8.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/112


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1074

tad-19 ta’ Jannar 2015

dwar l-għajnuna mill-istat SA.35842 (2014/C) (ex 2012/NN) mogħtija mill-Italja –

Kumpens addizzjonali rigward obbligi ta’ servizz pubbliku favur CSTP

(notifikata bid-dokument C(2015)74)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

wara li sejħet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) ċitati hawn fuq, u waqt li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDIMENT

(1)

Permezz ta’ notifika elettronika tal-5 ta’ Diċembru 2012, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw, skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, il-kumpens addizzjonali mogħti lil Consorzio Salernitano Trasporti Pubblici S.p.A. (“CSTP”), biex din tipprovdi servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri bil-karozza tal-linja abbażi ta’ konċessjonijiet mogħtija mir-Reġjun Campania (“ir-Reġjun”) fil-perjodu 1997-2002 (“il-perjodu li qed jiġi eżaminat”), fl-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Kunsill tal-Istat, l-awtorità suprema ġudizzjarja amministrattiva Taljana.

(2)

In-notifika ġiet reġistrata bin-numru SA.35842 u, mit-13 ta’ Diċembru 2012, ġiet trattata bħala miżura mhux notifikata peress li, skont l-informazzjoni li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Kummissjoni, ir-Reġjun kellu l-obbligu li jħallas il-kumpens addizzjonali dovut lil CSTP mis-7 ta’ Diċembru 2012, wara li l-Gvern Taljan innotifika l-miżura lill-Kummissjoni, iżda qabel ma l-Kummissjoni kienet tkun adottat deċiżjoni.

(3)

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Taljani d-deċiżjoni tagħha li tiftaħ proċediment skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat (“deċiżjoni ta’ ftuħ”).

(4)

Id-deċiżjoni tal-ftuħ ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (1). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna.

(5)

L-awtoritajiet Taljani ressqu l-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ bl-ittri datati l-21 u l-25 ta’ Marzu 2014.

(6)

L-unika parti terza li ressqet kummenti b’risposta għad-deċiżjoni tal-ftuħ kienet CSTP, il-benefiċjarju tal-miżura nnotifikata. Il-kummenti tagħha waslu fil-25, is-26, is-27 u t-28 ta’ Marzu 2014.

(7)

L-Italja ma bagħtet l-ebda kummenti rigward l-osservazzjonijiet tal-parti terza.

(8)

Wara li l-Kummissjoni aċċettat li testendi l-iskadenza tal-preżentazzjoni, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw l-informazzjoni kumplimentari permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Settembru 2014.

2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

2.1.   IL-KUMPANIJA

(9)

CSTP hija kumpanija privata li tiġġestixxi servizzi ta’ trasport pubbliku lokali abbażi ta’ konċessjonijiet reġjonali u komunali. B’mod aktar speċifiku, skont l-awtoritajiet Taljani, fil-perjodu li qed jiġi eżaminat, CSTP wettqet servizzi ta’ trasport bil-karozza tal-linja bħala konċessjonarja tar-Reġjun u kopriet total ta’ madwar disa’ miljun kilometru fis-sena.

(10)

Mill-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Taljani, għas-servizz imsemmi hawn fuq, fil-perjodu li qed jiġi eżaminat, ir-Reġjun diġà ħallas lil CSTP is-somma ta’ EUR 13 1 6 32  525,80, li minnhom EUR 12 5 8 69  212,47 għat-twettiq u l-ġestjoni tas-servizz, u EUR 5 7 63  313,32 għall-investimenti. Peress li rriżulta li t-tali kumpens kien ingħata lil CSTP aktar minn għaxar snin qabel ma l-Kummissjoni bagħtet l-ewwel talba tagħha għall-informazzjoni lill-Istat Taljan, it-tali kumpens mhux se jkun suġġett għal valutazzjoni fl-ambitu tal-proċedura li għaddejja (2).

(11)

Apparti l-ammonti li diġà ssemmew aktar ‘l fuq, CSTP talbet lir-Reġjun kumpens addizzjonali ta’ EUR 1 4 5 45  946, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 (3), minħabba l-iżvantaġġi kummerċjali li allegatament ġarbet minħabba l-allegata impożizzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku (Public Service Obbligation — PSO).

(12)

Fl-2008, it-Tribunal Amministrattiv Reġjonali ta’ Salerno ċaħad it-talba ta’ CSTP dwar rikonoxximent tad-dritt għal kumpens addizzjonali abbażi tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69. It-tribunal iddeċieda li, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 (4), CSTP ma setgħetx titlob kumpens għall-iżvantaġġi kummerċjali mnissla mill-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku mingħajr ma tkun talbet, minn qabel, l-eliminazzjoni ta’ tali obbligi.

2.2.   IS-SENTENZI TAL-KUNSILL TAL-ISTAT

(13)

B’sentenza tas-27 ta’ Lulju 2009 (is-sentenza Nru 4683/09), il-Kunsill tal-Istat laqa’ r-rikors ta’ CSTP kontra d-deċiżjoni tat-tribunal amministrattiv reġjonali ta’ Salerno, u kkonkluda li CSTP kellha dritt li tirċievi kumpens addizzjonali għas-servizz pubbliku li jitħallas skont l-Artikoli 6, 10 u 11 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69. Din is-sentenza ma tiddefinixxix bi preċiżjoni minn liema att legali u f’liema forma kienu ġew imposti l-obbligi ta’ servizz pubbliku, iżda tisħaq li t-talba li impriża li tkun tat servizz pubbliku tagħmel għal kumpens tal-kosti, li effettivament tkun ġarrbet matul l-eżekuzzjoni ta’ tali servizz, ma tistax tiġi miċħuda. Il-Kunsill tal-Istat, barra minn dan, ikkonkluda li CSTP kellha dritt li tirċievi kumpens ta’ servizz pubbliku anki jekk din ma kinitx talber minn qabel l-eliminazzjoni tal-PSO.

(14)

Skont il-Kunsill tal-Istat, l-ammont eżatt tal-kumpens addizzjonali dovut lil CSTP kellu jiġi determinat mir-Reġjun abbażi ta’ ċifri affidabbli li jinkisbu mill-kontijiet tal-kumpanija, li jkunu jixhdu d-differenza bejn il-kosti li jiġġarbu mill-attivitajiet ta’ CSTP milquta mill-obbligu ta’ servizz pubbliku u d-dħul korrispondenti. Madankollu, ir-Reġjun iddikjara li ma kienx fil-pożizzjoni li jiddetermina l-ammont minħabba n-nuqqas ta’ dejta preċiża u attendibbli.

(15)

Bl-ordinanza Nru 8736/2010 tat-13 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill tal-Istat innomina espert biex jeżegwixxi dan il-kompitu. Skont l-awtoritajiet Taljani, l-esport ma kienx fil-pożizzjoni li jiddetermina l-ammont ta’ kumpens, u kien biss bil-għajnuna ta’ espert ieħor, nominat mill-Kunsill tal-Istat permezz tal-ordinanza Nru 5897/2011 tas-7 ta’ Novembru 2011 li ġie kkalkolat l-ammont preċiż tal-kumpens bl-applikazzjoni ta’ “metodu induttiv”, kif ordnat permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Istat Nru 3244/2011 tal-25 ta’ Lulju 2011. Abbażi ta’ dawn il-kalkoli l-esperti kkonkudew li kien hemm nuqqas ta’ kumpens lil CSTP biss għall-1998, kif jirriżulta mill-applikazjoni tal-formula fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 (obbligu ta’ tariffa). L-esperti ma setgħux japplikaw metodu induttiv biex jikkalkolaw in-nuqqas (allegat) ta’ kumpens skont l-Artikolu 10 tal-istess regolament (l-obbligu ta’ eżerċizzjoni jew ta’ trasport), minħabba nuqqas ta’ ċifri affidabbli u r-riskju li jiġi rduppjat, bl-applikazzjoni tal-metodu induttiv, il-kumpens ikkalkolat skont l-Artikolu 11. B’mod impliċitu, l-esperti b’hekk assumew li kien ġie impost fuq CSTP obbligu ta’ natura tariffarja.

(16)

Il-Kunsill tal-Istat, bħala konsegwenza, ħareġ is-sentenza Nru 5649/2012 tas-7 ta’ Novembru 2012, u impona fuq ir-Reġjun li jħallas lil CSTP, mhux aktar tard mis-7 ta’ Diċembru 2012, l-ammont ta’ EUR 4 9 51  838, li jirrappreżenta l-ammont ta’ nuqqas ta’ kumpens dovut għall-1998. Ir-Reġjun għadda l-ammont lil CSTP fil-21 ta’ Diċembru 2012.

(17)

Il-pagament lil CSTP tat-tali kumpens addizzjonali min-naħa tar-Reġjun bis-saħħa tas-sentenza Nru 5649/2012 jikkostitwixxi l-miżura mhux notifikata u hija l-oġġett ta’ din id-deċiżjoni preżenti.

2.3.   INFORMAZZJONI/OSSERVAZZJONIJIET ADDIZZJONALI MOGĦTIJA MILL-AWTORITAJIET TALJANI

(18)

Skont l-awtoritajiet Taljani, CSTP, flimkien ma’ operaturi oħra ta’ servizzi bi skeda reġjonali ta’ trasport bil-karozzi tal-linja, kienet qed topera abbażi ta’ liċenzji temporanji (konċessjonijiet) imġedda kull sena wara applikazzjoni mill-kumpanija operatriċi. Dawn il-konċessjonijiet kienu jagħtu lill-kumpanija d-dritt esklussiv li tipprovdi s-servizzi in kwistjoni.

(19)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani jiddikjaraw li CSTP kienet talbet lir-Reġjun li jagħtiha konċessjonijiet maħsuba biex tkun tista’ tipprovdi servizzi fuq ir-rotot partikolari kull sena fil-perjodu li qed jiġi eżaminat u li l-konċessjonijiet kienu jistabbilixxu dejjem li s-servizzi kellhom jingħataw totalment b’riskju għall-impriżi kkonċernati u, b’mod partikolari, mingħajr ma l-għoti tas-servizz ikun jikkostitwixxi xi dritt għal sussidju jew għal kumpens ta’ kwalunkwe natura. L-awtoritajiet Taljani ppreżentaw kopja ta’ mudell ta’ konċessjoni tal-1973, bħala prova tal-konformità ma’ dak użat fil-każ ta’ CSTP għall-perjodu li qed jiġi eżaminat. L-awtoritajiet Taljani ma pprovdew mandakollu l-ebda kuntratt ta’ konċessjoni li kien ġie effettivament konkluż ma’ CSTP fil-perjodu li qed jiġi eżaminat.

(20)

L-awtoritajiet Taljani ddikjaraw li, bis-saħħa ta’ dawn il-konċessjonijiet, CSTP kienet ħielsa li tipproponi s-sostituzzjoni tal-forom ta’ trasport li kellhom jintuża jew li titlob l-eliminazzjoni totali jew parzjali tal-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku, jekk u meta dawn l-obbligi jkunu jfissru li l-konsorzju jsofri żvantaġġ ekonomiku, iżda l-kumpanija qatt ma eżerċitat it-tali dritt. L-awtoritajiet Taljani isostnu, barra minn dan, li l-kumpanija qatt ma tat notifika lir-Reġjun li l-obbligi kienu qed ifissru żvantaġġi ekonomiċi għaliha, u lanqas li hija kienet qed toffri servizzi li altrimenti ma kinitx tipprovdi li ma kienx għall-obbligi tagħha li toffrihom fil-qafas tal-PSO. Fl-aħħar nett, skont l-awtoritajiet Taljani, CSTP qatt ma talbet l-eliminazzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku kif stipulat fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69.

(21)

Skont l-awtoritajiet Taljani, il-flus mit-taxxi li ngħataw lill-kumpanija CSTP fil-passat kienu bbażati fuq il-metodoloġija tal-kost standardizzat, li jipprevedi l-użu tal-parametri stabbiliti bil-liġi reġjonali Nru 16/1983 (5). Dawn jinkludu: l-għadd ta’ kilometri konċessi f’kuntrast ma’ kemm ġew fil-fatt misjuqa, l-għadd ta’ impjegati u tal-karozzi tal-linja, varjabbli skont it-tip ta’ servizz li jingħata (jekk hux urban, fil-muntanji jew fl-għoljiet), it-trattament legali u ekonomiku tal-impjegati, id-daqs tal-impriża u l-kosti tal-karozzi tal-linja.

(22)

Barra minn dan, l-awtoritajiet Taljani għandhom dubju kemm CSTP tat prova li kienet issodisfat il-PSO b’mod effiċjenti u kif suppost skont ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 u jsostnu li CSTP ma kellhiex sistema ta’ separazzjoni tal-kontijiet kif stipulat fl-Artikolu 1(5) tal-istess Regolament.

2.4.   AMMONT TAL-KUMPENS

(23)

Kif intwera fil-premessa 15, il-Kunsill tal-Istat ħatar żewġ esperti biex jiddeterminaw il-kumpens addizzjonali dovut mir-Reġjun lil CSTP skont l-Artikoli 6, 10 u 11 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69. Kull espert ippreżenta r-rapport rispettiv tiegħu fis-27 ta’ Settembru 2012, iżda kien biss it-tieni espert li rnexxielu jikkalkula l-kumpens addizzjonali dovut lil CSTP mir-Reġjun.

(24)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-obbligu ta’ eżerċizzju jew ta’ trasport skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, l-esperti saħqu aktar minn darba fir-rapport li t-talbiet għal kumpens addizzjonali lil CSTP ma kinux sostanzjati minn għadd suffiċjenti ta’ ċifri ddokumentati għall-kakolu preċiż tal-ammont. Barra minn dan, il-partijiet (jiġifieri CSTP u r-Reġjun) ippreżentaw ċifri li ma kinux konsistenti jew li ma kinux preċiżi biżżejjed, u b’hekk kienu biss approssimattivi. Bħala konsegwenza, l-esperti kkonkludew fir-rapport li l-partijiet ma pprovdewx provi abbażi ta’ dokumentazzjoni suffiċjenti għall-valutazzjoni tal-iżvantaġġ kummerċjali tal-linji ta’ trasport bil-karozzi tal-linja, b’mod li ma setgħet issir l-ebda stima affidabbli f’dan il-każ, minkejja l-applikazzjoni tal-“metodu induttiv” użat mill-Kunsill tal-Istat. L-esperti kkonkludew għalhekk li l-kumpens addizzjonali għall-obbligu ta’ eżerċizzju jew ta’ trasport, ikkalkolat skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 (6), għandu jkun fl-ammont ta’ żero.

(25)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-kumpens addizzjonali tal-obbligi ta’ natura tariffarja skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, l-esperti kkonkludew li mhux possibbli li dan jiġi kkalkulat bl-applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni peress li l-partijiet qatt ma ddefinew is-sitwazzjoni tas-suq u, bħala konsegwenza, l-ammont ta’ kumpens għandu jiġi kkalkolat fl-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni. L-esperti jirrikonoxxu li mhux possibbli tikkalkula l-kumpens lanqas jekk jiġi applikat il-paragrafu 1, minħabba ċifri nieqsa jew mhux affidabbli. Għaldaqstant, ġie applikat il-“metodu induttiv” ordnat mill-Kunsill tal-Istat, li jimplika l-użu tal-kunċett ta’ “kosti standard”, abbażi ta’ “kost unitarju standard”, u fuq l-għadd ta’ kilometri milquta mill-konċessjoni sabiex jiġi kkalkolat jekk CSTP ġarrbitx nuqqas ta’ kumpens matul il-perjodu li qed jiġi eżaminat fir-rigward tal-obbligi ta’ natura tariffarja li kienu ġew imposti fuqha.

(26)

Abbażi ta’ dan, l-esperti kkalkolaw l-ammont tal-kumpens addizzjonali skont il-formula fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, billi assumew li CSTP kellha imposti fuqha obbligi ta’ natura tariffarja matul il-perjodu li qed jiġi eżaminat, kif jidher fit-tabella li ġejja:

 

1997

1998

1999

2000

2001

2002

A)

Introjti ġejjin minn ġestjoni kummerċjali

4 0 3 03  387,71

4 2 3 12  390,51

4 1 1 74  023,85

4 2 3 99  523,59

4 2 0 10  059,97

4 2 0 10  059,97

B)

Introjti effettivi ġejjin mill-ġestjoni fil-każ li qed jiġi eżaminat

9 4 84  545,48

8 7 05  924,03

8 5 77  234,29

9 2 54  374,76

9 4 47  735,00

9 4 30  225,00

C)

Kontribuzzjonijiet diġà imħallsa

3 4 1 06  026,86

2 9 9 35  681,81

3 4 1 24  760,15

3 5 1 99  742,20

3 3 4 96  192,00

3 3 8 69  048,00

A-(B+C)

-  3 2 87  184,64

3 6 70  784,68

-1 5 27  970,59

-2 0 54  593,37

-9 33  867,03

-1 2 89  213,03

A-(B+C)

 

3 6 70  784,68

 

 

 

 

(27)

Minn dawn il-kalkoli joħroġ li CSTP tista’ ssostni li sofriet nuqqas ta’ kumpens biss fl-1998, minħabba l-allegata impożizzjoni fuqha ta’ obbligi ta’ natura tariffarja. L-ammont tal-kumpens nieqes kien ta’ EUR 3 6 70  784,68, li magħhom jiżdied imgħax legali ta’ EUR 1 2 81  053,57, li jġibu kumpens addizzjonali ta’ EUR 4 9 51  838,25 li l-Kunsill tal-Istat ordna li r-Reġjun għandu jħallas lil CSTP u li dan effettivament ittrasferixxa fil-21 ta’ Diċembru 2012.

2.5.   RAĠUNIJIET GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDIMENT

(28)

Kif joħroġ mid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni kellha bosta dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern.

(29)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni kkunsidrat jekk kinux ġew issodisfati l-erba’ kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“QĠUE”) fil-każistika Altmark (7) tagħha.

(30)

It-tieni, il-Kummissjoni kellha dubji fil-każ tal-eżenzjoni mill-obbligu ta’ notifika skont ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69. Sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 effettivament jeħlisx lill-awtoritajiet Taljani mill-obbligu ta’ notifika minn qabel, huwa għalhekk meħtieġ, l-ewwel nett, li jiġi stabbilit jekk ir-Reġjun fil-fatt kienx impona unilateralment obbligu ta’ servizz pubbliku fuq CSTP u, it-tieni, jekk il-kumpens mogħti għal dawn l-obbligi tas-servizz huwiex konformi mar-Regolament (KEE) Nru 1191/69. Il-Kummissjoni ma setgħetx tasal għal konklużjoni fejn tidħol il-kwistjoni dwar jekk il-kumpens mogħti lil CSTP kienx jissodisfa tali kundizzjonijiet.

(31)

It-tielet, il-Kummissjoni kellha dubji fejn tidħol il-kumpatibilità tal-miżura skont ir-Regolament (KEE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Kieku kellu jiġi kkonfermat li tal-anqas waħda mill-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni min-notifika, skont ir-Regolament (KE) Nru 1191/69, ma ġietx issodisfata u li jkun neċessarju li ssir valutazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007, il-Kummissjoni jkollha dubji dwar ir-rispett tal-kundizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament fil-każ ikkonċernat.

3.   KUMMENTI MAGĦMULIN MILL-ITALJA

(32)

L-awtoritajiet Taljani, fil-livell nazzjonali, ma ressqux kummenti dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċediment. Kien biss ir-Reġjun Campania li ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

(33)

L-ewwel nett ir-Reġjun osserva li CSTP ma pprovdiet l-ebda element ta’ prova li juri l-eżistenza ta’ separazzjoni adegwata tal-kontijiet.

(34)

Ir-Reġjun saħaq għalhekk li matul il-perjodu li qed jiġi eżaminat ma kien hemm l-ebda każ ta’ xi impożizzjoni unilaterali ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku. Pjuttosti, il-kumpanija, skont il-prassi li kienet fis-seħħ fil-mument, kull sena kienet titlob it-tiġdid tas-servizzi konċessi u li l-ebda att ta’ konċessjoni ma wassal għall-impożizzjoni unilaterali ta’ PSO. Barra min hekk, biex jiġi konformi mas-sentenza, ir-Reġjun darba wara l-oħra talab lil CSTP biex din tippreżenta provi dokumentati meħuda minn atti jew kuntratti li bihom, skont il-kumpanija, ġew imposti fuqha l-PSO, iżda baqa’ ma rċieva xejn, skont dak li ġie kkomunikat. CSTP lanqas ma pprovdiet elementi ta’ prova li juru li hija kienet talbet lir-Reġjun biex jimmodifika l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt ta’ konċessjoni fejn jidħlu rotot, ħinijiet u tariffi, u lanqas provi li juri li r-Reġjun kien ċaħad talbiet li setgħu saru f’dan is-sens. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-livelli massimi tat-tariffi, ir-Reġjun osserva li t-tariffi imposti mill-kuntratti ta’ konċessjoni kienu jaqgħu fil-miżuri ġenerali ta’ politika dwar il-prezzijiet applikati mill-ażjendi kollha fis-settur.

4.   IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(35)

L-unika parti terza li ressqet kummenti b’risposta għad-deċiżjoni tal-ftuħ kienet CSTP, il-benefiċjarju tal-miżura nnotifikata. Fis-sottomissjonijiet tagħha, CSTP uriet li ma taqbilx mal-pożizzjoni preliminari adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ.

(36)

L-ewwel nett, hija ssostni li matul il-perjodu li qed jiġi eżaminat, ir-Reġjun impona fuqha b’mod unilaterali PSO. Biex issostni l-pożizzjoni tagħha, CSTP saħqet li t-tali PSO ma kinux ġew definiti fid-dokumenti tal-għoti tal-konċessjoni, li ma jeżistux, iżda dawn ġejjin biss minn dokumenti interni tar-Reġjun li jinkludu d-determinazzjoni minn qabel tal-ażjenda partikolari u l-istabbiliment tal-kumpens permezz tal-metodoloġija hekk imsejħa “kost standard”. CSTP spjegat li l-Italja kienet irregolamentat il-PSO permezz tal-liġi Nru 151/81, il-liġi reġjonali Nru 16/83, il-liġi Nru 59/97, l-Artikolu 4 u d-digriet leġiżlattiv Nru 422/97. Ir-Reġjun afda l-PSO f’idejn CSTP skont att ta’ konċessjoni tal-1972/1973, li kien qed jiġġedded kull sena sal-2003. Il-fatt li fil-perjodu li qed jiġi eżaminat, ġew imposti PSO fuq CSTP – pereżempju l-obbligi fejn jidħlu tariffi, rotot, stejġis u ħinijiet – jista’ jiġi determinat, skont dak li ġie kkomunikat, mid-dokumenti li ġejjin:

il-“kuntratt dwar estensjoni tas-servizz”, iffirmat minn CSTP u mir-Reġjun għas-sena 2003, skont l-Artikolu 46 tal-liġi reġjonali Nru 3/02, li jtawwal u jissostitwixxi l-konċessjonijiet eżistenti;

id-deċiżjoni tal-Gvern reġjonali Nru 4873 tat-30 ta’ Diċembru 1999 li tawtorizza lil CSTP timmodifika r-rotta tal-karozzi tal-linja wara talba mill-istess kumpanija u minn firmatarji oħra;

id-deċiżjoni tal-Gvern reġjonali Nru 327 tal-4 ta’ Mejju 2000 li testendi s-sospensjoni taż-żieda fil-kosti għall-abbonati fil-każ tas-servizzi reġjonali tat-trasport bil-karozzi tal-linja;

in-nota 5171/2000 li fiha huma kkomunikati l-modi differenti ta’ kif jiġu kkalkolati l-prezzijiet għall-abbonamenti normali u l-abbonamenti għas-servizzi użati minn ħaddiema;

id-digriet tal-Assessur tat-Trasport tar-Reġjun Nru 1609/2001, dwar il-konverżjoni mil-lira Taljana għall-euro fejn tinġibed l-attenzjoni tal-konċessjonarji li żidiet mhux dovuti huma pprojbiti – li huwa obbligu fil-konċessjoni/fil-kuntratt.

(37)

CSTP sostniet ukoll li, peress li r-Reġjun kemm-il darba naqqas l-ammont tal-kost standard, u applikah b’mod mhux omoġenju għad-diversi linji u konċessjonijiet, xi operaturi kienu ddeċidew li jeliminaw ċerti linji li kienu qegħdin isofru telf kontinwu. Ir-Reġjun iżda allegatament wieġeb li l-operaturi kienu obbligati li jiggarantixxu t-tħaddim tas-servizzi – skont kif stipulat fil-PSO – u li fil-każ ta’ twaqqif tal-linji huma jiġu akkużati b’interruzzjoni ta’ servizz pubbliku. Skont CSTP dan juri li l-kumpanija kienet soġġetta għal PSO. Madankollu, CSTP ma ppreżentatx dokumenti bħala prova ta’ dan.

(38)

It-tieni, CSTP sostniet li, bl-operazzjoni esklussiva tagħha bħala fornitur ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku lokali u peress li ma kinitx tiżvolġi xi attività kummerċjali oħra, ma kienx tassew mistenni minnha li żżomm kontijiet separati. CSTP spjegat li kienet il-prassi li ċ-ċifri fil-kontijiet rigward l-attività ta’ trasport pubbliku suġġetta għal PSO sempliċement jingħataw b’mod separat minn dawk li jirreferu għall-attivitajiet oħrajn tal-impriża u ma kienx hemm il-prassi ta’ aktar separazzjoni fil-kontijiet li tkun tindika b’mod distint l-introjti u l-kosti rigward kull linja. CSTP hija soċjetà għal kollox pubblika li l-uniku kompitu tagħha fil-perjodu li qed jiġi eżaminat, l-istess bħal-lum, huwa dak li tipprovdi servizzi ta’ trasport pubbliku fil-qafas ta’ PSO. Bħala konsegwenza, il-kontijiet tal-kumpanija kien fihom biss ċifri dwar l-attivitajiet tagħha li ġew operati fil-qafas ta’ PSO, għar-raġuni ovvja u essenzjali li – ħlief għas-servizzi ta’ kiri li ġew ipprovduti fl-1998, li ġew indikati b’mod separat fil-konijiet tal-kumpanija – matul is-snin li qed jiġu kkunsidrati, il-kumpanija ma wettqet l-ebda forma oħra ta’ attività imprenditorjali. CSTP żiedet ma’ dan li l-affidiabilità taċ-ċifri qatt ma ġiet ikkontestata mir-Reġjun, li, għall-kuntrarju huwa utilizza b’mod tajjeb, bħala bażi għall-kalkolu u l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet annwali.

(39)

It-tielet, wara li fakkret fis-sentenza nazzjonali finali tal-Kunsill tal-Istat, CSTP ikkontestat l-argumenti li ġejjin li għamel ir-Reġjun:

il-kalkolu ma jistrieħx fuq kontabilità analitika bbażata fuq ċentri tal-ispejjeż distinti li jippermettu d-distizjoni tal-attivitajiet li huma suġġetti għal PSO;

minħabba n-nuqqas ta’ ċifri fil-kontjiet li jippermettu li jiġu identifikati l-elementi speċifiċi li jkunu jridu jiġu kkalkolati skont l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, il-kalkolu sar b’mod induttiv, b’sistema metodoloġika li r-Reġjun sejħilha bħala li hi “diffiċli li tinftiehem u abberranti”.

il-kalkolu ma ħax f’kunsiderazzjoni l-fatt li l-ġestjoni ta’ CSTP ma kinitx marbuta bil-livelli ta’ effiċjenza stabbiliti fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, kif joħroġ mill-paragun bejn iċ-ċifri rigward l-attivitajiet tagħha u dawk marbuta mal-attività ta’ operatur ieħor tat-trasport lokali, SITA SpA.

(40)

CSTP tqis li d-dokumenti tal-kontabilità pprovduti ma jistgħux jitiqesu bħala li mhumiex suffiċjenti biex abbażi tagħhom jingħata kumpens għall-fatt biss li huma kontijiet annwali u “mudelli E” (9) (jiġifieri d-dokumenti bbażati fuq il-kontijiet tal-kumpanija li fihom l-informazzjoni meħtieġa biex tkun tista’ tiġi kkalkolata l-kontribuzzjoni annwali pubblika) mhux akkumpanjati b’kopji sħaħ tal-entrati kontabbli u amministrattiti relattivi (ir-reġistru tal-kontabilità, il-ktieb tal-kontijiet, il-fatturi maħruġa u riċevuti, riċevuti tal-biljetti, eċċ). Skont CSTP, dawn l-argumenti jistgħu jiġu faċilment imwarrba meta wieħed jara li fil-passat ir-Reġjun kien aċċetta l-istess ċifri, u dak iż-żmien kien ikkunsidrahom bħala affidabbli. Barra minn dan, peress li l-perjodu li fih kien obbligatorju li jinżammu d-dokumenti kollha tal-kontabilità u tal-amministrazzjoni għall-perjodu li qed jiġi eżaminat kien skada, huwa diffiċli li b’mod oġġettiv tippretendi li tingħata kopji tagħhom. Għalhekk minn dan jirriżulta li huwa għal kollox leġittimu li l-ammont ta’ kumpens jiġi determinat bl-użu ta’ metodu induttiv kif stipulat mill-Kunsill tal-Istat. Fl-aħħar nett, il-bilanċi ġew iċċertifikati kif dovut u l-korrettezza u l-veriċità tagħhom qatt ma tqiegħdet fid-dubju. Bħala konklużjoni, il-kontijiet ippreżentati minn CSTP huma bla dubju adegwati u jippermettu li jsir il-kalkolu tal-kumpens fir-rispett sħiħ tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69.

(41)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-korrettezza tal-metodu tal-kalkolu u għall-koerenza tiegħu man-normi tal-Unjoni, CSTP issostni li hija trid tiġi kkumpensata għall-iżvantaġġi li, f’temini tad-differenza bejn anqas introjti u aktar kosti, hija sofriet minħabba li kienet suġġetta għall-PSO. Biex jiġi stabbilit kemm tilfet bħala dħul abbażi ta’ ċifri affidabbli, CSTP l-ewwel nett irriferiet għad-dħul operattiv annwali effettiv, li jikkorrispondi għall-unitajiet ta’ trasport effettivi mmoltiplikat bit-tariffa imposta. Hija mbagħad identifikat l-ammont li għandu jitnaqqas, f’konformità mar-regoli tal-Unjoni, filwaqt li rreferiet għall-introjtu neċessarju biex tkopri almenu l-kosti effettivi, skont il-kontijiet annwali. L-ammont tal-introjti mill-operat kull sena jikkoinċidi mal-introjti effettivi li kellha l-kumpanija mill-attivitajiet ġejjin mill-obbligu ta’ tariffa, li hija l-unika attività ta’ CSTP. Iċ-ċifri dwar l-introjti jirriżultaw mill-kontijiet annwali ta’ CSTP u mill-“mudelli E” mibgħuta kull sena lir-Reġjun, li qatt ma esprima dubji dwar l-affidabilità tagħhom. Għaldaqstant, effettivament ma hemm l-ebda bżonn li dawn l-introjti jinqasmu skont l-elementi diversi li jsawruhom. Għal dak li jirrigwarda l-ammont li għandu jitnaqqas, CSTP saħqet li hija użat kriterju li huwa għal kollox kumpatibbli mal-istruzzjonijiet li hemm fir-Regolament (KEE) Nru 1191/69, li jippermetti l-użu tat-tariffa li l-kumpanija kienet tapplika fil-qafas ta’ ġestjoni kummerċjali, tariffa li għandha tkopri l-kosti li jkunu ġew effettivament imġarrba. Għal dak li jirrigwarda d-differenza bejn il-kosti li l-impriża kienet iġġarrab li kieku kellha tapplika t-tariffa l-aktar favorevoli li teżisti jew fil-qafas ta’ ġestjoni kummerċjali u l-kosti li effettivament iġġarbu, CSTP issostni li l-kalkolu tagħha huwa għal kollox koerenti mal-Artikolu 11 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, peress li jippermetti li tintuża l-miżura tal-anqas kost imġarrab mill-impriża li tkun suġġetta għall-PSO f’rabta mal-ammont tal-kontribuzzjoni tar-Reġjun biex jiġu koperti l-kosti tal-eżerċizzju. Fl-aħħar nett, CSTP fakkret li l-Artikoli 10 u 11 tal-imsemmi Regolament t-tnejn li huma jikkonferixxu lill-impriżi ta’ trasport pubbliku suġġetti għall-PSO id-dritt li jingħataw kumpens fir-rigward tal-konsegwenzi negattivi kollha li jitnisslu mill-obbligi tagħhom.

(42)

Ir-raba’, għar-rigward tal-valutazzjoni relattiva ta’ għajnuna mill-Istat, skont id-deċiżjoni tal-ftuħ, CSTP sostniet li fil-perjodu inkwistjoni is-suq tat-trasport pubbliku fl-Italja ma kienx miftuħ għall-kompetizzjoni minn impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra, u għalhekk ikkonkludiet li ma kien hemm l-ebda effett fuq il-kummerċ trasfruntier jew xi distorsjoni tal-kompetizzjoni. B’mod analogu, meta titqies l-organizzazzjoni bħalissa tas-servizz ta’ trasport pubbliku lokali, li huwa bbażat fuq il-konċessjoni unilaterali b’mod esklussiv fuq linji partikolari ta’ trasport, il-kumpens ma kienx tali li jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni. Barra minn dan, peress li l-kost standard għal kull km huwa impost mir-Reġjun u aċċettat mill-konċessjonarju flimkien mal-PSO oħrajn, ma jirriżulta l-ebda vantaġġ. Rigward l-obbligu ta’ tariffa, b’differenza mill-obbligi ta’ eżerċizzju u ta’ trasport, id-differenzjazzjoni li setgħet kienet hemm bejn l-attivitajiet ta’ trasport tal-impriża mhix relevanti. Għaldaqstant, CSTP issostni li mill-anqas tlieta mill-presuppożizzjonijiet stabbiliti mill-QĠUE biex tiġi identifikata għajnuna mill-Istat ma jeżistux fil-każ li qed jiġi eżaminat.

(43)

CSTP hija tal-fehma li l-kompatibilità tal-kumpens trid tiġi vvalutat billi jsir riferiment għar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 u mhux għad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat li hemm fit-Trattat.

(44)

Għar-rigward tal-eżenzjoni mill-obbligu ta’ notifika skont ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69, CSTP ressqet l-argument li, peress li r-Reġjun impona b’mod unilaterali l-obbligu ta’ tariffa, u peress li l-ammonti ma jaqgħux fil-PSO bħala riżultat ta’ kuntratt ta’ servizz, iżda jirriżultaw minn applikazzjoni korretta tal-kalkolu fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 fil-qafas ta’ konċessjoni, il-pagament mogħti bħala kumpens kien eżentat mill-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 17(2) tat-tali Regolament.

5.   IL-KUMMENTI TAL-ITALJA DWAR L-OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET TERZI

(45)

L-awtoritajiet Taljani ma ppreżentaw l-ebda kumment dwar l-osservazzjonijiet ta’ CSTP.

6.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

6.1.   EŻISTENZA TAL-GĦAJNUNA

(46)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, “…kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

(47)

Għaldaqstant, skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, miżura ta’ għajnuna tkun tikkostitwixxi għajnuna jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfati kumulattivament:

il-vantaġġ jingħata mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat,

il-miżura tagħti vantaġġ selettiv billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti,

il-miżura tikkawża distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni, kif ukoll

ikollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

6.1.1.   Ir-riżorsi tal-Istat u l-imputabilità

(48)

Il-Kummissjoni tosserva li s-sentenza tal-Kunsill tal-Istat tobbliga lir-Reġjun biex jagħti lil CSTP kumpens addizzjonali għall-forniment ta’ servizzi tal-karozza tal-linja fil-perjodu li qed jiġi eżaminat fuq ir-rotot li jaqgħu fil-kompetenza tar-Reġjun. L-esperti nnominati mill-Kunsill tal-Istat ikkalkulaw li CSTP ġarrbet żvantaġġ kummerċjali taħt il-forma ta’ nuqqas ta’ kumpens ekwivalenti għal EUR 4 9 51  838 għas-sena 1998 biss, minħabba l-effetti tal-allegata impożizzjoni fuqha ta’ obbligi ta’ natura ta’ tariffa. Fil-21 ta’ Diċembru 2012, ir-Reġjun effettivament ittrasferixxa l-ammont lil CSTP sabiex ikun wettaq is-sentenza.

(49)

Il-fatt li r-Reġjun ikun obbligat minn tribunal nazzjonali li jittrasferixxi kumpens lil impriża ma jfissirx li r-Reġjun li jkun wettaq is-sentenza ma jibqax imputabbli, peress li t-tribunali nazzjonali ta’ dak l-Istat, ġaladarba li huma organi tal-Istat, huma marbuta b’obbligu ta’ kooperazzjoni leali (10).

(50)

Il-miżura għalhekk hija imputabbli għall-Istat u r-riżorsi utilizzati għall-pagament tat-tali kumpens huma riżorsi tal-Istat,

6.1.2.   Vantaġġ kummerċjali selettiv

(51)

Il-Kummissjoni tosserva qabel xejn li CSTP twettaq attività kummerċjali, b’mod partikolari t-trasport ta’ passiġġieri, għall-kumpens. Għalhekk, CSTP trid tiġi kkunsidrata bħala “impriża” skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(52)

Barra minn dan, il-konċessjoni tal-miżura għandha titqies bħala selettiva, għaliex tibbenefika minnha biss CSTP.

(53)

Għar-rigward tal-għoti ta’ vantaġġ kummerċjali, mis-sentenza Altmark jirriżulta li l-kumpens mogħti mill-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat bħala kumpens dirett għal servizzi fornuti mill-impriżi riċeventi sabiex iwettqu obbligi ta’ servizz pubbliku ma jagħtix vantaġġ favur l-imsemmija impriżi u għalhekk ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, sakemm ikun jissodisfa b’mod kumulattiv l-erba’ kundizzjonijiet li ġejjin (11):

l-ewwel nett, l-impriża li tibbenefika tkun ġiet effettivament inkarigata biex twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku, u dawn l-obbligi jridu jkunu ddefiniti b’mod ċar;

it-tieni, il-parametri li fuqhom ikun ikkalkulat il-kumpens ikunu ġew stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti;

it-tielet, il-kumpens ma jistax ikun jaqbeż l-ammont meħtieġ biex jiġu koperti l-kosti kollha jew parti minnhom, imġarrba fit-twettiq ta’ obbliġi tas-servizz pubbliku, filwaqt li jkun tqies id-dħul relevanti kif ukoll marġni ta’ profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ dawk l-obbligi;

ir-raba’, meta l-għażla tal-impriża li għandha tkun inkarigata bit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku ma titwettaqx fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, il-livell tal-kumpens neċessarju għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-kosti li impriża medja, ġestita tajjeb u adegwatament mgħammra b’mezzi ta’ trasport sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku meħtieġa, tkun sostniet sabiex twettaq dawn l-obbligi, filwaqt li tittieħed kunsiderazzjoni tad-dħul relatat magħhom kif ukoll ta’ profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi

(54)

Is-sentenza Altmark stipulat li l-erba’ kriterji jridu jiġu ssodisfati kumulattivament sabiex tkun tista’ tiġi eskluża l-preżenza ta’ vantaġġ kummerċjali jekk u meta l-impriża tirċievi kumpens minħabba l-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuqha.

(55)

Il-Kummissjoni osservat qabel xejn li la l-awtoritajiet Taljani u lanqas CSTP ma kienu fil-pożizzjoni li jippreżentaw dokument ta’ att ta’ inkarigu għall-perjodu li qed jiġi eżaminat, kif jiġi muri b’mod aktar ċar fit-taqsima 6.2, paragrafu (i), CSTP ma kinitx fil-pożizzjoni li tippreċiża l-obbligi li ġew imposti fuqha u li setgħu jitqiesu bħala PSO.

(56)

It-tieni, il-Kummissjoni tosserva li, fin-nuqqas ta’ dejta essenzjali u affidabbli, il-kumpens konċess bis-saħħa tas-sentenza tal-Kunsill tal-Istat huwa bbażat biss fuq kalkolu ex post magħmul bl-użu tal-“metodu induttiv”. Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni għalhekk li l-parametri li abbażi tagħhom l-esperti nnominati mill-Kunsill tal-Istat ikkalkulaw l-allegat nuqqas ta’ kumpens ma kinux ġew definiti minn qabel u li, għalhekk, jiġi li t-tieni kriterju tas-sentenza Altmark ma ġiex issodisfat f’dak li jikkonċerna miżura mhux notifikata.

(57)

Peress li s-sentenza Altmark tistipula li l-erba’ kriterji kollha jridu jiġu ssodisfati b’mod kumulattiv, ma hemmx raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tkun trid tivvaluta jekk iż-żewġ kriterji l-oħra Altmark ġewx issodisfati fil-każ li qed jiġi kkunsidrat. Bħala konsegwenza, it-trasferiment ta’ kumpens addizzjonali lil CSTP għas-servizzi mogħtija fil-perjodu li qed jiġi eżaminat jikkonferixxi lit-tali impriża vantaġġ kummerċjali selettiv skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

6.1.3.   Distorsjoni tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

(58)

Fl-osservazzjonijiet tagħha, CSTP sostniet li peress li fil-perjodu li qed jiġi eżaminat is-suq tat-trasport pubbliku fl-Italja ma kienx miftuħ għall-kompetizzjoni minn impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra, il-miżura kkontestata ma setgħetx ikollha effetti fuq il-kummerċ transfruntier jew toħloq distorsjonijiet fil-kompetizzjonijiet.

(59)

Il-Kummissjoni tfakkar qabel xejn li l-miżura kkontestata daħlet fis-seħħ fil-21 ta’ Diċembru 2012, jiġifieri ħafna żmien wara li s-suq Taljan tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri nfetaħ għall-kompetizzjoni. Peress li l-miżura inkwistjoni tipproduċi l-effetti tagħha fuq is-suq minn dak il-mument, huwa f’dak il-mument li wieħed għandu jivvaluta jekk il-miżura tistax toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni jew ikollhiex effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(60)

F’kull każ, il-Kummissjoni tosserva li, bħalma jirriżulta mis-sentenza Altmark, peress li diversi Stati Membri sa mill-1995 kienu bdew jiftħu xi swieq tat-trasport lil impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra, f’dak il-mument diversi impriżi kienu diġà qed joffru servizzi ta’ trasport lokali jew reġjonali f’diversi Stati Membri mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

(61)

Bħala konklużjoni, kwalunkwe kumpens mogħti lil CSTP għandu jitqies li huwa kapaċi joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fil-forniment ta’ servizzi ta’ trasport bil-karozzi tal-linja u li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri peress li jaffettwa ħażin il-possibbiltà għal impriżi tat-trasport stabbiliti fi Stati Membri oħra biex joffru s-servizzi tagħhom fl-Italja u tissaħħaħ il-pożizzjoni fis-suq ta’ CSTP, b’mod li teħlisha mill-piż ta’ kosti li altrimenti hija jkollha ġġorr fl-attivitajiet kummerċjali ta’ kuljum tagħha (12).

(62)

Il-Kummissjoni tosserva barra minn hekk li CSTP hija attiva fi swieq oħra, b’mod partikolari fis-suq tas-servizzi tal-kiri, anki jekk skont CSTP is-servizzi inkwistjoni kienu ġew ipprovduti biss fl-1998, u li għalhekk hija tinsab f’kompetizzjoni ma’ impriżi oħra fl-Unjoni f’dawn is-swieq. Kwalunkwe kumpens mogħti lil CSTP inevitabbilment jista’ joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri anki f’dawn is-swieq.

(63)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li l-miżura toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

6.1.4.   Konklużjonijiet

(64)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

6.2.   EŻENZJONI MILL-OBBLIGU TA’ NOTIFIKA SKONT IR-REGOLAMENT (KEE) Nru 1191/69

(65)

Skont CSTP, peress li r-Reġjun impona b’mod unilaterali l-obbligu ta’ tariffa, u peress li l-ammonti ma jaqgħux fi ħdan il-PSO bħala riżultat ta’ kuntratt ta’ servizz, iżda jirriżultaw minn applikazzjoni korretta tal-kalkolu fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 fil-qafas ta’ konċessjoni, il-pagament mogħti bħala kumpens kien eżenti mill-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 17(2) tat-tali Regolament. CSTP ammettiet li dawn il-PSO ma kinux definiti fid-dokment li bih ingħatat il-konċessjoni, li fih ma jissemmewx PSO, izda ġejjin biss minn atti interni tar-Reġjun.

(66)

Abbażi tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, il-kumpens li jirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu huma eżentat mill-proċedura ta’ notifika minn qabel li tinsab fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat, u għalhekk mill-obbligu ta’ notifika.

(67)

Madankollu, kif wieħed jista’ jara mis-sentenza Combus, il-kunċett ta’ “kumpens għal obbligi ta’ servizz pubbliku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandu jkun interpretat b’mod restrittiv ħafna (13). L-eżenzjoni mill-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 tirrigwarda biss il-kumpens relatat ma’ obbligi ta’ servizz pubbliku imposti b’mod unilaterali fuq impriża fis-sens tal-Artikolu 2 tal-istess regolament, ikkalkulat bil-metodu deskritt fl-Artikoli minn 10 sa 13 tal-istess Regolament (metodi komuni ta’ kumpens) u mhux il-kuntratti ta’ servizz pubbliku skont id-definizzjoni fl-Artikolu 14. Il-kumpens imħallas skont kuntratt ta’ servizz pubbliku, kif definit fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni qabel jitwettaq. F’konformità mal-Artikolu 108 tat-Trattat, in-nuqqas ta’ notifika jwassal għall-kunsiderazzjoni li t-tali kumpens kien għajnuna li ngħatat b’mod illegali.

(68)

Sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 effettivament jeħlisx lill-awtoritajiet Taljani mill-obbligu ta’ notifika minn qabel, huwa għalhekk meħtieġ, l-ewwel nett, li jiġi stabbilit jekk i) ir-Reġjun fil-fatt kienx impona unilateralment obbligu ta’ servizz pubbliku fuq CSTP u, it-tieni, jekk ii) il-kumpens mogħti għal dawn l-obbligi tas-servizz huwiex konformi mar-Regolament (KEE) Nru 1191/69. Il-Kummissjoni se teżamina ż-żewġ kwistjonijiet waħda wara l-oħra.

(i)   PSO impost b’mod unilaterali

(69)

Il-Kummissjoni tosserva li la l-awtoritajiet Taljani u lanqas CSTP ma huma fil-pożizzjoni li jippreżentaw dokument li jixhdu att ta’ inkarigu bħal dan għall-perjodu li qed jiġi eżaminat. CSTP ippreżentat lill-Kummissjoni biss kuntratti li kienu daħlu fis-seħħ mill-2003.

(70)

L-awtoritajiet Taljani isostnu li l-mudell ta’ kuntratt ta’ konċessjoni li ġie ppreżentat – li jirrigwarda impriża oħra – jirrappreżenta l-mudell standard li kien qed juża r-Reġjun matul il-perjodu li qed jiġi eżaminat. Madankollu, it-tali mudell ta’ konċessjoni baqa’ fis-seħħ minn April 1972 sa Diċembru 1973, jiġifieri aktar minn 20 sena qabel il-perjodu li qed jiġi eżaminat u anki qabel ma daħlet fis-seħħ il-liġi Nru 151/1981, ikkonvertita mil-liġi reġjonali Nru 16/1983, li abbażi tagħha CSTP kienet ġiet kumpensata fl-ewwel istanza. Għallemm dan il-mudell ta’ konċessjoni jidher li jikkontempla ċerti obbligi li jistgħu jiqtiesu bħala PSO (ara, pereżempju, il-punti 2, 9 u 10), fosthom l-obbligu li jiġi applikat tnaqqis għal studenti, ħaddiema, għalliema u impjegati kemm mal-gvern kif ukoll mal-privat kif ukoll l-obbligu li jiġu ttrasportati ċerti kategoriji ta’ passiġġieri b’xejn, fin-nuqqas ta’ dokument li jixhed att li jimponi dawn l-obbligi, il-Kummissjoni ma għandhiex f’idejha l-elementi ta’ prova li jindikaw li l-istess obbligi ġew effettivament imposti fuq CSTP fil-perjodu li qed jiġi eżaminat. Meta wieħed iqis li s-servizzi pprovduti kellhom in-natura ta’ servizzi regolari tal-linja, kien hemm il-ħtieġa li r-regolamenti tal-konċessjoni, li jagħtu lil CSTP d-dritt esklussiv li tipprovdi dawn is-servizzi, jispeċifikaw minn qabel il-modalitajiet tas-servizzi li kellhom jiġu pprovduti. CSTP ma ppreżentat l-ebda element bħala prova li juri li dawn il-modalitajiet kienu ġew imposti b’mod unilaterali mir-Reġjun, u mhux propsti mill-operatur, bħala tpattija għad-dritt li jiġu pprovduti s-servizzi fuq bażi esklużiva, u aktar tard awtorizzati mir-Reġjun. F’kull każ, il-metodoloġija użata mill-espert maħtur mill-Kunsill tal-Istat għall-kalkolu tal-allegat nuqqas ta’ kumpens ma tagħmel l-ebda riferiment għal tali obbligi.

(71)

Il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk l-impożizzjoni ta’ PSO tistax tiġi dedotta mil-liġi reġjonali Nru 16/1983, peress li din tal-aħħar hija l-bażi ġuridika indikata kemm mir-Reġjun kif ukoll minn CSTP għall-kumpens konċess lill-kumpanija fil-perjodu li qed jiġi eżaminat (ara l-premessi 23 u 40). F’dan is-sens, irid jingħad li l-liġi reġjonali tistipula biss li l-entitajiet lokali u l-ażjendi pubbliċi u privati li jeżerċitaw servizzi ta’ trasport pubbliku lokali bħala konċessjoni jistgħu jirċievu flus mit-taxxi tal-kontribwenti. Barra minn dan, l-Artikolu 2 tal-liġi reġjonali jistabbilixxi b’mod ċar li t-telf li jista’ jkun hemm li ma jkunx kopert mill-kontribuzzjonijiet tar-Reġjun kif determinat hawn fuq [l-Artikolu 2] jibqgħu jinġarru mill-ażjendi nfushom.

(72)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li d-dokumenti tar-Reġjun li għalihom irreferiet CSTP (ara l-premessa 40) kienu jindikaw li kien hemm xi obbligi kuntrattwali fis-seħħ, fil-perjodu li qed jiġi eżaminat, bejn CSTP u r-Reġjun. Madankollu, it-tali dokumenti ma jidentifikawx b’mod ċar obbligi li jistgħu jitqiesu bħala PSO, anki jekk jagħtu ħjiel li dawn it-tali obbligi kienu fil-fatt jeżistu. Aktar minn hekk, l-eżistenza ta’ obbligi kuntrattwali teskludi l-impożizzjoni unilaterli ta’ PSO fuq CSTP. F’kull każ, il-metodoloġija użata mill-espert maħtur mill-Kunsill tal-Istat għall-kalkolu tal-allegat nuqqas ta’ kumpens ma tagħmel l-ebda riferiment għal tali obbligi.

(73)

Fejn tidħol l-eżistenza possibbli ta’ obbligu ta’ tariffa, anki jekk il-kalkolu tal-kumpens addizzjonali li sar mill-espert maħtur mill-Kunsill tal-Istat kienx ibbażat fuq l-Artikolu 11 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, il-Kummissjoni ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha elementi ta’ prova li juru li dawn l-obbligi kienu effettivament imposti fuq CSTP. Skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, it-terminu obbligu ta’ tariffa jfisser biss “obbligu impost fuq intrapriżi tat-trasport li japplikaw rati fissi jew approvati minn xi awtorita’ pubblika li huma kontra l-interessi kummerċjali tal-impriża u li jirriżultaw mill-impożizzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ tariffi speċjali, jew minn ċaħda li jiġu mmodifikati”. Għall-kuntrarju, id-definizzjoni ta’ obbligu ta’ tariffa ma tapplikax “fir-rigward ta’ obbligi li jirriżultaw minn miżuri ġenerali ta’ politika ta’ prezzijiet li tapplika għall-ekonomija kollha b’mod ġenerali jew għall-miżuri meħuda fir-rigward ta’ rati ta’ trasport u kondizzjonijiet b’mod ġenerali bil-għan li jiġi organizzat is-suq tat-trasport jew parti minnu”. Il-Kummissjoni tagħraf li l-punt 27 tal-mudell ta’ konċessjoni tal-1972/73 jistabbilixxi t-tariffi applikabbli mill-operatur firmatarju, iżda tfakkar li, fil-każ tal-perjodu li qed jiġi eżaminat, ma rċeviet l-ebda mudell ta’ konċessjoni simili jew xi dokument ta’ atti li jagħti inkarigu lil CSTP li minnu jista’ jiġi konkluż li din il-kumpanija ġew imposti fuqha obbligi ta’ tariffa. Il-Kummissjoni tosserva f’kull każ, skont l-Artikolu 2 tal-liġi reġjonali Nru 16/1983, li l-kumpens annwali mogħti lill-ażjendi li jipprovdu servizzi ta’ trasport pubbliku kien jiġi kkalkulat minn qabel bħala d-differenza bejn l-introjti li jiġu mill-applikazzjoni tat-tariffi minimi u l-hekk imsejjaħ “kost standardizzat” (ara l-premessa 23). Il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni għalhekk li l-liġi reġjonali kienet tistipula tariffi minimi u li anki dan jeskludi l-eżistenza ta’ obbligu ġenerali ta’ tariffa.

(74)

F’kull każ, ma jirriżultax li l-PSO li setgħu ġew imposti fuq CSTP ġew imposti b’mod unilaterali. F’dan is-sens, il-Kummissjoni tosserva li CSTP ħadet l-inizjattiva li titlob it-tiġdid tal-konċessjonijiet għas-seba’ snin kollha tal-perjodu li qed jiġi eżaminat. Barra minn dan, wara l-pubblikazzjoni tas-sentenza tal-Kunsill tal-Istat fl-2009, ir-Reġjun kemm-il darba talab lil CSTP li tippreżenta l-atti jew il-kuntratti li jimponu PSO fuqha, biex ikun jista’ jwettaq is-sentenza. Dan iżda baqa’ ma seħħx, skont dak li ġie kkomunikat.

(75)

L-argumenti ta’ CSTP li l-operaturi kienu obbligati li joperaw ir-rotot fil-PSO anki jekk ir-Reġjun kemm-il darba naqqas l-ammont ta’ kost standard u l-istess operaturi setgħu ġew akkużati b’interruzzjoni ta’ servizz pubbliku kieku effettivament waqqfu l-attivitajiet tagħhom, ma huma korroborati mill-ebda element ta’ prova; dawn l-argumenti għalhekk ma jistgħux jintużaw, fil-każ preżenti, biex juru l-eżistenza ta’ PSO imposti b’mod unilaterali.

(ii)   Konformità tal-kumpens mal-metodu komuni ta’ kumpens

(76)

Anki jekk, fil-każ li qed jiġi eżaminat, seta’ jiġi ppruvat li ġew imposti PSO fuq CSTP b’mod unilaterali, li mhux il-każ, il-kumpens għat-tali servizz għandu jkun xorta waħda konformi mal-metodu komuni ta’ kumpens stipulat fir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 (Taqsima IV) biex ikun jista’ jiġi eżentat mill-obbligu ta’ notifika minn qabel skont l-Artikolu 17(2) tat-tali Regolament. Il-Kummissjoni ma tqisx li din il-kundizzjoni ġie sodisfata.

(77)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li l-kumpens addizzjonali mogħti lil CSTP jikkonċerna biss l-1998. CSTP ammettiet li f’dik is-sena, barra mill-allegati PSO, hija wettqet ukoll attivitajiet kummerċjali, b’mod partikolari servizzi ta’ kiri. Il-Kummissjoni tinnota f’dan is-sens li, mill-1 ta’ Lulju 1992 ‘l quddiem, ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69, bis-saħħa tal-Artikolu 1(5)(a), jimponi fuq l-impriżi tat-trasport li jwettqu fl-istess ħin servizzi soġġetti għall-obbligi ta’ servizz pubbliku kif ukoll attivitajiet oħra, li joperaw is-servizzi pubbliċi bħala diviżjonijiet separati, b’mod li jkun hemm: i) separazzjoni tal-kontijiet skont l-attivitajiet individwali li jeżerċitaw u tqassim skont l-ammont ta’ kapital użat, skont in-normi tal-kontabilità fis-seħħ u ii) kosti bilanċjati mill-introjti tal-operat u tal-kontribuzzjonijiet pubbliċi, mingħajr il-possibilità li jsiru trasferimenti minn settur għall-ieħor tal-attivitajiet tal-impriża.

(78)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Antrop, ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni ma jiġux sodisfatti meta “mhuwiex possibbli li tiġi stabbilita, b’ċifri ċerti tal-kontabilità [tal-kumpanija], id-differenza bejn l-ispejjeż attribwibbli għall-parti tal-attivitajiet fil-qasam soġġett għall-għoti tal-konċessjoni rispettiva u d-dħul korrispondenti u, konsegwentement, mhuwiex possibbli li wieħed jikkalkula l-ispiża addizzjonali li tirriżulta [lil din il-kumpanija] mill-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku”  (14).

(79)

CSTP ma ppreżentat l-ebda element ta’ prova dwar il-fatt li matul il-perjodu li qed jiġi eżaminat, u b’mod partikolari fl-1998, hija żammet kontijiet separati għall-attivitajiet kummerċjali tagħha. Barra minn dan, il-Kummissjoni tqis li l-argument li ppreżentat CSTP, li kien skada l-obbligu legali li d-dokumenti marbuta mal-kontabilità u dawk amministrattivi jinżammu kollha għall-perjodu li qed jiġi eżaminat, mhumiex relevanti biex jiġi ġġustifikat l-għoti ex post ta’ ammont addizzjonali ta’ kumpens, bl-applikazzjoni ta’ metodu induttiv. F’kull każ, anki kieku kellha tiġi ppruvata l-eżistenza tiegħu, dan ir-rekwiżit stipulat fil-liġi nazzjonali ma jistax irendi invalidu obbligu li joħroġ mill-każistika tal-QĠUE u mir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 li għandu jiġi ssodisfat qabel ma jsir il-ħlas ta’ kumpens għal obbligi ta’ servizzi pubbliku favur operatur ta’ servizz ta’ trasport.

(80)

It-tieni, il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 jimponi li l-amministrazzjoni tistabbilixxi minn qabel id-daqs tal-kumpens. Il-kalkolu tal-kumpens addizzjonali abbażi ta’ valutazzjoni ex post, kif ordnat mill-Kunsill tal-Istat, huwa f’kuntrast mat-tali dispożizzjoni, kif muri fil-premessi 54 u 55.

(81)

Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kumpens addizzjonali li l-Kunsill tal-Istat qies li huwa dovut lil CSTP ma kienx konformi mal-metodu komuni ta’ kumpens stabbilit fit-Taqsima IV tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 u li għalhekk hija ma ngħatatx skont il-proċedura ta’ notifika minn qabel stipulata mill-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69.

6.3.   IL-KOMPATIBILITÀ TAL-GĦAJNUNA

(82)

Billi ma ġiex ippruvat li l-miżura li qed tiġi eżaminata kienet eżentata mill-proċedura ta’ notifika minn qabel skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, se jkun neċessarju li tiġi eżaminata l-kompatibilità tal-ħlasijiet mas-suq intern, billi huwa meqjus li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, kif indikat fit-Taqsima 6.1.

(83)

L-Artikolu 93 tat-Trattat jinkludi normi rigward il-kumpatibilità tal-għajnuna mill-Istat fl-ambitu tal-koordinament tat-trasport u tal-obbligi ta’ servizz pubbliku fis-settur tat-trasport u jikkostitwixxi lex specialis għar-rigward tal-Artikolu 107(3), kif ukoll tal-Artikolu 106(2) peress li fihom normi speċifiċi fejn tidħol il-kumpatibilità tal-għajnuna mill-Istat. Il-QĠUE stabbiliet li t-tali Artikolu “jaċċetta biss f’ċerti każijiet determinati b’mod preċiż u li ma jkunux jippreġudikaw l-interessi ġenerali [tal-Unjoni] li għajnuniet għat-trasport jkunu jistgħu jitqiesu bħala kumpatibbli mas-suq intern” (15).

(84)

Fit-3 ta’ Diċembru 2009 daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 li ħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 u (KEE) Nru 1107/70 tal-Kunsill (16). Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 japplika għall-kumpens għal obbligi ta’ servizz pubbliku fil-każ ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri bit-triq u bil-ferrovia.

(85)

Il-Kummissjoni ssostni li l-eżami tal-kompatibilità tal-miżura nnotifikata jrid isir skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007, li daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Diċembru 2009 u li ħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69, billi din hija l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni (17). Hija tosserva wkoll li l-kumpens addizzjonali lil CSTP mill-Kunsill tal-Istat kien ingħata fil-21 ta’ Diċembru 2012. Dan ifisser li, fid-data li fiha ġiet effettwata l-għajnujna mogħtija, ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 kien ilu diġà fis-seħħ għal aktar minn tliet snin (18).

(86)

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jistipula li: “Kumpens għal servizz pubbliku għall-operat ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri jew għall-konformità ma’ obbligi ta’ tariffa stabbiliti permezz ta’ regoli ġenerali mħallsa skont dan ir-Regolament għandu jkun kompatibbli mas-suq komuni. Tali kumpens għandu jkun eżenti mill-ħtieġa ta’ notifika minn qabel imniżżla fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat”.

(87)

Għar-raġunijiet indikati hawn taħt, il-Kummissjoni tqis li l-kumpens notifikat mhuwiex konformi mar-Regolament (KE) Nru 1370/2007. Dan, għalhekk, ma jistax jiġi ddikjarat bħala kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 9(1) ta’ dak ir-Regolament.

(88)

L-ewwel nett, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, l-awtorità kompetenti li tiddeċiedi li tikkonċedi lill-operatur li jkun għażel dritt ta’ esklussività u/jew kumpens fil-konfront tat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku tkun trid tagħmel dan fil-qafas ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku, sakemm l-obbligu ta’ servizz pubbliku ma jkunx jistabbilixxi tariffi massimi u ma jkunx impost permezz ta’ miżura li tiġi applikata mingħajr distinsjoni bejn is-servizzi kollha ta’ trasport pubbliku tal-passiġġieri tal-istess tip f’żona ġeografika determinata (regoli ġenerali).

(89)

Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni tqis li ma nġabux biżżejjed elementi ta’ prova li juru li kien jeżisti qafas kuntrattwali bejn CSTP u r-Reġjun jew li kien hemm fis-seħħ xi regoli ġenerali biex jiġu stabbiliti t-tariffi massimi għall-passiġġieri kollha jew għal xi kategoriji ta’ passiġġieri. Il-Kummissjoni rċeviet biss mudell ta’ kuntratt ta’ konċessjoni għas-snin 1972/1973, li minnu mhux possibbli li tinsilet informazzjoni affidabbli dwar ir-relazzjoni eżistenti bejn CSTP u r-Reġjun fil-perjodu li qed jiġi eżaminat (1997-2002). Barra minn dan, il-Kummissjoni tinnota li, skont l-Artikolu 2 tal-liġi reġjonali Nru 16/1983 – il-bażi ġuridika indikata kemm mir-Reġjun kif ukoll minn CSTP għall-perjodu li qed jiġi eżaminat (ara l-premessi 19 u 36) – l-introjti tal-fornituri tat-trasport pubbliku jiġi mill-applikazzjoni ta’ tariffi minimi stabbiliti mir-Reġjun, filwaqt li ma hemmx riferenza għal tariffi massimi.

(90)

Il-Kummissjoni kkonkludiet għalhekk li l-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 1370/2007 ma ġiex issodisfat.

(91)

It-tieni, il-Kummissjoni tosserva li, lil hinn mill-fatt li CSTP ikkonkludiet kuntratt ta’ servizz pubbliku jew li ġew imposti fuqha obbligi ta’ tariffa permezz tal-applikazzjoni ta’ regoli ġenerali, jirriżulta li mhux id-dispożizzjonijiet kollha tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, li jiddefinixxi l-kontenut obbligatorju tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku u n-normi ġenerali, kienu ssodisfati. L-Artikolu 4(1)(b) jistipula perezempju li l-parametri li fuq il-bażi tagħhom jiġi kkalkulat il-kumpens iridu jiġu stabbiliti bil-quddiem b’mod oġġettiv u trasparenti sabiex jiġi evitat kumpens żejjed, u l-Artikolu 4(1)(c) u l-Artikolu 4(2), jiddeterminaw il-modalitajiet għall-allokazzjoni tal-kosti u l-entrati. Kif intqal fit-taqsima 6.1, fl-ambitu tal-analiżi tal-Kummissjoni tat-tieni kriterju tas-sentenza Altmark tal-QĠUE, il-parametri li abbażi tagħhom ġie kkalkulat l-allegat nuqqas ta’ kumpens mit-tieni espert ma ġewx stabbiliti minn qabel u għalhekk l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 ma ġiex issodisfat.

(92)

It-tielet, l-Artikolu 6(1) jistabbilixxi li, fil-każ ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku aġġudikati b’mod dirett, il-kumpens irid ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-anness, sabiex jiġi ggarantit li huwa ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jiġi ssodisfat l-obbligu ta’ servizz pubbliku. L-anness mar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jistabbilixxi li l-kumpens ma jistax jeċċedi l-ammont li jikkorrispondi mal-effett finanzjarju ekwivalenti għall-ammont totali tal-fatturi li ġejjin: il-kosti mġarrba minħabba PSO, imnaqqsa minnhom l-effetti finanzjarji pożittivi li jistgħu jiġu ġġenerati fin-netwerk ġestit bis-saħħa tal-obbligu ta’ servizz pubbliku, flimkien ma’ profitt raġjonevoli. L-anness jistabbilixxi wkoll li l-kalkolu tal-kosti u l-introjti għandu jsir skont ir-regoli tal-kontabbilità u r-regoli tat-taxxa fis-seħħ. Barra minn dan, iridu jinżammu kontijiet separati minħabba raġunijiet ta’ trasparenza (il-punt 5 tal-anness tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007.

(93)

Kif osservat fil-premessa 82, fl-1998, jiġifieri fis-sena li fiha, abbażi tas-sentenza tal-Kunsill tal-Istat, ingħata l-kumpens, CSTP ma kinitx qed tagħmel separazzjoni effikaċi tal-kontijiet. Huwa għalhekk impossibbli li jiġi ppruvat li l-kumpens addizzjonli mogħti mill-Istat Taljan fil-21 ta’ Dicċembru 2012 ma jaqbiżx l-ammont li jikkorrispondi għall-effett finanzjarju nett ekwivalenti għat-total tal-effetti, pożittivi jew negattivi, tat-twettiq tal-obbligu ta’ servizz pubbliku u fuq l-ispejjeż u l-introjti tal-operatur tas-servizz pubbliku (il-punt 2 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007).

(94)

Barra minn hekk, għal dak li għandu x’jaqsam mal-perjodu li qed jiġi eżaminat, fin-nuqqas ta’ parametri ta’ kumpens stabbiliti minn qabel, kull tqassim tal-kosti jrid bilfors isir ex post abbażi ta’ suppożizzjonijiet arbitrarji, kif sar bl-użu tal-metodu induttiv.

(95)

Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni tqis li l-kumpens addizzjonali mogħti mill-Kunsill tal-Istat ma ngħatax f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, u li għalhekk huwa inkompatibbli mas-suq intern.

6.4.   IL-KUMPENS MOGĦTI MILL-KUNSILL TAL-ISTAT MA JIKKOSTITWIX KUMPENS TAD-DANNI

(96)

Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċediment, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom biex jiġi stabbilit jekk is-sentenza tal-Kunsill tal-Istat kinitx tirrigwarda pjuttost l-għoti ta’ kumpens għad-danni minħabba allegat ksur tal-liġi aktar milli l-għoti ta’ kumpens għal servizz pubbliku skont ir-regolamenti fis-seħħ tal-Kunsill. Fl-osservazzjonijiet rispettivi, la l-awtoritajiet Taljani u lanqas CSTP ma esprimew ruħhom f’dan ir-rigward.

(97)

Il-Kummissjoni tosserva, f’dan is-sens, li f’ċerti ċirkostanzi partikolari, il-kumpens għad-danni maħluqa minħabba ċirkostanzi illeċti, jew minħabba mġieba imputabbli għall-awtoritajiet nazzjonali (19) ma jikkostitwix vantaġġ u għalhekk ma jitqiesx bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat (20). L-iskop tal-kumpens għad-danni mġarrba huwa differenti minn dak tal-għajnuna mill-Istat peress li l-kumpens ikollu l-għan li l-parti li tkun ġarrbet danni tinġieb fis-sitwazzjoni li hija kienet fiha qabel l-azzjoni li tkun ipprovokat id-danni, bħallikieku din tal-aħħar ma tkunx seħħet (restitutio in integrum). Dejjem f’dan is-sens, il-Kummissjoni tosserva ulterjorment li, biex ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli fejn tidħol għajnuna mill-Istat, il-kumpens għad-danni jrid ikun ibbażat fuq norma ġenerali fejn jidħol kumpens (21). Il-Kummissjoni tfakkar fl-aħħar nett li fis-sentenza Lucchini, il-QĠUE stabbiliet li imħallef nazzjonali ma jistax japplika l-liġi nazzjonali meta dan ikollu l-effett li jimpedixxi l-applikazzjoni tad-dritt komunitarju, fis-sens li jrendi impossibbli l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat konċessa bi ksur tad-dritt komunitarju (22). Il-prinċipju li jirfed din is-sentenza huwa li norma fid-dritt nazzjonali ma tkunx tista’ tiġi applikata jekk din l-applikazzjoni tkun timpedixxi l-applikazzjoni kif xieraq tad-dritt tal-Unjoni (23).

(98)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-kumpens addizzjonali mogħti lil CSTP mill-Kunsill tal-Istat, il-Kummissjoni tinnota li, anki jekk fis-sentenza tal-Kunsill tal-Istat ma sarux referenzi għar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, l-istess sentenza tirreferi għad-dritt ta’ CSTP li tirċievi ammonti bħala kumpens skont l-Artikoli 6, 10 u 11 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, liema ammonti jridu jkunu stabbiliti mill-amministrajzoni abbażi ta’ dejta ċerta. Dan jidher li jindika li d-dritt ta’ CSTP li tirċievi l-kumpens addizzjonali ma jirriżultax, skont il-Kunsill tal-Istat, minn regola ġenerali fejn jidħlu kumpensi għad-danni kkawżati minn atti illeċti jew minn imġieba tal-istess awtoritajiet nazzjonali, iżda pjuttost minn drittijiet li jistgħu jingħataw skont ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69.

(99)

F’kull każ, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għoti ta’ kumpens favur CSTP minħabba l-allegata impożizzjoni unilaterali illeċita ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku mill-awtoritajiet Taljani kkalkulata abbażi tal-metodu komuni ta’ kumpens skont ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69, ikun jikser l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Dan huwa għaliex fil-każ ta’ CSTP huwa jipproduċi eżattament l-istess riżultat bħal li tingħata kumpens għal obbligi ta’ servizz pubbliku għall-perjodu li qed jiġi eżaminat, minkejja l-fatt li l-ispeċifikazzjonijiet tal-konċessjoni li tirregola s-servizzi inkwistjoni ma kinux meħlusa mill-obbligu ta’ notifika minn qabel, u lanqas ma kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti sostantivi tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 jew tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, kif muri aktar ‘il fuq. Id-disponibbiltà ta’ din l-għotja għalhekk tkun tippermetti li effettivament jiġu evitati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni, skont liema l-awtoritajiet kompetenti, meta jimponu jew jinnegozjaw obbligi ta’ servizz pubbliku, jikkumpensaw lill-operaturi rispettivi għall-ispejjeż imġarrba bi tpattija għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku. Effettivament, l-għoti ta’ kumpens għad-danni li jkun jikkorrispondi għas-somma tal-ammont ta’ għajnuna li jkun previst li tkun se tingħata ikun jikkostitwixxi konċessjoni indiretta ta’ għajnuna mill-Istat, li titqies bħala illegali u inkompatibbli mas-suq intern (24). B’raġunar fuq dawn il-linja, it-Tribunal qies li l-klawżoli ta’ kumpens għall-irkupru ta’ għajnuniet mill-Istat jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (25).

(100)

Fi kwalunkwe każ, ir-regoli tal-konċessjoni tal-1972, skont liema CSTP allegatament eżerċitat is-servizzi ta’ trasport inkwistjoni, ma jistipula l-għoti tal-ebda kumpens finanzjarju. CSTP qablet li tipprovdi s-servizzi tagħha bil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-konċessjonijiet b’riskju tagħha stess. Din il-konklużjoni hija kkonfermata wkoll mill-Artikolu 2 tal-liġi reġjonali Nru 16/1983 li tistipula li xi telf li jista’ jkun hemm mhux kopert mill-flus mit-taxxi tal-kontribwenti jibqgħu fir-responsabbiltà tal-fornitur tas-servizz.

(101)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tqisx li s-sentenza tal-Kunsill tal-Istat tikkostitwixxi l-konċessjoni ta’ kumpens għad-danni mġarrba minn CSTP minħabba atti illeċti jew xi mġieba oħra tal-awtoritajiet nazzjonali, iżda pjuttost l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat illeġittima u inkumpatibbli, ipprojbita bl-Artikolu 107(1), tat-Trattat.

(102)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura mhux innotifikata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, inkompatibbli mas-suq intern.

7.   L-IRKUPRU TAL-GĦAJNUNA

(103)

F’konformità mat-Trattat u mal-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni hija kompetenti biex tiddeċiedi jekk l-Istat Membru kkonċernat għandux jabolixxi jew jimmodifika l-għajnuna (26) meta din tkun inkompatibbli mas-suq intern. Il-każistika konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tindika wkoll li, fil-każ ta’ għajnuniet li l-Kummissjoni tkun qieset bħala inkompatibbli mas-suq intern, l-obbligu li l-għajnuna tiġi abolita, li huwa impost fuq l-Istat Membru, għandu l-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni kif kienet qabel (27). F’dan il-kuntest, il-QĠUE stabbiliet li dak l-għan jintlaħaq ladarba l-benefiċjarju jkun ħallas lura l-ammonti mogħtija bħala għajnuna mhux skont il-liġi, biex b’hekk jintilef il-vantaġġ li jkun akkwista fis-suq fil-konfront tal-kompetituri tiegħu, u terġa’ tinkiseb is-sitwazzjoni qabel il-ħlas tal-għajnuna (28).

(104)

Abbażi ta’ dik il-każistika, l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (29) jistabbilixi li “Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju”.

(105)

Għaldaqstant, l-għajnuna mill-Istat li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni ikollha tiġi rkuprata mill-Italja bil-mod kif din kienet ġiet imħallsa lil CSTP. Barra minn dan, l-Italja jkollha żżid mal-ammont tal-għajnuna l-imgħaxijiet, ikkalkolati bħala li jkunu bdew mid-data li fiha l-għajnuna illegali tkun tqiegħdet l-ewwel darba għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju (jiġifieri, mill-21 ta’ Diċembru 2012) u sad-data tal-irkupru tagħha (30), b’mod konformi mal-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (31).

(106)

Għalhekk, il-Kummissjoni:

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnujna mill-Istat fl-ammont ta’ EUR 4 9 51  838 li r-Repubblika Taljana illegalment tat lil CSTP bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, mhix kumpatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

1.   Ir-Repubblika Taljana hija obbligata li tirkupra l-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarju.

2.   Fuq is-somom li jridu jiġu rkuprati għandu jiddekorri l-imgħax mill-1 ta’ Diċembru 2012 sa meta jkunu ġew irkuprati kollha kemm huma.

3.   L-imgħaxijiet għandhom ikunu kkalkolati skont il-Kap V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 (32) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004.

4.   Ir-Repubblika Taljana tikkanċella l-pagamenti pendenti kollha tal-għajnuna kif imsemmi fl-Artikolu 1 b’effett mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 ikun immedjat u effettiv.

2.   Ir-Repubblika Taljana għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 4

1.   Fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, l-Italja tipprovdi l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (kapital u imgħaxijiet) li għandhom jiġu rkuprati mingħand il-benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u ta’ dawk ippjanati biex is-sitwazzjoni ssir konformi ma’ din id-Deċiżjoni;

(c)

dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna.

2.   Ir-Repubblika Taljana żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm jitlesta l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1. Hija għandha tibgħat minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, l-informazzjoni dwar il-miżuri li diġà jkunu ttieħdu u dawk ippjanati biex is-sitwazzjoni ssir konformi ma’ din id-Deċiżjoni. Tibgħat ukoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammont ta’ għajnuna u l-imgħaxijiet diġà irkuprati mingħand il-benefiċjarju.

Artikolu 5

Ir-Repubblika Taljana hija d-destinatarja ta’ din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussel, id-19 ta’ Jannar 2015.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20.2.2014 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.35842 (2012/NN) – l-Italja – il-Kumpens PSO għal CSTP (ĠU C 156 tat-23.5.2014, p. 39).

(2)  Il-Kummissjoni tfakkar li, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-TFUE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1), il-poteri tal-Kummissjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-irkupru tal-għajnuniet huma suġġetti għal perjodu massimu ta’ għaxar snin, li jibdew mill-jum li fih tkun bdiet tingħata l-għajnuna illegali lill-benefiċjarju bħala għajnuna individwali jew bħala għajnuna li tkun tagħmel parti minn sensiela ta’ għajnuniet. Kull azzjoni meħudha mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, fir-rigward ta’ għajnuna llegali, tinterrompi l-perjodu ta’ preskrizzjoni.

(3)  Ir-Reglolament (KEE) Nru 1191/69 tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligu inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU L 156 28.6.1969, p. 1).

(4)  L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 jistipula li: “Huwa f’idejn l-intrapriżi tat-trasport li japplikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għat-terminazzjoni sħiħa jew parzjali ta’ xi obbligu ta’ servizz pubbliku fejn dan l-obbligu huwa ta’ żvantaġġ ekonomiku għalihom”. L-Artikolu 6(3) jistipula li: “L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jieħdu deċiżjonijiet fi żmien sena mid-data ta’ meta l-applikazzjoni tiġi preżentata fir-rigward tal-obbligi li wieħed jopera jew li jġorr, u fi żmien sitt xhur fir-rigward ta’ obbligi ta’ tariffi. Id-dritt għall-kumpens għandu jinħoloq fid-data tad-deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti […]”.

(5)  Il-Liġi Reġjonali tal-25 ta’ Jannar 1983, Nru 16 Interventi tar-Reġjun fil-qasam tas-servizzi ta’ trasport pubbliku lokali għall-passiġġieri, aċċessibbli hawnhekk: http://jtest.ittig.cnr.it:8080/cocoon/regioneCampania/xhtml?css=4&doc=/db/nir/RegioneCampania/1983/urn_nir_regione.campania_legge_1983-01-25n16&datafine=19830205

(6)  L-Artikolu 10 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 jistipula li l-ammont tal-kumpens marbut mal-obbligu tal-forniment ta’ servizzi ta’ trasport huwa ddeterminat abbażi tad-differenza bejn it-tnaqqis fl-introjti tal-impriża u t-tnaqqis tal-kosti li jirriżultaw mit-tneħħija tal-obbligi li jikkorrispondu fil-perjodu in kwistjoni.

(7)  Il-Kawża C-280/00, Altmark Trans/Regierungsprasidium Magdeburg EU:C:2003:415.

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u (KEE) Nru 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1).

(9)  Il-Mudelli E huma d-dokumenti bbażati fuq il-kontijiet tal-ażjendi li jkun fihom l-informazzjoni neċessarja għall-kalkolu annwali tal-kontribut pubbliku.

(10)  Il-Kawża C-527/12, il-Kummissjoni/ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, EU:C:2014:2193, il-punt 56 u l-każisitka ċċitata. Ara wkoll is-sentenza fil-Kawża C-119/05 Lucchini EU:C:2007:434, il-punt 59, deskritta fil-premessa 94.

(11)  Il-Kawża C-280/00, Altmark Trans/Regierungsprasidium Magdeburg, (Ġabra 2003, EU:C:2003:415, il-punti 87 u 88).

(12)  Il-Kawża C-172/03, Heiser, EU:C:2005:130, il-punt 55.

(13)  Il-Kawża T-157/01, Danske Busvognmænd, Ġabra 2004, EU:T:2004:76, il-punti minn 77 sa 79.

(14)  Il-Kawża C-504/07, Associação Nacional de Transportadores Rodoviários de Pesados de Passageiros (Antrop) e a./Conselho de Ministros, Companhia Carris de Ferro de Lisboa SA (Carris) u Sociedade de Transportes Colectivos do Porto SA (STCP) Ġabra 2009, EU:C:2009.290:290.

(15)  Il-Kawża C-70/77, Il-Kummissjoni vs. Il-Belġju (Ġabra 1978, p. 1881, il-punt 10).

(16)  Ir-Regolament (KEE) Nru 1107/70 tal-Kunsill ta' l-4 ta' Ġunju 1970 dwar l-għoti ta' għajnuniet għal trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU L 130, 15.6.1970, p. 1).

(17)  Il-Kummissjoni tirreferi f’dan ir-rigward għall-argumenti żviluppati fil-premessi minn 307 sa 313 tad-Deċiżjoni 2011/3/UE tal-24 ta’ Frar dwar il-kuntratti ta’ servizz ta’ trasport pubbliku bejn il-Ministeru Daniż tat-Trasport u Danske Statsbaner 2010 (Kawża C 41/08 (ex NN 35/08)) (ĠU L 7, 11.1.2011, p. 1). Din id-deċiżjoni kienet ġiet annullata mit-Tribunal fil-Kawża T-92/11 Jørgen Andersen/il-Kummissjoni Ewropea [2013], li għadha ma ġietx ippubblikata, liema sentenza bħalissa qed tiġi appellata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-303/13 P. L-eżitu ta’ dan l-appell mhux relevanti għall-fini tal-każ li qed jiġi eżaminat, għaliex it-Tribunal kien ikkonferma, fis-sentenza li qed tiġi appellata, li hija d-data li fiha tkun effettwata l-għajnuna mħallsa li tiddetermina n-normi li jridu jiġu applikati. F’dan il-każ, l-għajnuna ġiet trasferita fil-21 ta’ Diċembru 2012, jiġifieri għandhom japplikaw ir-regoli, il-prinċipji u l-kriterji ta’ valutazzjoni tal-kompatibilità tal-għajnuna mill-Istat li kienu fis-seħħ fil-mument li fih il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha (ara l-punt 39 tas-sentenza).

(18)  Il-Kawża C-334/07 P Commissione/Freistaat Sachsen Ġabra 2008, p. I-9465, il-punti minn 50 sa 53; il-Kawża C-70/09, l-Italja vs. il-Kummissjoni (Ġabra 2011, p. II-95, il-punt 60).

(19)  Pereżempju att illeċtu jew każ ta’ arrikkiment indebitu.

(20)  Il-Kawżi Konġunti minn 106 sa 120/87, Asteris AE vs. ir-Repubblika Ellenika u l-KEE, EU:C:1988:457.

(21)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Ġunju 2014 rigward l-għajnuniet lil Akzo Nobel biex jitnaqqas għall-minimu t-trasport tal-klorur (il-Kawża N 304/2003), komunikazzjoni sintetika fil-ĠU C 81, 2.4.2005, p. 4; ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-każ Bedrijfsverplaatsing van autodemontagebedrijf Steenbergen (il-kawża N 575/2005), komunikazzjoni sintetika fil-GU C 80, 13.4.2007, p. 1.

(22)  Il-Kawża C-172/05, Lucchini, EU:C:2007:434, il-punt 59.

(23)  Ibidem, punt 61.

(24)  Opinjoni tat-28 ta’ April 2005 fil-kawżi konġunti C-346/03 u C-529/03 Atzeni, EU:C:2005:256, il-punt 198.

(25)  Il-Kawża T-384/08 Elliniki Nafpigokataskevastiki AE Chartofylakeiou vs il-Kummissjoni EU:T:2011:650, u l-Kawża T-565/08 Corsica Ferries v il-Kummissjoni EU:T:2012:415, punti 23, 114 u minn 120 sa 131. Ara anki, b’mod analogu, il-kawża C-111/10, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, EU:C:2013:785, punt 44.

(26)  Il-Kawża C-70/72, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja (Ġabra 1973, pag. 813, punt 13).

(27)  Il-Kawżi Konġunti C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Spanja vs Il-Kummissjoni, Ġabra 1994, p. I-04103, il-punt 75.

(28)  Il-Kawża C-75/97 Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, (Ġabra 1999, p. I-3671, il-punti 64 u 65).

(29)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(30)  Ara l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/99.

(31)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).

(32)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 tat- 30 ta' Jannar 2008 li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 794/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1).