar-rifjut, fil-limiti ta’ żmien previsti fl-Artikolu 5(1).

3.   Fejn rilevanti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jitlob minnufih, mill-Punt Uniku ta’ Kuntatt jew, meta applikabbli, l-awtorità deżinjata tal-infurzar tal-liġi tal-Istat Membru rikjedenti, il-kjarifiki jew l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa biex tiġi pproċessata talba għal informazzjoni li altrimenti kien ikollha tiġi rrifjutata.

Il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 5(1) għandhom jiġu sospiżi mill-mument li l-Punt Uniku ta’ Kuntatt jew, meta applikabbli, l-awtorità deżinjata tal-infurzar tal-liġi tal-Istat Membru rikjedenti jirċievu t-talba għal kjarifiki jew għal speċifikazzjonijiet sal-mument li l-kjarifiki mitluba jiġu pprovduti.

4.   Ir-rifjuti għat-talbiet għal informazzjoni, ir-raġunijiet għal tali rifjuti, it-talbiet għal kjarifiki jew l-ispeċifikazzjonijiet u l-kjarifiki jew l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, kif ukoll kwalunkwe komunikazzjoni oħra relatata mat-talbiet għal informazzjoni ppreżentati lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu trażmessi bil-lingwa li biha tkun ġiet sottomessa t-talba f’konformità mal-Artikolu 4(6).

KAPITOLU III

SKAMBJI OĦRAJN TA’ INFORMAZZJONI

Artikolu 7

L-għoti ta’ informazzjoni fuq inizjattiva proprja

1.   L-Istati Membri jistgħu, fuq inizjattiva proprja, permezz tal-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jew permezz tal-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom, jipprovdu kwalunkwe informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu jew tagħhom lill-Punti Uniċi ta’ Kuntatt jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stati Membri oħrajn, fejn ikun hemm raġunijiet oġġettivi biex jemmnu li tali informazzjoni tista’ tkun rilevanti għal dak l-Istat Membru għall-fini ta’ prevenzjoni, individwazzjoni jew investigazzjoni ta’ reati kriminali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jew l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom jipprovdu, fuq inizjattiva tagħhom stess, kwalunkwe informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu jew tagħhom lill-Punti Uniċi ta’ Kuntatt jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stati Membri oħrajn, meta jkun hemm raġunijiet oġġettivi biex jemmnu li tali informazzjoni tista’ tkun rilevanti għal dawk l-Istati Membri għall-fini ta’ prevenzjoni, individwazzjoni jew investigazzjoni ta’ reati kriminali serji. Madankollu, l-ebda obbligu bħal dan ma għandu jeżisti sa fejn japplikaw ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1), il-punt (c) jew (f), fir-rigward ta’ tali informazzjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jew l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom, fuq inizjattiva proprja lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt ta’ Stat Membru ieħor, jipprovdu informazzjoni lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt tal-Istat Membru l-ieħor f’konformità mal-paragrafi 1 jew 2, huma jagħmlu dan b’waħda mil-lingwi inklużi fil-lista stabbilita minn dak l-Istat Membru ieħor f’konformità mal-Artikolu 11.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jipprovdi informazzjoni fuq inizjattiva proprja lill-awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stat Membru ieħor, huwa jibgħat ukoll, fl-istess ħin, kopja ta’ dik l-informazzjoni lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi jipprovdu informazzjoni fuq inizjattiva proprja lil Stat Membru ieħor, huma jibagħtu, fl-istess ħin, kopja ta’ dik l-informazzjoni lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt tal-Istat Membru tagħhom u, fejn xieraq, lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor.

4.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom ma jibagħtux, fl-istess ħin li jipprovdu l-informazzjoni lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stat Membru ieħor f’konformità ma’ dan l-Artikolu, kopja ta’ dik l-informazzjoni lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt tal-Istat Membru tagħhom jew lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt ta’ dak l-Istat Membru ieħor fejn ikunu se jiġu pperikolati wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

investigazzjoni sensittiva ħafna li għaddejja u li għaliha l-ipproċessar tal-informazzjoni jeħtieġ livell xieraq ta’ kunfidenzjalità;

(b)

każijiet ta’ terroriżmu li ma jinvolvux sitwazzjonijiet ta’ emerġenza jew ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet;

(c)

is-sikurezza ta’ individwu.

Artikolu 8

Skambji ta’ informazzjoni fuq talbiet ippreżentati direttament lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jissottometti talba għal informazzjoni direttament lil awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stat Membru ieħor, fl-istess ħin, huwa jibgħat kopja ta’ dik it-talba lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt ta’ dak l-Istat Membru ieħor. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta waħda mill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom tipprovdi informazzjoni skont tali talba, fl-istess ħin, tibgħat kopja ta’ dik l-informazzjoni lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt tal-Istat Membru tagħha.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta waħda mill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom tissottometti talba għal informazzjoni jew tipprovdi informazzjoni wara tali talba direttament lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stat Membru ieħor, fl-istess ħin, hija tibgħat kopja ta’ dik it-talba jew ta’ dik l-informazzjoni lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt tal-Istat Membru tagħha u lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor.

3.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi li ma jibagħtux kopji tat-talbiet jew tal-informazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 jew 2 meta dan ikun jipperikola wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

investigazzjoni sensittiva ħafna li għaddejja u li għaliha l-ipproċessar tal-informazzjoni jeħtieġ livell xieraq ta’ kunfidenzjalità;

(b)

każijiet ta’ terroriżmu li ma jinvolvux sitwazzjonijiet ta’ emerġenza jew ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet;

(c)

is-sikurezza ta’ individwu.

KAPITOLU IV

REGOLI ADDIZZJONALI DWAR L-GĦOTI TA’ INFORMAZZJONI SKONT IL-KAPITOLI II U III

Artikolu 9

Awtorizzazzjoni ġudizzjarja

1.   Stat Membru ma għandu jirrikjedi l-ebda awtorizzazzjoni ġudizzjarja għall-għoti ta’ informazzjoni lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stati Membri oħrajn skont il-Kapitoli II u III, meta il-liġi nazzjonali tiegħu ma tirrikjedix tali awtorizzazzjoni ġudizzjarja għall-għoti ta’ informazzjoni simili fi ħdan dak l-Istat Membru.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-liġi nazzjonali tagħhom tkun tirrikjedi awtorizzazzjoni ġudizzjarja għall-għoti ta’ informazzjoni lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stati Membri oħrajn f’konformità mal-paragrafu 1, il-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jew l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa minnufih, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, sabiex jiksbu tali awtorizzazzjoni ġudizzjarja mill-aktar fis possibbli.

3.   It-talbiet għal awtorizzazzjoni ġudizzjarja kif imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu vvalutati u deċiżi f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tal-awtorità ġudizzjarja kompetenti.

Artikolu 10

Regoli addizzjonali għal informazzjoni li tikkostitwixxi data personali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jew l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom jipprovdu informazzjoni skont il-Kapitoli II u III li tikkostitwixxi data personali:

(a)

id-data personali tkun preċiża, kompluta u aġġornata, f’konformità mal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva (UE) 2016/680;

(b)

il-kategoriji ta’ data personali pprovduta skont il-kategorija tas-suġġett tad-data jibqgħu limitati għal dawk elenkati fit-Taqsima B tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/794 u huma meħtieġa u proporzjonati biex jintlaħaq l-iskop tat-talba;

(c)

il-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jew l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom jipprovdu wkoll, fl-istess ħin u sa fejn ikun possibbli, l-elementi meħtieġa li jippermettu lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt jew lill-awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi tal-Istat Membru l-ieħor jivvalutaw il-grad ta’ akkuratezza, kompletezza u affidabbiltà tad-data personali u sa liema punt id-data personali tkun aġġornata.

Artikolu 11

Lista tal-lingwi

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu aġġornata lista li tindika lingwa waħda jew aktar li bihom il-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom huwa kapaċi jagħmel skambju tal-informazzjoni. Dik il-lista għandha tinkludi l-Ingliż.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-lista msemmija fil-paragrafu 1 u kwalunkwe aġġornament lilha lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika online ġabra ta’ dawk il-listi u żżommha aġġornata.

Artikolu 12

L-għoti ta’ informazzjoni lill-Europol

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jew l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom jibagħtu talbiet għal informazzjoni, jipprovdu informazzjoni skont tali talbiet jew jipprovdu informazzjoni fuq inizjattiva proprja fl-ambitu tal-Kapitoli II u III ta’ din id-Direttiva, il-persunal ikkwalifikat mill-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jew mill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom jivvalutaw ukoll, fuq bażi ta’ każ b’każ u soġġett għall-Artikolu 7(7) tar-Regolament (UE) 2016/794, jekk ikunx meħtieġ li jibagħtu kopja tagħhom lill-Europol jew tal-informazzjoni pprovduta lill-Europol, sa fejn l-informazzjoni li magħha tkun relatata l-komunikazzjoni tkun tikkonċerna reati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-objettivi tal-Europol f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2016/794.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta kopja ta’ talba għal informazzjoni jew kopja ta’ informazzjoni tintbagħat lill-Europol skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-finijiet tal-ipproċessar tal-informazzjoni u kwalunkwe restrizzjoni possibbli għal dak l-ipproċessar skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/794 jiġu debitament ikkomunikati lill-Europol. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni miksuba inizjalment minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz tintbagħat lill-Europol skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu biss meta dak l-Istat Membru ieħor jew dak il-pajjiż terz ikun ta l-kunsens tiegħu.

Artikolu 13

Mezz sikur ta’ komunikazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jew l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom jużaw l-Applikazzjoni ta’ Network għall-Iskambju Sikur ta’ Informazzjoni tal-Europol (SIENA) biex jibagħtu talbiet għal informazzjoni, jipprovdu informazzjoni skont tali talbiet jew jipprovdu informazzjoni fuq inizjattiva proprja skont il-Kapitolu II jew III jew skont l-Artikolu 12.

2.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu l-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jew l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom ma jużawx is-SIENA biex jibagħtu talbiet għal informazzjoni, jipprovdu informazzjoni skont tali talbiet, jipprovdu informazzjoni fuq inizjattiva proprja fl-ambitu tal-Kapitoli II u III jew skont l-Artikolu 12 f’wieħed jew aktar minn dawn il-każijiet:

(a)

l-iskambju ta’ informazzjoni jeħtieġ l-involviment ta’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali jew ikun hemm raġunijiet oġġettivi biex wieħed jemmen li tali involviment ser ikun meħtieġ fi stadju aktar tard, inkluż permezz tal-kanal ta’ komunikazzjoni tal-Interpol;

(b)

l-urġenza tat-talba għal informazzjoni teħtieġ l-użu temporanju ta’ mezz ta’ komunikazzjoni ieħor;

(c)

inċident tekniku jew operazzjonali mhux mistenni jipprevjeni lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom milli jużaw is-SIENA tintuża għall-iskambju tal-informazzjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom, u l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi kollha tagħhom li jistgħu jkunu involuti fl-iskambju ta’ informazzjoni skont din din id-Direttiva, ikunu direttament konnessi mas-SIENA, inkluż, fejn xieraq, minn apparati mobbli.

KAPITOLU V

PUNT UNIKU TA’ KUNTATT GĦALL-ISKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI BEJN L-ISTATI MEMBRI

Artikolu 14

Stabbiliment jew deżinjazzjonijiet u kompiti u kapaċitajiet tal-Punti Uniċi ta’ Kuntatt

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jiddeżinja Punt Uniku ta’ Kuntatt. Il-Punt Uniku ta’ Kuntatt għandu jkun l-entità ċentrali responsabbli għall-koordinazzjoni u l-iffaċilitar tal-iskambju ta’ informazzjoni skont din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom ikollu r-riżorsi u jingħata s-setgħa u r-riżorsi biex iwettaq mill-inqas il-kompiti kollha li ġejjin:

(a)

jirċievi u jevalwa t-talbiet għal informazzjoni ppreżentati f’konformità mal-Artikolu 14 fil-lingwi nnotifikati skont l-Artikolu 11(2);

(b)

jgħaddi t-talbiet għal informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi rilevanti u, fejn meħtieġ, jikkoordina bejniethom l-ipproċessar ta’ tali talbiet u l-għoti ta’ informazzjoni wara tali talbiet;

(c)

jikkoordina l-analiżi u l-istrutturar tal-informazzjoni bil-ħsieb li din tiġi pprovduta lill-Punti Uniċi ta’ Kuntatt u, meta applikabbli, lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stati Membri oħrajn;

(d)

jipprovdi, fuq talba jew fuq inizjattiva proprja, informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra f’konformità mal-Artikoli 5 u 7;

(e)

jirrifjuta li jipprovdi informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 6 u, fejn meħtieġ, jitlob kjarifiki jew speċifikazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 6(3);

(f)

jibgħat talbiet għal informazzjoni lill-Punti Uniċi ta’ Kuntatt ta’ Stati Membri oħrajn f’konformità mal-Artikolu 4 u, fejn meħtieġ, jipprovdi kjarifiki jew speċifikazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 6(3).

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

il-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom:

(i)

ikollu aċċess għall-informazzjoni kollha disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom, sa fejn ikun meħtieġ biex iwettaq il-kompiti tiegħu skont din id-Direttiva;

(ii)

iwettaq il-kompiti tiegħu 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa;

(iii)

jiġi pprovdut b’persunal kwalifikat, l-għodod operazzjonali xierqa, ir-riżorsi, l-infrastruttura u l-kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji, inkluż għat-traduzzjoni, meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tiegħu b’mod adegwat, effettiv u rapidu f’konformità ma’ din id-Direttiva, inkluż, meta applikabbli, fi ħdan il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 5(1);

(b)

l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti biex jagħtu l-awtorizzazzjonijiet ġudizzjarji meħtieġa skont il-liġi nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 9 ikunu disponibbli skont il-bżonn għall-Punt Uniku ta’ Kuntatt 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.

4.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni fi żmien xahar dwar l-istabbiliment jew id-deżinjazzjoni tal-Punt Uniku ta’ Kuntatt tiegħu. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni meta jkun hemm bidliet fir-rigward tal-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawk in-notifiki, u kwalunkwe aġġornament lilhom, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Organizzazzjoni, kompożizzjoni u taħriġ

1.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-organizzazzjoni u l-kompożizzjoni tal-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom b’tali mod li dan ikun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu skont din id-Direttiva b’mod effiċjenti u effettiv.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom ikun magħmul minn persunal tal-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom, li l-involviment tagħhom ikun meħtieġ għall-iskambju adegwat u rapidu ta’ informazzjoni skont din id-Direttiva, inklużi mill-inqas dawn li ġejjin sa fejn l-Istat Membru kkonċernat ikun marbut bil-leġiżlazzjoni jew il-ftehim internazzjonali rilevanti biex jistabbilixxi tali unitajiet jew uffiċċji:

(a)

l-unità nazzjonali tal-Europol stabbilita mill-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2016/794;

(b)

l-Uffiċċju SIRENE ġie stabbilit bl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2018/1862;

(c)

l-Uffiċċju Ċentrali Nazzjonali tal-Interpol stabbilit mill-Artikolu 32 tal-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali – Interpol.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-persunal tal-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom ikunu kwalifikati kif xieraq biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom skont din id-Direttiva. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-persunal tal-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom b’aċċess għal taħriġ adegwat u regolari, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dan li ġej:

(a)

l-użu ta’ għodod tal-ipproċessar tad-data użati fil-Punt Uniku ta’ Kuntatt, b’mod partikolari s-SIENA u s-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet;

(b)

l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali rilevanti għall-attivitajiet tal-Punt Uniku ta’ Kuntatt skont din id-Direttiva, b’mod partikolari dwar il-protezzjoni tad-data personali, inkluża d-Direttiva (UE) 2016/680, dwar il-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, inklużi din id-Direttiva u r-Regolament (UE) 2016/794, u dwar it-trattament ta’ informazzjoni kunfidenzjali;

(c)

l-użu tal-lingwi inklużi fil-lista stabbilita mill-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 11.

Artikolu 16

Sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom ivara u jopera sistema elettronika unika ta’ ġestjoni tal-każijiet bħala r-repożitorju li jippermetti lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt iwettaq il-kompiti tiegħu skont din id-Direttiva. Is-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet għandu jkollha mill-inqas il-funzjonijiet u l-kapaċitajiet kollha li ġejjin:

(a)

tirreġistra t-talbiet li jidħlu u li joħorġu għall-informazzjoni kif imsemmi fl-Artikoli 5 u 8, kif ukoll kwalunkwe komunikazzjoni oħra mal-Punti Uniċi ta’ Kuntatt u, meta applikabbli, mal-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stati Membri oħrajn, inkluża l-informazzjoni dwar ir-rifjuti tat-talbiet għal informazzjoni u talbiet għal kjarifiki jew speċifikazzjonijiet jew l-għoti tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 6(2) u (3) rispettivament;

(b)

tirreġistra l-komunikazzjonijiet bejn il-Punt Uniku ta’ Kuntatt u l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi, skont l-Artikolu 14(2), il-punt (b);

(c)

tirreġistra l-għoti ta’ informazzjoni lill-Punt Uniku ta’ Kuntatt u, meta applikabbli, lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta’ Stati Membri oħrajn f’konformità mal-Artikoli 5, 7 u 8;

(d)

tagħmel kontroverifika tat-talbiet li jidħlu għall-informazzjoni kif imsemmi fl-Artikoli 5 u 8, mal-informazzjoni disponibbli għall-Punt Uniku ta’ Kuntatt, inkluża l-informazzjoni pprovduta f’konformità mal-Artikolu 5(3), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 7(3), it-tieni subparagrafu, u informazzjoni rilevanti oħra rreġistrata fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet;

(e)

tiżgura segwitu adegwat u rapidu għat-talbiet li jidħlu għall-informazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 4, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġu rrispettati l-limiti ta’ żmien għall-għoti tal-informazzjoni mitluba stabbiliti fl-Artikolu 5;

(f)

tkun interoperabbli mas-SIENA, filwaqt li tiżgura b’mod partikolari li l-komunikazzjonijiet li jidħlu permezz tas-SIENA jkunu jistgħu jiġu rreġistrati direttament fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet, u li l-komunikazzjonijiet li joħorġu permezz tas-SIENA jkunu jistgħu jintbagħtu direttament minnha;

(g)

tiġġenera statistika fir-rigward ta’ skambji ta’ informazzjoni skont din id-Direttiva għall-finijiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, b’mod partikolari għall-finijiet tal-Artikolu 18;

(h)

tirreġistra l-aċċess u operazzjonijiet ta’ pproċessar oħrajn b’rabta mal-informazzjoni li tinsab fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet, għall-finijiet ta’ responsabbiltà u ta’ ċibersigurtà, f’konformità mal-Artikolu 25 tad-Direttiva (UE) 2016/680.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riskji kollha taċ-ċibersigurtà relatati mas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-arkitettura, il-governanza u l-kontroll tagħha, jiġu ġestiti u indirizzati b’mod prudenti u effettiv u li jiġu previsti salvagwardji adegwati kontra aċċess u abbuż mhux awtorizzati.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet ikun fiha data personali biss sakemm ikun meħtieġ u proporzjonat għall-Punt Uniku ta’ Kuntatt biex iwettaq il-kompiti assenjati lilu skont din id-Direttiva u li d-data personali li tinsab fiha sussegwentement titħassar b’mod irrevokabbli.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom jirrieżamina, għall-ewwel darba mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jkun ġie konkluż skambju ta’ informazzjoni u sussegwentement fuq bażi regolari, il-konformità mal-paragrafu 3.

Artikolu 17

Kooperazzjoni bejn il-Punti Uniċi ta’ Kuntatt

1.   L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni prattika bejn il-Punti Uniċi ta’ Kuntatt u l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Kapijiet tal-Punti Uniċi ta’ Kuntatt jiltaqgħu mill-inqas darba fis-sena biex jivvalutaw il-kwalità tal-kooperazzjoni bejn is-servizzi tagħhom, biex jiddiskutu l-miżuri tekniċi jew organizzattivi meħtieġa fil-każ ta’ kwalunkwe diffikultà u biex jiċċaraw il-proċeduri fejn meħtieġ.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 18

Statistika

1.   Sal-1 ta’ Marzu ta’ kull sena, kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni statistika dwar l-iskambji ta’ informazzjoni ma’ Stati Membri oħrajn skont din id-Direttiva li seħħew matul is-sena kalendarja preċedenti.

2.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 tkopri, bħala minimu:

(a)

l-għadd ta’ talbiet għal informazzjoni ppreżentati mill-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom u, fejn rilevanti, mill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom;

(b)

l-għadd ta’ talbiet għal informazzjoni li l-Punt Uniku ta’ Kuntatt tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tagħhom irċevew u l-għadd ta’ talbiet għal informazzjoni li wieġbu għalihom, imqassma skont it-talbiet urġenti u mhux urġenti u skont l-Istati Membri rikjedenti;

(c)

l-għadd ta’ talbiet għal informazzjoni rrifjutati skont l-Artikolu 6, diżaggregati għal kull Stat Membru rikjedenti u għal kull raġuni ta’ rifjut;

(d)

l-għadd ta’ każijiet fejn tkun saret devjazzjoni mil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 5(1) minħabba li kien meħtieġ tinkiseb awtorizzazzjoni ġudizzjarja f’konformità mal-Artikolu 5(2), diżaggregati skont l-Istati Membri li jkunu ssottomettew it-talbiet għall-informazzjoni kkonċernata.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiġbor l-istatistika minima pprovduta mill-Istati Membri skont il-paragrafu 2 u tagħmilha disponibbli għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill.

Artikolu 19

Rapportar

1.   Il-Kummissjoni għandha, sat-12 ta’ Ġunju 2026 u kull ħames snin wara t-12 ta’ Ġunju 2027, tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u li jkun fih informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għal kull Stat Membru. Fit-tfassil ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari għall-effiċjenza tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, il-motivi li għalihom it-talbiet għal informazzjoni ġew irrifjutati, b’mod partikolari meta t-talbiet ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-objettivi ta’ din id-Direttiva, u l-konformità mad-dispożizzjonijet dwar il-protezzjoni tad-data u l-għoti ta’ informazzjoni lill-Europol.

2.   Il-Kummissjoni għandha, sat-12 ta’ Ġunju 2027 u kull ħames snin wara dan, tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-effettività ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari l-impatt tagħha fuq il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi, l-obbligi stipulati fl-Artikolu 14(3), il-punt (a)(iii), u l-protezzjoni tad-data personali. Il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra relatata mat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, inkluż, meta applikabbli, l-ostakli prattiċi li jxekklu l-implimentazzjoni effettiva tagħha. Abbażi ta’ din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-azzjonijiet ta’ segwitu xierqa, inkluża, meta jkun xieraq, proposta leġiżlattiva.

Artikolu 20

Emenda għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen

Mit-12 ta’ Diċembru 2024, il-partijiet tal-Artikoli 39 u 46 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen li ma ġewx sostitwiti bid-Deċiżjoni Kwadru 2006/960/ĠAI huma sostitwiti b’din id-Direttiva sa fejn dawk l-Artikoli jirrigwardjaw l-iskambju ta’ informazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 21

Tħassir

Id-Deċiżjoni Kwadru 2006/960/ĠAI titħassar mit-12 ta’ Diċembru 2024.

Ir-referenzi għad-Deċiżjoni Kwadru revokata għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.

Artikolu 22

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat-12 ta’ Diċembru 2024. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikolu 12 sat-12 ta’ Ġunju 2027. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew jinkludu referenza għaliha meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 24

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, l-10 ta’ Mejju 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Marzu 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2023.

(2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/915 tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar il-kooperazzjoni operazzjonali fl-infurzar tal-liġi (ĠU L 158, 13.6.2022, p. 53).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għas-Sigurtà Interna (ĠU L 251, 15.7.2021, p. 94).

(4)  Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19).

(5)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 386, 29.12.2006, p. 89).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta’ Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 14).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56).

(11)  Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132).

(12)  Id-Direttiva (UE) 2019/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati kriminali, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 122).

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1).

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).

(15)  ĠU C 24, 23.1.1998, p. 2.

(16)  Id-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU L 130, 1.5.2014, p. 1).

(17)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-individwazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(18)  Ir-Regolament (UE) 2015/2219 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI (ĠU L 319, 4.12.2015, p. 1).

(19)  Ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85).

(20)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(21)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(22)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(23)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(24)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(25)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50).

(26)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(27)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat b’mod partikolari mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 1).

(28)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1).


ANNESS

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Deċiżjoni Kwadru

tal-Kunsill 2006/960/ĠAI

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikoli 3 u 9

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 4

Artikolu 6

Artikoli 11, 12 u 13

Artikolu 7

Artikoli 7 u 8

Artikolu 8

Artikolu 10

Artikolu 9

Artikolu 3

Artikolu 10

Artikolu 6

Artikolu 11

Artikolu 21

Artikolu 12

Artikolu 19

Artikolu 13

Artikolu 22