26.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/43


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ġunju 2013

li tirrevoka d-Deċiżjoni 2004/918/KE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fl-Ungerija

(2013/315/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-5 ta’ Lulju 2004, taħt l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), il-Kunsill iddeċieda, bid-Deċiżjoni 2004/918/KE (1), li kien jeżisti defiċit eċċessiv fl-Ungerija u adotta Rakkomandazzjoni taħt l-Artikolu 104(7) tat-TKE bil-għan li s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sal-aħħar tal-2008.

(2)

Fit-18 ta' Jannar 2005, f’konformità mal-Artikolu 104(8) tat-TKE, il-Kunsill qies l-Ungerija bħala li ma kinitx ħadet azzjoni effikaċi bi tweġiba għar-Rakkomandazzjoni tiegħu u adotta Rakkomandazzjoni oħra taħt l-Artikolu 104(7) tat-TKE fit-8 ta' Marzu 2005, li fiha kkonferma l-iskadenza tal-2008 għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. Fit-8 ta' Novembru 2005, il-Kunsill iddeċieda li, għat-tieni darba, l-Ungerija kienet naqset milli tikkonforma mar-Rakkomandazzjoni tiegħu taħt l-Artikolu 104(7) tat-TKE. Għaldaqstant, fl-10 ta' Ottubru 2006, il-Kunsill indirizza lill-Ungerija t-tielet Rakkomandazzjoni taħt l-Artikolu 104(7) tat-TKE, li fiha ppospona d-data ta’ skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv għall-2009. Fis-7 ta' Lulju 2009, il-Kunsill ikkonkluda li l-awtoritajiet Ungeriżi setgħu jitqiesu li ħadu azzjoni effikaċi bi tweġiba għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Ottubru 2006 u, fl-isfond tad-deklin kbir fir-ritmu ekonomiku, ħareġ Rakkomandazzjoni riveduta taħt l-Artikolu 104(7) tat-TKE ("ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2009"), li fiha reġa’ stabbilixxa data ta’ skadenza ġdida għall-korrezzjoni, jiġifieri l-2011. Fis-27 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ungerija kienet ħadet azzjoni effikaċi bi tweġiba għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2009, li magħha l-Kunsill qabel fil-konklużjonijiet tiegħu fis-16 ta’ Frar 2010, iżda avża li kien hemm riskji konsiderevoli.

(3)

Taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 126(8) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kunsill iddeċieda fl-24 ta’ Jannar 2012 li l-Ungerija ma kinetx ħadet azzjoni effikaċi bi tweġiba għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2009 fil-perjodu stipulat f’dik ir-Rakkomandazzjoni. Filwaqt li fl-2011 ma kienx hemm ksur fir-rigward tal-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG taħt it-Trattat, dan ma kienx ibbażat fuq korrezzjoni strutturali u sostenibbli, iżda kien imsejjes fuq dħul sostanzjali ta’ darba biss. Dan kien akkumpanjat b'deterjorament strutturali kumulattiv stmat għal aktar minn 2 % tal-PDG kemm fl-2010 kif ukoll fl-2011, meta mqabbel ma’ rakkomandazzjoni ta’ titjib fiskali kumulattiv ta’ 0,5 % tal-PDG. Barra minn hekk, filwaqt li fl-2012 l-awtoritajiet kienu qed jimplimentaw miżuri strutturali li kienu mistennija jikkumpensaw sew għad-deterjorament preċedenti, għal darb’oħra, il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG taħt it-Trattat kien se jitħares biss bis-saħħa ta’ miżuri ta’ darba biss li jammontaw għal kważi 1 % tal-PDG fl-2012 u kien se jinkiser fl-2013.

(4)

Fit-13 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni ġdida taħt l-Artikolu 126(7) TFUE ("ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Marzu 2012") għall-Ungerija biex ittemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv sal-aħħar tal-2012. L-awtoritajiet Ungeriżi ntalbu jieħdu l-passi li ġejjin b’mod partikolari: (i) itemmu is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv sal-2012 b’mod kredibbli u sostenibbli; (ii) jagħmlu sforz fiskali addizzjonali ta’ mill-inqas ½% tal-PDG biex jiżguraw li l-mira ta' defiċit ta’ 2,5 % tal-PDG għall-2012 tintlaħaq; u (iii) jieħdu l-miżuri addizzjonali ta' natura strutturali li huma meħtieġa biex jiżguraw li d-defiċit fl-2013 jibqa' ferm taħt il-limitu massimu ta' 3 % tal-PDG. Fl-istess waqt, ġie rrakkomandat li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern jerġa' jinġieb fit-triq tan-niżla mill-aktar fis possibbli sabiex jirrappreżenta progress suffiċjenti lejn konformità mal-limitu referenzjarju għat-tnaqqis tad-dejn. L-aġġustament baġitarju kien jeħtieġ ukoll li jkun appoġġat bit-titjib propost fil-qafas ta’ governanza fiskali. Il-Kunsill stabbilixxa l-iskadenza tas-13 ta' Settembru 2012 għall-gvern Ungeriż biex jieħu azzjoni effikaċi. Fit-13 ta’ Marzu 2012 ukoll, il-Kunsill iddeċieda (2) li jissospendi parti mill-approprjazzjonijiet għall-impenji tal-Fond ta’ Koeżjoni għall-Ungerija għas-sena 2013.

(5)

Fit-30 ta’ Mejju 2012, abbażi tal-Programm ta’ Konverġenza għall-perjodu mill-2011 sa 2015 u ta' aktar speċifikazzjoni tal-miżuri ta’ tfaddil, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ungerija kienet ħadet azzjoni effikaċi rigward il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. B'mod partikolari, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika huwa mistenni li jilħaq it-2,5 % tal-PDG fl-2012 u baqa' ferm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG taħt it-Trattat fl-2013 kif irrakkomandat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Marzu 2012. Barra minn hekk, ġie rikonoxxut li sar xi progress fit-titjib tal-qafas tal-governanza fiskali minkejja li f’dan il-qasam il-progress globali seta' jkun ikkunsidrat bħala wieħed kajman. F'dan l-isfond, fit-22 ta’ Ġunju 2012, il-Kunsill, konsegwentement għal proposta mill-Kummissjoni tat-30 ta’ Mejju 2012, adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/323/UE (3) biex neħħa s-sospensjoni tal-approprjazzjonijiet għall-impenji tal-Fond ta’ Koeżjoni.

(6)

Taħt l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattati, il-Kummissjoni tipprovdi d-dejta għall-implimentazzjoni tal-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw id-dejta dwar id-defiċits u d-dejn tal-Gvern, u dwar fatturi varjabbli assoċjati oħrajn, darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta’ April u qabel l-1 ta’ Ottubru, taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (4).

(7)

Meta jikkunsidra jekk deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandhiex tiġi revokata, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni fuq il-bażi tad-dejta notifikata. Barra minn hekk, deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata biss jekk it-tbassir tal-Kummissjoni jindika li d-defiċit ma jkunx se jaqbeż il-limitu ta’ 3 % tal-PDG taħt it-Trattat tul il-perjodu ta’ tbassir.

(8)

Abbażi tad-dejta pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat), taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009, konsegwentement għan-notifka mill-Ungerija qabel l-1 ta’ April 2013, it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2013 u l-valutazzjoni ta’ miżuri korrettivi addizzjonali adottati fit-13 ta’ Mejju 2013 b’digriet tal-Gvern, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:

Fl-2012, abbażi ta’ sforz fiskali konsiderevoli, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika laħaq sa 1,9 % tal-PDG. Dan seħħ bħala r-riżultat ta' dħul ta’ darba li jammonta għal ¾ % tal-PDG, inkluż id-dħul ta’ darba ogħla minn kemm kien ibbaġitjat ta’ 0,2 % tal-PDG relatat mat-trasferiment ulterjuri tal-assi mill-pilastru pensjonistiku privati għal dawk pubbliċi. Il-baġit adottat tal-2012 kellu fil-mira defiċit ta’ 2,5 % tal-PDG fuq il-bażi ta’ tkabbir ta' 0,5 %. Il-baġit kien fih riżerva straordinarja ta’ 1,1 % tal-PDG u għadd ta’ miżuri ta’ konsolidament, partikolarment: (i) miżuri li jżidu d-dħul ta’ madwar 1¾ % tal-PDG, inklużi żidiet fit-taxxi indiretti u kontribuzzjonijiet tas-sigurta soċjali; (ii) miżuri strutturali fuq in-naħa tal-infiq ta’ ¾ % tal-PDG, bħal reviżjoni tal-benefiċċji soċjali; u (iii) limitazzjonijiet fl-infiq ta’ ¼ % tal-PDG fis-settur pubbliku, inkluż l-iffriżar tal-pagi nominali fil-biċċa l-kbira tas-setturi. Sabiex jikkumpensa għall-prospettiva ta’ tkabbir li dejjem kienet sejra lura, il-Gvern adotta żewġ pakketti korrettivi addizzjonali f’April u Ottubru tal-2012 (b'totali ta' 0,7 % tal-PDG), li jikkonsistu prinċipalment f'aktar tnaqqis fl-approprjazzjonijiet tal-istituzzjonijiet baġitarji, li madwar nofshom ġew implimentati. Barra minn hekk, il-bilanċ tas-settur tal-gvern lokali tjieb b’madwar 0,7 % tal-PDG meta mqabbel mal-pjanijiet ibbaġitjati, l-aktar minħabba l-attività ta’ investiment baxx tagħhom.

Fil-kuntest tar-Rapport ta’ Progress tal-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv ta' Ottubru 2012, il-mira tad-defiċit uffiċjali tal-2012 ġiet irriveduta 'l fuq minn 2,5 % għal 2,7 % tal-PDG. B’mod ġenerali, il-miżuri korrettivi implimentati effettivament ta’ madwar 3 % tal-PDG adottati mill-gvern ċentrali u t-titjib tal-bilanċ tas-settur tal-gvern lokali eventwalment rriżultaw f’defiċit ta’ 1,9 % tal-PDG, jiġifieri ġiet maqbuża l-mira oriġinali ta' defiċit ta' 0,6 % tal-PDG. L-attivazzjoni ta’ riżervi straordinarja bbaġitjati kkumpensat għat-telf baġitarju, parzjalment marbut mal-ambjent makroekonomiku agħar milli kien mistenni.

Il-Programm ta’ Konverġenza għall-perjodu mill-2012 sa 2016 jipprevedi li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika se jibqa’ ta' 2,7 % tal-PDG kemm fl-2013 kif ukoll fl-2014. Madankollu, it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2013 jipprevedi defiċit ta’ 3,0 % tal-PDG fl-2013 u 3,3 % tal-PDG fl-2014, li jissuġġerixxi li d-defiċit eċċessiv ma ntemmx b’mod dejjiemi. Fit-13 ta’ Mejju 2013, wara li ħareġ it-tagħrif dwar it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2013, il-Gvern Ungeriż adotta aktar miżuri ta’ korrezzjoni li f’termini grossi jammontaw għal madwar 0,3 % u 0,7 % tal-PDG għall-2013 u l-2014, rispettivament. Il-valutazzjoni fiskali aġġornata tas-servizzi tal-Kummissjoni, li tqis l-effett ta' titjib tad-defiċit nett ta’ dawn il-miżuri korrettivi addizzjonali, jipprevedi defiċit ta’ 2,7 % tal-PDG u 2,9 % tal-PDG fl-2013 u l-2014, rispettivament. B’hekk, id-defiċit huwa mistenni li jibqa’ taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG taħt it-Trattat matul iż-żmien previst fit-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2013. Barra minn hekk, skont l-istima tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-bilanċ tal-baġit aġġustat b’mod ċikliku, u nett minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħrajn, se jkun ta’ -¾ % u -1½ % tal-PDG fl-2013 u l-2014, rispettivament, u għalhekk se jkun konsistenti mal-objettiv baġitarju Ungeriż għal terminu medju ta' żmien ta' -1,7 % tal-PDG.

Il-proporzjon dejn-PDG tnaqqas minn quċċata ta’ kważi 82 % fl-2010 għal 79,2 % fl-2012, bis-saħħa ta' trasferimenti kapitali sostanzjali ta’ darba marbutin mat-tneħħija tal-pilastru pensjonistiku privat mandatorju u għadd ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni. Taħt il-Programm ta’ Konverġenza, il-proporzjon dejn-PDG se jkompli jonqos u se jaqa' għal 78,1 % u 77,2 % fl-2013 u l-2014, rispettivament, u jibqa' fit-triq tan-niżla minn hemm ’il quddiem. Anki wara li tinkorpora l-impatt tal-miżuri ġodda ta’ korrezzjoni adottati fit-13 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni tipprevedi trajettorja ogħla għall-proporzjon dejn-PDG ta’ madwar 1,0 punt perċentwali kemm għall-2013 kif ukoll għall-2014.

(9)

Fir-rigward tal-governanza fiskali, il-Kunsill talab lill-awtoritajiet Ungeriżi jistabbilixxu qafas tassew vinkolanti għal terminu medju ta' żmien u jwessgħu l-mandat analitiku tal-Kunsill Fiskali fid-dawl tad-dritt tiegħu ta' veto fuq il-baġit annwali. Il-Programm ta’ Konverġenza għall-perjodu mill-2012 sa 2016 iħabbar l-intenzjoni li jsiru passi 'l quddiem f’dan il-qasam fil-ħarifa tal-2013. Il-progress se jibqa' jiġi mmonitorjat mill-qrib fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

(10)

Mill-2013 'il quddiem, jiġifieri s-sena li taħbat wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, l-Ungerija għandha żżomm pożizzjoni fiskali li tkun konformi mal-objettiv baġitarju tagħha għal terminu medju ta' żmien, inkluż ir-rispett tal-valur referenzjarju tan-nefqa, u tagħmel progress suffiċjenti lejn il-konformità mal-kriterju ta' dejn f’konformità mal-Artikolu 2(1a) fir-Regolament (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (5).

(11)

Taħt l-Artikolu 126(12) tat-TFUE, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata meta fil-fehma tal-Kunsill id-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat ikun, fil-fehma tal-Kunsill, ġie kkorreġut.

(12)

Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fl-Ungerija ġie kkorreġut u d-Deċiżjoni 2004/918/KE għandha għalhekk tiġi revokata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni kumplessiva jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fl-Ungerija ġiet ikkorreġuta.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2004/918/KE hija b'dan revokata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

M. NOONAN


(1)  ĠU L 389, 30.12.2004, p. 27.

(2)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/156/UE tat-13 ta’ Marzu 2012 li tissospendi l-impenji mill-Fond tal-Koeżjoni għall-Ungerija b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013 (ĠU L 78, 17.3.2012, p. 19).

(3)  ĠU L 165, 26.6.2012, p. 46.

(4)  ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

(5)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.