21.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 338/54


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/858/PESK

tad-19 ta’ Diċembru 2011

li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2010/784/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-14 ta’ Novembru 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/797/PESK (1) dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) li kienet estiża l-aħħar mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/955/PESK (2) u skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2010.

(2)

Fis-17 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/784/PESK (3) li kompliet mill-1 ta’ Jannar 2011 il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani, u li tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2011.

(3)

Fit-8 ta’ Novembru 2011, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) irrakkomanda l-estensjoni teknika tal- EUPOL COPPS għall-sitt xhur oħra.

(4)

L-EUPOL COPPS għandha tiġi estiża ulterjorment mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2012 abbażi tal-mandat attwali tagħha.

(5)

Huwa meħtieġ ukoll li jiġi stabbilit l-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-EUPOL COPPS għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2012.

(6)

L-EUPOL COPPS ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/784/PESK hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 12

Sigurtà

1.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar tal-miżuri ta’ sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effettiva tagħhom għall-EUPOL COPPS f’konformità mal-Artikoli 5, 6 u 9, f’koordinazzjoni mad-Direttorat tas-Sigurtà tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tal-EUPOL COPPS u sabiex jiżgura konformità mar-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà applikabbli għall-EUPOL COPPS, f’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-Unjoni f’kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, u l-istrumenti ta’ sostenn tiegħu.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal Anzjan tas-Sigurtà tal-Missjoni (SMSO), li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib mad-Direttorat ta’ Sigurtà tas-SEAE.

4.   Il-persunal tal-EUPOL COPPS għandu jingħata taħriġ obbligatorju ta’ sigurtà qabel ma jibda dmirijietu, f’konformità mal-OPLAN. Hu għandu jirċievi taħriġ regolari ta’ aġġornament fuq il-post organizzat mill-SMSO.”;

(2)

L-Artikolu 13 paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-EUPOL COPPS għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011 għandu jkun EUR 8 250 000.

L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal- EUPOL COPPS għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sa 30 ta’ Ġunju 2012 għandu jkun ta’ EUR 4 750 000.”;

(3)

L-Artikolu 16, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Hija għandha tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2012.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. DOWGIELEWICZ


(1)  ĠU L 300, 17.11.2005, p. 65.

(2)  ĠU L 330, 16.12.2009, p. 76

(3)  ĠU L 335, 18.12.2010, p. 60