28.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 227/39


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1055

tal-21 ta’ Ġunju 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni dwar il-ġbir, id-depożitu u r-riċezzjoni ta’ skart iġġenerat matul in-navigazzjoni fir-Rhine u f’passaġġi fuq l-ilma interni oħrajn (CDNI) dwar l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni li għandha l-għan li testendi l-projbizzjoni tal-iskariku tal-ilma domestiku mormi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni li jġorru bejn 12 u 50 passiġġier

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni dwar il-ġbir, id-depożitu u r-riċezzjoni ta’ skart iġġenerat matul in-navigazzjoni fir-Rhine u f’passaġġi fuq l-ilma interni oħrajn (CDNI) tad-9 ta’ Settembru 1996 daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2009.

(2)

Skont l-Artikolu 19 tas-CDNI, il-Konferenza tal-Partijiet Kontraenti tista’ temenda s-CDNI u l-annessi tagħha.

(3)

Jenħtieġ li l-azzjoni mill-Unjoni fis-settur tan-navigazzjoni interna jkollha l-għan li tiżgura l-uniformità tar-rekwiżiti tekniċi applikati fl-Unjoni, fir-rigward ta’ bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni fl-Unjoni.

(4)

Il-Konferenza tal-Partijiet Kontraenti għas-CDNI għandha tadotta, fil-laqgħa tagħha tat-22 ta’ Ġunju 2021, riżoluzzjoni bil-għan li testendi l-projbizzjoni tal-iskariku tal-ilma domestiku mormi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni li jġorru aktar minn 12-il passiġġier u minn bastimenti tal-passiġġieri bil-kabini li jkollhom aktar minn 12-il post għall-irqad. Id-dispożizzjonijiet ta’ dik ir-riżoluzzjoni se jirrikjedu li jiġi installat tagħmir adatt abbord bastimenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik ir-riżoluzzjoni.

(5)

L-istandard tekniku għall-bastimenti tan-navigazzjoni interna (ES-TRIN 2019/1), adottat mill-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ Standards fin-Navigazzjoni Interna (CESNI) fit-8 ta’ Novembru 2018, jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi uniformi meħtieġa biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Dan jinkludi dispożizzjonijiet speċjali rigward kategoriji speċifiċi ta’ bastimenti, bħal bastimenti tal-passiġġieri, dispożizzjonijiet rigward it-tagħmir u l-installazzjonijiet tal-bastimenti, inklużi l-faċilitajiet tal-ġbir u tar-rimi tal-ilma mormi, kif ukoll struzzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dak l-istandard tekniku.

(6)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza tal-Partijiet Kontraenti għas-CDNI, peress li d-dispożizzjonijiet tar-riżoluzzjoni se jkunu jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

(7)

Jenħtieġ li r-riżoluzzjoni żżid il-konsistenza mar-rekwiżiti stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, prinċipalment fil-qasam tad-dati tal-applikabbiltà għall-installazzjoni ta’ tagħmir adatt għall-ġbir tal-ilma mormi abbord bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Barra minn hekk, ir-riżoluzzjoni tagħti spinta lill-inizjattivi u l-objettivi tal-protezzjoni ambjentali.

(8)

L-Unjoni mhijiex Parti Kontraenti għas-CDNI. Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma Partijiet Kontraenti għas-CDNI, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Konferenza tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni dwar il-ġbir, id-depożitu u r-riċezzjoni ta’ skart iġġenerat matul in-navigazzjoni fir-Rhine u f’passaġġi fuq l-ilma interni oħrajn (CDNI), fil-laqgħa tagħha tat-22 ta’ Ġunju 2021, għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tar-riżoluzzjoni li għandha l-għan li testendi l-projbizzjoni tal-iskariku tal-ilma domestiku mormi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni li jġorru bejn 12 u 50 passiġġier.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jesprimuha l-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Konferenza tal-Partijiet Kontraenti għas-CDNI, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 3

Jistgħu jiġu miftiehma bidliet minuri fil-pożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, li temenda d-Direttiva 2009/100/KE u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 118).