23.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 75/25


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Marzu 2010

dwar in-noninklużjoni ta’ 2,4,4’-trichloro-2’-hydroxydiphenyl ether fil-lista tal-Unjoni ta’ addittivi li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta’ materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel skont id-Direttiva 2002/72/KE

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 1613)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/169/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness III tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/72/KE tas-6 ta’ Awwissu 2002 dwar materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba sabiex jiġu f’kuntatt mal-ikel (2) tistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi li jistgħu jintużaw għall-manifattura ta’ materjali u oġġetti tal-plastik. Skont l-Artikolu 4a(1) ta’ dik id-Direttiva, wara li tintbagħat applikazzjoni u l-valutazzjoni xjentifika tagħha mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, addittiv ġdid jista’ jiżdied ma’ din il-lista.

(2)

Fit-23 ta’ Marzu 1998 RCC Registration Consulting bagħtet dejta għall-valutazzjoni tas-sigurtà ta’ 2,4,4’-trichloro-2’-hydroxydiphenyl ether f’isem Ciba Inc biex jintuża fil-manifattura tal-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel.

(3)

Skont l-Artikolu 4a(5) tad-Direttiva 2002/72/KE 2,4,4’-trichloro-2’-hydroxydiphenyl ether iddaħħal fil-lista provviżorja ta’ addittivi stipulata fl-Artikolu 4a(3) tagħha.

(4)

Fl-opinjoni tagħha tal-15 ta’ Marzu 2004, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ikkonkludiet li l-użu mitlub ta’ 2,4,4’-trichloro-2’-hydroxydiphenyl ether jista’ jiġi aċċettat, kemm-il darba s-sustanza ma tgħaddix fl-ikel b’aktar minn 5 mg kull kg ta’ ikel.

(5)

Fil-21 ta’ April 2009 Ciba Inc għarrfet lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tagħha li tirtira l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tas-sustanza bħala addittiv fil-manifattura ta’ materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel. Il-kumpanija ma tqisx iktar bħala xieraq l-użu tas-sustanza fil-plastik maħsub biex jiġi f’kuntatt mal-ikel.

(6)

Billi ma għadx hemm iktar applikazzjoni valida għall-użu ta’ 2,4,4’-trichloro-2’-hydroxydiphenyl ether bħala addittiv fil-plastik maħsub biex jiġi f’kuntatt mal-ikel, is-sustanza ma għandhiex tiġi inkluża fl-Anness III tad-Direttiva 2002/72/KE.

(7)

Għaldaqstant, skont il-punt (b) tal-Artikolu 4a(6) tad-Direttiva 2002/72/KE, is-sustanza għandha titneħħa mil-lista provviżorja ta’ addittivi.

(8)

Meta jitqies li 2,4,4’-trichloro-2’-hydroxydiphenyl ether seta’ ntuża fil-manifattura ta’ materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel, għandu jiġi introdott perjodu tranżizzjonali għat-tqegħid fis-suq ta’ materjali u oġġetti tal-plastik li fihom din is-sustanza.

(9)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponihom,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

2,4,4’-trichloro-2’-hydroxydiphenyl ether (Nru CAS 0003380-34-5, Nru ta’ ref. 93930) ma għandux jiġi inkluż fl-Anness III tad-Direttiva 2002/72/KE.

Artikolu 2

Il-materjali u l-oġġetti tal-plastik immanifatturati bi 2,4,4’-trichloro-2’-hydroxydiphenyl ether u mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta’ Novembru 2010, jistgħu jissoktaw fis-suq sal-1 ta’ Novembru 2011, suġġetti għal-liġi nazzjonali.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4.

(2)  ĠU L 220, 15.8.2002, p. 18.