20.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 347/281


REGOLAMENT (UE) Nru 1300/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ Diċembru 2013

dwar il-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 177 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula li l-Unjoni trid tiżviluppa u tkompli bl-azzjonijiet tagħha li jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha. Il-Fond ta’ Koeżjoni li huwa stabbilit minn dan ir-Regolament għandu għaldaqstant jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-proġetti fl-oqsma tal-ambjent u tan-netwerks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxid-dispożizzjonijiet komuni għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew,il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu u għas-Sajd. Dak ir-Regolament jikkostitwixxi qafas ġdid għall-Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej inkluż il-Fond ta' Koeżjoni. Huwa neċessarju, għalhekk, li jiġu speċifikati l-kompiti tal-Fond ta' Koeżjoni f'dak li għandu x'jaqsam dak il-qafas u f'dak li għandu x'jaqsam l-għan mogħti lill-Fond ta' Koeżjoni fit-TFUE.

(3)

Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-tip ta' attivitajiet li jistgħu jiġu appoġġati mill-Fond ta' Koeżjoni, sabiex jikkontribwixxu għall-prijoritajiet ta' investiment fi ħdan l-objettivi tematiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

(4)

L-Unjoni għandha tkun tista' tikkontribwixxi, permezz tal-Fond ta' Koeżjoni, għal azzjonijiet li jwettqu l-objettivi ambjentali tagħha. skont l-Artikoli 11 u 191 TFUE, jiġifieri effiċjenza enerġetika u enerġija rinnovabbli, u fis-settur tat-trasport barra n-netwerks trans-Ewropej, it-trasport bil-ferrovija, fix-xmajjar u bil-baħar, is-sistemi ta' trasport intermodali u l-interoperabbiltà tagħhom, il-ġestjoni tat-traffiku fuq it-triq, bil-baħar u bl-ajru, trasport urban nadif u trasport pubbliku.

(5)

Għandu jitfakkar li meta l-miżuri msejsa fuq l-Artikolu 192(1) TFUE jinvolvu spejjeż meqjusa bħala sproporzjonati għall-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru u l-appoġġ finanzjarju mill-Fond ta’ Koeżjoni jiġi provdut skont l-Artikolu 192(5) TFUE, għandu japplika xorta waħda l-prinċipju li min iniġġes iħallas.

(6)

Il-proġetti tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew (TEN-T) appoġġati mill-Fond ta' Koeżjoni għandhom jikkonformaw mal-linji gwida għal retikolati tat-trasport trans-Ewropej stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Sabiex jiġu kkonċentrati l-isforzi f'dak ir-rigward, għandha tingħata prijorità lill-proġetti ta' interess komuni kif definit f'dak ir-Regolament.

(7)

L-investiment biex jinkiseb it-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett serra minn attivitajiet elenkati fl-Anness 1 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) ma għandux ikun eliġibbli għall-appoġġ mill-Fond ta’ Koeżjoni peress li dan diġà jibbenefika finanzjarjament mill-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva. Dik l-esklużjoni ma għandhiex tillimita l-possibbiltà li l-Fond ta’ Koeżjoni jintuża biex jiġu appoġġati attivitajiet mhux elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE anke jekk dawk l-attivitajiet jiġu implimentati mill-istess operaturi ekonomiċi, u jinkludu attivitajiet bħal investimenti ta’ effiċjenza enerġetika fil-ġenerazzjoni konġunta tas-sħana u l-elettriku u f'netwerks tat-tisħin distrettwali, id-distribuzzjoni intelliġenti tal-enerġija elettrika, is-sistemi ta’ ħżin u trażmissjoni u miżuri mmirati lejn it-tnaqqis fit-tniġġis fl-arja, anke jekk wieħed mill-effetti indiretti ta' attivitajiet bħal dawn huwa t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett serra, jew jekk huma elenkati fil-pjan nazzjonali msemmi fid-Direttiva 2003/87/KE.

(8)

Mhuwiex possibbli li investiment fl-akkomodazzjoni, ħlief għal dak relatat mal-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika jew l-użu tal-enerġija rinnovabbli, ikun eliġibbli għall-appoġġ mill-Fond ta' Koeżjoni peress li jaqa' barra mill-ambitu ta' appoġġ mill-Fond ta' Koeżjoni kif definit fit-TFUE.

(9)

Biex jitħaffef l-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport madwar l-Unjoni, il-Fond ta’ Koeżjoni għandu jappoġġa proġetti ta’ infrastruttura tat-trasport tal-valur miżjud Ewropew previsti fir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) għal ammont totali ta' EUR 10 000 000 000. L-allokazzjoni tal-appoġġ mill-Fond ta’ Koeżjoni għal dawk il-proġetti għandu jikkonforma mar-regoli stabbiliti taħt l-Artikolu 92(6) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Skont ir-Regolamet, (UE) Nru 1316/2013, għandu jkun disponibbli appoġġ biss għall-Istati Membri eliġibbli għall-finanzjament mill-Fond ta’ Koeżjoni, bir-rati ta’ kofinanzjament applikabbli għal dak il-Fond.

(10)

Huwa importanti li jiġi żgurat li, fil-promozzjoni ta' investiment fil-ġestjoni tar-riskju, jiġu kkunsidrati riskji speċifiċi fil-livell reġjonali, transkonfinali u transnazzjonali.

(11)

Il-komplementarjetà u s-sinerġiji bejn l-interventi appoġġati mill-Fond ta' Koeżjoni, il-FEŻR, il-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għandhom ikunu żgurati, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u jiġi garantit l-aħjar kollegament bejn it-tipi differenti ta' infrastruttura fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, u fl-Unjoni kollha.

(12)

Sabiex ikunu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-Fond ta' Koeżjoni, u f'konformità mal-istrateġija tal-Unjoni għal tkabbir intellliġenti, sostenibbli u inklużiv, hu neċessarju li jiġu stipulati, fi ħdan kull objettiv tematiku stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-azzjonijiet speċifiċi tal-Fond ta' Koeżjoni bħala "prijoritajiet ta' investiment". Dawk il-prijoritajiet ta’ investiment għandhom jistabbilixxu objettivi dettaljati, li ma jeskludux lil xulxin, li l-Fond ta' Koeżjoni għandu jikkontribiwixxi għalihom. Dawn il-prijoritajiet ta' investiment għandhom jiffurmaw il-bażi għad-definizzjoni ta' objettivi speċifiċi fil-programmi li jqisu l-ħtiġijiet u l-karatteristiċi tal-qasam tal-programm. Biex tiżdied il-flessibilità u jitnaqqas il-piż amministrattiv billi permezz ta' implimentazzjoni konġunta, il-FEŻR u l-prijoritajiet ta’ investiment tal-Fond ta’ Koeżjoni taħt l-objettivi tematiċi korrispondenti għandhom ikunu allinjati.

(13)

Għandu jiġi stabbilit sett komuni ta’ indikaturi tal-produzzjoni sabiex jitkejjel il-progress aggregat fil-livell tal-Unjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi oeprazzjonali f’Anness ta' dan ir-Regolament. Dawk l-indikaturi għandhom jikkorrispondu għall-prijorità ta’ investiment u t-tip ta’ azzjoni appoġġati skont dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. L-indikaturi komuni tal-produzzjoni għandhom ikunu kkumplimentati b’indikaturi ta’ riżultat speċifiċi għall-programm u, meta rilevanti, minn indikaturi tal-produzzjoni speċifiku għall-programm.

(14)

Sabiex jiġi emendat dan ir-Regolament fir-rigward ta' ċerti elementi mhux essenzjali, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emenda tal-lista ta' indikaturi komuni tal-produzzjoni stipulati fl-Anness I għal dan ir-Regolament. Hu ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgurea li jkun hemm trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(15)

Minħabba li l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni fl-interessi tal-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri, imma jista' pjuttost, minħabba l-livell ta' disparitajiet bejn il-livelli ta' żvilupp tad-diversi reġjuni u r-ritard ta' dawk ir-reġjuni li huma inqas favoriti u l-limitazzjoni fuq ir-riżorsi finanzjarji tal-Istati Membri u r-reġjuni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq dak l-objettiv.

(16)

Peress li dan ir-Regolament jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill Nru 1084/2006 (7), dak ir-Regolament għandu jiġi mħassar. Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika tal-assistenza approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1084/2006 jew kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tapplika għal dik l-assistenza fil-31 ta' Diċembru 2013. Dak ir-Regolament jew tali leġiżlazzjoni oħra applikabbli għandhom konsegwentement ikomplu japplikaw wara l-31 ta' Diċembru 2013 għal dik l-assistenza jew l-operazzjonijiet ikkonċernati sal-għeluq tagħhom. L-applikazzjonijiet għal assistenza magħmulin jewa approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1084/2006 għandhom jibqgħu validi.

(17)

Sabiex jista' jkun hemm applikazzjoni fil-pront tal-miżuri previsti f'dan ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-istabbiliment tal-Fond ta' Koeżjoni u s-suġġett

1.   Fond ta’ Koeżjoni huwa b'dan stabbilit għall-iskop ta’ tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni fl-interessi tal-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli.

2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kompiti tal-Fond ta' Koeżjoni u l-kamp ta' applikazzjoni tal-appoġġ tiegħu fir-rigward tal-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir u l-impjiegi msemmi fl-Artikolu 89 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Artikolu 2

L-ambitu tal-appoġġ mill-Fond ta' Koeżjoni

1.   Il-Fond ta’ Koeżjoni, filwaqt li jiżgura bilanċ xieraq u skont l-investiment u l-bżonnijiet infrastrutturali speċifiċi għal kull Stat Membru, għandu jappoġġa:

(a)

l-investiment fl-ambjent, inklużi l-oqsma relatati mal-iżvilupp sostenibbli u l-enerġija li jippreżentaw benefiċċji ambjentali;

(b)

it-TEN-T f'konformità mal-linji gwida adottati bir-Regolament (UE) Nru 1315/2013;

(c)

l-assistenza teknika.

2.   Il-Fond ta' Koeżjoni ma għandux jappoġġa:

(a)

id-diżattivazzjoni jew il-kostruzzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari;

(b)

investiment biex jinkiseb it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett serra minn attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE;

(c)

investiment fl-akkomodazzjoni,għajr jekk marbut mal-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika jew l-użu tal-enerġija rinnovabbli;

(d)

il-manifattura, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' tabakk u prodotti tat-tabakk;

(e)

impriżi f'diffikultà, kif definit taħt ir-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat;

(f)

investiment fl-infrastruttura tal-ajruporti sakemm ma jkunx relatat mal-ħarsien ambjentali jew akkumpanjat minn investiment meħtieġ sabiex jittaffa jew jitnaqqas l-impatt ambjentali negattiv tagħha.

Artikolu 3

L-appoġġ tal-Fond ta’ Koeżjoni għall-proġetti tal-infrastruttura tat-trasport taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

Il-Fond ta’ Koeżjoni għandu jappoġġa l-proġetti ta’ infrastruttura tat-trasport ta’ valur miżjud Ewropew previsti fir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 għal ammont ta’ EUR 10 000 000 000 f'konformità mal-Artikolu 92(6) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Artikolu 4

Il-prijoritajiet ta' investiment

Il-Fond ta’ Koeżjoni għandu jappoġġa dawn il-prijoritajiet ta’ investiment taħt l-objettivi tematiċi stipulati fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 skont il-ħtiġijiet ta' żvilupp u l-potenzjal għat-tkabbir imsemmija fil-punt (a)(i) tal-Artikolu 15(1) ta' dak ir-Regolament u stabbiliti fil-Ftehim ta’ Sħubija:

(a)

l-appoġġ lill-bidla lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju fis-setturi kollha billi:

(i)

jiġu promossi l-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' enerġija li tiġi minn sorsi rinnovabbli;

(ii)

jiġu promossi l-effiċjenza enerġetika u l-użu ta' enerġija rinnovabbli fl-intrapriżi;

(iii)

jiġu appoġġati l-effiċjenza enerġetika, il-ġestjoni intelliġenti tal-enerġija u l-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-infrastruttura pubblika, inkluż f'bini pubbliku u fis-settur tal-akkomodazzjoni;

(iv)

jiġu żviluppati u implimentati sistemi ta' distribuzzjoni intelliġenti li joperaw f'livelli ta' vultaġġ baxxi u medji;

(v)

jiġu promossi strateġiji ta' użu baxx ta' karbonju għat-tipi kollha ta' territorju, b'mod partikolari għaż-żoni urbani, inkluża l-promozzjoni tal-mobilità urbana multimodali sostenibbli u l-miżuri ta' adattament rilevanti għall-mitigazzjoni;

(vi)

jiġi promoss l-użu ta' ġenerazzjoni konġunta b'effiċjenza għolja ta' sħana u elettriku abbażi tad-domanda għal sħana siewja;

(b)

il-promozzjoni ta' adattament għat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju billi:

(i)

jiġi appoġġat l-investiment għall-adattament għat-tibdil fil-klima, inklużi approċċi bbażati fuq ekosistemi;

(ii)

jiġi promoss l-investiment li jindirizza r-riskji speċifiċi, jiżgura r-reżiljenza għal diżastri u jiżviluppa sistemi ta’ ġestjoni tad-diżastri;

(c)

il-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi billi;

(i)

isir investiment fis-settur tal-iskart biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-acquis ambjentali tal-Unjoni u jiġu indirizzati l-bżonnijiet, identifikati mill-Istati Membri, għal investiment li jmur lil hinn minn dawk il-ħtiġijiet;

(ii)

isir investiment fis-settur tal-ilma biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-acquis ambjentali tal-Unjoni u jiġu indirizzati l-bżonnijiet, identifikati mill-Istati Membri, għal investiment li jmur lil hinn minn dawk il-ħtiġijiet;

(iii)

jiġu protetti u restawrati l-bijodiversità u l-ħamrija u jiġu promossi servizzi għall-ekosistema anki permezz ta' Natura 2000, u infrastruttura ambjentali;

(iv)

tittieħed azzjoni biex jitjieb l-ambjent urban, jiġu rivitalizzati l-ibliet, jiġu riġenerati u dekontaminati s-siti industrijali abbandunati (brownfield sites) (inklużi żoni ta' konverżjoni), jitnaqqas it-tniġġis tal-arja u jiġu promossi miżuri ta' tnaqqis tal-istorbju;

(d)

il-promozzjoni tat-trasport sostenibbli u t-tneħħija ta' konġestjoni fl-infrastrutturi tan- netwerks prinċipali billi:

(i)

tiġi appoġġata Żona Unika Ewropea tat-Trasport multimodali permezz ta' investiment fit-TEN-T;

(ii)

jiġu żviluppati u mtejba sistemi tat-trasport b'kuxjenza ambjentali (inkluż b'livell ta' storbju baxx) u b'livell ta' karbonju baxx, inklużi passaġġi tal-ilma interni u trasport marittimu, portijiet, kollegamenti multimodali u infrastruttura tal-ajruporti, sabiex tiġi promossa l-mobilità reġjonali u lokali sostennibbli;

(iii)

jiġu żviluppati u riabilitati sistemi ferrovjarji komprensivi, ta’ kwalità għolja u interoperabbli, u jiġu promossi miżuri ta' tnaqqis tal-istorbju;

(e)

it-titjib tal-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet interessati u amministrazzjoni pubblika effiċjenti permezz ta' azzjonijiet li jsaħħu l-kapaċità istituzzjonali u l-effiċenzja tal-amministrazzjoni pubblika u tas-servizzi pubbliċi relatati mal-implimentazzjoni tal-Fond ta' Koeżjoni.

Artikolu 5

L-indikaturi

1.   L-indikaturi komuni tal-produzzjoni, kif stipulati fl-Anness I għal dan ir-Regolament, indikaturi ta' riżultati speċifiċi għal programm u, fejn relevanti, indikaturi tal-produzzjoni speċifiċi għal programm għandhom jintużaw f'konformità mal-Artikolu 27(4) u l-punt (b)(ii) u (iv) u l-punt (c)(ii) u (iv) tal-Artikolu 96(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

2.   Għall-indikaturi tal-produzzjonikomuni u speċifiċi għal programm, il-linji bażi għandhom jiġu stabbiliti fil-livell ta’ żero. Il-valuri ta' mira kwantifikati kumulattivi għal dawk l-indikaturi għandhom jiġu stabbiliti għall-2023.

3.   Għall-indikaturi tal-eżitu speċifiċi għal programm, li huma marbuta ma’ prijoritajiet ta’ investiment, il-linji bażi għandhom jużaw id-dejta l-iżjed reċenti disponibbli u l-miri għandhom jiġu stabbiliti għall-2023. Il-miri jistgħu jiġu espressi f’termini kwantitattivi jew kwalitattivi.

4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 7 biex temenda l-lista ta' indikaturi tal-produzzjoni komuni stabbiliti fl-Anness I, sabiex tagħmel aġġustamenti, meta jkun ġustifikat biex tiżgura l-valutazzjoni effettiva tal-progress fl-implimentazzjoni tal-programm operazzjonali.

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali, ta' assistenza approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1084/2006, jew kwalunkwe leġislazzjoni oħra li tapplika għal dik l-assistenza fil-31 ta' Diċembru 2013. Dak ir-Regolament jew tali leġislazzjoni applikabbli oħra għandhom konsegwentement ikomplu japplikaw wara l-31 ta' Diċembru 2013 għal dik l-assistenza jew l-operazzjonijiet ikkonċernati sakemm jagħlqu. Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, assistenza għandha tkopri programmi operazzjonali u proġetti maġġuri.

2.   L-applikazzjonijiet biex wieħed jirċievi assistenza magħmulin jew approvati taħt ir-Regolament (KE) Nru 1084/2006 għandhom jibqgħu validi.

Artikolu 7

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(4) hija mogħtija lill-Kummissjoni minn 21 ta' Diċembru 2013 sal-31 ta' Diċembru 2020.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 5(4) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kull att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn bl-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 8

Revoka

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1084/2006 huwa b'dan imħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2014.

Ir-referenzi għar-Regolament irrevokat għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni kif stabbilta fl-Anness II.

Artikolu 9

Reviżjoni

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirrivedu dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2020, skont l-Artikolu 177 TFUE.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

R. ŠADŽIUS


(1)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 38.

(2)  ĠU C 225, 27.7.2012, p. 143.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ 17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsll (KE) Nru 1083/2006 (Ara paġna 320 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ 11 ta’ Diċembru 2013 Deċiżjoni dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew u li jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).

(5)  Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1164/94 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 79).


ANNESS I

INDIKATURI KOMUNI TAL-PRODUZZJONI GĦALL-FOND TA' KOEŻJONI

 

UNITÀ

DENOMINAZZJONI

Ambjent

Skart solidu

tunnellati/sena

Il-kapaċità addizzjonali għar-riċiklaġġ tal-iskart

Provvista tal-ilma

persuni

Il-popolazzjoni addizzjonali servuta bi provvista ta' ilma aħjar

Trattament tad-dranaġġ

popolazzjoni ekwivalenti

Il-popolazzjoni addizzjonali servuta bi trattament ta' dranaġġ aħjar

Il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju

persuni

Il-popolazzjoni li tibbenefika mill-miżuri li jipproteġu kontra l-għargħar

persuni

Il-popolazzjoni li tibbenefika minn miżuri ta' protezzjoni kontra n-nirien fil-foresti

Riabilitazzjoni tal-art

ettari

L-erja totali ta' wiċċ l-art riabilitata

Natura u bijodiversità

ettari

L-erja ta’ wiċċ l-art ta’ ħabitats appoġġati biex jinkiseb status aħjar ta’ konservazzjoni

Enerġija u tibdil fil-klima

Enerġiji rinnovabbli

MW

Il-kapaċità addizzjonali tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli

Effiċjenza enerġetika

unitajiet domestiċi

In-numru ta’ unitajiet domestiċi bi klassifikazzjoni mtejba tal-konsum tal-enerġija

kWh/sena

It-tnaqqis fil-konsum annwali tal-enerġija primarja fil-bini pubbliku

utenti

In-numru addizzjonali ta' utenti tal-enerġija konnessi ma’ netwerks intelliġenti (smart grids)

Tnaqqis fil-GHG

tunnellati ta' CO2eq

It-tnaqqis stmat annwali ta' GHG

Trasport

Ferrovija

kilometri

It-tul totali tal-linji ferrovjarji ġodda

 

kilometri

It-tul totali tal-linii ferrovjarji mibnija mill-ġdid jew mtejba

Toroq

kilometri

It-tul totali ta' toroq mibnija ġodda

kilometri

It-tul totali ta' toroq mibnija mill-ġdid jew mtejba

Trasport urban

kilometri

It-tul totali ta’ linji ġodda jew imtejba tat-tramm jew tal-metro

Passaġġi tal-ilma intern

kilometri

It-tul totali ta' passaġġi tal-ilma intern ġodda jew imtejba


ANNESS II

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Regolament (KE) Nru 1084/2006

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 5a

Artikolu 7

Artikolu 6

Artikolu 8

Artikolu 7

Artikolu 9

Artikolu 8

Artikolu 10


Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEŻR, l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (KTE) u l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jinnotaw l-assigurazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni lil-leġiżlatura tal-UE li l-indikaturi komuni ta’ produzzjoni għar-Regolament dwar il-FEŻR, ir-Regolament dwar il-KTE u r-Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni li għandhom jiġu inklużi f’anness ma’ kull regolament, rispettivament, huma l-eżitu għa proċess preparatorju li ħa fit-tul li kien jinvolvi l-esperti ta’ valutazzjoni kemm tal-Kummissjoni u kemm tal-Istati Membri u, fil-prinċipju, huma mistennija jibqgħu stabbli.