6.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 326/43


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Settembru 2013

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea b’konformità mal-punt 26 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba

(2013/714/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1), u b’mod partikulari l-punt 26 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (2),

Wara li kkunsidraw il-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea ħolqot Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (il-“Fond”) biex tesprimi s-solidarjetà tagħha fir-rigward tal-popolazzjonijiet ta’ reġjuni milquta minn katastrofi.

(2)

Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond sal-limitu annwali massimu ta’ EUR 1 biljun.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002 fih id-dispożizzjonijiet li jippermettu l-mobilizzazzjoni tal-Fond.

(4)

Is-Slovenja, il-Kroazja u l-Awstrija ppreżentaw talbiet bl-għan li jimmobilizzaw il-Fond, li jikkonċernaw diżastru kkawżat minn għargħar,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-qafas tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2013, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi s-somma ta’ EUR 14 607 942 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Settembru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

V. LEŠKEVIČIUS


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.