1.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/43


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1171/2009

tat-30 ta’ Novembru 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jaddotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Interpretazzjoni 9 tal-Kumitat tal-Interpretazzjoni Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRIC) u l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 39

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2008.

(2)

Fit-12 ta' Marzu 2009, il-Bord għall-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) ippubblika emendi għall-Intepretazzjoni 9 tal-Kumitat Internazzjonali għall-Interpretazzjonijiet dwar ir-Rapportaġġ Finanzjarju (IFRIC) Rivalutazzjoni ta' Derivati Mdeffsa u l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl minn hawn 'il quddiem ’emendi għall-IFRIC 9 l-IAS 39’. L-emendi għall-IFRIC 9 l-IAS 39 jikkjarifikaw it-trattament tal-istrumenti finanzjarji derivati mdeffsa f'kuntratti oħra meta assi finanzjarju ibridu jiġi rriklassifikat barra l-valur ġust permezz tal-kategorija ta' profitt jew telf.

(3)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp ta' Esperti Tekniċi (TEG) tal-Grupp Ewropew dwar ir-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) tikkonferma li l-emendi għall-IFRIC 9 u għall-IAS 39 jilħqu l-kriterji tekniċi għall-adozzjoni kif stipulat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002. F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/505/KE tal-14 ta' Lulju 2006 li tistabbilixxi Grupp ta' Reviżjoni tal-Konsulenza dwar Normi [Grupp Konsultattiv dwar ir-Reviżjoni tal-Istandards] biex jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-oġġettività u n-newtralità tal-opinjonijiet tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar ir-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) (3), il-Grupp Konsultattiv dwar ir-Reviżjoni tal-Istandards qies l-opinjoni tal-EFRAG dwar l-adozzjoni u ta parir lill-Kummissjoni li din hija bbilanċata kif xieraq u oġġettiva.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1126/2008, l-Interpretazzjoni 9 Rivalutazzjoni ta' Derivati Mdeffsa tal-Kumitat Internazzjonali għall-Interpretazzjonijiet dwar ir-Rapportaġġ Finanzjarju (IFRIC) u l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi għall-IFRIC 9 u l-IAS 39, kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament, sa mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja li tibda wara l-31 ta’ Diċembru 2008.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 199, 21.7.2006, p. 33.


ANNESS

STANDARDS INTERNAZZJONALI TAL-KONTABILITÀ

IFRIC 9

Emendi għall-Interpretazzjoni IFRIC 9 Rivalutazzjoni ta' Derivati Mdeffsa

IAS 39

Emendi għall-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl

“Riproduzzjoni permessa fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti riżervati barra miż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta' riproduzzjoni għall-użu personali jew għal skopijiet oħra ta' kummerċ ġust. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-IASB fuq l-internet www.iasb.org”

Emendi għal Interpretazzjoni 9 tal-IFRIC

Rivalutazzjoni ta’ Derivati Mdeffsa

Il-paragrafu 7 huwa emendat. Jiżdiedu l-paragrafi 7A u 10.

KONSENSUS

7

Entità għandha tivvaluta jekk derivat imdeffes hux meħtieġ li jkun isseparat mill-kuntratt li jospitah u meqjus għall-iskop ta’ kontabilità bħala derivat malli l-entità ssir parti kontraenti. Mhux permess li sussegwentement issir rivalutazzjoni sakemm ma jkunx hemm jew (a) bidla fit-termini tal-kuntratt li timmodifika b’mod sinifikanti l-flussi tal-flus li altrimenti jkunu meħtieġa bil-kuntratt jew (b) riklassifikazzjoni ta’ assi finanzjarji ‘l barra mill-kategorija ta’ “valur ġust permezz tal-profitt jew telf”, f’liema każi tkun meħtieġa valutazzjoni. Entità tiddetermina jekk modifikazzjoni fil-flussi tal-flus tkunx sinifikanti billi tikkunsidra l-punt sa fejn il-flussi futuri mistennija tal-flus assoċjati mad-derivat imdeffes, mal-kuntratt li jospitah jew mat-tnejn li huma, ikunu nbidlu, u jekk il-bidla tkunx sinifikanti meta mqabbla mal-flussi tal-flus mistennija qabel fil-kuntratt.

7A

Il-valutazzjoni ta’ jekk derivat imdeffes huwiex meħtieġ li jkun isseparat mill-kuntratt li jospitah u meqjus għall-iskop ta’ kontabilità bħala derivat mar-riklassifikazzjoni ta’ assi finanzjarju ‘l barra mill-kategorija “valur ġust permezz tal-profitt jew telf” skont il-paragrafu 7 għandha ssir fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi li kienu jeżistu fid-data li tiġi l-aktar tard bejn:

(a)

meta l-entità tkun saret parti kontraenti għall-ewwel darba; u

(b)

meta tkun saret bidla fit-termini tal-kuntratt li mmodifikat b’mod sinifikanti l-flussi ta’ flus li altrimenti kienu jkunu meħtieġa skont il-kuntratt.

Għall-finijiet ta’ din il-valutazzjoni, ma għandux jiġi applikat il-paragrafu 11(c) tal-IAS 39 (jiġifieri il-kuntratt ibridu (kombinat) għandu jiġi ttrattat bħallikieku ma tkejjilx bil-valur ġust bil-bdil fil-valur ġust rikonoxxut fil-profitt jew telf). Jekk entità ma tkunx kapaċi tagħmel din il-valutazzjoni, il-kuntratt ibridu (kombinat) għandu jibqa’ kklassifikat bħala bil-valur ġust permezz tal-profitt jew telf fl-intier tiegħu.

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

10

Derivati Mdeffsa (Emendi għall-IFRIC 9 u għall-IAS 39) maħruġ f’Marzu 2009 emenda l-paragrafu 7 u żied il-paragrafu 7A. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għal perijodi annwali li jintemmu fit-30 ta’ Ġunju 2009 jew wara.

Emendi għall-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 39

Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl

Il-paragrafu 12 huwa emendat. Jiżdied il-paragrafu 103J.

DERIVATI MDEFFSA

12

Jekk l-entità tkun meħtieġa b'dan l-Istandard biex tissepara derivat imdeffes mill-kuntratt li jospitah, iżda ma tistax tkejjel id-derivat imdeffes separatament jew mal-akkwiżizzjoni jew fi tmiem perijodu ta' rappurtaġġ finanzjarju sussegwenti, għandha tittratta l-kuntratt ibridu (kombinat) kollu bħala bil-valur ġust permezz tal-profitt jew telf. Bl-istess mod, jekk entità ma tkunx tista’ tkejjel separatament id-derivat imdeffes li jkun jeħtieġ li jiġi sseparat malli ssir riklassifikazzjoni ta’ kuntratt ibridu (kombinat) ‘il barra mill-kategorija ta’ “valur ġust permezz tal-profitt jew telf”, dik ir-riklassifikazzjoni mhix permessa. F’ċirkostanzi bħal dawn, il-kuntratt ibridu (kombinat) jibqa’ kklassifikat fil-valur ġust permezz tal-profitt jew telf fl-intier tiegħu.

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

103J

Entità għandha tapplika l-paragrafu 12, kif emendat mid-Derivati Mdeffsa (Emendi għall-IFRIC 9 u għall-IAS 39), maħruġ f’Marzu 2009, għal perijodi annwali li jintemmu fit-30 ta’ Ġunju 2009 jew wara.