8.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 61/7


REGOLAMENT (UE) 2017/372 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-1 ta’ Marzu 2017

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (Georgia)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 (2) jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa. Il-kompożizzjoni tal-listi ta’ pajjiżi terzi fl-Annessi I u II għandha tkun, u għandha tibqa’, konsistenti mal-kriterji stipulati fir-Regolament (KE) Nru 539/2001. Ir-referenzi għal pajjiżi terzi li fir-rigward tagħhom inbidlet is-sitwazzjoni fir-rigward ta’ dawk il-kriterji għandhom ikunu trasferiti minn anness għall-ieħor, skont kif ikun xieraq.

(2)

Huwa meqjus li l-Georgia laħqet il-punti ta’ riferiment kollha stipulati fil-Pjan ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża ppreżentat lill-Gvern tal-Georgia fi Frar 2013, u għaldaqstant tissodisfa l-kriterji rilevanti sabiex iċ-ċittadini tagħha jkunu eżentati mill-ħtieġa tal-viża meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Istati Membri. L-adempiment kontinwu mill-Georgia ta’ tali kriterji, speċjalment dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, ser ikun issorveljat kif dovut mill-Kummissjoni f’konformità mal-mekkaniżmu rilevanti stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 539/2001.

(3)

Ir-referenza għall-Georgia għandha għaldaqstant tiġi trasferita mill-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 għall-Anness II tiegħu. Dik l-eżenzjoni tal-viża għandha tapplika biss għad-detenturi ta’ passaporti bijometriċi maħruġa mill-Georgia f’konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

(4)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jipparteċipax, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (3); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(5)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tipparteċipax, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4); għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(6)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt B tal-Artikolu 1, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6).

(7)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt B tal-Artikolu 1, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8).

(8)

Fir-rigward ta’ Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (9), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt B tal-Artikolu 1, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa emendat kif ġej:

(a)

fl-Anness I, Parti 1 (“STATI”), ir-referenza għall-Georgia titħassar.

(b)

fl-Anness II, Parti 1 (“STATI”), tiddaħħal ir-referenza li ġejja:

“Il-Georgia (*1)

(*1)  L-eżenzjoni tal-viża hija limitata għad-detenturi ta’ passaporti bijometriċi maħruġa mill-Georgia f’konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).”."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Marzu 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

C. AGIUS


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Frar 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2017.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(7)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-Acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(9)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).