23.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 330/1


REGOLAMENT (UE) 2022/2560 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Diċembru 2022

dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 114 u 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Suq intern b’saħħtu, miftuħ u kompetittiv jippermetti kemm lill-impriżi Ewropej kif ukoll lil dawk barranin jikkompetu skont il-mertu. L-Unjoni tibbenefika minn sistema sofistikata u effettiva ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, bl-għan li tiżgura kundizzjonijiet ġusti għall-impriżi kollha involuti f’attività ekonomika fis-suq intern. Din is-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat tipprevjeni lill-Istati Membri milli jagħtu għajnuna mill-Istat li toħloq distorsjoni indebita fis-suq intern.

(2)

Fl-istess ħin, l-impriżi, kemm privati kif ukoll l-impriżi pubbliċi li huma kkontrollati direttament jew indirettament mill-Istat jew li huma proprjetà tal-Istat, jistgħu jirċievu sussidji minn pajjiżi terzi li mbagħad jintużaw, pereżempju, biex jiffinanzjaw attivitajiet ekonomiċi fis-suq intern fi kwalunkwe settur tal-ekonomija, bħal pereżempju l-parteċipazzjoni fi proċeduri tal-akkwist pubbliku, jew akkwiżizzjoni ta’ impriżi, inkluż dawk b’assi strateġiċi bħal pereżempju l-infrastruttura kritika u t-teknoloġiji innovattivi. Dawn is-sussidji barranin bħalissa mhumiex soġġetti għar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

(3)

Dan ir-Regolament ikopri s-setturi ekonomiċi kollha, inkluż dawk li huma ta’ interess strateġiku għall-Unjoni u għall-infrastrutturi kritiċi, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 4(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(4)

Is-sussidji barranin jistgħu joħolqu distorsjoni fis-suq intern u jimminaw il-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għal bosta attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni. Dan jista’ jseħħ b’mod partikolari fil-kuntest ta’ konċentrazzjonijiet li jinvolvu bidla fil-kontroll fuq impriżi tal-UE, fejn tali konċentrazzjonijiet ikunu ffinanzjati kompletament jew parzjalment permezz ta’ sussidji barranin, jew fejn operaturi ekonomiċi li jibbenefikaw minn sussidji barranin jingħataw kuntratti fl-Unjoni.

(5)

L-ebda strument eżistenti tal-Unjoni ma jindirizza distorsjonijiet ikkawżati minn sussidji barranin. L-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ jippermettu lill-Kummissjoni taġixxi meta merkanzija sussidjata tiġi importata fl-Unjoni, iżda mhux meta s-sussidji barranin jieħdu l-forma ta’ investimenti sussidjati, jew meta jkunu kkonċernati s-servizzi u l-flussi finanzjarji. Skont il-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens, l-Unjoni għandha l-possibbiltà li tagħti bidu għal soluzzjonijiet tat-tilwim bejn stat u ieħor kontra ċerti sussidji barranin mogħtija minn membri tad-WTO, limitata għall-merkanzija.

(6)

Għaldaqstant huwa meħtieġ li l-istrumenti eżistenti tal-Unjoni jiġu kkomplimentati b’għodda ġdida biex tindirizza b’mod effettiv id-distorsjonijiet fis-suq intern ikkawżati minn sussidji barranin sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni. B’mod partikolari, l-għodda l-ġdida tikkomplementa r-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat li jittrattaw distorsjonijiet fis-suq intern ikkawżati minn sussidji tal-Istati Membri.

(7)

Huwa importanti li jiġu stabbiliti regoli u proċeduri għall-investigazzjoni ta’ sussidji barranin li realment jew potenzjalment joħolqu distorsjoni fis-suq intern u, fejn rilevanti, li tali distorsjonijiet jiġu rimedjati. Is-sussidji barranin jistgħu joħolqu distorsjoni fis-suq intern jekk impriża li tibbenefika mis-sussidju barrani tkun involuta f’attività ekonomika fl-Unjoni. L-applikazzjoni u l-infurzar xierqa ta’ dan ir-Regolament għandhom jikkontribwixxu għar-reżiljenza tas-suq intern kontra d-distorsjonijiet ikkawżati minn sussidji barranin u b’hekk jikkontribwixxu għall-awtonomija strateġika miftuħa tal-Unjoni. Għalhekk dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-impriżi kollha, inkluż impriżi pubbliċi li huma kkontrollati direttament jew indirettament mill-Istat, involuti f’attività ekonomika fl-Unjoni. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) minħabba l-importanza tal-attivitajiet ekonomiċi mwettqa minnhom, u l-kontribut tagħhom għat-twettiq tal-għanijiet ta’ politika ewlenin tal-Unjoni.

(8)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq intern, kif ukoll il-konsistenza fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni hija l-unika awtorità li jkollha l-kompetenza li tapplika dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li teżamina kwalunkwe sussidju barrani, sa fejn dan ikun fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, fi kwalunkwe settur tal-ekonomija fuq inizjattiva tagħha stess, u bis-saħħa tal-informazzjoni mis-sorsi kollha disponibbli. Sabiex jiġi żgurat kontroll effettiv, fil-każ speċifiku ta’ konċentrazzjonijiet kbar (fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet) u proċeduri ta’ akkwist pubbliku li jaqbżu ċerti livelli limitu, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li teżamina s-sussidji barranin abbażi ta’ notifika minn qabel mill-impriża lill-Kummissjoni Ewropea.

(9)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi applikat u interpretat fid-dawl tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, inkluża dik relatata mal-għajnuna mill-Istat, il-fużjonijiet u l-akkwist pubbliku.

(10)

L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Stat Membru li jipproteġi l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu f’konformità mal-Artikolu 346 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(11)

Sussidju barrani, fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jinftiehem bħala kontribuzzjoni finanzjarja li hija ipprovduta direttament jew indirettament minn pajjiż terz, li tikkonferixxi benefiċċju u li hija limitata għal impriża jew industrija waħda jew aktar. Dawk il-kundizzjonijiet huma kumulattivi.

(12)

Kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tingħata permezz ta’ entitajiet pubbliċi jew privati. Jekk entità pubblika pprovdietx kontribuzzjoni finanzjarja jew le jenħtieġ li jiġi ddeterminat skont il-każ b’kunsiderazzjoni xierqa ta’ elementi bħall-karatteristiċi tal-entità rilevanti u l-ambjent legali u ekonomiku li jkun jipprevali fil-pajjiż terz li fih l-entità topera, inkluż ir-rwol tal-gvern fl-ekonomija ta’ dak il-pajjiż. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji jistgħu jingħataw ukoll permezz ta’ entità privata jekk l-azzjonijiet ta’ dik l-entità privata jistgħu jiġu attribwiti lill-pajjiż terz. Il-kunċett ta’ kontribuzzjoni finanzjarja jinkludi firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ appoġġ li mhumiex limitati għal trasferimenti monetarji, pereżempju, l-għoti ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi lil impriża mingħajr ma tirċievi remunerazzjoni adegwata f’konformità mal-kundizzjonijiet normali tas-suq.

(13)

Kontribuzzjoni finanzjarja trid tkun tagħti benefiċċju lil impriża involuta f’attività ekonomika fis-suq intern. Kontribuzzjoni finanzjarja jenħtieġ li titqies li tagħti benefiċċju lil impriża jekk ma setgħetx tinkiseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. L-eżistenza ta’ benefiċċju jenħtieġ li tiġi determinata abbażi ta’ parametri referenzjarji komparattivi, bħall-prattika tal-investiment ta’ investituri privati, rati ta’ finanzjament li jista’ jinkiseb fis-suq, trattament tat-taxxa kumparabbli, jew ir-remunerazzjoni adegwata għal prodott jew servizz partikolari. Jekk ma jkunx hemm disponibbli parametri referenzjarji direttament komparabbli, il-parametri referenzjarji eżistenti jistgħu jiġu aġġustati jew jistgħu jiġu stabbiliti parametri referenzjarji alternattivi abbażi ta’ metodi ta’ valutazzjoni ġeneralment aċċettati. Il-benefiċċji jistgħu, pereżempju, jingħataw fil-kuntest tar-relazzjoni stabbilita bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-impriżi pubbliċi, jekk tali relazzjoni, u b’mod partikolari kwalunkwe finanzjament mill-awtoritajiet pubbliċi lill-impriżi pubbliċi ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet normali tas-suq. Il-forniment jew ix-xiri ta’ merkanzija jew servizzi mwettqa wara proċedura tal-offerti kompetittiva, trasparenti u mhux diskriminatorja, huwa preżunt li huwa konformi mal-kundizzjonijiet normali tas-suq. Jenħtieġ li kontribuzzjoni finanzjarja lil impriża involuta f’attività ekonomika fis-suq intern ma titqiesx li tagħti benefiċċju meta l-valutazzjoni tal-parametri referenzjarji turi li l-impriża kienet tikseb dak il-benefiċċju f’kundizzjonijiet normali tas-suq. L-ipprezzar ta’ trasferiment fil-kuntest ta’ merkanzija u servizzi skambjati fi ħdan impriża jista’ jagħti benefiċċju jekk dak l-ipprezzar ta’ trasferiment ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet normali tas-suq. Il-benefiċċju mogħti minn kontribuzzjoni finanzjarja jista’ jiġi ttrasferit lil impriża involuta f’attività ekonomika fl-Unjoni.

(14)

Jenħtieġ li l-benefiċċju jingħata lil impriża jew industrija waħda jew aktar. L-ispeċifiċità tas-sussidju barrani tista’ tiġi stabbilita skont il-liġi jew skont il-fatti.

(15)

Jenħtieġ li sussidju barrani jitqies mogħti mill-mument li l-benefiċjarju jikseb intitolament li jirċievi s-sussidju barrani. L-iżborż attwali tas-sussidju barrani mhuwiex kundizzjoni meħtieġa biex sussidju barrani jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(16)

Kontribuzzjoni finanzjarja li tingħata esklużivament għall-attivitajiet mhux ekonomiċi ta’ impriża ma tikkostitwix sussidju barrani. Madankollu, jekk kontribuzzjoni finanzjarja għal attività mhux ekonomika tintuża biex jiġu ssussidjati b’mod reċiproku l-attivitajiet ekonomiċi tal-impriża, din tista’ tammonta għal sussidju barrani li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jekk impriża tuża kontribuzzjonijiet finanzjarji, pereżempju fil-forma ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi, jew il-kontribuzzjonijiet finanzjarji riċevuti biex jikkumpensaw għal piż impost mill-awtoritajiet pubbliċi, biex tissussidja b’mod reċiproku attivitajiet oħra, dak is-sussidju b’mod reċiproku jista’ jkun indikazzjoni li d-drittijiet speċjali jew esklużivi huma pprovduti mingħajr remunerazzjoni adegwata, jew li l-piż huwa kkumpensat iżżejjed u għalhekk jammonta għal sussidju barrani.

(17)

Ladarba tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sussidju barrani, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta skont il-każ jekk dan joħloqx distorsjoni fis-suq intern. Għall-kuntrarju tal-għajnuna mill-Istat min-naħa ta’ Stat Membru, is-sussidji barranin ġeneralment mhumiex projbiti.

(18)

Huwa possibbli li n-nuqqas ta’ trasparenza li jikkonċerna bosta sussidji barranin u l-kumplessità tar-realtà kummerċjali jagħmluha diffiċli biex l-impatt ta’ sussidju barrani partikolari fuq is-suq intern jiġi identifikat jew ikkwantifikat b’mod inekwivoku. Biex tiġi ddeterminata d-distorsjoni, għalhekk jidher neċessarju li jintuża sett mhux eżawrjenti ta’ indikaturi. Meta tkun qed tivvaluta l-punt sa fejn sussidju barrani jista’ jtejjeb il-pożizzjoni kompetittiva ta’ impriża u fejn, huwa u jagħmel dan, dak is-sussidju barrani realment jew potenzjalment jaffettwa l-kompetizzjoni fis-suq intern, il-Kummissjoni tista’ tqis ċerti indikaturi, inkluż l-ammont u n-natura tas-sussidju barrani, l-għan u l-kundizzjonijiet marbutin mas-sussidju barrani, kif ukoll l-użu tiegħu fis-suq intern.

(19)

Meta tuża l-indikaturi biex tiddetermina l-eżistenza ta’ distorsjoni fis-suq intern, il-Kummissjoni tista’ tqis diversi elementi, bħad-daqs tas-sussidju barrani f’termini assoluti jew f’relazzjoni mad-daqs tas-suq jew mal-valur tal-investiment. Pereżempju, konċentrazzjoni li fil-kuntest tagħha sussidju barrani jkopri parti sostanzjali mill-prezz tax-xiri tal-entità fil-mira, aktarx li jkun distorsiv. Bl-istess mod, is-sussidji barranin li jkopru parti sostanzjali tal-valur stmat ta’ kuntratt li għandu jingħata fi proċedura ta’ akkwist pubbliku x’aktarx li jikkawżaw distorsjonijiet. Jekk jingħata sussidju barrani għall-ispejjeż operatorji, jidher li jkun aktar probabbli li joħloq distorsjonijiet milli jekk jingħata għal spejjeż ta’ investiment. Sussidji barranin li jingħataw lil SMEs jistgħu jitqiesu anqas probabbli li joħolqu distorsjonijiet minn sussidji barranin lil impriżi kbar. Barra minn hekk, il-karatteristiċi tas-suq, u b’mod partikolari l-kundizzjonijiet kompetittivi fis-suq, bħall-ostakli għad-dħul, iridu jittieħdu inkonsiderazzjoni. Is-sussidji barranin fi swieq ikkaratterizzati minn kapaċità żejda jew li jwasslu għal kapaċità żejda billi jsostnu assi mhux ekonomiċi jew billi jinkoraġġixxu l-investiment fl-espansjonijiet tal-kapaċità li kieku mod ieħor ma kinux jinbnew aktarx li jikkawżaw distorsjonijiet. Sussidju barrani lil benefiċjarju li juri livell baxx ta’ attività fis-suq intern, imkejjel pereżempju f’termini tal-fatturat miksub fl-Unjoni, huwa inqas probabbli li jikkawża distorsjonijiet minn sussidju barrani lil benefiċjarju li għandu livell ta’ attività aktar sinifikanti fis-suq intern. Jenħtieġ li sussidji barranin li ma jaqbżux EUR 4 miljun fuq perjodu konsekuttiv ta’ tliet snin jitqiesu, bħala regola ġenerali, bħala li mhux probabbli joħolqu distorsjoni fis-suq intern skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li sussidji barranin lil impriża waħda li ma jaqbżux l-ammont ta’ għajnuna de minimis kif definit fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 (4) għal kull pajjiż terz fuq perjodu konsekuttiv ta’ tliet snin jitqiesu li ma joħolqux distorsjoni fis-suq intern skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament.

(20)

Bħal ċerti tipi ta’ għajnuna mill-Istat, ċerti kategoriji ta’ sussidji barranin, bħall-garanziji illimitati, jiġifieri garanziji mingħajr ebda limitazzjoni fuq l-ammont jew it-tul ta’ żmien ta’ tali garanzija, li wkoll aktarx joħolqu distorsjonijiet fis-suq intern minħabba n-natura tagħhom. L-istess japplika għal offerta indebitament vantaġġuża, li n-natura vantaġġuża tagħha, bħal pereżempju l-prezz tagħha, ma tistax tiġi ġġustifikata minn fatturi oħra. Barra minn hekk, sussidji fil-forma ta’ finanzjament għall-esportazzjoni jistgħu, sakemm ma jkunux ipprovduti f’konformità mal-Arranġament tal-OECD għal krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati, ikunu kawża ta’ tħassib partikolari minħabba l-effetti distorsivi tagħhom. Peress li dawk il-kategoriji ta’ sussidji barranin huma l-aktar li x’aktarx joħolqu distorsjonijiet fis-suq intern, mhuwiex meħtieġ li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni dettaljata bbażata fuq indikaturi. Fi kwalunkwe każ, impriża tista’ turi li s-sussidju barrani inkwistjoni ma joħloqx distorsjoni tas-suq intern fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ.

(21)

L-Istati Membri, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jistgħu jippreżentaw informazzjoni dwar l-effetti pożittivi ta’ sussidju barrani, li l-Kummissjoni jenħtieġ li tqis kif xieraq meta twettaq it-test tal-ibbilanċjar. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra l-effetti pożittivi tas-sussidju barrani abbażi tal-evidenza dwar dawn l-effetti pożittivi mressqa matul l-investigazzjoni. Jenħtieġ li l-effetti pożittivi jkunu relatati mal-iżvilupp tal-attività ekonomika ssussidjata rilevanti fis-suq intern. Jenħtieġ li jitqiesu effetti pożittivi oħra, fejn xieraq, sabiex jiġi evitat li l-ibbilanċjar iwassal għal diskriminazzjoni mhux ġustifikata. Jenħtieġ li l-Kummissjoni teżamina wkoll effetti pożittivi usa’ fir-rigward tal-objettivi ta’ politika rilevanti, b’mod partikolari dawk tal-Unjoni. Dawk l-objettivi ta’ politika jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u standards soċjali, u l-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżen dawk l-effetti pożittivi kontra l-effetti negattivi ta’ sussidju barrani f’termini ta’ distorsjoni fis-suq intern. Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis id-disponibbiltà ta’ sorsi alternattivi ta’ provvista għall-merkanzija u s-servizzi kkonċernati. L-ibbilanċjar jista’ jwassal għall-konklużjoni li ma jiġux imposti miżuri ta’ rimedju fejn l-effetti pożittivi tas-sussidju barrani jegħlbu l-effetti negattivi tiegħu. Fil-każ ta’ kategoriji ta’ sussidji barranin li huma meqjusa l-aktar probabbli li joħolqu distorsjoni fis-suq intern, l-effetti pożittivi huma inqas probabbli li jegħlbu l-effetti negattivi. Jekk l-effetti negattivi jipprevalu, it-test tal-ibbilanċjar jista’ jgħin id-determinazzjoni tan-natura u l-livell xierqa tal-impenji jew tal-miżuri ta’ rimedju. Fi kwalunkwe każ, peress li t-test tal-ibbilanċjar iqis l-effetti pożittivi ta’ sussidju barrani, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dak it-test tal-ibbilanċjar ma twassalx għal riżultat għall-impriża li jkun agħar milli kieku it-test tal-ibbilanċjar ma jkunx ġie applikat. Meta l-Kummissjoni twettaq test tal-ibbilanċjar, jenħtieġ li hija tippreżenta r-raġunament tagħha fid-deċiżjoni li tikkonkludi investigazzjoni fil-fond.

(22)

Meta l-Kummissjoni teżamina sussidju barrani fuq inizjattiva tagħha stess, jenħtieġ li jkollha s-setgħa li timponi miżuri ta’ rimedju fuq impriża biex tirrimedja kwalunkwe distorsjoni kkawżata minn sussidju barrani fis-suq intern. Jenħtieġ li dawk il-miżuri ta’ rimedju jinkludu rimedji strutturali u mhux strutturali, u l-ħlas lura tas-sussidju barrani u jenħtieġ li jkunu adatti biex jirrimedjaw id-distorsjoni inkwistjoni u jkunu proporzjonati. Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra miżuri alternattivi ta’ rimedju, li kull waħda minnhom tirrimedja d-distorsjoni b’mod sħiħ u effettiv, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħżel il-miżura li tkun l-inqas ta’ piż għall-impriża li tkun qed tiġi investigata.

(23)

Jenħtieġ li l-impriża li tkun qed tiġi investigata jkollha l-possibbiltà li toffri impenji sabiex tirrimedja d-distorsjoni li tkun inħolqot mis-sussidju barrani. Jekk il-Kummissjoni tqis li l-impenji offruti jirrimedjaw b’mod sħiħ u effettiv id-distorsjoni, tista’ taċċettahom u tagħmilhom vinkolanti permezz ta’ deċiżjoni. F’dak il-każ, jenħtieġ li l-Kummissjoni ma timponix miżuri ta’ rimedju.

(24)

L-impriża li tkun qed tiġi investigata tista’ toffri li tħallas lura s-sussidju, flimkien mal-imgħax xieraq. Jenħtieġ li l-Kummissjoni taċċetta l-offerta ta’ ħlas lura bħala impenn, jekk tista’ taċċerta ruħha li l-ħlas lura jkun ta’ rimedju sħiħ għad-distorsjoni, isir b’mod trasparenti u verifikabbli u jkun effettiv fil-prattika, filwaqt li tqis ir-riskju li ssir ċirkomvenzjoni tal-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.

(25)

Sakemm l-impriża li tkun qed tiġi investigata ma toffrix impenji li jirrimedjaw għalkollox u b’mod effettiv id-distorsjoni identifikata, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tipprojbixxi konċentrazzjoni jew l-għoti ta’ kuntratt ta’ akkwist qabel iseħħu. Fejn il-konċentrazzjoni diġà tkun ġiet implimentata, b’mod partikolari f’każijiet fejn l-ebda notifika minn qabel ma kienet meħtieġa minħabba li l-livelli limitu ta’ notifika ma ntlaħaqx, id-distorsjoni tista’ madankollu tkun tant sostanzjali li ma tkunx tista’ tiġi rrimedjata minn miżuri komportamentali jew strutturali, jew mill-ħlas lura tas-sussidju. F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tiddeċiedi li tirrimedja d-distorsjoni billi tordna lill-impriżi biex ixolju l-konċentrazzjoni.

(26)

L-impriża li tkun qed tiġi investigata tista’ toffri li tinnotifika lill-Kummissjoni, jew il-Kummissjoni, fejn proporzjonat u meħtieġ, tista’ tirrikjedi lill-impriżi taħt investigazzjoni jinformawha dwar il-parteċipazzjoni tagħhom f’konċentrazzjonijiet jew proċeduri ta’ akkwist pubbliku futuri fl-Unjoni għal perjodu ta’ żmien xieraq. Is-sottomissjoni ta’ tali informazzjoni, jew ir-rispons jew in-nuqqas ta’ rispons mill-Kummissjoni, ma jistgħux jagħtu lok għal aspettattivi leġittimi min-naħa tal-impriża li l-Kummissjoni mhux ser tibda aktar tard investigazzjoni ta’ sussidji barranin eventwali lill-impriża li tkun qed tipparteċipa fil-konċentrazzjoni jew fil-proċedura ta’ akkwist pubbliku.

(27)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li, fuq inizjattiva tagħha stess, teżamina kwalunkwe informazzjoni dwar sussidji barranin. L-Istati Membri u kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew assoċjazzjoni għandhom ikunu jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar allegati sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern. Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi punt ta’ kuntatt biex tiffaċilita l-għoti ta’ tali informazzjoni b’mod kunfidenzjali. Meta l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni rilevanti dwar allegati sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern, ikun jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li dawk l-Istati Membri jirċievu tweġiba. Biex jiġu investigati sussidji barranin possibbli u jekk dawn joħolqux distorsjoni fis-suq intern u biex jiġu rrimedjati tali distorsjonijiet, dan ir-Regolament jistabbilixxi proċedura li tikkonsisti f’żewġ stadji, jiġifieri rieżami preliminari u investigazzjoni fil-fond. Impriża soġġetta għal kwalunkwe wieħed minn dawk iż-żewġ stadji jenħtieġ li titqies bħala impriża li tkun qed tiġi investigata.

(28)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat investigattivi adattati biex tiġbor l-informazzjoni kollha meħtieġa. Għaldaqstant jenħtieġ li jkollha s-setgħa li titlob informazzjoni minn kwalunkwe impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi matul il-proċedura kollha kemm hi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali għal nuqqas ta’ forniment f’waqtu tal-informazzjoni mitluba jew għall-għoti ta’ informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa. Il-Kummissjoni jenħtieġ ukoll li tkun tista’ tindirizza mistoqsijiet lill-Istati Membri jew lil pajjiżi terzi. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tagħmel żjarat ta’ ġbir ta’ informazzjoni fil-bini li jinsab fl-Unjoni ta’ impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi, jew, jekk il-pajjiż terz ikkonċernat jiġi nnotifikat uffiċjalment u ma jqajjem l-ebda oġġezzjoni, fil-bini tal-impriża fil-pajjiż terz. Sabiex tiġi żgurata spezzjoni effettiva, il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha s-setgħa li titlob lill-impriża jew lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi biex jagħtu l-kunsens tagħhom għall-ispezzjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha wkoll is-setgħa li tieħu deċiżjonijiet abbażi tal-fatti disponibbli jekk l-impriża li tkun qed tiġi investigata jew il-pajjiż terz li ta s-sussidju ma jikkooperawx.

(29)

Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tadotta miżuri interim, fejn neċessarju biex tiġi evitata ħsara irreparabbli għall-kompetizzjoni fis-suq intern.

(30)

Fejn, bħala riżultat tar-rieżami preliminari, il-Kummissjoni jkollha biżżejjed indikazzjonijiet tal-eżistenza ta’ sussidju barrani li joħloq distorsjoni fis-suq intern, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tniedi investigazzjoni fil-fond biex tiġbor informazzjoni rilevanti addizzjonali biex tivvaluta s-sussidju barrani. Jenħtieġ li l-impriża li tkun qed tiġi investigata titħalla teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha.

(31)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħlaq l-investigazzjoni fil-fond billi tadotta deċiżjoni. Jenħtieġ li kemm jista’ jkun tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-investigazzjoni fil-fond fi żmien 18-il xahar, b’kont meħud, b’mod partikolari, tal-kumplessità tal-każ kif ukoll tal-livell ta’ kooperazzjoni tal-impriżi u l-pajjiżi terzi kkonċernati.

(32)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha l-istrumenti xierqa biex tiżgura l-effettività tal-impenji u l-miżuri ta’ rimedju. Jekk impriża ma tikkonformax ma’ deċiżjoni b’impenji, deċiżjoni li timponi miżuri ta’ rimedju, jew deċiżjoni b’miżuri interim, ikun jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali ta’ natura dissważiva biżżejjed. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità ripetut meta timponi tali multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali. Sabiex issaħħaħ l-effettività ta’ dan ir-Regolament, huwa possibbli li l-Kummissjoni tapplika impenji jew miżuri ta’ rimedju b’mod simultanju ma’ multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali.

(33)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u effettiva ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tirrevoka deċiżjoni u tadotta deċiżjoni ġdida, meta d-deċiżjoni tkun ibbażata fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa, meta impriża taġixxi kontra l-impenji tagħha jew il-miżuri ta’ rimedju imposti, jew fejn l-impenji jew il-miżuri ta’ rimedju ma kinux effettivi.

(34)

Minħabba l-impatt potenzjalment sinifikanti tal-konċentrazzjonijiet fuq is-suq intern, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa, man-notifika, li teżamina informazzjoni dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin fil-kuntest ta’ konċentrazzjoni proposta. Jenħtieġ li l-impriżi ma jitħallewx jimplimentaw il-konċentrazzjoni qabel il-konklużjoni tar-rieżami tal-Kummissjoni. L-eżami mill-Kummissjoni għandu jsegwi l-istess proċedura bħal dik tar-rieżami ta’ sussidju barrani fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, soġġett għal aġġustamenti biex jirriflettu l-ispeċifiċitajiet tal-konċentrazzjonijiet.

(35)

Huwa neċessarju li jintlaħaq bilanċ bejn il-protezzjoni effettiva tas-suq intern u l-ħtieġa li jiġi limitat il-piż amministrattiv fuq l-impriżi soġġetti għal dan ir-Regolament. Għaldaqstant, huma biss il-konċentrazzjonijiet li jilħqu l-livelli limitu kkombinati kif definiti f’dan ir-Regolament ibbażati fuq id-daqs tal-fatturat fl-Unjoni u d-daqs tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin li jenħtieġ li jkunu soġġetti għal notifika obbligatorja minn qabel.

(36)

‘L isfel mil-livelli limitu ta’ notifika, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tirrikjedi n-notifika ta’ konċentrazzjonijiet potenzjalment sussidjati li kienu għadhom ma ġewx implimentati jew in-notifika ta’ offerti potenzjalment sussidjati qabel l-għoti ta’ kuntratt, jekk tqis li l-konċentrazzjoni jew l-offerta tkun timmerita rieżami ex ante minħabba l-impatt tagħha fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha wkoll il-possibbiltà li twettaq rieżami fuq inizjattiva tagħha stess ta’ konċentrazzjonijiet diġà implimentati jew kuntratti li jkunu diġà ngħataw.

(37)

Meta tiġi rieżaminata konċentrazzjoni, jenħtieġ li l-valutazzjoni ta’ jekk hemmx distorsjoni fis-suq intern tkun limitata għall-konċentrazzjoni kkonċernata, u fil-valutazzjoni jitqiesu biss dawk is-sussidji barranin mogħtija fit-tliet snin qabel il-konċentrazzjoni.

(38)

Fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ rieżami ex ante għall-konċentrazzjonijiet, l-impriżi jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu konsultazzjonijiet ta’ qabel in-notifika mal-Kummissjoni abbażi tal-bona fide, bl-għan li jirċievu gwida dwar jekk ikunux intlaħqu l-livelli limitu tan-notifika.

(39)

Meta konċentrazzjoni tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (5)u skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tillimita l-piż amministrattiv għall-partijiet notifikanti skont dan ir-Regolament. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-impriżi jkollhom l-għażla li jindikaw l-informazzjoni speċifika sottomessa fil-kuntest ta’ proċediment skont dan ir-Regolament li l-Kummissjoni għandha wkoll id-dritt li tuża fi proċedimenti skont ir-Regolament (KE) Nru 139/2004.

(40)

Il-ħtieġa li jiġu indirizzati sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern hija partikolarment saljenti fl-akkwist pubbliku, minħabba s-sinifikanza ekonomika tiegħu fis-suq intern u l-fatt li huwa ffinanzjat mill-flus tat-taxxi. Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa, man-notifika qabel l-għoti ta’ kuntratt, li teżamina informazzjoni dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin mogħtija lill-operatur ekonomiku parteċipanti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku. In-notifiki minn qabel jenħtieġ li jkunu mandatorji ’l fuq minn livell limitu stabbilit f’dan ir-Regolament biex jaqbdu każijiet ekonomikament sinifikanti filwaqt li jimminimizzaw il-piż amministrattiv u ma jxekklux il-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-akkwist pubbliku. Dan l-obbligu ta’ notifika minn qabel ’il fuq minn livell limitu jenħtieġ li japplika wkoll għal gruppi ta’ operaturi ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u l-Artikolu 37(2) tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Il-Kummissjoni għandha wkoll id-dritt li titlob in-notifika minn qabel ta’ kontribuzzjoni finanzjarja barranija matul proċedura ta’ akkwist pubbliku minkejja li l-valur stmat tagħha jkun taħt il-livelli limitu tan-notifika. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tillimita l-interferenza fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku, billi tqis kemm hija viċin id-data tal-għoti tal-kuntratt meta tiddeċiedi jekk titlobx tali notifika minn qabel.

(41)

Il-bilanċ bejn l-iżvilupp ta’ suq Ewropew tat-tagħmir tad-difiża u s-sigurtà, li huwa essenzjali għaż-żamma ta’ Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea, u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri jeħtieġ reġim speċifiku għall-kuntratti tad-difiża u s-sigurtà koperti mid-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Jenħtieġ għalhekk li l-akkwist pubbliku għall-għoti ta’ tali kuntratti ma jkunx soġġett għal rekwiżiti ta’ notifika skont dan ir-Regolament. Madankollu, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu eżaminati s-sussidji barranin fil-kuntest ta’ tali kuntratti f’rieżami ex officio. Barra minn hekk, l-akkwist pubbliku kopert mid-Direttiva 2009/81/KE u eżentat minn dik id-Direttiva jew li għalih huma ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 346 TFUE, filwaqt li jittieħed kont, pereżempju, li f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-possibbiltà li jsir rikors għal tali eżenzjonijiet għandha tiġi interpretata b’mod li l-effetti tagħha ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju għall-protezzjoni tal-interessi leġittimi li dawk id-dispożizzjonijiet jgħinu jissalvagwardjaw u l-komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 296 TFUE fil-qasam tal-akkwist ta’ tagħmir tad-difiża, jenħtieġ li ma jkunx kopert minn dan ir-Regolament.

(42)

Il-ftehimiet qafas huma teknika ta’ akkwist effiċjenti użata b’mod wiesa’ mill-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti. Jenħtieġ li l-flessibbiltà offruta lix-xerrejja wara l-konklużjoni tal-ftehim qafas ma tiġix affettwata minn dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li l-obbligu ta’ notifika ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku previst f’dan ir-Regolament ikun limitat għall-proċedura ta’ qabel il-konklużjoni tal-ftehimiet qafas infushom u jenħtieġ li ma japplikax għal kuntratti bbażati fuq ftehim qafas.

(43)

Meta titqies in-natura urġenti tal-proċeduri ta’ akkwist imwettqa f’konformità mal-Artikolu 27(3) jew 28(6) tad-Direttiva 2014/24/UE jew l-Artikolu 45(3) tad-Direttiva 2014/25/UE, jenħtieġ li l-Kummissjoni teżerċita l-aħjar sforzi tagħha biex tipprijoritizza tali proċeduri matul rieżami preliminari u investigazzjoni fil-fond biex tasal għal konklużjoni sinifikanti hekk kif ikun fattibbli. Dan jenħtieġ li japplika b’mod analogu għal proċeduri simili mwettqa skont id-Direttiva 2014/23/UE.

(44)

Minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-proċeduri f’diversi stadji fl-akkwist pubbliku, jenħtieġ li l-Kummissjoni tibda rieżami preliminari bl-informazzjoni rilevanti disponibbli f’notifika meta titressaq it-talba għal parteċipazzjoni. Sabiex tiġi żgurata l-kompletezza tal-informazzjoni u l-ħeffa tal-investigazzjoni, jenħtieġ li tiġi sottomessa notifika aġġornata mal-offerta finali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha wkoll id-dritt li titlob kwalunkwe informazzjoni supplimentari qabel is-sottomissjoni tal-offerta finali.

(45)

Dan ir-Regolament ma jindirizzax l-aċċess minn operaturi ekonomiċi ta’ pajjiżi terzi għas-suq tal-akkwist tal-Unjoni. Dik il-kwistjoni hija koperta mil-liġi rilevanti tal-Unjoni u mill-ftehimiet internazzjonali.

(46)

Meta kontribuzzjoni finanzjarja barranija tiġi nnotifikata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku, jenħtieġ li l-valutazzjoni tkun limitata għal dik il-proċedura.

(47)

Fejn ikun xieraq, jenħtieġ li l-Kummissjoni tfittex modi biex tiżgura l-użu ta’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni għall-iffaċilitar tat-twettiq tal-obbligi rigward l-akkwist pubbliku skont dan ir-Regolament.

(48)

Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-prinċipji li jirregolaw l-akkwist pubbliku, b’mod partikolari l-proporzjonalità, in-nondiskriminazzjoni, it-trattament ugwali, it-trasparenza u l-kompetizzjoni, jiġu rrispettati fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi kollha involuti fil-proċedura tal-akkwist pubbliku, irrispettivament mill-investigazzjonijiet mibdija u pendenti skont dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE fir-rigward tal-obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol.

(49)

L-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu li jagħtu kuntratt fil-forma ta’ lottijiet separati, b’mod partikolari, f’konformità mal-Artikolu 46 tad-Direttiva 2014/24/UE u l-Artikolu 65 tad-Direttiva 2014/25/UE u b’osservanza tal-projbizzjoni tal-qsim artifiċjali. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin jenħtieġ li jiġu nnotifikati għall-offerenti li japplikaw għal lottijiet ta’ valur ogħla minn livell limitu applikabbli.

(50)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax il-possibbiltà li l-operaturi ekonomiċi jistrieħu fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra f’konformità mad-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE.

(51)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax il-possibbiltà li l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tirrikjedi li l-operaturi ekonomiċi jissupplimentaw, jiċċaraw jew jikkompletaw l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni rilevanti, kif previst mid-Direttiva 2014/23/UE, id-Direttiva 2014/24/UE jew id-Direttiva 2014/25/UE jew kif previst mil-liġi nazzjonali li timplimentahom, dment li tali talbiet isiru f’konformità sħiħa mal-prinċipji ta’ trattament ugwali u trasparenza.

(52)

Hemm tendenza qawwija li x-xerrejja pubbliċi jiċċentralizzaw ix-xiri tagħhom biex jiksbu ekonomiji ta’ skala u kisbiet fl-effiċjenza. Tali korpi ċentrali għall-akkwisti huma awtoritajiet kontraenti jew entitajiet kontraenti skont it-tifsira tad-Direttivi 2009/81/KE, 2014/24/UE u 2014/25/UE. Huwa għalhekk xieraq li l-Kummissjoni tkun tista’ teżamina sussidji barranin fil-kuntest ta’ kuntratti mogħtija minn tali awtoritajiet kontraenti jew entitajiet kontraenti.

(53)

Is-sussidji barranin li jippermettu lil operatur ekonomiku jissottometti offerta li tkun indebitament vantaġġuża fir-rigward tax-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi kkonċernati jenħtieġ li jitqiesu li effettivament jew potenzjalment joħolqu distorsjoni fi proċedura ta’ akkwist pubbliku. Jenħtieġ għalhekk li dawk id-distorsjonijiet jiġu vvalutati abbażi ta’ sett mhux eżawrjenti ta’ indikaturi. Jenħtieġ li l-indikaturi jagħmluha possibbli li jiddeterminaw kif sussidju barrani joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni billi jtejjeb il-pożizzjoni kompetittiva ta’ impriża u jippermettilha tippreżenta offerta indebitament vantaġġuża. Jenħtieġ li tingħata l-opportunità lill-operaturi ekonomiċi biex jiġġustifikaw li l-offerta mhijiex indebitament vantaġġuża, inkluż billi jippreżentaw l-elementi msemmija fl-Artikolu 69(2) tad-Direttiva 2014/24/UE jew fl-Artikolu 84(2) tad-Direttiva 2014/25/UE, li jirregolaw offerti anormalment baxxi. Il-projbizzjoni tal-għoti jenħtieġ li tapplika biss meta n-natura vantaġġuża tal-offerta li tibbenefika minn sussidji barranin ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata minn fatturi oħra, fejn l-offerent jingħata l-kuntratt u fejn l-impriża offerenti ma tkunx offriet impenji meqjusa xierqa u suffiċjenti biex jirrimedjaw id-distorsjoni b’mod effettiv u għalkollox. Għaldaqstant, il-projbizzjoni tal-għoti tikkonċerna l-proċedura speċifika li fiha ġiet ippreżentata l-offerta indebitament vantaġġuża. Il-konklużjoni tal-Kummissjoni li operatur ekonomiku bbenefika minn sussidju barrani li joħloq distorsjoni fis-suq intern jippermettilu jissottometti offerta indebitament vantaġġuża għalhekk ma għandhiex titqies bħala element li jwassal għal esklużjoni skont ir-raġunijiet fakultattivi għall-esklużjoni stabbiliti fl-Artikolu 38(7) tad-Direttiva 2014/23/UE, l-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24/UE jew l-Artikolu 80 tad-Direttiva 2014/25/UE fl-istess proċedura jew proċedura oħra ta’ akkwist pubbliku mwettqa f’konformità ma’ dawk id-Direttivi.

(54)

Offerta indebitament vantaġġuża tista’ tirriżulta wkoll minn sussidji barranin mogħtija lil subkuntrattur jew fornitur minħabba l-impatt kompetittiv tagħha fuq l-offerta sottomessa lil awtorità kontraenti jew entità kontraenti. Madankollu, biex jiġi limitat il-piż amministrattiv, jenħtieġ li jkunu biss is-subkuntratturi ewlenin jew il-fornituri ewlenin, jiġifieri dawk li l-prodotti jew is-servizzi tagħhom huma relatati ma’ elementi ewlenin tal-kuntratt jew jaqbżu ċertu perċentwal tal-valur tal-kuntratt, li jinnotifikaw il-kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin. L-elementi tal-kuntratt jistgħu jitqiesu bħala elementi ewlenin, b’mod partikolari, abbażi tar-rilevanza speċifika tal-element għall-kwalità tal-offerta inkluż għarfien speċifiku, teknoloġija, persunal speċjalizzat, privattivi jew vantaġġi simili disponibbli għas-subkuntrattur jew il-fornitur, speċjalment meta dawk l-elementi jkunu ta’ għajnuna biex tiġi ssodisfata l-maġġoranza ta’ mill-inqas wieħed mill-kriterji tal-għażla fi proċedura ta’ akkwist pubbliku. Sabiex tiġi żgurata bażi fattwali stabbli għar-rieżami, jenħtieġ li r-rieżami preliminari jqis is-subkuntratturi u l-fornituri ewlenin diġà magħrufa fl-istadju tal-preżentazzjoni tan-notifika jew tad-dikjarazzjoni kompluta jew tan-notifika jew tad-dikjarazzjoni aġġornata fil-każ ta’ proċeduri f’diversi stadji. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax il-possibbiltà li l-operaturi ekonomiċi jużaw subkuntratturi ġodda fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti tagħhom. B’riżultat ta’ dan, it-tibdil tas-subkuntratturi u l-fornituri wara s-sottomissjoni tan-notifika jew id-dikjarazzjoni kompluta jew in-notifika jew id-dikjarazzjoni aġġornata jew matul l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt mhux suppost joħloq obbligi ta’ notifika addizzjonali, iżda għandu jkun possibbli li l-Kummissjoni tiftaħ rieżami ex officio jekk ikollha informazzjoni, inkluż minn kwalunkwe Stat Membru, persuna fiżika jew ġuridika jew assoċjazzjoni, li dawk is-subkuntratturi u l-fornituri setgħu bbenefikaw minn sussidji barranin.

(55)

F’konformità mad-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku, l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża mill-perspettiva tal-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti jenħtieġ li tiġi identifikata abbażi tal-prezz jew l-ispiża, bl-użu ta’ approċċ kost-effettività, bħal pereżempju l-kalkolu tal-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja, u li jista’ jinkludi l-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità, li jenħtieġ li jiġi vvalutat abbażi ta’ kriterji li jinkludu aspetti kwalitattivi, ambjentali jew soċjali marbutin mas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni.

(56)

Fil-kuntest ta’ rimedji ġudizzjarji relatati mal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li jikkonċernaw b’mod partikolari l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku, qorti jew tribunal nazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 267 TFUE, li jqisu li deċiżjoni dwar il-kwistjoni hija neċessarja sabiex ikunu jistgħu jagħtu sentenza, għandhom id-dritt li, jew fil-każ previst fl-Artikolu 267 TFUE, iridu, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, inkluż dan ir-Regolament. Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dik il-qorti jew it-tribunal nazzjonali ma għandhomx id-dritt li jirreferu domanda dwar il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq talba ta’ operatur ekonomiku kkonċernat li kellu l-opportunità jippreżenta rikors għal annullament kontra dik id-deċiżjoni, b’mod partikolari jekk kien direttament u individwalment ikkonċernat minn dik id-deċiżjoni, iżda ma kienx għamel dan fil-perjodu stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE.

(57)

Meta titqies in-natura tal-mekkaniżmu ta’ rieżami ex-ante għall-konċentrazzjonijiet u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, u l-ħtieġa taċ-ċertezza tad-dritt rigward dawk it-tranżazzjonijiet speċifiċi, konċentrazzjoni jew offerta għal akkwist pubbliku notifikati u vvalutati taħt il-proċeduri rispettivi jenħtieġ li ma jerġgħux jiġu rieżaminati mill-Kummissjoni fuq inizjattiva tagħha stess. Huwa possibbli, madanakollu, li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji li l-Kummissjoni tkun ġiet informata dwarhom permezz tal-proċedura ta’ notifika jkunu rilevanti barra minn dik il-konċentrazzjoni jew il-proċedura tal-akkwist.

(58)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw b’mod effettiv mal-Kummissjoni fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Sabiex tiġi ffaċilitata din il-kooperazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni.

(59)

Sabiex tiġbor informazzjoni dwar sussidji barranin, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha l-possibbiltà li tniedi investigazzjonijiet rigward setturi speċifiċi tal-ekonomija, tipi partikolari ta’ attività ekonomika jew l-użu ta’ strumenti ta’ sussidju barranin partikolari. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tuża l-informazzjoni miksuba minn tali investigazzjonijiet tas-suq biex tagħmel rieżami ta’ ċerti tranżazzjonijiet fil-qafas tal-proċeduri skont dan ir-Regolament.

(60)

Meta l-Kummissjoni tissuspetta l-eżistenza ta’ sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern ripetuti jew fejn diversi azzjonijiet ta’ infurzar skont dan ir-Regolament jidentifikaw sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern li jingħataw mill-istess pajjiż terz, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tidħol fi djalogu mal-pajjiż terz inkwistjoni biex tesplora għażliet immirati lejn il-kisba tal-waqfien jew il-modifika tas-sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern bil-ħsieb li jiġu eliminati l-effetti distorsivi tagħhom fis-suq intern. Fejn ftehim bilaterali bejn l-Unjoni u pajjiż terz jipprevedi mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni li jkopri sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, mekkaniżmu bħal dan ikun jista’ jintuża biex jiffaċilita d-djalogu mal-pajjiż terz. Id-djalogu mal-pajjiż terz mhux suppost jipprekludi lill-Kummissjoni milli tiftaħ jew tkompli rieżamijiet skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-iżviluppi rilevanti.

(61)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, huwa xieraq li jiġi limitat il-perjodu li fih il-Kummissjoni tkun tista’ tinvestiga sussidju barrani għal 10 snin mid-data tal-għoti ta’ dak is-sussidju barrani.

(62)

Għall-istess raġunijiet, huwa xieraq li jiġu previsti perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar tal-multi jew il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali.

(63)

Fl-interess tat-trasparenza u ċ-ċertezza legali, huwa xieraq li l-Kummissjoni tippubblika jew tagħmel pubbliku, fejn applikabbli fl-intier tagħhom jew f’forma mqassra d-deċiżjonijiet kollha adottati minnha skont dan ir-Regolament.

(64)

Il-Kummissjoni, meta tippubblika d-deċiżjonijiet tagħha, jenħtieġ li tirrispetta r-regoli dwar is-segretezza professjonali, inkluż il-protezzjoni ta’ kull informazzjoni kunfidenzjali, u tas-sigrieti kummerċjali kollha, f’konformità mal-Artikolu 339 TFUE. L-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jitwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), skont liema jkun applikabbli għall-ipproċessar inkwistjoni.

(65)

Fejn informazzjoni li l-impriża tkun immarkat bħala kunfidenzjali jew bħala sigriet kummerċjali ma tkunx tidher li hija koperta mill-obbligi tas-segretezza professjonali, huwa xieraq li jkun hemm mekkaniżmu fis-seħħ li permezz tiegħu l-Kummissjoni għandha d-dritt li tiddeċiedi sa liema punt tkun tista’ tiġi żvelata tali informazzjoni. Kwalunkwe deċiżjoni li fiha tinċaħad pretensjoni li l-informazzjoni hija kunfidenzjali jenħtieġ li tindika perjodu li fit-tmiem tiegħu l-informazzjoni ser tiġi żvelata, biex b’hekk il-konvenut ikun jista’ jagħmel użu minn kwalunkwe protezzjoni ġudizzjarja disponibbli għalih, inkluż kwalunkwe miżura interim.

(66)

L-impriżi taħt investigazzjoni skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jkollhom l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni biħsiebha tadotta deċiżjoni u għalhekk jenħtieġ li jkunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl. Filwaqt li tiġi żgurata l-preservazzjoni tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi taħt investigazzjoni, huwa essenzjali li s-sigrieti kummerċjali jiġu protetti.

(67)

Jekk il-fornitur tal-informazzjoni jaqbel, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tuża wkoll l-informazzjoni miksuba skont dan ir-Regolament fl-applikazzjoni ta’ atti oħra tal-Unjoni.

(68)

Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata f’konformità, b’mod partikolari, l-Ftehim bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata skambjata fl-interessi tal-Unjoni Ewropea (12), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (13) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (14).

(69)

L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-Unjoni jenħtieġ li tkun konformi mal-liġi tal-Unjoni, mal-Ftehim tad-WTO u tkun konsistenti mal-impenji li jkunu saru skont ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment oħra li l-Unjoni jew l-Istati Membri jkunu partijiet tagħhom. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jikkomplementa l-isforz tal-Unjoni biex ittejjeb ir-regoli multilaterali dwar l-indirizzar ta’ sussidji distorsivi.

(70)

Restrizzjonijiet għal-libertajiet imsemmija fl-Artikoli 34, 49, 56 u 63 TFUE jistgħu jiġu ġġustifikati mill-ħtieġa li tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta, dment li tali restrizzjonijiet, bħal restrizzjonijiet oħra tal-libertajiet fundamentali jikkonformaw mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni, bħall-proporzjonalità, iċ-ċertezza legali u d-drittijiet fundamentali.

(71)

Huwa possibbli li l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament tikkoinċidi mar-regoli settorjali, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport marittimu u dak bl-ajru. Għaldaqstant, huwa neċessarju li tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn dan ir-Regolament u l-istrumenti settorjali li jittrattaw is-sussidji barranin, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4057/86 (15), ir-Regolament (UE) 2016/1035 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), u r-Regolament (UE) 2019/712 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).

(72)

L-atti tal-Kummissjoni skont dan ir-Regolament huma soġġetti għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja f’konformità mal-Artikolu 263 TFUE. Jenħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’konformità mal-Artikolu 261 TFUE, tingħata ġuriżdizzjoni illimitata fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali.

(73)

Sabiex titrawwem il-prevedibbiltà ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika u taġġorna regolarment il-linji gwida rigward il-kriterji għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjoni kkawżata minn sussidju barrani fis-suq intern, l-applikazzjoni tat-test tal-ibbilanċjar, l-applikazzjoni tas-setgħa tagħha li titlob notifika minn qabel ta’ kwalunkwe konċentrazzjoni jew kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin riċevuti minn operatur ekonomiku fi proċedura ta’ akkwist pubbliku, u l-valutazzjoni ta’ distorsjoni fi proċedura ta’ akkwist pubbliku. Meta toħroġ dawn il-linji gwida, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa mal-partijiet ikkonċernati u mal-Istati Membri. Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fl-istadji bikrija tal-applikazzjoni tiegħu, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tagħmel kjarifiki pubbliċi dwar l-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet qabel il-pubblikazzjoni tal-linji gwida.

(74)

Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-Artikolu 291 TFUE. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) u jkunu relatati: mad-deċiżjonijiet li jagħlqu l-investigazzjonijiet fil-fond, l-impożizzjoni ta’ miżuri interim, id-deċiżjonijiet dwar il-konċentrazzjoni li jkunu ġew implimentati bi ksur tal-obbligu ta’ notifika jew bi ksur ta’ deċiżjoni b’impenji jew ta’ deċiżjoni li tipprojbixxi konċentrazzjoni jew l-għoti tal-kuntratt fi proċedura ta’ akkwist pubbliku, ir-revoka ta’ ċerti deċiżjonijiet, u s-setgħat ta’ implimentazzjoni li jkunu relatati mal-forom„ il-kontenut, id-dettalji proċedurali u l-affarijiet relatati rigward ir-rieżami preliminari u l-investigazzjoni fil-fond.

(75)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha l-possibbiltà li tistabbilixxi proċedura simplifikata li permezz tagħha tittratta ċerti konċentrazzjonijiet jew proċeduri ta’ akkwist pubbliku fuq il-bażi li jidhru inqas probabbli li jagħtu lok għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern ikkawżati minn sussidji barranin.

(76)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq intern anke fit-tul, bil-ħsieb li tiġi żgurata kopertura xierqa ta’ każijiet investigati kemm permezz ta’ notifiki kif ukoll ex officio, filwaqt li jiġi limitat il-piż amministrattiv żejjed, jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tal-emendar tal-livelli limitu ta’ notifika għall-konċentrazzjonijiet u għall-proċeduri ta’ akkwist pubbliku, kif ukoll fir-rigward tat-tnaqqis tal-limiti ta’ żmien għar-rieżami preliminari u l-investigazzjonijiet fil-fond ta’ konċentrazzjonijiet notifikati jew ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji notifikati fil-kuntest ta’ proċedura għall-akkwist pubbliku. Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġu emendati l-livelli limitu tan-notifika għall-konċentrazzjonijiet u l-akkwist pubbliku permezz ta’ proposta leġiżlattiva, inkluż fil-kuntest tar-rieżami previst minn dan ir-Regolament, dawk il-livelli limitu jistgħu jiġu emendati darba permezz ta’ att delegat matul il-perjodu ta’ delega skont dan ir-Regolament. Fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku, is-setgħa li jiġi adottat tali att jenħtieġ li tiġi eżerċitata b’mod li jitqiesu l-interessi tal-SMEs. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa tul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawn il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (19). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u li l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(77)

Meta konċentrazzjoni tkun notifikabbli bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji lil kwalunkwe parti tal-konċentrazzjoni mogħtija fit-tliet snin ta’ qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika wkoll għal kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija lil operatur ekonomiku fit-tliet snin ta’ qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi jistabbilixxi qafas armonizzat biex jindirizza d-distorsjonijiet ikkawżati, direttament jew indirettament, minn sussidji barranin, bil-ħsieb li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni. Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri għall-investigazzjoni ta’ sussidji barranin li joħolqu distorsjonijiet fis-suq intern u għar-rimedju ta’ tali distorsjonijiet. Tali distorsjonijiet jistgħu jinqalgħu fir-rigward ta’ kwalunkwe attività ekonomika, u b’mod partikolari f’konċentrazzjonijiet u fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku.

2.   Dan ir-Regolament jindirizza s-sussidji barranin mogħtija lil impriża, inkluż impriża pubblika li hija kkontrollata direttament jew indirettament mill-Istat, involuta f’attività ekonomika fis-suq intern. Fost oħrajn, impriża li takkwista l-kontroll ta’ jew li tingħaqad ma’ impriża stabbilita fl-Unjoni jew impriża li tipparteċipa fi proċedura ta’ akkwist pubbliku fl-Unjoni titqies li tkun involuta f’attività ekonomika fis-suq intern.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“impriża”, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku, tfisser operatur ekonomiku kif definit fl-Artikolu 1, il-punt (14) tad-Direttiva 2009/81/KE, l-Artikolu 5, il-punt (2) tad-Direttiva 2014/23/UE, l-Artikolu 2(1), il-punt (10) tad-Direttiva 2014/24/UE u l-Artikolu 2, il-punt (6) tad-Direttiva 2014/25/UE;

(2)

“kuntratt”, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, tfisser kuntratt pubbliku kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (5) tad-Direttiva 2014/24/UE, “kuntratti” kif definit fl-Artikolu 1, il-punt (2) tad-Direttivi 2009/81/KE u “kuntratti ta’ provvista, xogħlijiet u servizzi” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1) tad-Direttiva 2014/25/UE, kif ukoll “konċessjonijiet” kif definiti fl-Artikolu 5, il-punt (1) tad-Direttiva 2014/23/UE;

(3)

“proċedura ta’ akkwist pubbliku” tfisser:

(a)

kwalunkwe tip ta’ proċedura ta’ għoti koperta mid-Direttiva 2014/24/UE għall-konklużjoni ta’ kuntratt pubbliku jew id-Direttiva 2014/25/UE għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ provvista, xogħlijiet u servizzi;

(b)

proċedura għall-għoti ta’ konċessjoni ta’ xogħlijiet jew ta’ servizzi koperta mid-Direttiva 2014/23/UE;

(c)

proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti li jaqgħu taħt id-Direttiva 2009/81/KE, sakemm ma humiex eżentati mill-Istati Membri abbażi tal-Artikolu 346 TFUE;

(d)

proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti msemmija fl-Artikolu 10(4), il-punt (a) tad-Direttiva 2014/23/UE, l-Artikolu 9(1), il-punt (a) tad-Direttiva 2014/24/UE jew l-Artikolu 20(1), il-punt (a) tad-Direttiva 2014/25/UE.

(4)

“awtorità kontraenti” fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku tfisser awtorità kontraenti kif definit fl-Artikolu 1, il-punt (17) tad-Direttiva 2009/81/KE, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/23/UE, l-Artikolu 2(1), il-punt (1) tad-Direttiva 2014/24/UE u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/25/UE;

(5)

“entità kontraenti” fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku tfisser entità kontraenti kif definit fl-Artikolu 1, il-punt (17) tad-Direttiva 2009/81/KE, fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/23/UE u fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/25/UE.

(6)

“proċedura b’diversi stadji” tfisser proċedura ta’ akkwist pubbliku f’konformità mal-Artikoli 28 sa 32 tad-Direttiva 2014/24/UE u l-Artikoli 46 sa 52 tad-Direttiva 2014/25/UE, jew il-proċedura ristretta, proċedura kompetittiva permezz tan-negozjar, proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel, djalogu kompetittiv jew sħubija għall-innovazzjoni, jew proċedura simili skont id-Direttiva 2014/23/UE.

Artikolu 3

Eżistenza ta’ sussidju barrani

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, sussidju barrani għandu jitqies li jeżisti meta pajjiż terz jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja, direttament jew indirettament, li tagħti benefiċċju lil impriża involuta f’attività ekonomika fis-suq intern u li tkun limitata, fil-liġi jew fil-fatt, għal impriża jew industrija waħda jew għal aktar minn waħda.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, kontribuzzjoni finanzjarja għandha tinkludi, fost oħrajn:

(a)

it-trasferiment ta’ fondi jew obbligazzjonijiet, bħal injezzjonijiet ta’ kapital, għotjiet, self, garanziji ta’ self, inċentivi fiskali, it-tpaċija ta’ telf operattiv, kumpens għal piżijiet finanzjarji imposti mill-awtoritajiet pubbliċi, maħfra ta’ dejn, swaps ta’ dejn għall-ekwità, jew skedar mill-ġdid;

(b)

ir-rinunzja għal dħul li altrimenti jkun dovut, bħal eżenzjonijiet mit-taxxa jew l-għoti ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi mingħajr remunerazzjoni adegwata; jew

(c)

il-forniment ta’ merkanzija jew servizzi jew ix-xiri ta’ merkanzija jew servizzi.

Kontribuzzjoni finanzjarja pprovduta minn pajjiż terz għandha tinkludi kontribuzzjoni finanzjarja pprovduta:

(a)

mill-gvern ċentrali u l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli l-oħrajn kollha;

(b)

minn entità pubblika barranija li l-azzjonijiet tagħha jistgħu jiġu attribwiti lill-pajjiż terz, b’kont meħud tal-elementi bħall-karatteristiċi tal-entità u l-ambjent legali u ekonomiku prevalenti fl-Istat li fih topera l-entità, inkluż ir-rwol tal-gvern fl-ekonomija; jew

(c)

minn entità privata li l-azzjonijiet tagħha jistgħu jiġu attribwiti lill-pajjiż terz, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha.

Artikolu 4

Distorsjonijiet fis-suq intern

1.   Distorsjoni fis-suq intern għandha titqies li teżisti meta sussidju barrani jista’ jtejjeb il-pożizzjoni kompetittiva ta’ impriża fis-suq intern u meta, b’dan il-mod, dak is-sussidju barrani effettivament jew potenzjalment jaffettwa b’mod negattiv il-kompetizzjoni fis-suq intern. Distorsjoni fis-suq intern għandu jiġi ddeterminat skont indikaturi, li jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, dawn li ġejjin:

(a)

l-ammont tas-sussidju barrani;

(b)

in-natura tas-sussidju barrani;

(c)

is-sitwazzjoni tal-impriża, inkluż id-daqs tagħha u tas-swieq jew tas-setturi kkonċernati;

(d)

il-livell u l-evoluzzjoni tal-attività ekonomika tal-impriża kkonċernata fis-suq intern;

(e)

l-iskop u l-kundizzjonijiet marbuta mas-sussidju barrani kif ukoll l-użu tiegħu fis-suq intern.

2.   Fejn l-ammont totali ta’ sussidju barrani lil impriża ma jaqbiżx EUR 4 miljun matul kwalunkwe perjodu konsekuttiv ta’ tliet snin, dak is-sussidju barrani għandu jitqies li x’aktarx ma joħloqx distorsjoni fis-suq intern.

3.   Fejn l-ammont totali ta’ sussidju barrani lil impriża ma jaqbiżx l-ammont ta’ għajnuna de minimis kif definit fl-Artikolu 3(2), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1407/2013 għal kull pajjiż terz matul kwalunkwe perjodu konsekuttiv ta’ tliet snin, dak is-sussidju barrani ma għandux jitqies li joħloq distorsjoni fis-suq intern.

4.   Sussidju barrani jista’ jitqies li ma joħloqx distorsjoni fis-suq intern sal-punt li jkollu l-għan li jagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat minn diżastri naturali jew minn okkorrenzi eċċezzjonali.

Artikolu 5

Kategoriji ta’ sussidji barranin li l-aktar probabbli joħolqu distorsjoni fis-suq intern

1.   Sussidju barrani huwa l-aktar probabbli li joħloq distorsjoni fis-suq intern meta jaqa’ f’waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(a)

sussidju barrani mogħti lil impriża f’diffikultà, jiġifieri impriża li aktarx tfalli fit-terminu qasir jew dak medju fin-nuqqas ta’ kwalunkwe sussidju, sakemm ma jkunx hemm pjan ta’ ristrutturar li jkun kapaċi jwassal għall-vijabbiltà fit-tul ta’ dik l-impriża u li dak il-pjan jinkludi kontribuzzjoni proprja sinifikanti mill-impriża;

(b)

sussidju barrani fil-forma ta’ garanzija illimitata għad-djun jew l-obbligazzjonijiet tal-impriża, jiġifieri mingħajr ebda limitazzjoni fuq l-ammont jew it-tul ta’ żmien ta’ tali garanzija;

(c)

miżura ta’ finanzjament għall-esportazzjoni li mhix konformi mal-Arranġament dwar il-krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati tal-OECD;

(d)

sussidju barrani li jiffaċilita konċentrazzjoni direttament;

(e)

sussidju barrani li jippermetti lil impriża tippreżenta offerta indebitament vantaġġuża li abbażi tagħha l-impriża tkun tista’ tingħata l-kuntratt rilevanti.

2.   Impriża taħt investigazzjoni għandha tingħata l-possibbiltà li tipprovdi informazzjoni rilevanti dwar jekk sussidju barrani li jaqa’ taħt wieħed mill-kategoriji stabbiliti fil-paragrafu 1 ma joħloqx distorsjoni fis-suq intern fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ.

Artikolu 6

Test tal-ibbilanċjar

1.   Il-Kummissjoni tista’, abbażi tal-informazzjoni li tirċievi, tibbilanċja l-effetti negattivi ta’ sussidju barrani f’termini ta’ distorsjoni fis-suq intern, skont l-Artikoli 4 u 5 kontra l-effetti pożittivi fuq l-iżvilupp tal-attività ekonomika sussidjata rilevanti fis-suq intern, filwaqt li tqis effetti pożittivi oħra tas-sussidju barrani bħal pereżempju l-effetti pożittivi usa’ fir-rigward tal-objettivi ta’ politika rilevanti, b’mod partikolari dawk tal-Unjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tqis il-valutazzjoni skont il-paragrafu 1 meta tiddeċiedi jekk timponix miżuri ta’ rimedju jew taċċettax impenji, u n-natura u l-livell ta’ dawk il-miżuri ta’ rimedju jew impenji.

Artikolu 7

Impenji u miżuri ta’ rimedju

1.   Il-Kummissjoni tista’ timponi miżuri ta’ rimedju sabiex tirrimedja d-distorsjoni fis-suq intern realment jew potenzjalment ikkawżata minn sussidju barrani, sakemm ma tkunx aċċettat impenji offruti mill-impriża taħt investigazzjoni skont il-paragrafu 2.

2.   Il-Kummissjoni tista’ taċċetta impenji offruti mill-impriża taħt investigazzjoni fejn tali impenji jirrimedjaw kompletament u b’mod effettiv id-distorsjoni fis-suq intern. Meta taċċetta dawn l-impenji, il-Kummissjoni għandha tagħmilhom vinkolanti fuq l-impriża taħt investigazzjoni f’deċiżjoni b’impenji f’konformità mal-Artikolu 11(3). Fejn ikun xieraq, il-konformità tal-impriża mal-impenji maqbula għandha tiġi mmonitorjata.

3.   L-impenji jew il-miżuri ta’ rimedju għandhom ikunu proporzjonati u jirrimedjaw kompletament u b’mod effettiv id-distorsjoni kkawżata realment jew potenzjalment minn sussidju barrani fis-suq intern.

4.   L-impenji jew il-miżuri ta’ rimedju jistgħu jikkonsistu, fost oħrajn, f’dan li ġej:

(a)

l-għoti ta’ aċċess b’kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji lil infrastruttura, inkluż faċilitajiet tar-riċerka, kapaċitajiet tal-produzzjoni jew faċilitajiet essenzjali, li kienu ġew akkwistati permezz tas-sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern jew appoġġata minnhom ħlief jekk tali aċċess diġà jkun previst minn leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

(b)

it-tnaqqis tal-kapaċità jew tal-preżenza fis-suq, inkluż permezz ta’ restrizzjoni temporanja fuq l-attività kummerċjali;

(c)

l-astensjoni minn ċerti investimenti;

(d)

il-ħruġ ta’ liċenzji b’termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji għal assi akkwistati jew żviluppati bl-għajnuna ta’ sussidji barranin;

(e)

il-pubblikazzjoni tar-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp;

(f)

l-iżvestiment ta’ ċerti assi;

(g)

ir-rekwiżit li l-impriżi jxolju l-konċentrazzjoni kkonċernata;

(h)

il-ħlas lura tas-sussidju barrani, inkluż rata tal-imgħax xierqa, ikkalkulata f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (20);

(i)

ir-rekwiżit li l-impriżi kkonċernati jadattaw l-istruttura ta’ governanza tagħhom.

5.   Il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, timponi rekwiżiti ta’ rappurtar u trasparenza, inkluż rappurtar perjodiku dwar l-implimentazzjoni tal-impenji u l-miżuri ta’ rimedju elenkati fil-paragrafu 4.

6.   Fejn l-impriża taħt investigazzjoni tipproponi li tħallas lura s-sussidju barrani inkluż rata tal-imgħax xierqa, il-Kummissjoni għandha taċċetta dak il-ħlas lura bħala impenn fil-każ biss li tkun tista’ taċċerta ruħha li l-ħlas lura huwa trasparenti, verifikabbli u effettiv, filwaqt li tieħu kont tar-riskju ta’ ċirkomvenzjoni.

Artikolu 8

Informazzjoni dwar konċentrazzjonijiet u proċeduri ta’ akkwist pubbliku futuri

Fid-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikoli 11, 25 u 31, u fejn proporzjonat u neċessarju, l-impriża taħt investigazzjoni tista’ tkun meħtieġa tinforma lill-Kummissjoni, għal perjodu limitat ta’ żmien, dwar il-parteċipazzjoni tagħha f’konċentrazzjonijiet jew fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku. Dak ir-rekwiżit huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ notifika skont l-Artikoli 21 u 29.

KAPITOLU 2

RIEŻAMI EX OFFICIO U DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI GĦAR-RIEŻAMI TA’ SUSSIDJI BARRANIN

Artikolu 9

Rieżami ex officio ta’ sussidji barranin

1.   Fuq inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista’ teżamina informazzjoni minn kwalunkwe sors, inklużi l-Istati Membri, persuna fiżika jew ġuridika jew assoċjazzjoni, rigward allegati sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern..

2.   Ir-rieżamijiet ex officio ta’ akkwisti pubbliċi għandhom ikunu limitati għal kuntratti mogħtija.

Tali rieżamijiet ma għandhomx jirriżultaw fil-kanċellazzjoni tad-deċiżjoni li jingħata kuntratt jew fit-terminazzjoni ta’ kuntratti.

Artikolu 10

Rieżami preliminari

1.   Meta l-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9 tindika l-possibbiltà li jeżisti sussidju barrani li joħloq distorsjoni fis-suq intern, il-Kummissjoni għandha tfittex l-informazzjoni kollha li tqis neċessarja biex tivvaluta, fuq bażi preliminari, jekk il-kontribuzzjoni finanzjarja taħt eżami tikkostitwix sussidju barrani u jekk toħloqx distorsjoni fis-suq intern. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni tista’ b’mod partikolari:

(a)

titlob informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13; u

(b)

twettaq spezzjonijiet fl-Unjoni u barra minnha f’konformità mal-Artikolu 14 jew l-Artikolu 15.

2.   Meta Stat Membru jkun informa lill-Kummissjoni li hija prevista jew infetħet proċedura nazzjonali rilevanti, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru dwar il-bidu tar-rieżami preliminari. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri li jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar proċedura nazzjonali skont ir-Regolament (UE) 2019/452 dwar il-bidu tar-rieżami preliminari. Meta r-rieżami preliminari jkun inbeda fir-rigward ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku, il-Kummissjoni għandha tinforma wkoll lill-awtorità kontraenti jew lill-entità kontraenti kkonċernata.

3.   Fejn il-Kummissjoni, abbażi tar-rieżami preliminari, ikollha biżżejjed indikazzjonijiet li impriża ngħatat sussidju barrani li joħloq distorsjoni fis-suq intern, hija għandha:

(a)

tadotta deċiżjoni li tinbeda investigazzjoni fil-fond (“deċiżjoni li tinbeda investigazzjoni fil-fond”) li tiġbor fil-qosor il-kwistjonijiet rilevanti tal-fatti u tal-liġi u tinkludi l-valutazzjoni preliminari tal-eżistenza ta’ sussidju barrani u tad-distorsjoni reali jew potenzjali fis-suq intern;

(b)

tinforma lill-impriża taħt investigazzjoni;

(c)

tinforma lill-Istati Membri u, fejn l-investigazzjoni fil-fond tkun inbdiet fir-rigward ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku, lill-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti kkonċernata; u

(d)

tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tistieden is-sottomissjoni ta’ fehmiet bil-miktub f’perjodu ta’ żmien preskritt mill-Kummissjoni.

4.   Fejn il-Kummissjoni, matul rieżami preliminari, tikkonkludi li ma hemmx indikazzjonijiet suffiċjenti biex tinbeda l-investigazzjoni fil-fond, minħabba li ma hemm l-ebda sussidju barrani jew minħabba li ma hemmx indikazzjonijiet suffiċjenti ta’ distorsjoni reali jew potenzjali fis-suq intern, hija għandha tagħlaq ir-rieżami preliminari, u tinforma lill-impriża taħt investigazzjoni u lill-Istati Membri li kienu informati skont il-paragrafu 2, kif ukoll lill-awtorità kontraenti jew lill-entità kontraenti kkonċernata fejn ir-rieżami preliminari jkun inbeda fir-rigward ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku.

Artikolu 11

Investigazzjoni fil-fond

1.   Matul l-investigazzjoni fil-fond, il-Kummissjoni għandha tivvaluta ulterjorment is-sussidju barrani identifikat fid-deċiżjoni li tinbeda investigazzjoni fil-fond u tfittex l-informazzjoni kollha li tqis meħtieġa f’konformità mal-Artikoli 13, 14 u 15.

2.   Meta l-Kummissjoni ssib, skont l-Artikoli 4 sa 6, li sussidju barrani joħloq distorsjoni fis-suq intern, tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni fil-forma ta’ deċiżjoni li timponi miżuri ta’ rimedju (“deċiżjoni b’miżuri ta’ rimedju”). Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 48(2).

3.   Meta l-Kummissjoni, skont l-Artikoli 4 sa 6, issib li sussidju barrani joħloq distorsjoni fis-suq intern u l-impriża taħt investigazzjoni toffri impenji li l-Kummissjoni tqis xierqa u suffiċjenti biex tirrimedja d-distorsjoni kompletament u b’mod effettiv, hija tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni f’forma ta’ deċiżjoni sabiex tagħmel lil dawk l-impenji vinkolanti fuq l-impriża (“deċiżjoni b’impenji”). Deċiżjoni li taċċetta l-ħlas lura ta’ sussidju barrani f’konformità mal-Artikolu 7(6) għandha titqies bħala deċiżjoni b’impenji. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 48(2).

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni f’forma ta’ deċiżjoni biex ma tqajjem ebda oġġezzjoni (“deċiżjoni ta’ ebda oġġezzjoni”) meta ssib li:

(a)

il-valutazzjoni preliminari kif stabbilita fid-deċiżjoni tagħha li tibda investigazzjoni fil-fond mhijiex ikkonfermata; jew

(b)

id-distorsjoni fis-suq intern tkun misbuqa minn effetti pożittivi skont it-tifsira tal-Artikolu 6.

Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 48(2).

5.   Il-Kummissjoni għandha tipprova, kemm jista’ jkun, tadotta deċiżjoni f’perjodu ta’ 18-il xahar mill-ftuħ tal-investigazzjoni fil-fond.

Artikolu 12

Miżuri interim

1.   Sabiex tiġi ppreservata l-kompetizzjoni fis-suq intern u tiġi evitata ħsara irreparabbli, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni fil-forma ta’ deċiżjoni li tordna miżuri interim, fejn:

(a)

ikun hemm indikazzjonijiet suffiċjenti li kontribuzzjoni finanzjarja tikkostitwixxi sussidju barrani u toħloq distorsjoni fis-suq intern; u

(b)

ikun hemm riskju ta’ ħsara serja u irreparabbli għall-kompetizzjoni fis-suq intern.

Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġu adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 48(2).

2.   Il-miżuri interim jistgħu b’mod partikolari, iżda mhux esklużivament, jikkonsistu mill-miżuri msemmija skont l-Artikolu 7(4), il-punti (a), (c) u (d). Ma jistgħux jittieħdu miżuri interim fir-rigward tal-proċeduri ta’ akkwist pubbliku.

3.   Il-miżuri interim għandhom japplikaw għal perjodu ta’ żmien speċifiku, li jista’ jiġġedded sa fejn ikun meħtieġ u xieraq, jew inkella sakemm tittieħed id-deċiżjoni finali.

Artikolu 13

Talbiet għal informazzjoni

1.   Sabiex twettaq id-dmirijiet assenjati lilha b’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tirrikjedi li impriża taħt investigazzjoni tipprovdi l-informazzjoni neċessarja kollha, inkluż informazzjoni dwar l-offerta tagħha fi proċedura ta’ akkwist pubbliku.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tirrikjedi wkoll tali informazzjoni mingħand impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi oħra, inkluż informazzjoni dwar l-offerti tagħhom fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku, b’kont debitu meħud tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

4.   Talba għal informazzjoni skont il-paragrafu 2 jew 3 għandha:

(a)

tiddikjara l-bażi legali u l-iskop tagħha, tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa u tistabbilixxi limitu ta’ żmien xieraq li fih għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(b)

tinkludi dikjarazzjoni li jekk l-informazzjoni pprovduta tkun mhux korretta, mhux kompluta jew qarrieqa, jistgħu jiġu imposti multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 17;

(c)

tinkludi dikjarazzjoni li, skont l-Artikolu 16, nuqqas ta’ kooperazzjoni jippermetti lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni abbażi tal-fatti li huma disponibbli għaliha.

5.   Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtuha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex twettaq il-kompiti assenjati lilha minn dan ir-Regolament. Il-paragrafu 4, il-punt (a) għandu japplika mutatis mutandis.

6.   Il-Kummissjoni tista’ titlob ukoll lil pajjiż terz biex jipprovdi l-informazzjoni neċessarja kollha. Il-paragrafu 4, il-punti (a) u (c) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

7.   Il-Kummissjoni tista’ tintervista lil persuna fiżika jew ġuridika li tagħti l-kunsens li tiġi intervistata għall-iskop li tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni. Fejn intervista ma ssirx fil-bini tal-Kummissjoni jew bit-telefown jew b’mezzi elettroniċi oħra, qabel l-intervista l-Kummissjoni għandha:

(a)

tinforma lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ser issir l-intervista; jew

(b)

tikseb il-qbil tal-pajjiż terz li fit-territorju tiegħu ser issir l-intervista.

Artikolu 14

Spezzjonijiet fl-Unjoni

1.   Sabiex taqdi d-dmirijiet assenjati lilha b’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ twettaq l-ispezzjonijiet neċessarji tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi.

2.   Meta l-Kummissjoni twettaq tali spezzjoni, l-uffiċjali awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni għandu jkollhom is-setgħa li:

(a)

jidħlu fi kwalunkwe bini, art u mezz tat-trasport tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi;

(b)

jeżaminaw kotba u rekords tan-negozju oħra, irrispettivament mill-mezz li fuqu jkunu maħżuna, jaċċedu kwalunkwe informazzjoni li tkun aċċessibbli għall-entità soġġetta għall-ispezzjoni u jieħdu, jew jitolbu kopji jew siltiet mit-tali kotba jew reġistri;

(c)

jistaqsu lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi għal spjegazzjonijiet ta’ fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u li jirreġistraw it-tweġibiet;

(d)

jissiġillaw kwalunkwe post, kotba jew rekords ta’ negozju għall-perjodu ta’ żmien tal-ispezzjoni u sal-punt meħtieġ għall-ispezzjoni.

3.   L-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi għandha tissottometti ruħha għall-ispezzjonijiet ordnati b’deċiżjoni tal-Kummissjoni. L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom wara li jippreżentaw deċiżjoni tal-Kummissjoni li:

(a)

tispeċifika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni;

(b)

tinkludi dikjarazzjoni li, skont l-Artikolu 16, nuqqas ta’ kooperazzjoni jippermetti lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni abbażi tal-fatti li huma disponibbli għaliha;

(c)

li tirreferi għall-possibbiltà li jiġu imposti multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 17; u

(d)

li tiddikjara d-dritt li d-deċiżjoni tiġi rieżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 263 TFUE.

4.   Fi żmien li jkun twil biżżejjed qabel l-ispezzjoni, il-Kummissjoni għandha tavża lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ser issir l-ispezzjoni dwar din l-ispezzjoni u dwar id-data meta tkun ser tibda.

5.   L-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati jew maħtura mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ser issir l-ispezzjoni għandhom, fuq talba tal-Istat Membru jew tal-Kummissjoni, jassistu attivament lill-uffiċjali jew akkumpanjaturi oħra awtorizzati mill-Kummissjoni. Għal dak il-għan, huma għandhom jingħataw is-setgħat speċifikati fil-paragrafu 2.

6.   Meta l-uffiċjali jew akkumpanjaturi oħra awtorizzati mill-Kummissjoni jsibu li impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi topponi spezzjoni skont it-tifsira ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ssir l-ispezzjoni għandu jipprovdilhom l-assistenza neċessarja u għandu jitlob, fejn xieraq, l-assistenza tal-pulizija jew ta’ awtorità tal-infurzar ekwivalenti sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni tagħhom. Jekk skont ir-regoli nazzjonali l-assistenza msemmija f’dan il-paragrafu teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġuridika, għandha ssir applikazzjoni għal din l-awtorizzazzjoni. Tista’ wkoll issir applikazzjoni għal din l-awtorizzazzjoni bħala miżura ta’ prekawzjoni.

7.   Fuq talba tal-Kummissjoni, Stat Membru għandu jwettaq fit-territorju tiegħu kwalunkwe spezzjoni jew miżura ta’ ġbir ta’ informazzjoni skont il-liġi nazzjonali tiegħu biex jistabbilixxi jekk hemmx sussidju barrani li joħloq distorsjoni fis-suq intern.

Artikolu 15

Spezzjoni barra l-Unjoni

Sabiex twettaq id-dmirijiet li dan ir-Regolament jassenjalha, il-Kummissjoni tista’ twettaq spezzjonijiet fit-territorju ta’ pajjiż terz, dment li l-gvern ta’ dak il-pajjiż terz ikun ġie nnotifikat uffiċjalment u ma joġġezzjonax għall-ispezzjoni. Il-Kummissjoni tista’ titlob ukoll lill-impriża jew lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi biex tagħti l-kunsens tagħha għall-ispezzjoni. L-Artikoli 14(1), (2) u (3), il-punti (a) u (b) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 16

Nuqqas ta’ kooperazzjoni

1.   Il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 10, l-Artikolu 11, l-Artikolu 25(3), il-punt (c) jew l-Artikolu 31(2), abbażi tal-fatti disponibbli, fejn impriża taħt investigazzjoni jew pajjiż terz li jkun ta s-sussidju barrani:

(a)

jipprovdu informazzjoni mhux kompluta, mhux korretta jew qarrieqa bi tweġiba għal talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 13;

(b)

jonqsu milli jipprovdu l-informazzjoni mitluba fil-limitu ta’ żmien preskritt mill-Kummissjoni;

(c)

jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom għall-ispezzjoni tal-Kummissjoni fl-Unjoni jew barra minnha ordnata skont l-Artikolu 14 jew l-Artikolu 15; jew

(d)

ifixklu b’mod ieħor ir-rieżami preliminari jew l-investigazzjoni fil-fond.

2.   Meta impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi, Stat Membru jew il-pajjiż terz ikunu pprovdew informazzjoni mhux korretta jew qarrieqa lill-Kummissjoni, dik l-informazzjoni għandha tiġi injorata.

3.   Meta impriża, inkluż impriża pubblika li hija direttament jew indirettament ikkontrollata mill-Istat, tonqos milli tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa biex tiddetermina jekk kontribuzzjoni finanzjarja tikkonferixxilhiex benefiċċju, dik l-impriża tista’ titqies li rċeviet tali benefiċċju.

4.   Meta jiġu applikati l-fatti disponibbli, ir-riżultat tal-proċedura jista’ jkun inqas favorevoli għall-impriża milli kieku kkooperat.

Artikolu 17

Multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1.   Il-Kummissjoni tista’, b’deċiżjoni, timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali meta impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi, intenzjonalment jew b’negliġenza:

(a)

jipprovdu informazzjoni mhux kompluta, mhux korretta jew qarrieqa bi tweġiba għal talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 13, jew ma jipprovdux l-informazzjoni fil-limitu ta’ żmien preskritt;

(b)

jipproduċu l-kotba meħtieġa jew rekords oħra relatati man-negozju f’forma mhux kompluta matul l-ispezzjonijiet skont l-Artikolu 14;

(c)

b’risposta għal mistoqsija magħmula f’konformità mal-Artikolu 14(2), il-punt (c):

(i)

jagħtu tweġiba mhux korretta jew qarrieqa;

(ii)

jonqsu milli jirrettifikaw f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni tweġiba mhux korretta, mhux kompluta jew qarrieqa mogħtija minn membru tal-persunal; jew

(iii)

jonqsu jew jirrifjutaw li jipprovdu tweġiba sħiħa dwar fatti relatati mas-suġġett u l-iskop ta’ spezzjoni ordnata b’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 14(3);

(d)

jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom għall-ispezzjonijiet ordnati skont l-Artikolu 14 jew kisru s-siġilli mwaħħla f’konformità mal-Artikolu 14(2), il-punt (d); jew

(e)

jonqsu milli jikkonformaw mal-kundizzjonijiet għal aċċess għall-fajl jew mat-termini tad-divulgazzjoni imposti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 42(4).

2.   Il-multi imposti skont il-paragrafu 1 ma għandhomx jaqbżu l-1 % tal-fatturat aggregat tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni tal-impriżi kkonċernati fis-sena finanzjarja preċedenti.

3.   Ħlasijiet perjodiċi ta’ penali imposti skont il-paragrafu 1 ma għandhomx jaqbżu l-5 % tal-fatturat aggregat medju ta’ kuljum tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati fis-sena finanzjarja preċedenti għal kull jum tax-xogħol ta’ dewmien, ikkalkulati mid-data stabbilita fid-deċiżjoni, sakemm tippreżenta informazzjoni kompluta u korretta kif rikjest mill-Kummissjoni, jew sakemm tissottometti ruħha għall-ispezzjoni.

4.   Qabel ma tadotta kwalunkwe deċiżjoni f’konformità mal-paragrafu 1, il-punt (a) il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien finali ta’ ġimagħtejn biex tirċievi l-informazzjoni nieqsa mill-impriża jew mill-assoċjazzjoni ta’ impriżi.

5.   Fejn impriża ma tikkonformax ma’ deċiżjoni b’impenji skont l-Artikolu 11(3), deċiżjoni li tordna miżuri interim skont l-Artikolu 12 jew deċiżjoni b’miżuri ta’ rimedju skont l-Artikolu 11(2), il-Kummissjoni tista’, b’deċiżjoni, timponi:

(a)

multi li ma jaqbżux l-10 % tal-fatturat aggregat tal-impriża kkonċernata fis-sena finanzjarja preċedenti; jew

(b)

ħlasijiet perjodiċi ta’ penali li ma jaqbżux il-5 % tal-fatturat aggregat medju ta’ kuljum tal-impriża kkonċernata fis-sena finanzjarja preċedenti għal kull jum ta’ nuqqas ta’ konformità, li jibdew mill-jum tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi tali pagamenti ta’ penali, sakemm il-Kummissjoni ssib li l-impriża kkonċernata tikkonforma mad-deċiżjoni;

Il-Kummissjoni tista’ timponi wkoll tali multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali fejn l-impriża ma tikkonformax ma’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 11, 25 jew 31, li obbligat lill-impriża tinforma lill-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni futura tagħha f’konċentrazzjonijiet jew fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku skont l-Artikolu 8.

6.   Meta tiffissa l-ammont tal-multa jew tal-ħlas perjodiku ta’ penali, il-Kummissjoni għandha tqis in-natura, il-gravità u t-tul tal-ksur, filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-prinċipji tal-proporzjonalità u l-adegwatezza.

7.   Fejn l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi jkunu ssodisfaw l-obbligu li l-ħlas perjodiku ta ’ penali kien maħsub li jinforza, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas l-ammont definittiv tal-ħlas perjodiku ta ’ penali meta mqabbel ma’ dak skont id-deċiżjoni oriġinali li tkun imponiet il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali.

Artikolu 18

Revoka

1.   Il-Kummissjoni tista’ tirrevoka deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 11(2), (3) jew (4), l-Artikolu 25(3), u l-Artikolu 31(1), (2) jew (3), u tadotta att ta’ implimentazzjoni ġdid fil-forma ta’ deċiżjoni fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

l-impriża li għaliha kienet indirizzata d-deċiżjoni inizjali taġixxi kontra l-impenji tagħha jew il-miżuri ta’ rimedju imposti;

(b)

id-deċiżjoni inizjali kienet ibbażata fuq informazzjoni mhux kompluta, mhux korretta jew qarrieqa;

(c)

l-impenji jew il-miżuri ta’ rimedju ma humiex effettivi.

Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 48(2).

2.   Ir-revoka u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 1 ma għandhomx jaffettwaw id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti li tagħti kuntratt. Ukoll dawn ma għandhomx jaffettwaw kuntratt diġà konklużi wara tali deċiżjoni ta’ għoti.

KAPITOLU 3

KONĊENTRAZZJONIJIET

Artikolu 19

Distorsjonijiet fis-suq intern ikkawżati minn sussidji barranin f’konċentrazzjonijiet

Meta ssir valutazzjoni dwar jekk sussidju barrani f’konċentrazzjoni joħloqx distorsjoni fis-suq intern fis-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 4 jew 5, dik il-valutazzjoni għandha tkun limitata għall-konċentrazzjoni kkonċernata. Fil-valutazzjoni għandhom jitqiesu biss is-sussidji barranin mogħtija fit-tliet snin qabel il-konklużjoni tal-ftehim, it-tħabbira tal-offerta pubblika, jew l-akkwist ta’ interess kontrollanti.

Artikolu 20

Konċentrazzjonijiet u livelli limiti tan-notifika

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, konċentrazzjoni għandha titqies li tirriżulta meta bidla fil-kontroll fuq bażi dejjiema tirriżulta minn kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

il-fużjoni ta’ żewġ impriżi jew aktar jew partijiet ta’ impriżi li qabel kienu indipendenti;

(b)

l-akkwist, min-naħa ta’ persuna waħda jew ta’ aktar minn persuna waħda li diġà tikkontrolla jew jikkontrollaw mill-inqas impriża waħda, jew min-naħa ta’ impriża waħda jew ta’ aktar minn impriża waħda, kemm jekk permezz tax-xiri ta’ titoli jew ta’ assi, permezz ta’ kuntratt jew permezz ta’ kwalunkwe mezz ieħor, ta’ kontroll dirett jew indirett ta’ impriża waħda jew ta’ aktar minn waħda, sħaħ jew partijiet minnhom.

2.   Il-ħolqien ta’ impriża konġunta li twettaq fuq bażi dejjiema l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma għandu jikkostitwixxi konċentrazzjoni skont it-tifsira tal-paragrafu 1.

3.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, konċentrazzjoni notifikabbli għandha titqies li tinħoloq meta, f’konċentrazzjoni;

(a)

mill-inqas waħda mill-impriżi li għaddejjin minn fużjoni, l-impriża akkwistata jew l-impriża konġunta tkun stabbilita fl-Unjoni u tiġġenera fatturat aggregat fl-Unjoni ta’ mill-inqas EUR 500 miljun; u

(b)

l-impriżi segwenti ngħataw kontribuzzjonijiet finanzjarji aggregati kkombinati ta’ aktar minn EUR 50 miljun minn pajjiżi terzi fit-tliet snin qabel il-konklużjoni tal-ftehim, it-tħabbir tal-offerta pubblika, jew l-akkwist ta’ interess kontrollanti:

(i)

fil-każ ta’ akkwist, l-akkwirent jew l-akkwirenti u l-impriża akkwistata;

(ii)

fil-każ tal-fużjoni, l-impriżi li għaddejjin minn fużjoni;

(iii)

fil-każ ta’ impriża konġunta, l-impriżi li joħolqu impriża komuni u l-impriża komuni.

4.   Għandu jitqies li ma hemmx konċentrazzjoni meta:

(a)

istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji oħra jew kumpanniji ta’ assigurazzjoni, li l-attivitajiet normali tagħhom jinkludu tranżazzjonijiet u negozju f’titoli f’isimhom proprju jew f’isem ħaddieħor, ikollhom fil-kontroll tagħhom, iżda fuq bażi temporanja, titoli f’impriża li jkunu akkwistawhom bil-għan li jerġgħu jbigħuhom. Dan sakemm ma jeżerċitawx id-drittijiet tal-vot fir-rigward ta’ dawk it-titoli bil-għan li tkun deċiża l-imġiba kompetittiva ta’ dik l-impriża jew sakemm jeżerċitaw dawn id-drittijiet tal-vot bil-għan biss li jħejju għad-disponiment tal-impriża kollha jew ta’ parti minnha, jew tal-assi tagħha jew id-disponiment ta’ dawk it-titoli u f’dan il-każ, sakemm id-disponiment isir fi żmien sena mid-data tal-akkwist;

(b)

il-kontroll ikun akkwistat minn detentur ta’ uffiċċju skont il-liġi ta’ Stat Membru dwar likwidazzjoni, stralċ, insolvenza, waqfien ta’ pagamenti, kompożizzjonijiet jew proċeduri simili;

(c)

l-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b) jitwettqu mill-impriżi b’holding finanzjarju kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 15 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) dment li d-drittijiet tal-vot fir-rigward tal-parteċipazzjoni jkunu eżerċitati, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħatra tal-membri tal-korpi maniġerjali u superviżorji tal-impriżi li fihom ikollhom parteċipazzjonijiet, biss biex jinżamm il-valur sħiħ ta’ dawk l-investimenti u mhux biex tiġi ddeterminata direttament jew indirettament l-imġiba kompetittiva ta’ dawk l-impriżi.

Il-perjodu ta’ sena msemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a) jista’ jiġi estiż mill-Kummissjoni fuq talba fejn l-istituzzjonijiet jew il-kumpanniji kkonċernati jkunu jistgħu juru li d-disponiment ma kienx raġonevolment possibbli fil-perjodu stabbilit.

5.   Il-kontroll għandu jkun magħmul minn drittijiet, kuntratti jew kwalunkwe mezz ieħor li, jew separatament jew flimkien u b’kont meħud tal-konsiderazzjonijiet ta’ fatt jew liġi involuti, jagħtu l-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq impriża, b’mod partikolari permezz:

(a)

tal-proprjetà jew id-dritt li jintużaw l-assi kollha ta’ impriża, jew parti minnhom;

(b)

tad-drittijiet jew kuntratti li jikkonferixxu influwenza deċiżiva fuq il-kompożizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet tal-organi ta’ impriża.

6.   Kontroll jinkiseb minn persuni jew impriżi li:

(a)

huma d-detenturi tad-drittijiet jew huma intitolati għal drittijiet taħt il-kuntratti kkonċernati; jew

(b)

minkejja li mhumiex detenturi ta’ dawn id-drittijiet u lanqas ma huma intitolati għal drittijiet taħt dawn il-kuntratti, għandhom s-setgħa li jeżerċitaw id-drittijiet li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti.

Artikolu 21

Notifikazzjoni minn qabel ta’ konċentrazzjonijiet

1.   Konċentrazzjonijiet notifikabbli għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni qabel l-implimentazzjoni tagħhom u wara l-konklużjoni tal-ftehim, it-tħabbir tal-offerta pubblika, jew l-akkwist ta’ interess ta’ kontroll.

2.   L-impriżi kkonċernati jistgħu jinnotifikaw ukoll il-konċentrazzjoni proposta meta juru lill-Kummissjoni intenzjoni bona fide li jikkonkludu ftehim jew, fil-każ ta’ offerta pubblika, fejn ikunu ħabbru pubblikament l-intenzjoni tagħhom li jagħmlu tali offerta, sakemm il-ftehim jew l-offerta maħsuba jirriżultaw f’konċentrazzjoni notifikabbli skont il-paragrafu 1.

3.   Konċentrazzjoni magħmula minn fużjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 20(1), il-punt (a) jew minn akkwist ta’ kontroll flimkien skont it-tifsira tal-Artikolu 20(1), il-punt (b) għandha tiġi notifikata mill-partijiet flimkien li jiffurmaw il-fużjoni jew minn dawk li jakkwistaw il-kontroll flimkien skont il-każ. Fil-każijiet l-oħra kollha, in-notifika għandha ssir mill-persuna jew l-impriża li takkwista l-kontroll ta’ impriża waħda jew aktar, kollha jew partijiet minnhom.

4.   Jekk l-impriżi kkonċernati jonqsu milli jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jinnotifikaw, il-Kummissjoni tista’ tirrieżamina konċentrazzjoni notifikabbli f’konformità ma’ dan ir-Regolament billi titlob in-notifika ta’ dik il-konċentrazzjoni. F’dak il-każ, il-Kummissjoni ma għandhiex tkun marbuta bil-limiti ta’ żmien imsemmija fl-Artikolu 24(1) u (4).

5.   Il-Kummissjoni tista’ titlob in-notifika minn qabel ta’ kwalunkwe konċentrazzjoni li mhijiex konċentrazzjoni notifikabbli skont it-tifsira tal-Artikolu 20 fi kwalunkwe ħin qabel l-implimentazzjoni tagħha meta l-Kummissjoni tissuspetta li l-impriżi kkonċernati setgħu ngħataw sussidji barranin fit-tliet snin qabel il-konċentrazzjoni. Tali konċentrazzjoni għandha titqies bħala konċentrazzjoni notifikabbli għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 22

Kalkolu tal-fatturat

1.   Il-fatturat aggregat għandu jinkludi l-ammonti derivati mill-impriżi kkonċernati fis-sena finanzjarja preċedenti mill-bejgħ ta’ prodotti u mill-provvista ta’ servizzi li jaqgħu taħt l-attivitajiet ordinarji tal-impriżi wara t-tnaqqis tar-rifużjonijiet fuq il-bejgħ u tat-taxxa fuq il-valur miżjud u taxxi oħra direttament relatati mal-fatturat. Il-fatturat aggregat ta’ impriża kkonċernata ma għandux jinkludi l-bejgħ ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi bejn kwalunkwe impriża msemmija fil-paragrafu 4.

Il-fatturat fl-Unjoni għandu jinkludi prodotti mibjugħa u servizzi pprovduti lill-impriżi jew lill-konsumaturi fl-Unjoni.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, fejn il-konċentrazzjoni tikkonsisti fl-akkwist ta’ partijiet, kemm jekk kostitwiti bħala entitajiet ġuridiċi kif ukoll jekk le, ta’ impriża waħda jew aktar, għandu jitqies biss il-fatturat relatat mal-partijiet li huma l-oġġett tal-konċentrazzjoni fir-rigward tal-bejjiegħ jew bejjiegħa.

Madankollu, żewġ tranżazzjonijiet jew aktar fit-tifsira tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu li jseħħu f’perjodu ta’ sentejn bejn l-istess persuni jew impriżi għandhom jiġu ttrattati bħala l-istess konċentrazzjoni li tirriżulta fid-data tal-aħħar tranżazzjoni.

3.   Dan li ġej għandu jintuża minflok il-fatturat:

(a)

għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji oħra, is-somma tal-entrati ta’ introjtu li ġejjin kif definiti fid-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE (22), wara t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud u taxxi oħra direttament relatati ma’ dawk l-entrati, fejn xieraq:

(i)

introjtu mill-imgħax u introjtu simili;

(ii)

introjtu minn titoli:

introjtu minn ishma u titoli oħra b’rendiment varjabbli,

introjtu minn interessi parteċipanti,

introjtu minn ishma f’impriżi affiljati;

(iii)

kummissjonijiet riċevibbli;

(iv)

profitt nett fuq operazzjonijiet finanzjarji;

(v)

introjtu operatorju ieħor;

(b)

għall-impriżi tal-assigurazzjoni, il-valur tal-primjums grossi miktuba li jinkludi l-ammonti kollha riċevuti u riċevibbli fir-rigward ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni maħruġa mill-impriżi tal-assigurazzjoni jew f’isimhom, inklużi wkoll primjums tar-riassigurazzjoni passiva, u wara t-tnaqqis tat-taxxi u l-kontribuzzjonijiet parafiskali jew imposti b’referenza għall-ammonti ta’ primjums individwali jew il-volum totali tal-primjums;

Għall-finijiet tal-punt (a), għal istituzzjoni ta’ kreditu jew istituzzjoni finanzjarja, il-fatturat fl-Unjoni għandu jinkludi l-elementi tal-introjtu, kif definiti f’dak il-punt, li huma riċevuti mill-fergħa jew id-diviżjoni ta’ dik l-istituzzjoni stabbilita fl-Unjoni.

Għall-finijiet tal-punt (b), għal impriża tal-assigurazzjoni, il-fatturat fl-Unjoni għandu jinkludi primjums grossi rċevuti minn residenti tal-Unjoni.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-fatturat aggregat ta’ impriża kkonċernata għandu jiġi kkalkulat billi jingħaddu flimkien il-fatturati rispettivi ta’:

(a)

l-impriża kkonċernata;

(b)

l-impriżi li fihom, l-impriża kkonċernata, direttament jew indirettament:

(i)

għandha aktar minn nofs il-kapital jew l-assi tan-negozju,

(ii)

għandha s-setgħa li teżerċita aktar minn nofs id-drittijiet tal-vot,

(iii)

għandha s-setgħa li taħtar aktar minn nofs il-membri tal-bord superviżorju, tal-bord amministrattiv jew tal-korpi li jirrappreżentaw lil dawk l-impriżi legalment, jew

(iv)

għandha d-dritt li tamministra l-affarijiet ta’ dawk l-impriżi;

(c)

l-impriżi li fl-impriża kkonċernata jkollhom xi drittijiet jew setgħat imsemmija fil-punt (b);

(d)

l-impriżi li fihom impriża kif imsemmi fil-punt (c) ikollha kwalunkwe wieħed mid-drittijiet jew setgħat imsemmija fil-punt (b);

(e)

l-impriżi li fihom żewġ impriżi jew aktar kif imsemmi fil-punti (a) sa (d) b’mod konġunt ikollhom kwalunkwe wieħed mid-drittijiet jew setgħat imsemmija fil-punt (b).

5.   Meta l-impriżi kkonċernati b’mod konġunt ikollhom id-drittijiet jew setgħat elenkati fil-paragrafu 4, il-punt (b), fil-kalkolu tal-fatturat aggregat tal-impriżi kkonċernati:

(a)

għandu jitqies il-fatturat li jirriżulta mill-bejgħ ta’ prodotti u l-provvista ta’ servizzi bejn l-impriża konġunta u kwalunkwe impriża terza, u dan il-fatturat għandu jitqassam b’mod ugwali fost l-impriżi kkonċernati;

(b)

ma għandux jitqies il-fatturat li jirriżulta mill-bejgħ ta’ prodotti jew mill-provvista ta’ servizzi bejn l-impriża konġunta u kull waħda mill-impriżi kkonċernati jew kwalunkwe impriża oħra marbuta ma’ xi waħda minnhom, kif stabbilit fil-paragrafu 4, il-punti (b) sa (e).

Artikolu 23

Aggregazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji

Il-kontribuzzjoni finanzjarja aggregata lil impriża kkonċernata għandha tiġi kkalkulata billi jingħaddu flimkien il-kontribuzzjonijiet finanzjarji rispettivi pprovduti minn pajjiżi terzi lill-impriżi kollha msemmija fl-Artikolu 22(2) u l-Artikolu 22(4), il-punti (a) sa (e).

Artikolu 24

Sospensjoni ta’ konċentrazzjonijiet u limiti ta’ żmien

1.   Konċentrazzjoni notifikabbli ma għandhiex tiġi implimentata qabel in-notifika tagħha.

Barra minn hekk:

(a)

meta l-Kummissjoni tirċievi notifika kompluta, il-konċentrazzjoni ma għandhiex tiġi implimentata għal perjodu ta’ 25 jum tax-xogħol wara dik il-wasla tan-notifika.

(b)

meta l-Kummissjoni tibda investigazzjoni fil-fond mhux aktar tard minn 25 jum tax-xogħol wara li tirċievi n-notifika kompluta, il-konċentrazzjoni ma għandhiex tiġi implimentata għal perjodu ta’ 90 jum tax-xogħol wara l-ftuħ tal-investigazzjoni fil-fond. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi 15-il jum tax-xogħol meta l-impriżi kkonċernati joffru impenji skont l-Artikolu 7 bil-ħsieb li jirrimedjaw id-distorsjoni fis-suq intern.

(c)

meta l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 25(3), il-punt (a) jew (b), il-konċentrazzjoni tista’ tiġi implimentata minn hemm ’il quddiem.

Il-perjodu ta’ żmien imsemmi fil-punti (a) u (b) għandu jibda fil-jum tax-xogħol wara dak tal-wasla tan-notifika kompluta jew tal-adozzjoni tad-deċiżjoni rilevanti tal-Kummissjoni.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jipprevjeni l-implimentazzjoni ta’ offerta pubblika jew ta’ serje ta’ tranżazzjonijiet f’titoli inklużi dawk konvertibbli f’titoli oħra ammessi għall-kummerċ f’suq bħal ma hi borża, li permezz tagħha jinkiseb il-kontroll minn diversi bejjiegħa, dment li:

(a)

il-konċentrazzjoni tkun notifikata mingħajr dewmien lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 21; u

(b)

l-akkwirent ma jeżerċitax id-drittijiet tal-vot marbuta mat-titoli kkonċernati jew jagħmel hekk biss sabiex iżomm il-valur totali tal-investimenti tiegħu abbażi ta’ deroga mogħtija mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Il-Kummissjoni tista’, fuq talba, tagħti deroga mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 jew 2. Talba biex tingħata deroga għandha tiddikjara r-raġunijiet għal tali talba. Meta tiddeċiedi dwar it-talba, il-Kummissjoni għandha tqis b’mod partikolari l-effetti tas-sospensjoni fuq impriża waħda jew aktar ikkonċernati mill-konċentrazzjoni jew fuq parti terza u r-riskju ta’ distorsjoni fis-suq intern maħluq mill-konċentrazzjoni. Tali deroga tista’ tkun soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet u obbligi sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda distorsjoni fis-suq intern. Tista’ ssir applikazzjoni għal deroga u tingħata fi kwalunkwe ħin, jew qabel in-notifika jew wara t-tranżazzjoni.

4.   Il-limiti ta’ żmien previsti fil-paragrafu 1, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu estiżi jekk l-impriżi kkonċernati jagħmlu talba għal dak il-għan mhux aktar tard minn 15-il jum tax-xogħol wara l-ftuħ tal-investigazzjoni fil-fond skont l-Artikolu 10. L-impriżi kkonċernati jistgħu jagħmlu biss talba waħda bħal din.

Il-limiti ta’ żmien previsti fil-paragrafu 1, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu estiżi fi kwalunkwe żmien wara l-ftuħ tal-investigazzjoni fil-fond, mill-Kummissjoni bil-qbil tal-impriżi kkonċernati.

It-tul ta’ żmien totali ta’ kwalunkwe estensjoni skont dan il-paragrafu ma għandux jaqbeż l-20 jum tax-xogħol.

5.   Il-Kummissjoni tista’, b’mod eċċezzjonali, tissospendi l-limiti ta’ żmien previsti fil-paragrafu 1 fejn l-impriżi ma jkunux fornew l-informazzjoni kompluta li hija tkun irrikjediet skont l-Artikolu 13 jew ikunu rrifjutaw li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni ordnata b’deċiżjoni skont l-Artikolu 14.

6.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 25(3) mingħajr ma tkun marbuta bil-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 ta’ dan l-Artikolu, fejn:

(a)

issib li konċentrazzjoni ġiet implimentata bi ksur tal-impenji mehmuża ma’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 25(3), il-punt (a); jew

(b)

deċiżjoni tkun ġiet revokata skont l-Artikolu 25(1).

7.   Kwalunkwe tranżazzjoni mwettqa bi ksur tal-paragrafu 1 għandha titqies valida biss wara li tkun ġiet adottata deċiżjoni skont l-Artikolu 25(3).

8.   Dan l-Artikolu ma għandu jkollu l-ebda effett fuq il-validità ta’ tranżazzjonijiet f’titoli inklużi dawk konvertibbli f’titoli oħra ammessi għall-kummerċ f’suq bħal borża, sakemm ix-xerrej u l-bejjiegħ ma kinux konxji jew kellhom ikunu konxji li t-tranżazzjoni twettqet bi ksur tal-paragrafu 1.

Artikolu 25

Regoli proċedurali applikabbli għar-rieżami preliminari u l-investigazzjoni fil-fond ta’ konċentrazzjonijiet notifikati

1.   L-Artikoli 10, 11(1), (3) u (4), l-Artikoli 12 sa 16 u 18 għandhom japplikaw għall-konċentrazzjonijiet notifikati.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tibda investigazzjoni fil-fond skont l-Artikolu 10(3) mhux aktar tard minn 25 jum tax-xogħol wara li tirċievi n-notifika kompluta.

3.   Wara l-investigazzjoni fil-fond, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni fil-forma ta’ waħda mid-deċiżjonijiet li ġejjin:

(a)

deċiżjoni b’impenji skont l-Artikolu 11(3);

(b)

deċiżjoni ta’ ebda oġġezzjoni skont l-Artikolu 11(4); jew

(c)

deċiżjoni li tipprojbixxi konċentrazzjoni, fejn il-Kummissjoni ssib li sussidju barrani joħloq distorsjoni fis-suq intern skont l-Artikoli 4 sa 6.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 48(2).

4.   Id-deċiżjonijiet skont il-paragrafu 3 għandhom jiġu adottati fi żmien 90 jum tax-xogħol wara l-ftuħ tal-investigazzjoni fil-fond, estiżi skont il-każ skont l-Artikolu 24(1), il-punt (b), u l-paragrafi (4) u (5). Jekk il-Kummissjoni ma tadottax deċiżjoni f’dak il-limitu ta’ żmien, l-impriżi kkonċernati għandhom jitħallew jimplimentaw il-konċentrazzjoni.

5.   Fi kwalunkwe talba għal informazzjoni lil impriża, il-Kummissjoni għandha tispeċifika jekk il-limiti ta’ żmien humiex ser jiġu sospiżi skont l-Artikolu 24(5), fil-każ li l-impriża tonqos milli tipprovdi informazzjoni kompluta fil-limitu ta’ żmien preskritt.

6.   Fejn issib li konċentrazzjoni notifikabbli skont l-Artikolu 21(1) jew notifikata fuq talba tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 21(5) tkun diġà ġiet implimentata u li sussidji barranin f’dik il-konċentrazzjoni joħolqu distorsjoni fis-suq intern skont l-Artikoli 4, 5 u 6, il-Kummissjoni tista’ tadotta waħda mill-miżuri li ġejjin:

(a)

teħtieġ li l-impriżi kkonċernati jxolju l-konċentrazzjoni, b’mod partikolari permezz tax-xoljiment tal-fużjoni jew id-disponiment tal-ishma jew l-assi kollha akkwistati, biex ireġġgħu lura s-sitwazzjoni prevalenti qabel l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni; jew, fejn dak ir-restawr ma jkunx possibbli permezz tax-xoljiment tal-konċentrazzjoni, kwalunkwe miżura oħra xierqa biex tikseb tali restawr sa fejn hu possibbli;

(b)

tordna kull miżura oħra adattata sabiex tiżgura li l-impriżi kkonċernati jxolju l-konċentrazzjoni jew jieħdu miżuri oħra li jreġġgħu lura s-sitwazzjoni, kif mitlub fid-deċiżjoni tagħha.

Il-Kummissjoni tista’ timponi l-miżuri msemmija fil-punti (a) u (b) ta dan il-paragrafu jew f’deċiżjoni skont il-paragrafu 3, il-punt (c) ta’ dan l-Artikolu jew permezz ta’ deċiżjoni separata.

Il-Kummissjoni tista’ tadotta, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni fil-forma ta’ deċiżjoni, kwalunkwe waħda mill-miżuri msemmija fil-punti (a) jew (b) ta’ dan il-paragrafu fejn issib li konċentrazzjoni ġiet implimentata bi ksur ta’ deċiżjoni meħuda skont il-paragrafu (3), il-punt (a) ta’ dan l-Artikolu li sabet li, fin-nuqqas tal-impenji, il-konċentrazzjoni tissodisfa l-kriterju stabbilit fil-paragrafu 3, il-punt (c) ta’ dan l-Artikolu.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 48(2).

7.   Il-Kummissjoni tista’ wkoll tadotta att ta’ implimentazzjoni fil-forma ta’ deċiżjoni li tordna miżuri interim imsemmija fl-Artikolu 12 meta:

(a)

konċentrazzjoni tkun ġiet implimentata bi ksur tal-Artikolu 21;

(b)

konċentrazzjoni tkun ġiet implimentata bi ksur ta’ deċiżjoni b’impenji skont il-paragrafu 3, il-punt (a) ta’ dan l-Artikolu.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 26

Multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni tista’ timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali kif stabbilit fl-Artikolu 17.

2.   Il-Kummissjoni tista’, b’deċiżjoni, timponi wkoll multi fuq l-impriżi kkonċernati li ma jaqbżux il-1 % tal-fatturat aggregat tagħhom fis-sena finanzjarja preċedenti fejn dawk l-impriżi, intenzjonalment jew b’negliġenza, jipprovdu informazzjoni mhux korretta jew qarrieqa f’notifika skont l-Artikolu 21 jew suppliment għaliha.

3.   Il-Kummissjoni tista’, b’deċiżjoni, timponi wkoll multi fuq l-impriżi kkonċernati li ma jaqbżux l-10 % tal-fatturat aggregat tagħhom fis-sena finanzjarja preċedenti fejn dawk l-impriżi, intenzjonalment jew b’negliġenza:

(a)

jonqsu milli jinnotifikaw konċentrazzjoni notifikabbli f’konformità mal-Artikolu 21 qabel l-implimentazzjoni tagħha, sakemm ma jkunux espressament awtorizzati li jagħmlu dan mill-Artikolu 24;

(b)

jimplimentaw konċentrazzjoni notifikata bi ksur tal-Artikolu 24;

(c)

jimplimentaw konċentrazzjoni notifikata pprojbita f’konformità mal-Artikolu 25(3), il-punt (c);

(d)

evitaw jew ippruvaw jevitaw ir-rekwiżiti ta’ notifika, kif imsemmi fl-Artikolu 39(1).

KAPITOLU 4

PROĊEDURI TA’ AKKWIST PUBBLIKU

Artikolu 27

Sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern fil-kuntest tal-proċeduri ta’ akkwist pubbliku

Sussidji barranin li joħolqu jew jirriskjaw li joħolqu distorsjoni fi proċedura ta’ akkwist pubbliku għandhom jinftiehmu bħala sussidji barranin li jippermettu lil operatur ekonomiku jissottometti offerta li tkun vantaġġuża indebitament fir-rigward tax-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi kkonċernati. Il-valutazzjoni skont l-Artikolu 4 ta’ jekk hemmx distorsjoni fis-suq intern u jekk l-offerta hijiex vantaġġuża indebitament fir-rigward tax-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi kkonċernati għandha tkun limitata għall-proċedura ta’ akkwist pubbliku inkwistjoni. Fil-valutazzjoni għandhom jitqiesu biss is-sussidji barranin mogħtija matul it-tliet snin qabel in-notifika.

Artikolu 28

Livelli limiti tan-notifika fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, kontribuzzjoni finanzjarja barranija notifikabbli fi proċedura ta’ akkwist pubbliku għandha titqies li tirriżulta meta:

(a)

il-valur stmat ta’ dak l-akkwist pubbliku jew tal-ftehim qafas nett tal-VAT, ikkalkulat f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/23/UE, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/24/UE u l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/25/UE, jew akkwist speċifiku taħt is-sistema dinamika ta’ xiri, huwa ta’ EUR 250 miljun jew aktar; u

(b)

l-operatur ekonomiku, inkluż il-kumpanniji sussidjarji tiegħu mingħajr awtonomija kummerċjali, il-kumpanniji holding tiegħu, u, fejn applikabbli, is-subkuntratturi u l-fornituri ewlenin tiegħu involuti fl-istess offerta fil-proċedura tal-akkwist pubbliku ngħataw kontribuzzjonijiet finanzjarji aggregati fit-tliet snin qabel in-notifika jew, jekk applikabbli, in-notifika aġġornata, ta’ EUR 4 miljun jew aktar għal kull pajjiż terz.

2.   Fejn l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tiddeċiedi li taqsam l-akkwist f’lottijiet, għandha titqies li tirriżulta kontribuzzjoni finanzjarja barranija notifikabbli fi proċedura ta’ akkwist pubbliku meta l-valur stmat tal-akkwist nett mill-VAT jaqbeż il-limitu stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (a) u l-valur tal-lott jew il-valur aggregat tal-lottijiet kollha li għalihom japplika l-offerent ikun ta’ EUR 125 miljun jew aktar u l-kontribuzzjoni finanzjarja barranija tkun daqs il-limitu stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (b) jew aktar minnu.

3.   Il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE ma għandhomx jaqgħu taħt dan il-Kapitolu.

4.   Il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti previsti fl-Artikolu 32(2), il-punt (c), tad-Direttiva 2014/24/UE, u l-Artikolu 50, il-punt (d), tad-Direttiva 2014/25/UE għandhom ikunu koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 2 ta’ dan ir-Regolament u għandhom jiġu esklużi mill-applikazzjoni tal-Kapitolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

5.   B’deroga mill-Artikolu 29(1), fejn ix-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi jistgħu jiġu fornuti biss minn operatur ekonomiku partikolari, f’konformità mal-Artikolu 31(4), tad-Direttiva 2014/23/UE, l-Artikolu 32(2), il-punt (b), tad-Direttiva 2014/24/UE u l-Artikolu 50, il-punt (c), tad-Direttiva 2014/25/UE u l-valur stmat tal-kuntratt ikun daqs jew aktar mill-valur stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu l-operaturi ekonomiċi li jissottomettu offerta jew talba għal parteċipazzjoni għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bil-kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin kollha jekk il-kondizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1, il-punt (b) ta’ dan l-Artikolu hija ssodisfata. Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jinbeda rieżami skont il-Kapitolu 2 ta’ dan ir-Regolament, is-sottomissjoni ta’ tali informazzjoni ma għandhiex titqies bħala notifika u ma għandhiex tkun soġġetta għal investigazzjonijiet skont dan il-Kapitolu.

6.   L-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti għandha tiddikjara fl-avviż ta’ kuntratt jew, fejn titwettaq proċedura mingħajr pubblikazzjoni minn qabel, fid-dokumenti tal-akkwist, li l-operaturi ekonomiċi huma soġġetti għall-obbligu ta’ notifika kif stabbilit fl-Artikolu 29. Madankollu, in-nuqqas ta’ tali dikjarazzjoni huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

Artikolu 29

Notifika minn qabel jew dikjarazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku

1.   Fejn il-kundizzjonijiet għan-notifika ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji f’konformità mal-Artikolu 28(1) u (2) jiġu ssodisfati, l-operaturi ekonomiċi li jkunu qed jipparteċipaw fi proċedura ta’akkwist pubbliku, għandhom jinnotifikaw lill-awtorità kontraenti jew lill-entità kontraenti dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin kollha kif definiti fl-Artikolu 28(1), il-punt (b). Fil-każijiet l-oħrajn kollha, l-operaturi ekonomiċi għandhom jelenkaw f’dikjarazzjoni, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin kollha riċevuti u jikkonfermaw li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin riċevuti mhumiex notifikabbli f’konformità mal-Artikolu 28(1), il-punt (b). Fi proċedura miftuħa, in-notifika jew id-dikjarazzjoni għandha tiġi sottomessa darba biss, flimkien mal-offerta. Fi proċedura b’diversi stadji, in-notifika jew id-dikjarazzjoni għandha tiġi sottomessa darbtejn, l-ewwel bit-talba għall-parteċipazzjoni u mbagħad bħala notifika aġġornata jew dikjarazzjoni aġġornata mal-offerta sottomessa jew mal-offerta finali.

2.   Ladarba tiġi sottomessa n-notifika jew id-dikjarazzjoni, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti għandha tittrasferixxi n-notifika jew id-dikjarazzjoni lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

3.   Fejn notifika jew dikjarazzjoni tkun nieqsa mit-talba għall-parteċipazzjoni jew mill-offerta, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tista’ titlob lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati jissottomettu d-dokument rilevanti fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol. Offerti jew talbiet għal parteċipazzjoni minn operaturi ekonomiċi soġġetti għall-obbligi speċifikati skont dan l-Artikolu għandhom jiġu ddikjarati irregolari u rrifjutati mill-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti fejn minkejja talba magħmula mill-awtorità kontraenti jew mill-entità kontraenti f’konformità ma’ dan il-paragrafu fl-aħħar mill-aħħar ma jkunux akkumpanjati min-notifika jew mid-dikjarazzjoni sottomessa skont il-paragrafu 1. L-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti għandha tinforma lill-Kummissjoni b’dak ir-rifjut.

4.   Il-Kummissjoni għandha teżamina l-kontenut tan-notifika li rċeviet mingħajr dewmien żejjed. Fejn il-Kummissjoni ssib li n-notifika mhijiex kompluta, hija għandha tikkomunika s-sejbiet tagħha lill-awtorità kontraenti jew lill-entità kontraenti u lill-operatur ekonomiku kkonċernat, u titlob li l-operatur ekonomiku jlesti l-kontenut tiegħu fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol. Fejn notifika li takkumpanja offerta jew talba għall-parteċipazzjoni tibqa’ mhux kompluta minkejja talba magħmula mill-Kummissjoni f’konformità ma’ dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tiddikjara dik l-offerta irregolari. F’dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha titlob ukoll lill-awtorità kontraenti jew lill-entità kontraenti biex tadotta deċiżjoni illi tirrifjuta tali offerta jew talba għall-parteċipazzjoni irregolari.

5.   L-obbligu ta’ notifika tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin skont dan l-Artikolu għandu japplika għall-operaturi ekonomiċi, il-gruppi ta’ operaturi ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2014/23/UE, l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2014/24/UE u l-Artikolu 37(2) tad-Direttiva 2014/25/UE, kif ukoll għas-subkuntratturi ewlenin u l-fornituri ewlenin magħrufa fil-ħin tas-sottomissjoni tan-notifika jew tad-dikjarazzjoni kompluta jew tan-notifika jew tad-dikjarazzjoni aġġornata kompluta. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, subkuntrattur jew fornitur għandhom jitqiesu bħala ewlenin fejn il-parteċipazzjoni tagħhom tiżgura elementi ewlenin tal-prestazzjoni tal-kuntratt u fi kwalunkwe każ fejn is-sehem ekonomiku tal-kontribuzzjoni tagħhom jaqbeż l-20 % tal-valur stmat tal-offerta sottomessa.

6.   F’isem gruppi ta’ operaturi ekonomiċi, subkuntratturi ewlenin u fornituri ewlenin, il-kuntrattur ewlieni skont it-tifsira tad-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE jew il-konċessjonarju ewlieni skont it-tifsira tad-Direttiva 2014/23/UE għandu jiżgura s-sottomissjoni tan-notifika jew tad-dikjarazzjoni. Għall-finijiet tal-Artikolu 33, il-kuntrattur ewlieni jew il-konċessjonarju ewlieni huwa responsabbli biss għall-veraċità tad-data marbuta mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin tiegħu stess.

7.   Fejn l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti waqt li tkun qed teżamina l-offerti tissuspetta l-preżenza ta’ sussidji barranin, għalkemm tkun ġiet sottomessa dikjarazzjoni, din għandha tikkomunika tali suspetti lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti, stabbiliti fid-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE, biex jeżaminaw jekk offerta hijiex anormalment baxxa, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti ma għandhiex twettaq valutazzjoni dwar jekk offerta hijiex baxxa anormalment fejn tali valutazzjoni tinbeda fuq is-suspetti li jindikaw preżenza possibbli ta’ sussidji barranin biss. Fejn il-Kummissjoni tikkonkludi li ma hemm l-ebda offerta indebitament vantaġġuża fit-tifsira ta’ dan ir-Regolament, hija għandha tinforma lill-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti rilevanti dwar dan. Persuni ġuridiċi jew fiżiċi oħra jistgħu jirrapportaw lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern u jistgħu jikkomunikaw kwalunkwe suspett li possibbilment tkun saret dikjarazzjoni falza.

8.   Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni tibda proċedura ex-officio, fejn il-Kummissjoni tissuspetta li operatur ekonomiku seta’ bbenefika minn sussidji barranin fit-tliet snin qabel is-sottomissjoni tal-offerta jew tat-talba biex jipparteċipa fil-proċedura tal-akkwist pubbliku, il-Kummissjoni tista’, qabel l-għoti tal-kuntratt, titlob in-notifika tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin provduti minn pajjiżi terzi lil dak l-operatur ekonomiku fi kwalunkwe proċedura tal-akkwist pubbliku li ma humiex notifikabbli skont l-Artikolu 28(1) jew li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30(4). Jekk il-Kummissjoni tkun irrikjediet in-notifika ta’ tali kontribuzzjoni finanzjarja, il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha titqies bħala kontribuzzjoni finanzjarja barranija notifikabbli fi proċedura ta’ akkwist pubbliku u tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu 4.

Artikolu 30

Regoli proċedurali applikabbli għar-rieżami preliminari u l-investigazzjoni fil-fond ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji notifikati fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku

1.   L-Artikoli 10, 11 (1), (3) u (4), 13, 14, 15, 16, 18 u 23 għandhom japplikaw għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji notifikati fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku.

2.   Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami preliminari mhux aktar tard minn 20 jum tax-xogħol wara li tkun irċeviet in-notifika kompluta. F’każijiet debitament ġustifikati, il-Kummissjoni tista’ testendi dan il-limitu ta’ żmien darba b’10 ijiem tax-xogħol.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tibdiex investigazzjoni fil-fond fil-limitu ta’ żmien għat-tlestija tar-rieżami preliminari u tinforma lill-operatur ekonomiku kkonċernat u lill-awtorità kontraenti jew lill-entità kontraenti mingħajr dewmien.

4.   Meta l-Kummissjoni tkun għalqet rieżami preliminari mingħajr ma tkun adottat deċiżjoni u tirċievi informazzjoni ġdida li twassalha biex tissuspetta li notifika jew dikjarazzjoni sottomessa ma kinitx kompluta, jew fejn tali notifika jew dikjarazzjoni ma tiġix trasferita lill-Kummissjoni, hija tista’ titlob informazzjoni addizzjonali f’konformità mal-Artikolu 29(4). Il-Kummissjoni tista’ terġa’ tiftaħ rieżami preliminari abbażi ta’ din l-informazzjoni ġdida. Meta r-rieżami preliminari jinbeda skont dan il-Kapitolu, u mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jinbeda rieżami preliminari skont il-Kapitolu 2, skont il-ħtieġa, il-punt tat-tluq għad-determinazzjoni tat-tul ta’ żmien tar-rieżami preliminari huwa l-wasla tan-notifika jew tad-dikjarazzjoni l-ġdida mill-Kummissjoni.

5.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni li tagħlaq l-investigazzjoni fil-fond mhux aktar tard minn 110 ijiem tax-xogħol wara li tkun irċeviet in-notifika kompluta. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż darba b’20 jum tax-xogħol, wara konsultazzjoni mal-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti, f’każijiet eċċezzjonali debitament ġustifikati inkluż l-investigazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6 jew fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 16(1), il-punti (a) u (b).

6.   B’deroga mill-paragrafu 2, fejn il-proċedura ta’ akkwist pubbliku tkun proċedura b’diversi stadji, il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika kompluta sottomessa mat-talba għall-parteċipazzjoni fi żmien 20 jum tax-xogħol mill-wasla ta’ dik in-notifika, mingħajr ma tagħlaq ir-rieżami preliminari jew mingħajr ma tasal għal deċiżjoni dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni fil-fond. Wara l-iskadenza ta’ 20 jum tax-xogħol, ir-rieżami preliminari għandu jiġi sospiż sas-sottomissjoni ta’ offerta finali jew offerta fil-każ ta’ proċedura ristretta. Ladarba tiġi sottomessa l-offerta jew l-offerta finali li jkun fiha notifika aġġornata kompluta, ir-rieżami preliminari għandu jitkompla u l-Kummissjoni għandha 20 jum tax-xogħol sabiex tiffinalizzah, filwaqt li tqis kwalunkwe informazzjoni addizzjonali. Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tagħlaq kwalunkwe investigazzjoni fil-fond sussegwenti fi żmien 90 jum tax-xogħol mis-sottomissjoni tan-notifika aġġornata kompluta.

Artikolu 31

Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni

1.   Meta, wara investigazzjoni fil-fond, il-Kummissjoni ssib li operatur ekonomiku jibbenefika minn sussidju barrani li joħloq distorsjoni fis-suq intern skont l-Artikoli 4, 5 u 6, u fejn l-operatur ekonomiku kkonċernat joffri impenji li jirrimedjaw kompletament u effettivament id-distorsjoni fis-suq intern, hija għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni fil-forma ta’ deċiżjoni b’impenji skont l-Artikolu 11(3). Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 48(2).

2.   Fejn l-operatur ekonomiku kkonċernat ma joffrix impenji jew fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li l-impenji msemmija fil-paragrafu 1 la huma xierqa u lanqas suffiċjenti biex jirrimedjaw kompletament u effettivament id-distorsjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni fil-forma ta’ deċiżjoni li tipprojbixxi l-għoti tal-kuntratt lill-operatur ekonomiku kkonċernat (“deċiżjoni li tipprojbixxi l-għoti tal-kuntratt”). Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 48(2). Wara dik id-deċiżjoni, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti għandha tirrifjuta l-offerta.

3.   Fejn, wara investigazzjoni fil-fond, il-Kummissjoni ma ssibx li operatur ekonomiku jibbenefika minn sussidju barrani li joħloq distorsjoni fis-suq intern, hija għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni fil-forma ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 11(4). Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 48(2).

4.   Il-valutazzjoni skont l-Artikolu 6 ma għandux jirriżulta f’modifika tal-offerta jew tal-offerta finali sottomessa mill-operatur ekonomiku li hija inkompatibbli mal-liġi tal-Unjoni.

Artikolu 32

Evalwazzjonijiet fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku li jinvolvu notifika u sospensjoni tal-għoti

1.   Matul ir-rieżami preliminari u l-investigazzjoni fil-fond, il-passi proċedurali kollha fil-proċedura tal-akkwist pubbliku jistgħu jkomplu, ħlief għall-għoti tal-kuntratt.

2.   Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ investigazzjoni fil-fond skont l-Artikolu 30(3), il-kuntratt ma għandux jingħata lil operatur ekonomiku li jissottometti notifika skont l-Artikolu 29 sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 31(3) jew qabel ma jiskadu l-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 30(5) jew (6). Jekk il-Kummissjoni ma tkunx adottat deċiżjoni sa dan il-limitu ta’ żmien applikabbli, il-kuntratt jista’ jingħata lil kwalunkwe operatur ekonomiku, inkluż l-operatur ekonomiku li jissottometti n-notifika.

3.   Fejn l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti ssib li l-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament ġiet sottomessa minn operatur ekonomiku, li ssottometta dikjarazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 29 u meta l-Kummissjoni ma tkunx fetħet rieżami f’konformità mal-Artikoli 29(8), 30(3) jew 30(4), il-kuntratt jista’ jingħata lill-operatur ekonomiku li jissottometti tali offerta qabel ma l-Kummissjoni tagħmel kwalunkwe waħda mid-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 31 jew qabel ma jiskadu l-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikoli 30(2), 30(5) jew 30(6) jew qabel ma l-Kummissjoni tieħu kwalunkwe waħda mid-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 31 fir-rigward ta’ offerti oħrajn taħt investigazzjoni.

4.   Fejn il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 31(2) rigward offerta li l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti sabu li hija l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, il-kuntratt jista’ jingħata lill-operatur ekonomiku li ma jkunx soġġett għal deċiżjoni skont l-Artikolu 31(2) li jkun issottometta t-tieni l-aħjar offerta.

5.   Fejn il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 31(1) jew (3), il-kuntratt jista’ jingħata lil kwalunkwe operatur ekonomiku li jkun issottometta l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, inkluż, lill-operatur ekonomiku li ssottometta n-notifika skont l-Artikolu 29.

6.   L-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti għandha tinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed dwar kwalunkwe deċiżjoni relatata mal-kanċellazzjoni tal- proċedura ta’ akkwist pubbliku, iċ-ċaħda tal-offerta jew it-talba għal parteċipazzjoni mill-operatur ekonomiku kkonċernat, is-sottomissjoni ta’ offerta ġdida mill-operatur ekonomiku kkonċernat jew l-għoti tal-kuntratt.

7.   Il-prinċipji li jirregolaw il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku, inklużi l-prinċipji ta’ proporzjonalità, nondiskriminazzjoni, trattament ugwali, trasparenza u kompetizzjoni, għandhom jiġu osservati fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi kollha involuti fil-proċedura ta’ akkwist pubbliku. L-investigazzjoni ta’ sussidji barranin skont dan ir-Regolament ma għandhiex twassal li l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tittratta lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati b’mod li jmur kontra dawk il-prinċipji. Ir-rekwiżiti ambjentali, soċjali u tax-xogħol għandhom japplikaw għall-operaturi ekonomiċi f’konformità mad-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE, jew liġi oħra tal-Unjoni.

8.   Il-limiti ta’ żmien imsemmija f’dan il-Kapitolu għandhom jibdew fil-jum tax-xogħol wara dak tal-wasla tan-notifika jew tal-adozzjoni tad-deċiżjoni rilevanti tal-Kummissjoni.

Artikolu 33

Multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-proċeduri ta’ akkwist pubbliku

1.   Il-Kummissjoni tista’ timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali kif stabbilit fl-Artikolu 17.

2.   Il-Kummissjoni tista’, b’deċiżjoni, timponi wkoll multi fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati li ma jeċċedux il-1 % tal-fatturat aggregat tagħhom fis-sena finanzjarja preċedenti, fejn dawk l-operaturi ekonomiċi intenzjonalment jew b’negliġenza jipprovdu informazzjoni mhux korretta jew qarrieqa f’notifika jew f’dikjarazzjoni skont l-Artikolu 29 jew f’suppliment għaliha.

3.   Il-Kummissjoni tista’, b’deċiżjoni, timponi multi fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati li ma jeċċedux l-10 % tal-fatturat aggregat tagħhom fis-sena finanzjarja preċedenti fejn dawk l-operaturi ekonomiċi, intenzjonalment jew b’negliġenza:

(a)

jonqsu milli jinnotifikaw il-kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin f’konformità mal-Artikolu 29 matul il-proċedura tal-akkwist pubbliku;

(b)

jevitaw jew jippruvaw jevitaw ir-rekwiżiti ta’ notifika, kif imsemmi fl-Artikolu 39(1).

KAPITOLU 5

DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI KOMUNI

Artikolu 34

Relazzjoni bejn il-proċeduri

1.   Kontribuzzjoni finanzjarja notifikata fil-kuntest ta’ konċentrazzjoni skont l-Artikolu 21 jew fil-kuntest ta’ akkwist pubbliku skont l-Artikolu 29 tista’ tkun rilevanti u vvalutata skont dan ir-Regolament fir-rigward ta’ attività ekonomika oħra.

2.   Kontribuzzjoni finanzjarja vvalutata fil-kuntest ta’ proċedura ex officio fir-rigward ta’ attività ekonomika speċifika skont l-Artikolu 10 jew l-Artikolu 11 tista’ tkun rilevanti u vvalutata skont dan ir-Regolament fir-rigward ta’ attività ekonomika oħra.

Artikolu 35

Komunikazzjoni tal-informazzjoni

1.   Meta Stat Membru jqis li tista’ teżisti sussidju barrani u jista’ joħloq distorsjoni fis-suq intern, huwa għandu jittrasferixxi l-informazzjoni dwar dan lill-Kummissjoni. Abbażi ta’ dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tibda rieżami preliminari skont l-Artikolu 10, jew titlob notifika skont l-Artikolu 21(5) jew l-Artikolu 29(8).

2.   Persuna fiżika jew ġuridika jew assoċjazzjoni tista’ tikkomunika lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni li jista’ jkollha dwar sussidji barranin li jistgħu joħolqu distorsjoni fis-suq intern. Abbażi ta’ dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tibda rieżami preliminari skont l-Artikolu 10, jew titlob notifika skont l-Artikolu 21(5) jew l-Artikolu 29(8).

3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel aċċessibbli għall-Istati Membri u l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti kkonċernati, fuq bażi ta’ data elettronika mfassla apposta, il-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-deċiżjonijiet kollha adottati skont dan ir-Regolament.

Artikolu 36

Investigazzjoni tas-suq

1.   Fejn l-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni tissostanzja suspett raġonevoli li s-sussidji barranin f’settur partikolari, għal tip partikolari ta’ attività ekonomika jew abbażi ta’ strument ta’ sussidju partikolari jistgħu joħolqu distorsjoni fis-suq intern, il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq fis-settur partikolari, it-tip ta’ attività ekonomika partikolari jew l-użu tal-istrument ta’ sussidju kkonċernat. Matul dik l-investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni tista’ tirrikjedi lill-impriżi jew lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati biex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa u tista’ twettaq l-ispezzjonijiet meħtieġa. Il-Kummissjoni tista’ titlob ukoll lill-Istati Membri jew lill-pajjiż terz ikkonċernat biex jipprovdu informazzjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha, fejn rilevanti, tippubblika rapport dwar ir-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq tagħha f’setturi partikolari, tipi partikolari ta’ attività ekonomika jew strumenti partikolari ta’ sussidju u tiġbor il-kummenti.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tuża l-informazzjoni miksuba minn tali investigazzjonijiet tas-suq fil-qafas tal-proċeduri skont dan ir-Regolament.

4.   L-Artikoli 13, 14, 15 u 17 għandhom japplikaw għal investigazzjonijiet tas-suq.

Artikolu 37

Djalogu ma’ pajjiżi terzi

1.   Fejn, wara investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 36, il-Kummissjoni tissuspetta l-eżistenza ta’ sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern ripetuti, jew fejn diversi azzjonijiet ta’ infurzar skont dan ir-Regolament jidentifikaw l-għoti ta’ sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern mill-istess pajjiż terz, il-Kummissjoni tista’ tidħol fi djalogu mal-pajjiż terz ikkonċernat biex tesplora għażliet immirati lejn il-kisba tal-waqfien jew il-modifika ta’ tali sussidji bil-ħsieb li telimina l-effetti distorsivi tagħhom fuq is-suq intern. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-iżviluppi rilevanti.

2.   Dak id-djalogu ma’ pajjiżi terzi ma għandux jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tieħu azzjoni skont dan ir-Regolament. Il-miżuri individwali adottati skont dan ir-Regolament ma għandhomx jiġu indirizzati f’dak id-djalogu.

Artikolu 38

Perjodi ta’ limitazzjoni

1.   Is-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 10 u 11 għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta’ limitazzjoni ta’ 10 snin, li jibda mill-jum li fih jingħata sussidju barrani lil impriża. Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 10, 13, 14 jew 15 fir-rigward ta’ sussidju barrani għandha tinterrompi l-perjodu ta’ limitazzjoni. Wara kull interruzzjoni, il-perjodu ta’ limitazzjoni ta’ 10 snin għandu jerġa’ jibda jiddekorri mill-ġdid.

2.   Is-setgħat tal-Kummissjoni li timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali skont l-Artikoli 17, 26 u 33 għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta’ limitazzjoni ta’ tliet snin, li jibda mill-jum li fih ikun seħħ il-ksur imsemmi fl-Artikolu 17, 26 jew 33. Fil-każ ta’ ksur kontinwu jew ripetut, il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jibda mill-jum li fih jieqaf il-ksur. Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ ksur imsemmi fl-Artikoli 17, 26 jew 33 għandha tinterrompi l-perjodu ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali. Wara kull interruzzjoni, il-perjodu ta’ limitazzjoni ta’ tliet snin għandu jerġa’ jibda jiddekorri mill-ġdid.

3.   Is-setgħat tal-Kummissjoni li tinforza deċiżjonijiet li jimponu multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali skont l-Artikoli 17, 26 u 33 għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta’ limitazzjoni ta’ ħames snin, li jibda mill-jum li fih tkun ittieħdet id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali. Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-Kummissjoni, jew minn Stat Membru li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, maħsuba biex tinforza l-ħlas tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penali għandha tinterrompi dak il-perjodu ta’ limitazzjoni. Wara kull interruzzjoni, il-perjodu ta’ limitazzjoni ta’ ħames snin għandu jerġa’ jibda jiddekorri mill-ġdid.

4.   Il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jiskadi mhux aktar tard mill-jum li fih ikun għadda darbtejn l-ammont ta’ żmien ta’ dak il-perjodu ta’ limitazzjoni, dment li l-Kummissjoni ma tkunx:

(a)

ħadet deċiżjoni skont l-Artikolu 10 jew 11 fil-każijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu; jew

(b)

imponiet multa jew ħlas perjodiku ta’ penali fis-sitwazzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

5.   Il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jiġi sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta ’ proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 39

Antiċirkomvenzjoni

1.   Impriża ma għandhiex torganizza operazzjonijiet jew kuntratti finanzjarji biex tevita r-rekwiżiti ta’ notifika stabbiliti fl-Artikolu 21(1) u (5) u l-Artikolu 29(1), (5) u (8).

2.   Fejn il-Kummissjoni tissuspetta li impriża kienet involuta jew qiegħda tkun involuta fi prattika msemmija fil-paragrafu 1, hija tista’ titlob lil dik l-impriża li tipprovdi kwalunkwe informazzjoni li l-Kummissjoni tqis neċessarja biex tiddetermina jekk l-impriża kinitx involuta jew qiegħda tkun involuta fil-prattiki msemmija fil-paragrafu 1, u tista’ tibda rieżami skont l-Artikolu 21(4), jew l-Artikolu 30(4).

Artikolu 40

Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet

1.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubblikament disponibbli avviż sommarju tad-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 10(3), il-punt (a), li jippermetti lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, Stat Membru jew pajjiż terz li jkun ta s-sussidju barrani, jesprimi l-fehmiet tiegħu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 11(2), (3) u (4), l-Artikolu 25(3) u (6), u l-Artikolu 31(1), (2) u (3) f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Meta tagħmel pubblikament disponibbli notifiki u deċiżjonijiet sommarji, il-Kummissjoni għandha tieħu kont debitu tal-interessi leġittimi tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom u informazzjoni kunfidenzjali oħra.

Artikolu 41

Destinatarji tad-deċiżjonijiet

1.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika d-deċiżjoni indirizzata lil impriża jew lil assoċjazzjoni ta’ impriżi mingħajr dewmien u għandha tagħti lil dik l-impriża jew lil dik l-assoċjazzjoni ta’ impriżi l-opportunità li tindika lill-Kummissjoni liema informazzjoni fid-deċiżjoni tqis bħala kunfidenzjali.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità kontraenti jew lill-entità kontraenti kkonċernata dwar deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 31(1) u (3) indirizzata lill-operatur ekonomiku li jipparteċipa fi proċedura ta’ akkwist pubbliku.

3.   Id-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 29(4) u l-Artikolu 31(2) għandhom ikunu indirizzati lill-awtorità kontraenti jew lill-entità kontraenti kkonċernata. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-operatur ekonomiku li lilu huwa pprojbit l-għoti tal-kuntratt b’kopja ta’ dik id-deċiżjoni.

Artikolu 42

Żvelar u drittijiet tad-difiża

1.   Il-Kummissjoni għandha, qabel ma tadotta deċiżjoni skont l-Artikoli 11, 12, 17, 18, 25(3), 26, 31 jew 33 tagħti lill-impriża taħt investigazzjoni l-opportunità li tissottometti osservazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li fuqhom il-Kummissjoni biħsiebha tadotta d-deċiżjoni tagħha.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, deċiżjoni skont l-Artikolu 12 tista’ tittieħed proviżorjament, mingħajr ma l-impriża taħt investigazzjoni tingħata l-opportunità li tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha minn qabel, sakemm il-Kummissjoni tagħtiha dik l-opportunità malajr kemm jista’ jkun wara li tkun ħadet id-deċiżjoni tagħha.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq raġunijiet li fuqhom l-impriżi kkonċernati ngħataw l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

4.   Sabiex tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha skont il-paragrafu 1, l-impriża li tkun qed tiġi investigata għandha tkun intitolata li jkollha aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali jew għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni jew tal-Istati Membri jew, b’mod partikolari, għal korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl għandu jkun soġġett għall-interess leġittimu ta’ impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom u informazzjoni kunfidenzjali oħra. Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-impriża taħt investigazzjoni u lill-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li pprovdew informazzjoni lill-Kummissjoni biex jaqblu dwar termini biex jiżvelaw dik l-informazzjoni. Jekk l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi ma jaqblux ma dawk it-termini, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li timponi dawk it-termini li skonthom l-informazzjoni għandha tiġi żvelata.

Xejn f’dan il-paragrafu ma għandu jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tuża u tiżvela, sa fejn neċessarju, l-informazzjoni li turi l-eżistenza ta’ sussidju barrani li joħloq distorsjoni fis-suq intern.

Artikolu 43

Segretezza professjonali u kunfidenzjalità

1.   L-informazzjoni miksuba skont dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun inkisbet, sakemm il-fornitur tal-informazzjoni ma jaqbilx mod ieħor.

2.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni, l-uffiċjali tagħhom u persuni oħra li jaħdmu taħt is-superviżjoni tagħhom għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali miksuba fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’konformità mar-regoli applikabbli rilevanti. Għal dak il-għan, huma ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali li jkunu kisbu skont dan ir-Regolament.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx jipprevjenu l-pubblikazzjoni ta’ statistika u rapporti li ma jkunx fihom informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi speċifiċi.

4.   L-iżvelar ta’ kwalunkwe informazzjoni kkomunikata skont dan ir-Regolament ma għandux jippreġudika l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istati Membri.

KAPITOLU 6

RELAZZJONI MA’ STRUMENTI OĦRA

Artikolu 44

Relazzjoni ma’ strumenti oħra

1.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101, 102, 106, 107 u 108 TFUE, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (23) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004.

2.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24).

3.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/452.

4.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/1031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25).

5.   Dan ir-Regolament jieħu preċedenza fuq ir-Regolament (UE) 2016/1035 sakemm dak ir-Regolament isir applikabbli skont l-Artikolu 18 tiegħu. Fejn, wara dik id-data, sussidju barrani jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni kemm tar-Regolament (UE) 2016/1035 kif ukoll ta’ dan ir-Regolament, ir-Regolament (UE) 2016/1035 jieħu preċedenza. Madankollu, id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-akkwist pubbliku u l-konċentrazzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jieħdu preċedenza fuq ir-Regolament (UE) 2016/1035.

6.   Dan ir-Regolament jieħu preċedenza fuq ir-Regolament (KEE) Nru 4057/86.

7.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/712. Konċentrazzjonijiet, kif definiti fl-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament, li jinvolvu trasportaturi bl-ajru għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 ta’ dan ir-Regolament. Il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku li jinvolvu t-trasportaturi bl-ajru għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

8.   Dan ir-Regolament għandu jiġi interpretat b’mod konsistenti mad-Direttivi 2009/81/KE, 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE, u d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE (26) u 92/13/KEE (27).

9.   Dan ir-Regolament ma għandux jimpedixxi lill-Unjoni milli teżerċita d-drittijiet tagħha jew milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont ftehimiet internazzjonali. Ma għandhiex titwettaq investigazzjoni skont dan ir-Regolament u ma għandhomx jiġu imposti jew jinżammu miżuri fejn tali investigazzjoni jew miżuri jkunu jmorru kontra l-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe ftehim internazzjonali rilevanti li tkun ikkonkludiet. B’mod partikolari, ma għandha tittieħed l-ebda azzjoni skont dan ir-Regolament li tkun tammonta għal azzjoni speċifika kontra sussidju skont it-tifsira tal-Artikolu 32.1 tal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji u mogħti minn pajjiż terz li jkun membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

KAPITOLU 7

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

Artikolu 45

Rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja

F’konformità mal-Artikolu 261 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni bla limiti biex tirrieżamina deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tkun imponiet multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali. Hija tista’ tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-ħlas perjodiku ta’ penali impost.

Artikolu 46

Linji gwida

1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika, sa mhux aktar tard mit-12 ta’ Jannar 2026, u għandha taġġorna regolarment minn hemm ’il quddiem, linji gwida dwar:

(a)

l-applikazzjoni tal-kriterji għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjoni skont l-Artikolu 4(1);

(b)

l-applikazzjoni tat-test tal-ibbilanċjar skont l-Artikolu 6;

(c)

l-applikazzjoni tas-setgħa tagħha li titlob in-notifika minn qabel ta’ kwalunkwe konċentrazzjoni skont l-Artikolu 21(5) jew ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin riċevuti minn operatur ekonomiku fi proċedura ta’ akkwist pubbliku skont l-Artikolu 29(8); u

(d)

il-valutazzjoni ta’ distorsjoni fi proċedura ta’ akkwist pubbliku skont l-Artikolu 27.

2.   Qabel ma toħroġ il-linji gwida msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha twettaq konsultazzjonijiet xierqa mal-partijiet ikkonċernati u mal-Istati Membri. Il-linji gwida għandhom jinbnew fuq l-esperjenza miksuba matul l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 47

Atti ta’ implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar:

(a)

il-forma, il-kontenut u d-dettalji proċedurali tan-notifiki tal-konċentrazzjonijiet skont l-Artikolu 21, inkluż proċedura simplifikata possibbli, filwaqt li tqis bis-sħiħ l-għan li jiġi limitat il-piż amministrattiv għall-partijiet notifikanti skont l-Artikolu 21 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004;

(b)

il-forma, il-kontenut u d-dettalji proċedurali tan-notifiki tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin u d-dikjarazzjoni li ma kien hemm l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja barranija fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku skont l-Artikolu 29, inkluż proċedura simplifikata possibbli;

(c)

dettalji proċedurali għal dikjarazzjonijiet bil-fomm skont l-Artikolu 13(7), l-Artikolu 14(2), il-punt (c) u l-Artikolu 15;

(d)

dettalji tad-divulgazzjoni skont l-Artikolu 42 u s-segretezza professjonali skont l-Artikolu 43;

(e)

il-forma, il-kontenut u d-dettalji proċedurali tar-rekwiżiti ta’ trasparenza;

(f)

regoli dettaljati dwar il-kalkolu tal-limiti ta’ żmien;

(g)

id-dettalji proċedurali u l-limiti ta’ żmien biex jiġu proposti l-impenji skont l-Artikolu 25 u 31;

(h)

regoli dettaljati dwar il-passi proċedurali msemmija fl-Artikoli 29 sa 32 dwar investigazzjonijiet rigward proċeduri ta’ akkwist pubbliku.

2.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 48(2).

3.   Qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe miżura skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tippubblika abbozz tagħha u titlob kummenti fil-limitu ta’ żmien. Dak il-limitu ta’ żmien għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni u, ma jkunx ta’ inqas minn erba’ ġimgħat.

4.   L-ewwel atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati sat-12 ta’ Lulju 2023.

Artikolu 48

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 49

Atti delegati

1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 50 għall-finijiet li temenda, fejn neċessarju, il-livell limitu tan-notifiki tal-konċentrazzjonijiet kif stabbilit fl-Artikolu 20(3), il-punt (a), billi żżid il-livell limitu b’sa 20 % jew tnaqqas il-livell limitu b’sa 20 %, wara li tkun:

(a)

ivvalutat dak il-livell limitu fid-dawl l-esperjenza miksuba matul l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament, u

(b)

stabbiliet il-ħtieġa li dak il-livell limitu jiġi emendat sabiex:

(i)

jiġi żgurat li l-proċeduri ta’ notifika stabbiliti fl-Artikolu 3 iwasslu għall-identifikazzjoni eżatta ta’ sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern;

(ii)

jiġi żgurat piż amministrattiv raġonevoli fuq il-Kummissjoni u l-impriżi kkonċernati; u

(iii)

tissaħħaħ l-effettività tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ħtieġa li jiġi emendat il-livell limitu tan-notifiki, skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha twettaq il-valutazzjoni tagħha, li tkopri perjodu ta’ żmien definit li ma jistax ikun iqsar minn sentejn, b’mod partikolari abbażi tal-kriterji oġġettivi li ġejjin:

(a)

il-proporzjon ta’ notifiki skont l-Artikolu 21(1) li wassal biex il-Kummissjoni tagħlaq ir-rieżami preliminari skont l-Artikolu 10(4) jew biex il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni skont l-Artikolu 25(3), il-punt (b);

(b)

il-proporzjon ta’ notifiki skont l-Artikolu 21(1) li wassal biex il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tipprojbixxi konċentrazzjoni skont l-Artikolu 25(3), il-punt (c), jew deċiżjoni b’impenji skont l-Artikolu 25(3), il-punt (a);

(c)

il-proporzjon ta’ notifiki skont l-Artikolu 21(5) li wassal biex il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tipprojbixxi konċentrazzjoni skont l-Artikolu 25(3), il-punt (c) jew deċiżjoni b’impenji skont l-Artikolu 25(3), il-punt (a);

(d)

il-proporzjon ta’ rieżamijiet ex officio skont l-Artikolu 9 fil-kuntest ta’ konċentrazzjonijiet li ma kinux notifikabbli skont it-tifsira tal-Artikolu 20 li rriżultaw jew f’deċiżjoni b’miżuri ta’ rimedju skont l-Artikolu 11(2) jew f’deċiżjoni b’impenji skont l-Artikolu 11(3);

(e)

it-tqabbil bejn il-livell limitu stabbilit fl-Artikolu 20(3), il-punt (a), u l-fatturat aggregat medju ’il fuq minn dak il-livell limitu, fil-każijiet li wasslu jew għal deċiżjoni li tipprojbixxi konċentrazzjoni skont l-Artikolu 25(3), il-punt (c), jew għal deċiżjoni b’impenji skont l-Artikolu 25(3), il-punt (a);

(f)

l-għadd ta’ notifiki skont l-Artikolu 21(1) u l-evoluzzjoni ta’ dak l-għadd.

3.   Sabiex jogħlew il-livelli limiti fl-Artikolu 20(3), il-punt (a), il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandha turi li:

(a)

parti kbira tad-deċiżjonijiet li jipprojbixxu konċentrazzjoni skont l-Artikolu 25(3), il-punt (c), jew mid-deċiżjonijiet b’impenji skont l-Artikolu 25(3), il-punt (a), kienu jikkonċernaw każijiet fejn il-fatturat aggregat, ’il fuq minn dak il-livell limitu msemmi fl-Artikolu 20(3), il-punt (a), kien sostanzjalment ogħla minn dak il-livell limitu; jew

(b)

parti kbira tan-notifiki skont l-Artikolu 21(1) wasslu biex il-Kummissjoni tagħlaq ir-rieżami preliminari skont l-Artikolu 10(4) jew biex il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni skont l-Artikolu 25(3), il-punt (b).

4.   Sabiex jitnaqqsu l-livelli limiti fl-Artikolu 20(3), il-punt (a), il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandha turi li:

(a)

parti kbira tan-notifiki skont l-Artikolu 21(5) wasslu biex il-Kummissjoni tadotta jew deċiżjoni li tipprojbixxi konċentrazzjoni skont l-Artikolu 25(3), il-punt (c), jew deċiżjoni b’impenji skont l-Artikolu 25(3), il-punt (a); jew

(b)

parti kbira tar-rieżamijiet ex officio ta’ sussidji barranin fil-kuntest ta’ konċentrazzjonijiet li ma kinux konċentrazzjonijiet notifikabbli skont it-tifsira tal-Artikolu 20 wasslu biex il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni b’miżuri ta’ rimedju skont l-Artikolu 11(2) jew deċiżjoni b’impenji skont l-Artikolu 11(3).

5.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 50 bil-fini li temenda, fejn neċessarju, il-livelli limiti tan-notifiki kif stabbilit fl-Artikoli 28(1), il-punt (a), u 28(2) għall-akkwist pubbliku billi żżidhom b’sa 20 % jew tnaqqashom b’sa 20 %, wara li tkun:

(a)

ivvalutat dawk il-livelli limiti fid-dawl tal-esperjenza miksuba matul l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament, u

(b)

stabbiliet il-ħtieġa li jiġu emendati dawk il-livelli limiti sabiex:

(i)

jiġi żgurat li l-proċeduri ta’ notifika stabbiliti fil-Kapitolu 4 iwasslu għall-identifikazzjoni eżatta ta’ sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern;

(ii)

jiġi żgurat piż amministrattiv raġonevoli fuq il-Kummissjoni u l-operaturi ekonomiċi; u

(iii)

tittejjeb l-effettività tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

6.   Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ħtieġa li jiġi emendat il-livell limitu għan-notifiki, skont il-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha twettaq il-valutazzjoni tagħha, li tkopri perjodu ta’ żmien definit li ma jistax ikun iqsar minn sentejn, b’mod partikolari abbażi tal-kriterji oġġettivi li ġejjin:

(a)

il-proporzjon ta’ notifiki skont l-Artikolu 29(1) li wassal biex il-Kummissjoni tagħlaq ir-rieżami preliminari skont l-Artikolu 10(4) jew biex il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni skont l-Artikolu 31(3);

(b)

il-proporzjon ta’ notifiki skont l-Artikolu 29(1) li wassal biex il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tipprojbixxi l-għoti tal-kuntratt skont l-Artikoli 31(2) jew deċiżjoni b’impenji skont l-Artikolu 31(1);

(c)

il-proporzjon ta’ notifiki skont l-Artikolu 29(8) li wassal biex il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tipprojbixxi l-għoti tal-kuntratt skont l-Artikolu 31(2) jew deċiżjoni b’impenji skont l-Artikolu 31(1);

(d)

l-għadd ta’ deċiżjonijiet b’miżuri ta’ rimedju skont l-Artikolu 11(2) u ta’ deċiżjonijiet b’impenji skont l-Artikolu 11(3), wara rieżami ex officio skont l-Artikolu 9 fil-kuntest ta’ kontribuzzjoni finanzjarja barranija fi proċedura ta’ akkwist pubbliku li ma kinitx notifikabbli skont it-tifsira tal-Artikolu 28(1) jew li kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30(4), fir-rigward tal-għadd globali ta’ tali rieżamijiet ex officio;

(e)

it-tqabbil bejn il-livelli limiti rispettivi stabbiliti fl-Artikoli 28(1), il-punt (a), u 28(2) u l-valur stmat medju tal-kuntratti jew il-valur medju tal-lottijiet, ’il fuq mil-livell limitu rispettiv ta’ hawn fuq, fil-każijiet li wasslu għal deċiżjoni li tipprojbixxi l-għoti tal-kuntratt skont l-Artikoli 31(2) jew għal deċiżjoni b’impenji skont l-Artikolu 31(1);

(f)

l-għadd ta’ notifiki skont l-Artikolu 29(1) u l-evoluzzjoni ta’ dak l-għadd.

7.   Sabiex jiżdiedu l-livelli limiti minimi għan-notifiki, il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 għandha turi li:

(a)

parti kbira tad-deċiżjonijiet li jipprojbixxu l-għoti tal-kuntratt skont l-Artikolu 31(2) u d-deċiżjonijiet b’impenji skont l-Artikolu 31(1) kienu jikkonċernaw każijiet fejn il-valur stmat tal-kuntratti, ’il fuq mil-livell limitu msemmi fl-Artikolu 28(1), il-punt (a), jew fejn il-valur tal-lottijiet applikati għalihom, ’il fuq mil-livell limitu msemmi fl-Artikolu 28(2), kien sostanzjalment ogħla mil-livelli limiti rispettivi stabbiliti fl-Artikolu 28(1), il-punt (a), u l-Artikolu 28(2); jew

(b)

parti kbira tan-notifiki skont l-Artikolu 29(1) wasslu biex il-Kummissjoni tagħlaq ir-rieżami preliminari skont l-Artikolu 10(4) jew biex il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni skont l-Artikolu 31(3).

8.   Sabiex jitnaqqsu l-livelli limiti, il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 għandha turi li:

(a)

parti kbira tan-notifiki skont l-Artikolu 29(8) wasslu biex il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni b’impenji skont l-Artikolu 31(1) jew deċiżjoni li tipprojbixxi l-għoti tal-kuntratt skont l-Artikolu 31(2); jew

(b)

parti kbira tar-rieżamijiet ex officio ta’ sussidji barranin fil-kuntest ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarja barranija fi proċedura ta’ akkwist pubbliku li ma kinux notifikabbli skont it-tifsira tal-Artikolu 28(1) jew li kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30(4) wasslu biex il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni b’miżuri ta’ rimedju skont l-Artikolu 11(2) jew deċiżjoni b’impenji skont l-Artikolu 11(3).

9.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 50 għall-finijiet li tnaqqas l-iskedi ta’ żmien għal rieżami preliminari u investigazzjonijiet fil-fond kif stabbilit fl-Artikolu 25(2) u (4) għal konċentrazzjonijiet notifikati u fl-Artikolu 30(2), (5) u (6) għal kontribuzzjonijiet finanzjarji notifikati fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku. Il-Kummissjoni tista’ tadotta tali atti delegati biex jitnaqqsu l-iskedi ta’ żmien fl-Artikolu 25(2) u (4) u l-Artikolu 30(2), (5) u (6) fejn il-prattika tagħha fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament turi li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tista’ titwettaq fi żmien iqsar.

Artikolu 50

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 49(1) u (5) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mit-12 ta’ Jannar 2025.

3.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 49(9) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mit-12 ta’ Jannar 2025. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

4.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 49(1), (5) u (9) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

5.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

6.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

7.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 49(1), (5) u (9) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 51

Atti delegati separati għal setgħat delegati differenti

Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat separat fir-rigward ta’ kull setgħa delegata lilha skont dan ir-Regolament.

Artikolu 52

Rappurtar u rieżami

1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.   Sat-13 ta’ Lulju 2026 u kull tliet snin minn hemm ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-prattika tagħha ta’ implimentazzjoni u infurzar ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 4, 5, 6 u 9, u l-livelli limiti tan-notifika stabbiliti fl-Artikolu 20(3), l-Artikolu 28(1) u (2), u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi rilevanti, fejn il-Kummissjoni tqis xieraq. Fil-kuntest tar-rieżami tagħha, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-iżviluppi fir-relazzjonijiet internazzjonali rigward is-sistemi ta’ kontroll tas-sussidji ta’ pajjiżi terzi.

3.   Fejn il-Kummissjoni tqis xieraq li r-rapport jiġi kkombinat ma’ proposti leġiżlattivi rilevanti, tali proposti jistgħu jinkludu:

(a)

l-emendar tal-livelli limiti tan-notifiki kif stabbilit fl-Artikoli 20 u 28;

(b)

l-eżenzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ impriżi kkonċernati mill-obbligu ta’ notifika skont l-Artikoli 21 u 29, speċjalment meta l-prattika tal-Kummissjoni tippermetti l-identifikazzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi fejn is-sussidji barranin x’aktarx ma jfixklux is-suq intern;

(c)

l-istabbiliment ta’ livelli limiti speċifiċi tan-notifiki għal ċerti setturi ekonomiċi jew livelli limiti differenzjati għal tipi differenti ta’ kuntratti ta’ akkwist pubbliku, speċjalment fejn il-prattika tal-Kummissjoni tippermetti l-identifikazzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi fejn huwa iktar probabbli li s-sussidji barranin ifixklu s-suq intern, inkluż fir-rigward ta’ setturi strateġiċi u infrastruttura kritika;

(d)

l-emendar tal-iskedi ta’ żmien għal rieżami u investigazzjonijiet fil-fond kif stabbilit fl-Artikoli 25 u 30;

(e)

it-tħassir ta’ dan ir-Regolament, jekk il-Kummissjoni tqis li r-regoli multilaterali għall-indirizzar tas-sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern wasslu biex dan ir-Regolament sar kompletament superfluwu.

Artikolu 53

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal sussidji barranin mogħtija fil-ħames snin qabel it-12 ta’ Lulju 2023 fejn tali sussidji barranin ifixklu s-suq intern wara t-12 ta’ Lulju 2023.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, dan ir-Regolament għandu japplika għal kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin mogħtija fit-tliet snin qabel it-12 ta’ Lulju 2023 fejn tali kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin ikunu ngħataw lil impriża li tinnotifika konċentrazzjoni jew tinnotifika kontribuzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku skont dan ir-Regolament.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal konċentrazzjonijiet li għalihom ġie konkluż il-ftehim, tħabbret l-offerta pubblika, jew inkiseb interess ta’ kontroll qabel it-12 ta’ Lulju 2023.

4.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal kuntratti ta’ akkwist pubbliku li ngħataw jew proċeduri li nbdew qabel it-12 ta’ Lulju 2023.

Artikolu 54

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Huwa għandu japplika mit-12 ta’ Lulju 2023.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikoli 47 u 48 għandhom japplikaw mill-11 ta’ Jannar 2023 u l-Artikoli 14(5), (6) u (7) għandhom japplikaw mit-12 ta’ Jannar 2024.

4.   B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikoli 21 u 29 għandhom japplikaw mit-12 ta’ Ottubru 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Diċembu 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  ĠU C 105, 4.3.2022, p. 87.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Novembru 2022 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2022.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni (ĠU L 79 I, 21.3.2019, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).

(7)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(8)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(9)  Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(12)  Il-Ftehim bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata skambjata fl-interessi tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 202, 8.7.2011, p. 13).

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

(15)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4057/86 tat-22 ta’ Diċembru 1986 dwar prattiċi ta’ prezzijiet mhux ġusti fit-trasport marittimu (ĠU L 378, 31.12.1986, p. 14).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2016/1035 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra prezzijiet inġurjużi ta’ bastimenti (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 1).

(17)  Ir-Regolament (UE) 2019/712 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar is-salvagwardja tal-kompetizzjoni fit-trasport bl-ajru, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 868/2004 (ĠU L 123, 10.5.2019, p. 4).

(18)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(19)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(20)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).

(21)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(22)  Id-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta’ Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn (ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1).

(23)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).

(24)  Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55).

(25)  Ir-Regolament (UE) 2022/1031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2022 dwar l-aċċess ta’ operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi ta’ pajjiżi terzi għas-swieq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjoni tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi, il-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjoni ta’ pajjiżi terzi (Strument għal Akkwist Internazzjonali — IPI) (ĠU L 173, 30.6.2022, p. 1).

(26)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 395, 30.12.1989, p. 33).

(27)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU L 76, 23.3.1992, p. 14).


Saru tliet dikjarazzjonijiet b’rabta ma’ dan l-att u jistgħu jinstabu fil-ĠU C 491 tat-23 ta’ Diċembru 2022.