20.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 373/23


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta’ Diċembru 2013

li twaqqaf il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka

2013/C 373/09

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE 3 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) u (2) tiegħu.

Billi:

(1)

Sabiex jiżgura il-kontinwità mal-azzjonijiet u l-attivitajiet li jkunu twettqu skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/972/KE (2), il-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (“ERC”) li għandu jiġi stabbilit skont id-Deċiżjoni 2013/743/UE għandu jissostitwixxi u jkun is-suċċessur tal-ERC stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/134/KE (3).

(2)

L-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 2013/743/UE jipprevedi li l-ERC għandu jkun magħmul minn Kunsill Xjentifiku indipendenti u struttura ta’ implimentazzjoni ddedikata. L-istruttura ta’ implimentazzjoni ddedikata għandha titwaqqaf bħala struttura esterna f’forma ta’ aġenzija eżekuttiva li għandha tiġi stabbilita minn att separat skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 (4).

(3)

Il-Kunsill Xjentifiku għandu jkun magħmul minn xjenzati, inġiniera u akkademiċi tal-ogħla reputazzjoni. Il-membri tiegħu għandhom ikunu indipendenti minn interessi estranji u għandhom jinħatru b’mod li jiżgura l-kontinwità tax-xogħol tal-Kunsill Xjentifiku.

(4)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni f'waqtha tal-Programm Speċifiku, il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC stabbilit bid-Deċiżjoni 2007/134/KE diġà stabbilixxa pożizzjonijiet preliminari bi tħejjija għall-miżuri li għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2013/743/UE. Dawk il-pożizzjonijiet preliminari għandhom jiġu approvati jew irrifjutati mill-Kunsill Xjentifiku stabbilit minn din id-Deċiżjoni.

(5)

Id-dispożizzjonijiet meħtieġa għat-tħaddim tal-Kunsill Xjentifiku għandhom ikunu stabbiliti.

(6)

Għandhom isiru dispożizzjonijiet biex tiġi żgurata kooperazzjoni bla problemi bejn il-Kunsill Xjentifiku u l-istruttura ta' implimentazzjoni ddedikata tal-ERC.

(7)

Il-Kunsill Xjentifiku għandu jkollu aċċess għad-dokumenti u d-dejta meħtieġa għax-xogħol tiegħu f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(8)

Id-Deċiżjoni 2013/743/UE tipprevedi l-kumpens tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku għall-inkarigi li jwettqu u għandhom jiġu stabbiliti regoli għal dak l-għan.

(9)

Id-Deċiżjoni 2007/134/KE għandha tiġi rrevokata,

IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

It-Twaqqif tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka

Il-Kunsill Ewropew ta' Riċerka (“ERC”) huwa b'dan stabbilit għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020. Għandu jissostitwixxi u jkun is-suċċessur tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/134/KE.

Artikolu 2

Membri tal-Kunsill Xjentifiku

1.   Il-Kunsill Xjentifiku għandu jkun magħmul mill-President tal-ERC (“Il-President tal-ERC”) u 21 membru ieħor. Il-21 persuna elenkati fl-Anness I huma b’dan maħtura bħala membri oħra tal-Kunsill Xjentifiku għat-tul tal-kariga stipulati fih.

2.   Il-membri għandhom iwettqu l-inkarigi tagħhom b'mod indipendenti minn kull influwenza esterna. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni fi żmien xieraq b'kull kunflitt ta' interessi li jista' jikkomprometti l-imparzjalità tagħhom.

3.   Il-membri għandhom jinħatru għal perjodu ta’ erba’ snin, li jiġġedded darba. Membru jista' jinħatar għal perjodu ta' inqas minn dak massimu, biex b'hekk ikun hemm rotazzjoni fis-sħubija li ssir f'fażijiet suċċessivi mqassma. Il-membri għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jinħatru membri oħra minflokhom jew il-perjodu tal-mandat tagħhom jiskadi.

4.   F'każijiet iġġustfikati debitament, sabiex tinżamm l-integrità jew il-kontinwità tal-Kunsill Xjentifiku, il-Kummissjoni tista' ttemm b'inizjattiva proprja l-perjodu tal-mandat ta' membru.

Artikolu 3

It-Tħaddim tal-Kunsill Xjentifiku

1.   Il-Kunsill Xjentifiku għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu, kif ukoll kodiċi ta' kondotta dwar il-kunfidenzjalità, il-kunflitt ta' interess u l-ipproċessar tad-dejta personali skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

2.   Il-Kunsill Xjentifiku għandu jiltaqa' f'seduta plenarja skont kif meħtieġ minn ħidmietu. Għandu jiġi ppubblikat sommarju tal-minuti tal-laqgħat plenarji fuq is-sit elettroniku tal-ERC.

3.   Il-President jista’ jiddeċiedi li jiltaqa’ f’sessjoni magħluqa skont ir-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill Xjentifiku.

4.   Il-Kunsill Xjentifiku jista’, minn fost il-membri tiegħu, jistabbilixxi kumitati permanenti, gruppi ta’ ħidma u strutturi oħra li jindirizzaw inkarigi speċifiċi tal-Kunsill Xjentifiku.

5.   Il-pożizzjonijiet preliminari tal-Kunsill Xjentifiku stabbilit bid-Deċiżjoni 2007/134/KE dwar il-miżuri li għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2013/743/UE għandhom jiġu approvati jew irrifjutati mill-Kunsill Xjentifiku stabbilit skont din id-Deċiżjoni immedjatament wara t-twaqqif tiegħu.

Artikolu 4

Il-Kooperazzjoni fi ħdan il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka

Il-Kunsill Xjentifiku u l-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni għandhom jassiguraw il-koerenza bejn l-aspetti strateġiċi u operazzjonali kollha tal-attivitajiet tal-ERC. Il-President tal-ERC, il-Viċi Presidenti tal-Kunsill Xjentifiku u d-Direttur tal-istruttura ta' implimentazzjoni ddedikata għandhom ikollhom laqgħat regolari ta’ koordinazzjoni biex jiżguraw koperazzjoni effettiva.

Artikolu 5

Aċċess għad-dokumenti u d-dejta

1.   Il-Kummissjoni u l-istruttura ta' implimentazzjoni ddedikata għandhom jipprovdu lill-Kunsill Xjentifiku bid-dokumenti, id-dejta u l-assistenza meħtieġa għal xogħolu li jippermettulu li jopera taħt kundizzjonijiet ta' awtonomija u indipendenza, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

2.   Il-membri tal-Kunsill Xjentifiku għandhom jużaw id-dokumenti u d-dejta pprovduti lilhom skont il-paragrafu 1 biss għall-finijiet u l-inkarigi li għalihom jiġu pprovduti u għandhom ikunu marbuta b'obbligu ta’ kunfidenzjalità.

3.   Miżuri orġanizzazzjonali u tekniċi xierqa li jiżguraw is-sigurtà u l-kunfidenzjalità tad-dokumenti u d-dejta għandhom jittieħdu mill-Kunsill Xjentifiku sabiex jiġi evitat kwalunkwe żvelar jew aċċess mhux awtorizzati, qerda aċċidentali jew illegali, telfa jew alterazzjoni tad-dejta u d-dokumenti.

4.   Il-membri tal-Kunsill Xjentifiku għandhom jagħtu l-attenzjoni dovuta lil-leġittimità, l-adegwatezza, ir-rilevanza, l-akkuratezza, il-ħtieġa u l-limitu ta’ żmien tal-ġbir, l-ipproċessar u l-ħżin tad-dejta personali.

5.   F’każ li l-aċċess għad-dokumenti u d-dejta jew l-aċċess għad-dejta personali ma jistgħux jingħataw minhabba raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tad-dejta personali, il-kunfidenzjalità, jew minħabba raġunijiet ta’ sigurtà u ta’ interess pubbliku, il-Kummissjoni u l-istruttura ta' implimentazzjoni ddedikata għandhom jipprovdu lill-Kunsill Xjentifiku b'dikjarazzjoni bil-miktub ta' dawk ir-raġunijiet, kif ukoll kwalunkwe tagħrif fuq it-tema kkonċernata li, fil-fehma tagħhom, jista’ jingħata b’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti.

Artikolu 6

Il-kumpens tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku minbarra l-President tal-ERC

Ir-regoli dwar l-onorarji għall-inkarigi li jitwettqu mill-membri tal-Kunsill Xjentifiku minbarra l-President tal-ERC u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza tagħhom huma stabbiliti fl-Anness II.

Artikolu 7

Revoka

Id-Deċiżjoni 2007/134/KE hija b’dan revokata. Ir-referenzi għad-Deċiżjoni rrevokata għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Máire GEOGHEGAN-QUINN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/972/KE tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku: “Ideat” li jimplimenta s-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 400, 30.12.2006, p. 243).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/134/KE tat-2 ta' Frar 2007 li twaqqaf il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ĠU L 57, 24.2.2007, p. 14).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003, tad-19 ta' Diċembru 2002, li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b'ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


ANNESS I

Membri tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC

Isem u Istitut

Tmiem il-mandat

Klaus BOCK, Danish National Research Foundation

fil-31 ta’ Diċembru 2016

Nicholas CANNY, National University of Ireland, Galway

fil-31 ta’ Diċembru 2014

Sierd A.P.L. CLOETINGH, Utrecht University

fil-31 ta’ Diċembru 2015

Tomasz DIETL, Polish Academy of Sciences

fil-31 ta’ Diċembru 2014

Daniel DOLEV, Hebrew University of Jerusalem

fil-31 ta’ Diċembru 2014

Athene DONALD, University of Cambridge

fil-31 ta’ Diċembru 2016

Barbara ENSOLI, Istituto Superiore di Sanità, Roma

fil-31 ta’ Diċembru 2016

Pavel EXNER, Czech Academy of Sciences

fil-31 ta’ Diċembru 2014

Nuria Sebastian GALLES, University of Pompeu Fabra, Barcelona

fil-31 ta’ Diċembru 2016

Reinhard GENZEL, Max Planck Institute for Extraterrestrial Physics

fil-31 ta’ Diċembru 2016

Carl-Henrik HELDIN, Ludwig Institute for Cancer Research, Uppsala

fil-31 ta’ Diċembru 2014

Timothy HUNT, Cancer Research UK, South Mimms

fil-31 ta’ Diċembru 2014

Matthias KLEINER, Technical University of Dortmund

fil-31 ta’ Diċembru 2016

Éva KONDOROSI, Hungarian Academy of Sciences

fil-31 ta’ Diċembru 2016

Mart SAARMA, University of Helsinki

fil-31 ta’ Diċembru 2014

Nils Christian STENSETH, University of Oslo

fil-31 ta’ Diċembru 2017

Martin STOKHOF, University of Amsterdam

fil-31 ta’ Diċembru 2017

Anna TRAMONTANO, Sapienza University of Rome

fil-31 ta’ Diċembru 2014

Isabelle VERNOS, Centre for Genomic Regulation, Barcelona

fil-31 ta’ Diċembru 2014

Reinhilde VEUGELERS, Catholic University of Leuven

fil-31 ta’ Diċembru 2016

Michel WIEVIORKA, Centre for Sociological Analysis and Intervention, Paris

fil-31 ta’ Diċembru 2017


ANNESS II

Regoli dwar il-kumpens tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku minbarra l-President tal-ERC, kif imsemmi fl-Artikolu 6

1.

L-onorarji tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku minbarra l-President kif ukoll l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u s-sussistenza tagħhom rigward it-twettiq tal-kompiti tagħhom għandhom jitħallsu permezz tal-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata skont kuntratt li jinkludi l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 2 sa 5.

2.

L-onorarji tal-Viċi Presidenti tal-Kunsill Xjentifiku għandhom ikunu EUR 3 500 għal attendenza sħiħa f’laqgħa plenarja u EUR 1 750 għal attendenza parzjali.

3.

L-onorarji tal-membri l-oħra msemmija fil-punt 1 għandhom ikunu EUR 2 000 għal attendenza sħiħa f’laqgħa plenarja u EUR 1 000 għal attendenza parzjali.

4.

Il-ħlasijiet se jiġu awtorizzati mid-Direttur tal-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata jew mid-deputat tiegħu fuq il-bażi ta’ lista ta’ attendenza vvalidata mill-President tal-ERC u d-Direttur tal-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata jew mid-deputati tagħhom. Il-lista tal-attendenza għandha tindika jekk kull membru attenda l-laqgħa sħiħa (attendenza sħiħa) jew biss parti minnha (attendenza parzjali).

5.

Għal laqgħat oħra għajr laqgħat plenarji, l-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata għandha, meta jkun xieraq, tirrimborża l-ispejjeż għall-ivvjaġġar u l-ispejjeż għall-għajxien meħtieġa, tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku, biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom skont ir-regoli tal-Kummissjoni dwar l-ikkumpensar tal-esperti esterni (1).

6.

L-onorarji u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u s-sussistenza għandhom jitħallsu mill-baġit operattiv tal-Programm Speċifiku stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE.


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 5858.