21.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/5


DEĊIŻJONI (UE) 2020/547 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ April 2020

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza fl-2020 biex tingħata assistenza ta’ emerġenza lill-Istati Membri u biex jissaħħaħ il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili/rescEU b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (1), u b’mod partikolari l-punt 14 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi,

(1)

L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (2) stabbilixxa Marġni ta’ Kontinġenza sa massimu ta’ 0,03 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross tal-Unjoni,

(2)

Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013, il-Kummissjoni kkalkulat l-ammont assolut tal-Marġni ta’ Kontinġenża għall-2020 (3).

(3)

Wara li jkunu eżaminaw il-possibbiltajiet finanzjarji l-oħra kollha li jirreaġixxu għal ċirkostanzi mhux previsti fi ħdan il-limitu massimu ta’ impenn tal-2020 għall-intestatura 3 (Sigurtà u ċittadinanza) tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), u wara li kkunsidraw il-mobilizzazzjoni tal-Marġni Globali għall-Impenji għall-ammont sħiħ ta’ 2 392 402 163 disponibbli fl-2020 u tal-Istrument ta’ Flessibbiltà għall-ammont sħiħ ta’ EUR 1 094 414 188 disponibbli fl-2020, huwa meħtieġ li jiġi mmobilizzat il-Marġni ta’ Kontinġenza biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet li jirriżultaw mit-tifqigħa tal-COVID-19 billi jiżdiedu l-approprjazzjonijiet ta’ impenn fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2020, lil hinn mil-limitu massimu tal-intestatura 3 tal-QFP.

(4)

Wara li kkunsidraw din is-sitwazzjoni partikolari ħafna, il-kundizzjoni tal-aħħar għażla fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 hija ssodisfata.

(5)

Din id-Deċiżjoni hija marbuta mal-finanzjament inkluż fil-baġit emendatorju Nru 2 tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea 2020. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza ma’ dak il-baġit emendatorju, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2020, il-Marġni ta’ Kontinġenza għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 714 558 138 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn mal-limitu massimu tal-intestatura 3 (Sigurtà u ċittadinanza) tal-qafas finanzjarju pluriennali.

Artikolu 2

L-ammont totali ta’ EUR 714 558 138 imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jiġi paċut mal-marġni taħt il-limitu ta’ impenn tas-sena finanzjarja 2020 tal-intestatura 5 (Amministrazzjoni) tal-qafas finanzjarju pluriennali.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din għandha tapplika mis-17 ta’ April 2020.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ April 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(3)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Mejju 2019 dwar l-aġġustament tekniku tal-qafas finanzjarju għall-2020 f’konformità maċ-ċaqliq fl-ING (COM(2019)310).