16.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/23


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1010

tat-13 ta' Marzu 2017

li temenda, għall-finijiet ta' adattament għall-progress tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għaċ-ċomb f'ċilindri ta' ġewwa u ta' barra tal-bearings għal ċerti kompressuri li jkun fihom refriġerant

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE tipprojbixxi l-użu taċ-ċomb fit-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq.

(2)

Iċ-ċomb jintuża fil-bearings tal-kompressuri li jkun fihom refriġerant issiġillati ermetikament sabiex tiġi evitata t-tnixxija tar-refriġerant. Iċ-ċomb jipprovdi frizzjoni baxxa fil-bearing billi jaġixxi bħala lubrikant solidu f'każ ta' lubrikazzjoni inadegwata.

(3)

Għalkemm il-bearings mingħajr ċomb huma vijabbli, dawn għadhom ma jistgħux jissostitwixxu b'mod affidabbli l-bearings taċ-ċomb għall-kompressuri li jkun fihom refriġerant b'input tal-potenza elettrika stabbilit ta' 9 kW jew inqas.

(4)

Iċ-ċomb f'ċilindri ta' ġewwa u ta' barra tal-bearings għal kompressuri tat-tip skroll ermetiċi li jkun fihom refriġerant b'input tal-potenza elettrika stabbilit ta' 9 kW jew inqas għall-applikazzjonijiet ta' tisħin, ventilazzjoni, kundizzjonar tal-arja u refriġerazzjoni (HVACR) jenħtieġ għalhekk li jiġi eżentat sal-21 ta' Lulju 2019. Minħabba ċ-ċikli ta' innovazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-HVACR, id-durata ta' din l-eżenzjoni mhux mistennija jkollha impatti negattivi fuq l-innovazzjoni.

(5)

Id-Direttiva 2011/65/UE jenħtieġ għalhekk li tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mis-6 ta' Lulju 2018, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Dawn għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Dawn għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mis-6 ta' Lulju 2018.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza meta jiġu ppubblikati b'mod uffiċjali. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.


ANNESS

Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, il-punt 9(b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“9(b)

Iċ-ċomb f'ċilindri ta' ġewwa u ta' barra tal-bearings għal kompressuri li jkun fihom refriġerant għall-applikazzjonijiet ta' tisħin, ventilazzjoni, kundizzjonar tal-arja u refriġerazzjoni (HVACR)

Tapplika għall-kategoriji 8, 9 u 11; tiskadi:

fil-21 ta' Lulju 2023 għall-apparat mediku dijanjostiku in vitro tal-kategorija 8;

fil-21 ta' Lulju 2024 għall-istrumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali tal-kategorija 9 u għall-kategorija 11;

fil-21 ta' Lulju 2021 għas-subkategoriji l-oħrajn tal-kategoriji 8 u 9.

9(b)-(I)

Iċ-ċomb f'ċilindri ta' ġewwa u ta' barra tal-bearings għal kompressuri tat-tip skroll ermetiċi li jkun fihom refriġerant b'input tal-potenza elettrika stabbilit ta' 9 kW jew inqas għall-applikazzjonijiet ta' tisħin, ventilazzjoni, kundizzjonar tal-arja u refriġerazzjoni (HVACR)

Tapplika għall-kategorija 1; tiskadi fil-21 ta' Lulju 2019.”