16.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 101/12


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/585

tat-12 ta' Frar 2016

li temenda, għal skopijiet ta' adattament għall-progress tekniku, l-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għaċ-ċomb, il-kadmju, il-kromju eżavalenti u l-eteri tad-difenil polibromurat (PBDE) fil-parts tal-bdil irkuprati minnn u użati għat-tiswija jew ir-rinnovament ta' mezzi mediċi jew mikroskopji tal-elettroni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE tipprojbixxi l-użu taċ-ċomb, tal-kadmju, tal-kromju eżavalenti u tal-eteri tad-difenil polibromurat (PBDE) fit-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq.

(2)

Hemm stabbiliti prattiki ta' rinnovament għat-tagħmir tal-immaġini bħat-tagħmir tal-produzzjoni tal-immaġni bir-reżonanza manjetika, l-apparat tat-tomografija bil-kompjuter, il-mezzi dijanjostiċi in vitro, l-apparat għall-monitoraġġ tal-pazjenti u l-mikroskopji tal-elettroni. Xi wħud mill-parts tal-bdil irkuprati użati mill-ġdid għar-rinnovament ikun fihom ammonti żgħar ta' ċomb, kadmju, kromju eżavalenti, jew PBDE.

(3)

L-eżenzjoni stipulata fil-punt 31 tal-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE ma tippermettix l-użu tal-parts ta' bdil irkuprati minn tagħmir użat li ma kienx diġà mqiegħed fis-suq tal-Unjoni u għaldaqstant tillimita d-disponibilità tal-parts ta' bdil irkuprati.

(4)

Tqabbil tal-impatti ambjentali tal-użu tal-parts rinnovati f'tali każijiet mal-impatti ambjentali tas-sostituzzjoni tal-parts rinnovati ma' oħrajn ġodda juri li t-total tal-impatti negattivi tas-sostituzzjoni fuq l-ambjent, is-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi huma ikbar mill-benefiċċji totali tagħha.

(5)

Meta wieħed iqis li r-restrizzjoni tas-sustanza se tibda japplika fuq tagħmir differenti kkonċernat f'dati differenti kif previst fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/65/UE, għandha tiġi stabbilita data ta' skadenza differenti għall-eżenzjoni għal kull tip ta' tagħmir.

(6)

Id-Direttiva 2011/65/UE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(7)

Biex tiġi żgurata tranżizzjoni mingħajr skossi għall-operaturi tas-suq mid-dispożizzjonijiet l-qodma għad-dispożizzjonijiet proposti u biex jiġi evitat tfixkil tas-suq uniku, huwa xieraq li tiġi stabbilita data għall-applikazzjoni simultanja mill-Istati Membri tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom li tipprovdi wkoll perjodu raġonevoli ta' żmien wara d-data tat-traspożizzjoni.

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit-28 ta' Frar 2017, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mis-6 ta' Novembru 2017.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Frar 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.


ANNESS

L-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/EU tiġi emendata kif ġej:

(1)

Il-punt 31 jitħassar.

(2)

Jiżdied il-punt 31a li ġej:

“31a.

Iċ-ċomb, il-kadmju, il-kromju eżavalenti u l-eteri tad-difenil polibrominati (PBDE) fil-parts tal-bdil irkuprati minn u użati għat-tiswija jew ir-rinnovament tal-mezzi mediċi, inklużi l-mezzi mediċi dijanjostiċi in vitro, jew il-mikroskopji tal-elettroni u l-aċċessorji tagħhom, bil-kundizzjoni li dan l-użu mill-ġdid iseħħ f'sistemi ta' rkupru bejn negozju u ieħor f'ċiklu magħluq u verifikabbli, u li kull użu mill-ġdid tal-parts jiġi nnotifikat lill-konsumatur.

Tiskadi:

(a)

fil-21 ta' Lulju 2021 għall-użu tal-mezzi mediċi għajr il-mezzi mediċi dijanjostiċi in vitro;

(b)

fil-21 ta' Lulju 2023 għall-użu fil-mezzi mediċi dijanjostiċi in vitro;

(c)

fil-21 ta' Lulju 2024 għall-użu fil-mikroskopji tal-elettroni u l-aċċessorji tagħhom.”