19.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 340/83


DEĊIŻJONI nru 1298/2008/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Diċembru 2008

li tistabbilixxi Programm ta’ Azzjoni Erasmus Mundus 2009-2013 għat-titjib tal-kwalità fl-edukazzjoni superjuri u għall-promozzjoni tal-komprensjoni interkulturali permezz ta’ koperazzjoni ma pajjiżi terzi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 149 (4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu konformement mal-proċedura kif stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 2317/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) stabbilixxa programm għat-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni ogħla u l-promozzjoni ta’ ftehim interkulturali permezz ta’ koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi (Erasmus Mundus) (2004-2008).

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 (4) stabbilixxa Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (Instrument for Pre-Accession Assistance, IPA), ir-Regolament (KE) Nru 1638/2006 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill stabbilixxa Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija, ir-Regolament (KE) Nru 1095/2006 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill stabbilixxa strument ta’ finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 (7) stabbilixxa strument ta’ finanzjament għall-koperazzjoni ma’ pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli, u l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, Karibej u tal-Paċifiku u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (8) (il-Ftehim ta’ Sħubija ACP-KE) u l-Ftehim Intern li jistabbilixxi l-finanzjament ta’ għajnuna Komunitarja taħt il-qafas finanzjarju multiannwali għall-perijodu 2008 sa 2013 konformement mal-Ftehim ta’ Sħubija ACP-KE u l-allokazzjoni tal-għajnuna finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba’ Parti tat-Trattat KE (9) (il-Ftehim Intern ACP-KE) jirregolaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp.

(3)

Il-programm il-ġdid Erasmus Mundus huwa konsistenti mal-għanijiet ta’ eċċellenza konformement mal-programm għall-perijodu 2004-2008. Huwa jippermetti li jiġu mħajra l-aħjar studenti ta’ pajjiżi terzi permezz tal-kwalità tal-istudji proposti, il-kwalità tal-arranġamenti ta’ riċezzjoni u sistema ta’ boroż ta’ studju kompetittivi fil-livell dinji.

(4)

Matul in-negozjazzjonijiet dwar l-istrumenti ta’ assistenza esterna u ta’ Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda (10), il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni laħqu numru ta’ ftehim dwar l-iskrutinju demokratiku u l-koerenza tal-azzjonijiet esterni, stabbiliti fid-Dikjarazzjoni 4 annessa mal-Ftehim Interistituzzjonali.

(5)

Id-Dikjarazzjoni ta’ Bolonja, iffirmata mill-Ministri tal-Edukazzjoni ta’ 29 pajjiż Ewropew fid-19 ta’ Ġunju 1999, stabbilixxiet proċess intergovernattiv immirat lejn il-ħolqien ta’ ’Zona ta’ Edukazzjoni superjuri Ewropea’ sal-2010, proċess li huwa appoġġat b’mod attiv fil-livell Komunitarju. Matul il-laqgħa tagħhom f’Londra, fis-17 u t-18 ta’ Mejju 2007, il-45 Ministru nkarigati mill-Edukazzjoni Superjuri fil-pajjiżi li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Bolonja adottaw l-istrateġija bl-isem ta’ “Iz-Zona Ewropea tal-Edukazzjoni Superjuri fl-isfond dinji”, f’dan il-kuntest huma ddefinixxew bħala l-prijoritajiet għall-2009 it-titjib tal-informazzjoni dwar l-Ispazju Ewropew tal-Edukazzjoni Superjuri u titjib fir-rikonoxximent tal-kwalifiki tas-sistemi ta’ edukazzjoni superjuri ta’ partijiet oħra tad-dinja.

(6)

Il-laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew f’Liżbona fit-23 u l-24 ta’ Marzu 2000 stabbilixxiet mira strateġika għall-Unjoni Ewropea sabiex issir l-ekonomija, ibbażata fuq il-konoxxenza, l-aktar kompetittiva u dinamika fid-dinja u stiednet lill-Kunsill dwar l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-kultura sabiex jirrifletti b’mod ġenerali dwar l-għanijiet futuri konkreti ta’ sistemi edukattivi, b’attenzjoni fuq tħassib u prijoritajiet komuni filwaqt li tkun irrispettata d-diversità nazzjonali. Fit-12 ta’ Frar 2001 il-Kunsill adotta rapport dwar l-għanijiet konkreti tal-ġejjieni dwar is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Fl-14 ta’ Ġunju 2002 huwa sussegwentement adotta programm ta’ ħidma ddettaljat dwar is-segwitu ta’ dawn l-għanijiet, u talab għall-appoġġ fuq livell Komunitarju. Il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Barċellona fil-15 u s-16 ta’ Marzu 2002 stabbilixxiet l-għan li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Unjoni jsiru punt ta’ riferiment ta’ kwalità dinjija sal-2010.

(7)

Il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2005 u tal-10 ta’ Mejju 2006“Il-Mobilizzazzjoni tal-Intelliġenza tal-Ewropa: il-possibbiltà li l-universitajiet jikkontribwixxu bi sħiħ għall-Istrateġija ta’ Liżbona” (11) u “It-Twettiq tal-Aġenda tal-Modernizzazzjoni għal Universitajiet - taħriġ, riċerka u nnovazzjoni” (12), ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-modernizzazzjoni tal-universitajiet għat-titjib tal-kompetittività Ewropea f’ekonomija dinjija bbażata fuq il-konoxxenza u r-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Marzu 2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (13), jisħqu fuq il-ħtieġa li l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri Ewropej ma jibqgħux daqstant maqtugħin minn xulxin iżda jingħaqdu sabiex tiżdied il-kwalità fit-tagħlim u fir-riċerka kif ukoll sabiex ikun hemm korrispondenza aħjar mal-ħtiġijiet li qed jinbidlu tas-suq tax-xogħol. Il-Kunsill Ewropew tal-15 u tas-16 ta’ Ġunju 2006 approva l-ħtieġa li l-edukazzjoni superjuri Ewropea tkun modernizzata.

(8)

Ir-rapport ta’ valutazzjoni interim tal-programm Erasmus Mundus attwali u l-konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar il-ġejjieni tal-programm jisħqu fuq ir-rilevanza tal-għanijiet u l-azzjonijiet tal-programm attwali u jesprimu x-xewqa għall-kontinwità, b’ċerti addattamenti bħall-estenzjoni tal-programm għal-livell ta’ dottorat, aktar integrazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri li jinsabu f’pajjiżi terzi u tal-ħtiġijiet ta’ dawk il-pajjiżi u l-għoti ta’ aktar fondi lil parteċipanti Ewropej tal-programm.

(9)

L-għanijiet ta’ programm ta’ koperazzjoni fl-edukazzjoni superjuri mmirat għal pajjiżi terzi huma li tissaħħaħ il-kwalità tal-edukazzjoni superjuri Ewropea, il-promozzjoni ta’ komprensjoni bejn il-popli kif ukoll kontribuzzjoni lejn l-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżi terzi fil-qasam tal-edukazzjoni superjuri li tevita t-telf tal-aħjar imħuħ (brain drain) filwaqt li tiffavorixxi gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni. L-aktar mezzi effettivi sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet fi programm ta’ eċċellenza huma programmi ta’ studju fil-livell ta’ post-lawrea li jkunu integrati ħafna kif ukoll, għall-azzjoni rigward l-isħubija Erasmus Mundus (Azzjoni 2), sħubiji ma’ pajjiżi terzi għal-livelli kollha ta’ studju, boroż ta’ studju għall-istudenti bl-akbar talent u proġetti sabiex tissaħħaħ l-attrazzjoni tal-edukazzjoni superjuri Ewropea madwar id-dinja. B’mod iktar preċiż, l-għanijiet ta’ eċċellenza għandhom jiġu segiwiti permezz tal-Programmi Konġunti Erasmus Mundus (Azzjoni 1) u tal-Azzjoni 2, filwaqt li l-għanijiet ta’ żvilupp għandom ikunu koperti biss mill-Azzjoni 2. Waqt l-evalwazzjoni tal-programm, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikulari lill-effetti li l-programm jista’ jkollu fir-rigward tat-telf tal-imħuħ.

(10)

Sabiex jiġu garantiti lill-benefiċjarji tal-programm merħba mill-aqwa u soġġorn ta’ kwalità għolja, l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforz sabiex kemm jista’ jkun possibbli jissimplifikaw il-proċeduri fil-qasam tal-visas. Il-Kummissjoni għandha tara li fis-sit tal-Internet Erasmus Mundus ikun hemm is-siti kollha rilevanti u d-dettalji kollha għall-finijiet ta’ kuntatt tal-Istati Membri.

(11)

Teżisti l-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-esklużjoni f’kull forma possibbli, inklużi r-razziżmu, il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni, u li jiżdiedu l-isforzi Komunitarji għall-promozzjoni ta’ djalogu u komprensjoni bejn kulturi mad-dinja kollha. Meta titqies id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni superjuri kif ukoll l-ideali tad-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-Bniedem, inklużi kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, li hija tinkoraġġixxi, il-mobbiltà f’dan il-qasam tippermetti lill-individwi illi jkollhom l-esperjenza ta’ ambjenti kulturali u soċjali ġodda u tiffaċilita l-komprensjoni tagħhom ta’ kulturi oħra. Dawn l-għanijiet għandhom jinkisbu fir-rispett tad-drittijiet u fl-osservanza tal-prinċipji riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (14), b’mod partikolari l-Artikolu 21(1) tagħha.

(12)

Il-promozzjoni tat-tagħlim tal-ilsna u d-diversità lingwistika għandhom ikunu prijorità ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-edukazzjoni superjuri. It-tagħlim u t-taħriġ tal-ilsna għandhom rilevanza speċifika fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll għall-istudenti Ewropej li jmorru f’dawn il-pajjiżi.

(13)

Fil-perijodu 2004-2008, il-boroż ta’ studju speċifiċi għall-pajjiż iffinanzjati mill-istrumenti ta’ koperazzjoni esterni tal-Kummissjoni kkumplimentaw il-boroż ta’ studju ta’ Erasmus Mundus sabiex jiżdied l-għadd ta’ studenti benefiċjarji li ġejjin minn pajjiżi terzi speċifiċi, bħaċ-Ċina, l-Indja, il-pajjiżi Balkani tal-Punent jew il-pajjiżi ACP, sabiex jistudjaw fl-Ewropa. Jistgħu jiġu ppjanati opportunitajiet simili fil-ġejjieni għall-perijodu 2009-2013 konformement mal-prijoritajiet, regoli u proċeduri politiċi tal-istrumenti ta’ koperazzjoni esternirilevanti, fir-rispett tal-għanijiet ta’ eċċellenza akkademika tal-programm stabbilit minn din id-Deċiżjoni u ta’ rappreżentazzjoni ġeografika mill-aktar ekwilibrata tal-pajjiżi terzi benefiċjarji.

(14)

Fl-attivitajiet kollha tagħha, il-Komunità għandha timmira li telimina l-inugwaljanzi, u tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, kif stipulat fl-Artikolu 3(2) tat-Trattat.

(15)

Teżisti l-ħtieġa li jiżdied l-aċċess għal dawk ġejjin minn gruppi żvantaġġati u li jiġu indirizzati b’mod attiv il-ħtiġijiet speċjali għat-tagħlim ta’ persuni b’diżabbiltà fl-implimentazzjoni tal-partijiet kollha tal-programm, inkluż permezz tal-użu ta’ għotjiet finanzjarji kbar li jirriflettu l-ispiża addizzjonali ta’ parteċipanti b’diżabbiltà.

(16)

Konformement mal-Artikolu 149 tat-Trattat, din id-Deċiżjoni ma taffettwax l-oqsfa u l-proċeduri legali nazzjonali li jikkonċernaw, inter alia, l-istabbiliment u r-rikonoxximent ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri.

(17)

Sabiex tingħata aktar pubbliċità lill-programm ġewwa u barra l-fruntieri tal-Unjoni Ewropea, sabiex dan jilħaq iktar fil-fond l-għanijiet tiegħu filwaqt li jxerred ir-riżultati tiegħu jeħtieġ li jkun hemm politika ta’ informazzjoni integrata għaċ-ċittadini bil-għan li tinformahom, fil-waqt u bid-dettalji kollha, dwar kull waħda mill-azzjonijiet imwettqa u dwar il-possibilitajiet li joffri l-programm, kif ukoll li jiġu enfasizzati sew il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti. Il-politika ta’ informazzjoni, imwettqa b’mod partikulari permezz tal-isituzzjonijiet tal-edukazzjoni superjuri li jipparteċipaw fil-programm, għandha importanza partikulari ħafna b’mod speċjali fil-pajjiżi fejn il-livell ta’ parteċipazzjoni fil-programm tkun dgħajfa.

(18)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Gunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (15) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill 1605/2002 (16) li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Komunità għandhom jiġu applikati filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipji tas-sempliċità u konsistenza fl-għażla ta’ strumenti baġitarji, fir-rispett tal-għanijiet ta’ eċċellenza akkademika tal-programm u fir-rispett tal-proporzjonalità meħtieġa bejn l-ammont ta’ riżorsi u l-piż amministrattiv relatat mal-użu tagħhom.

(19)

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi, għat-tul tal-programm, pakkett finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza ewlenija, fit-tifsira tal-Punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar d-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (17), għall-awtorita’ baġitarja matul il-proċedura baġitarja annwali.

(20)

Konformement mal-għanijiet ta’ eċċellenza akkademika tal-programm, il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Azzjoni 1 u għall-promozzjoni tal-edukazzjoni superjuri Ewropea (Azzjoni 3) għandhom jiġu adottati konformement mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE li tistipula l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-implimentazzjoni tas-setgħat konferiti lill-Kummissjoni. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Azzjoni 2 għandhom jiġu adottati konformement mar-Regolament (KE) Nru 1085/2006, mar-Regolament (KE) Nru 1638/2006, mar-Regolament (KE) Nru 1095/2006, mar-Regolament (KE) Nru 1934/2006, mal-Ftehim ta’ Sħubija ACP-KE u mal-Ftehim Intern ACP-KE.

(21)

Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri minħabba l-ħtieġa ta’ sħubiji multilaterali, ta’ mobbiltà multilaterali u tal-iskambju ta’ tagħrif bejn il-Komunità u pajjizi terzi, u jistgħu għalhekk, minħabba n-natura tal-azzjonijiet u l-miżuri meħtieġa, jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-istabbiliment tal-programm

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-programm Erasmus Mundus (minn hawn ‘il quddiem “il-programm”), minn naħa waħda, għat-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni superjuri Ewropea u l-promozzjoni tal-komprensjoni interkulturali permezz ta’ koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u, min-naħa l-oħra, għall-iżvilupp ta’ pajjiżi terzi fil-qasam tal-edukazzjoni superjuri. Il-programm għandu jiġi implimentat fir-rispett tal-għanijiet ta’ eċċellenza akkademika, filwaqt li jittieħed kont ta’ rappreżentanza ġeografika tal-benefiċjarji li tkun ekwilibrata kemm jista’ jkun.

2.   Il-programm għandu jiġi implimentat matul il-perijodu li jibda fl-1 ta’ Jannar 2009 u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2013. Madankollu, miżuri preparatorji, inklużi d-deċiżjonijiet mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 7, jistgħu jiġu implimentati mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   Il-programm għandu jappoġġa u jissupplimenta l-azzjonijiet meħuda minn u fl-Istati Membri filwaqt li tkun rispettata bis-sħiħ ir-responsabbiltà tagħhom għall-kontenut tal-edukazzjoni u għall-organizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ, u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

(1)

“edukazzjoni superjuri” tfisser it-tipi kollha ta’ korsijiet ta’ studju, jew settijiet ta’ korsijiet ta’ studju, taħriġ jew taħriġ għar-riċerka fil-livell post sekondarju li huma rikonoxxuti mill-awtorita’ nazzjonali rilevanti bħala li jappartjenu għas-sistema ta’ edukazzjoni superjuri tagħha;

(2)

“istituzzjoni ta’ edukazzjoni superjuri” tfisser stabbiliment li jipprovdi edukazzjoni superjuri u rikonoxxut mill-awtorità nazzjonali rilevanti ta’ pajjiż parteċipant bħala li jappartjeni għas-sistema ta’ edukazzjoni superjuri tagħha;

(3)

“student fl-ewwel ċiklu” tfisser persuna rreġistrata fi programm tal-ewwel ċiklu ta’ edukazzjoni superjuri u li ser tikseb, wara li jkun tlesta l-programm, l-ewwel grad akkademiku ta’ edukazzjoni superjuri;

(4)

“student tal-masters” (student tat-tieni ċiklu) tfisser persuna rreġistrata fi programm tat-tieni ċiklu ta’ edukazzjoni superjuri u li tkun diġà kisbet l-ewwel lawrja ta’ edukazzjoni superjuri jew għandha livell ta’ tagħlim ekwivalenti rikonoxxut, konformement mal-leġislazzjoni u prattika nazzjonali;

(5)

“kandidat għal dottorat” (kandidat fit-tielet ċiklu) tfisser kull riċerkatur fl-istadju tal-bidu tal-karriera ta’ riċerka tiegħu, li tibda’ mid-data meta jikseb il-grad akkademiku li formalment jintitolah jibda programm ta’ dottorat;

(6)

“riċerkatur post-dottorat” tfisser kull riċerkatur ta’ esperjenza u li jkun detentur ta’ dottorat jew li jkollu mill-anqas tliet snin esperjenza f’riċerka ekwivalenti (full time), inkluż il-perijodu ta’ taħriġ għar-riċerka, f’ċentru ta’ riċerka stabbilit konformement mal-leġislazzjoni u l-prattika nazzjonali wara li jikseb il-lawrja li tintitolah formalment li jibda programm ta’ dottorat offrut minn istituzzjoni ta’ edukazzjoni superjuri;

(7)

“akkademiku” tfisser persuna, b’esperjenza akkademika u/jew professjonali manifestament eċċellenti, li tagħti lezzjonijiet jew twettaq riċerka f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni superjuri jew ċentru ta’ riċerka stabbilit konformement mal-leġislazzjoni u l-prattika nazzjonali;

(8)

“persunal ta’ edukazzjoni superjuri” tfisser kull grupp ta’ persuni li, permezz tad-doveri tagħhom, huma involuti b’mod dirett fil-proċess ta’ edukazzjoni relatat mal-edukazzjoni superjuri;

(9)

“pajjiż Ewropew” tfisser pajjiż li jkun Stat Membru jew li jipparteċipa fil-programm taħt l-Artikolu 9. It-terminu “Ewropew”, meta jirriferi għal individwu, ifisser persuna li hija ċittadina jew residenti ta’ kwalunkwe pajjiż Ewropew. It-terminu “Ewropew”, meta jirriferi għal istituzzjoni, ifisser istituzzjoni li tinsab fi kwalunkwe pajjiż Ewropew;

(10)

“pajjiż terz” tfisser pajjiż li mhuwiex pajjiż Ewropew. Il-kliem “pajjiż terz”, meta jirriferu għal individwu, ifissru persuna li la hi ċittadina u lanqas residenti ta’ xi pajjiż Ewropew. Il-kliem “pajjiż terz”, meta jirriferu għal istituzzjoni, ifissru istituzzjoni li ma tinsab fl-ebda pajjiż Ewropew. Il-pajjiżi parteċipanti fil-programm ta’ azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) mhumiex kunsidrati bħala pajjiżi terzi għall-implimentazzjoni tal-Azzjoni 2;

(11)

“masters” (it-tieni ċiklu) tfisser programm tat-tieni ċiklu ta’ edukazzjoni superjuri li jsegwi l-ewwel lawrja jew livell ekwivalenti ta’ tagħlim u li jwassal għal kwalifika f’livell ta’ masters offruta minn istituzzjoni ta’ edukazzjoni superjuri;

(12)

“ programm ta’ dottorat” (it-tielet ċiklu) tfisser programm relatat mar-riċerka ta’ studju ta’ edukazzjoni superjuri li jsegwi lawrja ta’ edukazzjoni superjuri u li jwassal għal dottorat offrut minn istituzzjoni ta’ edukazzjoni superjuri jew, f’dawk l-Istati Membri fejn dan huwa konformement mal-leġislazzjoni u l-prattika nazzjonali, minn ċentru ta’ riċerka;

(13)

“mobbiltà”: spostazzjoni fiżika lejn pajjiż ieħor, ta’ persuna sabiex hija tistudja, tikseb esperjenza ta’ xogħol, twettaq riċerka, għal attività ta’ tagħlim jew riċerka jew attività amministrattiva relatata, appoġġata kull meta jkun possibbli b’taħriġ preparatorju fl-ilsien tal-pajjiż ospitant;

(14)

“grad akkademiku doppju jew multiplu” tfisser żewġ diplomi nazzjonali, jew aktar, maħruġa minn żewġ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri, jew aktar, u rikonoxxuti uffiċjalment fil-pajjiżi fejn jinsabu l-istituzzjonijiet li jagħtu l-grad akkademiku;

(15)

“grad akkademiku konġunt” tfisser diploma waħda maħruġa minn għall-anqas żewġ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri li joffru programm integrat u rikonoxxut uffiċjalment fil-pajjiżi fejn jinsabu l-istituzzjonijiet li jagħtu l-grad akkademiku;

(16)

“intrapriża” tfisser kull intrapriża involuta f’attività ekonomika fis-settur pubbliku u privat, ikun xi jkun id-daqs tagħha, l-istatus legali jew is-settur ekonomiku li topera fih, inkluża l-ekonomija soċjali.

Artikolu 3

Għanijiet speċifiċi tal-programm

1.   L-għanijiet tal-programm huma li jippromwovi l-edukazzjoni superjuri Ewropea, li jikkontribwixxi sabiex itejjeb u jsaħħaħ il-prospettivi ta’ karriera tal-istudenti u jiffavorixxi l-komprensjoni interkulturali permezz ta’ koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, konformement mal-għanijiet tal-politika esterna tal-Unjoni Ewropea sabiex jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżi terzi fil-qasam tal-edukazzjoni superjuri.

2.   Il-programm, bħala għanijiet speċifiċi, għandu:

(a)

li jiffavorixxi koperazzjoni strutturata fl-istabbilimenti tal-edukazzjoni superjuri u jiffavorixxi offerta ta’ kwalità għolja fil-qasam tal-edukazzjoni superjuri, billi jippreżenta valur miżjud unikament Ewropew u jeżerċita attrazzjoni kemm fl-Unjoni kif ukoll lilhinn mill-fruntieri tagħha, peress li l-għan huwa li jinħolqu standards ta’ eċċellenza;

(b)

li jikkontribwixxi għall-arrikkiment reċiproku ta’ soċjetajiet u sabiex dan iseħħ, jiżviluppa l-kwalifiki tal-irġiel u tan-nisa sabiex dawn ikollhom kompetenzi adattati partikolarment fir-rigward tas-suq tax-xogħol, u li jkollhom moħħhom miftuħ u esperjenza internazzjonali permezz tal-promozzjoni tal-mobbiltà kemm għall-istudenti u l-akkademiċi bl-akbar talent minn pajjiżi terzi sabiex jiksbu kwalifiki u/jew esperjenza fl-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-istudenti u l-akkademiċi Ewropej bl-akbar talent li jmorru f’pajjiżi terzi;

(c)

li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ riżorsi umani u għall-kapaċità ta’ koperazzjoni internazzjonali ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri f’pajjiżi terzi permezz ta’ aktar mobbiltà bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi;

(d)

li jtejjeb l-aċċessibiltà u jsaħħaħ il-profil u l-viżibbiltà tal-edukazzjoni superjuri Ewropea fid-dinja, kif ukoll l-attrazzjoni tagħha għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u għaċ-ċittadini Ewropej.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ebda grupp ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ ċittadini Ewropej ma jkun eskluż jew żvantaġġat.

Artikolu 4

Azzjonijiet tal-programm

1.   L-għanijiet tal-programm kif stipulati fl-Artikolu 3 għandhom jinkisbu permezz tal-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

Azzjoni 1: programmi konġunti Erasmus Mundus programmi masters u programmi ta’ dottorat) ta’ kwalità akkademika manifestament eċċellenti, inkluża skema ta’ boroż ta’ studju;

(b)

Azzjoni 2: sħubiji Erasmus Mundi bejn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri ta’ pajjiżi Ewropej u dawk ta’ pajjiżi terzi bħala l-bażi ta’ koperazzjoni strutturata, skambju u mobbiltà f’kull livell tal-edukazzjoni superjuri, fosthom skema ta’ boroż ta’ studju;

(c)

Azzjoni 3: promozzjoni tal-edukazzjoni superjuri Ewropea, permezz ta’ miżuri li jsaħħu l-attrazzjoni tal-pajjiżi Ewropej bħala destinazzjoni għall-istudji u bħala ċentru dinji ta’ eċċellenza.

Dettalji oħra rigward dawn l-azzjonijiet jidhru fl-Anness.

2.   Fir-rigward tal-Azzjoni 2, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni japplikaw biss safejn ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-att leġiżlattiv li taħtu jingħata l-finanzjament konformement ma’ l-Artikolu 12(2).

3.   Jistgħu jiġu applikati t-tipi ta’ approċċ li ġejjin, kombinati jekk ikun meħtieġ:

(a)

appoġġ tal-iżvilupp ta’ programmi ta’ studju konġunti ta’ kwalità għolja u għall-ħolqien ta’ netwerks ta’ koperazzjoni li jiffaċilitaw l-iskambju ta’ esperjenzi u ta’ prattika tajba;

(b)

appoġġ imsaħħaħ għall-mobilità tal-persuni magħżula konformement ma’ kriterji ta’ eċċellenza akkademika, partikolarment tal-pajjiżi terzi lejn il-pajjiżi Ewropej, fil-qasam tal-edukazzjoni superjuri, billi jittieħed kont tal-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn is-sessi u x-xewqa ta’ distribuzzjoni ġeografika ekwilibrata kemm jista’ jkun, filwaqt li jkun faċilitat l-aċċess għall-programm konformement mal-prinċipji tal-ugwaljanza ta’ opportunitajiet u tan-nondiskriminazzjoni;

(c)

il-promozzjoni, kemm jista’ jkun, ta’ ħiliet lingwistiċi, bil-għoti tal-possibbiltà lill-istudenti li jitgħallmu mill-anqas tnejn mill-ilsna mitkellma fil-pajjiżi fejn jinsabu l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri, u l-promozzjoni tal-komprensjoni ta’ kulturi differenti;

(d)

appoġġ għal proġetti pilota msejsa fuq sħubiji b’dimensjoni esterna u maħsuba sabiex iqanqlu l-innovazzjoni u l-kwalità fl-edukazzjoni superjuri, b’mod partikulari għall-possibbiltà tal-inkoraġġiment tas-sħubiji bejn il-partijiet influwenti universitarji u dawk ekonomiċi;

(e)

appoġġ għall-analiżi u s-segwitu ta’ xejriet u tal-evoluzzjoni tal-edukazzjoni superjuri f’perspettiva internazzjonali.

4.   Il-programm għandu jipprovdi għal miżuri ta’ appoġġ tekniku inklużi studji, laqgħat ta’ esperti kif ukoll tagħrif u pubblikazzjonijiet marbuta direttament mal-kisba tal-għanijiet tal-programm.

5.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-ikbar diffużjoni possibbli tal-informazzjoni li tikkonċerna l-attivitajiet u l-progress tal-programm, partikolarment permezz tas-sit tal-Erasmus Mundus fuq l-Internet.

6.   Jista’ jingħata mill-Kummissjoni appoġġ għall-azzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu wara eżami tat-tweġibiet mogħtijia għal sejħiet għal proposti u/jew sejħiet għal offerti. F’dak li jikkonċerna l-miżuri li jittieħdu taħt il-paragrafu 4, il-Kummissjoni tista’, jekk ikun il-każ, timplimenta dawn il-miżuri direttament konformement mar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002. Hija għandha sistematikament tinforma b’dan lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Aċċess għall-programm

Taħt il-kondizzjonijiet u l-arranġamenti għall-implimentazzjoni speċifikata fl-Anness u filwaqt li jittieħed kont tad-definizzjonijiet fl-Artikolu 2, il-programm huwa mmirat lejn:

(a)

istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri;

(b)

studenti f’edukazzjoni superjuri, f’kull livell, inklużi kandidati għal dottorat;

(c)

riċerkaturi post-dottorati;

(d)

akkademiċi;

(e)

persunal tal-edukazzjoni superjuri;

(f)

korpi oħra, pubbliċi jew privati, attivi fil-qasam tal-edukazzjoni superjuri taħt il-liġi u l-prattika nazzjonali;

(g)

intrapriżi;

(h)

ċentri għar-riċerka.

Artikolu 6

Kompiti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri

1.   Il-Kummissjoni għandha:

(a)

tiżgura l-implimentazzjoni effettiva u trasparenti tal-azzjonijiet Komunitarji previsti mill-programm konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Anness u, fir-rigward tal-Azzjoni 2 imsemmija fl-Artikolu 4(1)(b), taħt l-istrumenti ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 7(1), kif ukoll konformement mal-għanijiet previsti mill-programm ta’ eċċellenza akkademika fil-għażla tal-benefiċjarji tal-programm;

(b)

tqis il-koperazzjoni bilaterali ma’ pajjiżi terzi meħuda minn Stati Membri;

(c)

tfittex sinerġiji u, fejn xieraq, tiżviluppa azzjonijiet konġunti ma’ programmi u azzjonijiet Komunitarji oħrajn fil-qasam tal-edukazzjoni superjuri u tar-riċerka.

(d)

billi tistabbilixxi l-ammont iffissat tal-boroż ta’ studju, tara li jittieħed kont tal-ammont tal-ispejjeż tal-applikazzjoni u tal-ispejjeż stmati għall-istudji;

(e)

tikkonsulta lill-assoċjazzjonijiet u lill-organizzazzjonijiet kompetenti Ewropej fil-qasam tal-edukazzjoni superjuri li jaġixxu fil-livell Ewropew fuq il-kwistjonijiet li joħorġu matul l-implimentazzjoni tal-programm u tinforma l-kumitat imsemmi fl-Artikolu 8(1) bir-riżultat ta’ dawn il-konsultazzjonijiet;

(f)

iżżomm lid-delegazzjonijiet tagħha li jinsabu fil-pajjiżi terzi konċernati regolarment informati b’kull informazzjoni utli għall-pubbliku rigward il-programm.

2.   L-Istati Membri għandhom:

(a)

jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw it-tmexxija effettiva tal-programm fil-livell nazzjonali, filwaqt li jinvolvu l-partijiet kollha konċernati fl-edukazzjoni superjuri konformement mal-prattika nazzjonali, u jagħmlu ħilithom b’mod partikulari sabiex jadotta tali miżuri jekk dawn jitqiesu adegwati għat-tneħħija ta’ kwalunkwe ostaklu ġuridiku u amministrattivi marbut speċifikament mal-programmi ta’ skambju bejn l-pajjiżi Ewropej u l-pajjiżi terzi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jipprovdu tagħrif preċiż u ċar lill-istudenti u lill-istituzzjonijiet tat-tagħlim sabiex tkun faċilitata l-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm

(b)

jagħżlu strutturi adatti sabiex jikkoperaw mill-qrib mal-Kummissjoni;

(c)

jinkoraġġixxu sinerġiji potenzjali ma’ programmi Komunitarji oħrajn u ma’ inizjattivi nazzjonali li jistgħu jkunu simili meħuda fil-livell ta’ Stat Membru.

3.   Il-Kummissjoni, f’koperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tiżgura:

(a)

li jingħata tagħrif adegwat, li jsiru pubbliċita u segwitu adegwati fir-rigward tal-azzjonijiet appoġġati mill-programm;

(b)

id-disseminazzjoni tar-riżultati tal-azzjonijiet meħuda fi ħdan il-qafas tal-programm.

(c)

it-tisħiħ tal-istrateġija ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku li jkun potenzjalment interessat fil-pajjiżi Ewropej u l-inkoraġġiment tas-sħubijiet bejn l-universitajiet, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, bl-għan li jiġi żviluppat il-programm.

Artikolu 7

Miżuri ta’ implimentazzjoni

1.   Il-miżuri kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Azzjoni 2 msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) għandhom ikunu regolati mill-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1085/2006, fir-Regolament (KE) Nru 1638/2006, fir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 u fir-Regolament (KE) Nru 1934/2006, fil-Ftehim ta’ Sħubija ACP-KE u fil-Ftehim Intern ACP-KE. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf bil-miżuri li ttieħdu fuq bażi regolari lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 8(1).

2.   Il-miżuri li ġejjin, meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-programm u għat-twettiq ta’ azzjonijiet oħra previsti minn din id-Deċiżjoni, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura ta’ tmexxija msemmija fl-Artikolu 8(2) konformement mal-prinċipji, il-linji gwida ġenerali u l-kriterji tal-għażla stabbiliti fl-Anness:

(a)

il-pjan annwali ta’ xogħol, inklużi l-prijoritajiet;

(b)

il-baġit annwali u l-analiżi tal-fondi fost l-azzjonijiet differenti tal-programm u ammonti indikattivi ta’ għotjiet finanzjarji;

(c)

l-applikazzjoni tal-linji gwida ġenerali tal-implimentazzjoni tal-programm, inklużi l-kriterji tal-għażla, kif stabbiliti fl-Anness;

(d)

il-proċeduri tal-għażla, fosthom il-kompożizzjoni u r-regoli ta’ proċeduri interni tal-bord tal-għażla;

(e)

l-arranġamenti għas-sorveljanza u l-valutazzjoni tal-programm u għad-disseminazzjoni u t-trasferiment tar-riżultati.

3.   Id-deċiżjonijiet tal-għażla għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni, li għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 8(1) b’dawn id-deċiżjonijiet fi żmien jumejn tax-xogħol.

Artikolu 8

Proċedura tal-kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn Kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stipulat fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ xahrejn.

Artikolu 9

Parteċipazzjoni ta’ pajjiżi oħrajn fil-programm bl-istess mod bħall-Istati Membri

Il-programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’:

(a)

il-pajjiżi li jagħmlu parti mill-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), konformement mal-kondizzjonijiet stipulati fil-Ftehim taż-ŻEE;

(b)

il-pajjiżi kandidati li għandhom strateġija ta’ qabel is-sħubija, konformement mal-prinċipji ġenerali u t-termini u kondizzjonijiet ġenerali stipulati fil-ftehim ta’ qafas milħuq ma’ dawn il-pajjiżi għall-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi Komunitarji;

(c)

il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, konformement mal-prinċipji ġenerali u t-termini u kondizzjonijiet ġenerali stipulati fil-ftehim ta’ qafas milħuq ma’ dawn il-pajjiżi għall-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi Komunitarji;

(d)

il-Konfederazzjoni Żvizzera, sakemm jiġi konkluż ftehim bilaterali, ma’ dan il-pajjiż, li jipprevedi il-parteċipazzjoni tagħha.

Artikolu 10

Kwistjonijiet orizzontali

Fl-implimentazzjoni tal-programm, għandha tingħata l-konsiderazzjoni meħtieġa sabiex jiġi żgurat li jsir kontribut bis-sħiħ għall-promozzjoni tal-linji politiċi orizzontali tal-Komunità, b’mod partikolari permezz ta’:

(a)

it-titjib tal-ekonomija u tas-soċjetà Ewropej ibbażati fuq il-konoxxenza u permezz ta’ kontribut għall-ħolqien ta’ għadd akbar ta’ impjiegi, konformement mal-għanijiet tal-istrateġija ta’ Liżbona, u għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-Unjoni fid-dinja, tkabbir ekonomiku sostenibbli u koeżjoni soċjali ikbar;

(b)

it-trawwim tal-kultura, il-konoxxenza u l-kompetenzi esperti għal żvilupp paċifiku u sostenibbli f’Ewropa tad-diversità;

(c)

il-promozzjoni tal-għarfien tal-importanza tad-diversità kulturali u lingwistika fl-Ewropa, kif ukoll il-ħtieġa tal-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija u permezz tal-promozzjoni tat-tagħlim interkulturali;

(d)

dispożizzjonijiet għal studenti bi ħtiġijiet speċjali, u b’mod aktar partikolari, billi tgħin fil-promozzjoni tal-integrazzjoni tagħhom f’edukazzjoni superjuri ġenerali u filwaqt li tkun promossa l-ugwaljanza tal-opportunitajiet għal kulħadd;

(e)

promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u kontribut għall-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni msejsa fuq is-sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali;

(f)

il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-pajjiżi terzi.

Artikolu 11

Konsistenza u komplementarità ma’ linji politiċi oħrajn

1.   Il-Kummissjoni, b’koperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tiżgura konsistenza ġenerali u l-komplementarità ma’ linji politiċi, strumenti u azzjonijiet Komunitarji rilevanti oħrajn, b’mod partikolari l-Programm għat-Tagħlim tul il-Ħajja, is-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka, il-politika favur l-iżvilupp, il-programmi ta’ koperazzjoni esterna, il-ftehim ta’ assoċjazzjoni ACP u l-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

2.   Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 8(1) infurmati b’mod regolari dwar l-inizjattivi Komunitarji meħuda fl-oqsma rilevanti, tiżgura rabta effiċjenti u, fejn xieraq, azzjonijiet konġunti bejn il-programm u l-programmi u azzjonijiet fil-qasam ta’ edukazzjoni superjuri meħuda fi ħdan il-qafas tal-koperazzjoni Komunitarji ma’ pajjiżi terzi, inklużi fil-qafas ta’ ftehim bilaterali, u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti.

Artikolu 12

Finanzjament

1.   Il-pakkett finanzjarju maħsub għall-implimentazzjoni tal-Azzjonijiet 1 u 3 u l-miżuri marbuta mal-appoġġ tekniku msemmija fl-Artikolu 4(4) għall-perijodu 2009-2013, huwa b’dan stabbilit għall-ammont ta’ EUR 493 690 000.

2.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Azzjoni 2 u għall-miżuri marbuta mal- appoġġ tekniku imsemmija fl-Artikolu 4(4), għall-perijodu speċifikat fl-Artikolu 1(2), huwa stabbilit konformement mar-regoli, proċeduri u għanijiet stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 1085/2006, mir-Regolament (KE) Nru 1638/2006, mir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 u mir-Regolament (KE) Nru 1934/2006, mill-Ftehim ta’ Sħubija ACP-KE u mill-Ftehim Intern ACP-KE.

3.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati f’konformità mal-proċedura baġitarja annwali mill-awtorità baġitarja, fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 13

Sorveljanza u valutazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja, b’mod regolari, il-programm b’koperazzjoni mal-Istati Membri. Ir-riżultati tal-proċess ta’ sorveljanza u ta’ valutazzjoni tal-programm u tal-programm ta’ qabel għandhom jintużaw meta jiġi implimentat il-programm. Din is-sorveljanza għandha tinkludi l-analiżi tad-distribuzzjoni ġeografika tal-benefiċjarji tal-programm abbażi tal-azzjoni u tal-pajjiż, ir-rapporti u l-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, kif ukoll attivitajiet speċifiċi.

2.   Il-programm għandu jiġi vvalutat b’mod regolari mill-Kummissjoni filwaqt li jittieħed kont tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3, l-impatt tal-programm b’mod ġenerali u l-komplementarità bejn l-azzjonijiet taħt il-programm u dawk segwiti taħt linji politiċi, strumenti u azzjonijiet Komunitarji rilevanti oħrajn.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni:

(a)

rapport interim ta’ valutazzjoni dwar ir-riżultati miksuba u dwar l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-implimentazzjoni tal-programm sal-31 ta’ Marzu tat-tieni sena wara l-bidu effettiv tal-korsijiet il-ġodda stabbiliti fuq il-bażi tal-programm;

(b)

komunikazzjoni dwar it-tkomplija tal-programm sat-30 ta’ Jannar 2012;

(c)

rapport ta’ valutazzjoni ex post sal-31 ta’ Diċembru 2015.

Artikolu 14

Dispożizzjoni tranżizzjonali

1.   L-azzjonijiet li jinbdew fi jew qabel il-31 ta’ Diċembru 2008 fuq il-bażi tad-Deċiżjoni Nru 2317/2003/KE għandhom jiġu amministrati konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Deċiżjoni, bl-eċċezzjoni li l-kumitat stabbilit minn dik id-Deċiżjoni għandu jinbidel bil-kumitat stabbilit bl-Artikolu 8(1) ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-azzjonijiet li jinbdew fi jew qabel il-31 ta’ Diċembru 2008 fuq il-bażi tal-proċeduri stipulati fl-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 7(1) għandhom jiġu amministrati konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dawk l-istrumenti.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Strasburgu, 16 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  ĠU C 204, 9.8.2008, p. 85.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Ottubru 2008 (għadha mhijiex ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008.

(3)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 1.

(4)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.

(5)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.

(6)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.

(7)  ĠU L 405, 30.12.2006, p. 41.

(8)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 26.

(9)  ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32.

(10)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(11)  COM(2005) 152.

(12)  COM(2006) 208.

(13)  ĠU L 97, 9.4.2008, p.1.

(14)  ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1.

(15)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(16)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

(17)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(18)  ĠU L 327, 24.11.2006, p. 45.


ANNESS

AZZJONIJIET KOMUNITARJI (LINJI GWIDA ĠENERALI U KRITERJI TAL-GĦAŻLA), PROĊEDURI TAL-GĦAŻLA U DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

L-azzjonijiet kollha tal-programm għandhom jiġu implimentati konformement mal-linji gwida ġenerali u mal-kriterji tal-għażla deskritti f'dan l-Anness.

AZZJONI 1:   PROGRAMMI KONĠUNTI ERASMUS MUNDUS

A.   PROGRAMMI TA' MASTERS ERASMUS MUNDUS

1.   Il-Komunità għandha tagħżel programmi ta’ masters ta’ kwalita' akkademika għolja li, għall-finijiet tal-programm, għandhom jissejħu “programmi masters Erasmus Mundus”.

2.   Għall-finijiet tal-programm, il-programmi masters Erasmus Mundus, għandhom jikkonformaw mal-linji gwida ġenerali u mal-kriterji tal-għażla li ġejjin:

a)

għandhom jinvolvu istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri minn minimu ta’ tliet pajjiżi Ewropej differenti;

b)

jistgħu jinvolvu istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri jew imsieħba oħra rilevanti, bħal ċentri ta' riċerka, minn pajjiżi terzi;

c)

għandhom jimplimentaw programm ta' studju li jinvolvi perijodu ta' studju għall-anqas fi tnejn mill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri li jipparteċipaw;

d)

fejn ikun il-każ, għandhom jinkoraġġixxu placements bħala parti mill-programm ta’ studju;

e)

għandhom iħaddnu mekkaniżmi integrati għar-rikonoxximent ta’ perijodi ta' studju f’istituzzjonijiet imsieħba msejsa fuq, jew kompatibbli ma', is-sistema Ewropea ta’ trasferiment u ġbir ta’ kredits;

f)

għandhom jirriżultaw fl-għoti, mill-istituzzjonijiet parteċipanti, ta’ gradi akkademiċi konġunti u/jew doppji jew multipli rikonoxxuti jew akkreditati mill-pajjiżi Ewropej. Programmi li jirriżultaw fil-għoti ta' lawrji konġunti għandhom ikunu mħeġġa;

g)

għandhom jistabbilixxu proċeduri ta’ awtovalutazzjoni ebsin u jiftiehmu li ssirilhom reviżjoni kolleġġjali minn esperti esterni (tal-pajjiżi Ewropej jew tal-pajjiżi terzi) sabiex tkun żgurata t-tkomplija kostanti tal-kwalità għolja tal-programm ta’ masters;

h)

għandhom iżommu minimu ta’ postijiet għal, u jospitaw, studenti Ewropej u minn pajjiżi terzi li ngħataw appoġġ finanzjarju taħt il-programm;

i)

għandhom jistabbilixxu kondizzjonijiet konġunti trasparenti għad-dħul li jagħtu l-konsiderazzjoni meħtieġa, inter alia, lil kwistjonijiet ta’ sess u ugwaljanza u jiffaċilitaw l-aċċess konformement mal-prinċipji tal-ugwaljanza ta' opportunitajiet u tan-nondiskriminazzjoni;

j)

għandhom ikunu liberi li jiddeċiedu li jiffissaw jew le l-ispejjeż ta’ applikazzjoni, b’osservanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u tal-ftehim konkluż bejn l-istabbilimenti assoċjati msemmija fil-punti (a) u (b);

k)

għandhom jiftiehmu li jikkonformaw mar-regoli applikabbli għall-proċedura tal-għażla tal-istudenti u l-akkademiċi;

l)

għandhom joħolqu l-arranġamenti adegwati sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għal, u l-ospitar ta’, studenti Ewropej u minn pajjiżi terzi (faċilitajiet ta’ tagħrif, akkomodazzjoni, għajnuna bil-visas, eċċ.); il-Kummissjoni għandha żżomm lid-delegazzjonijiet tagħha f'pajjiżi terzi informati b’mod regolari dwar id-dispożizzjonijiet aġġornati kollha relatati mal-programm;

m)

mingħajr ħsara għall-ilsien ta’ istruzzjoni, għandhom jipprovdu għall-użu mill-anqas ta’ żewġ ilsna Ewropej mitkellma fl-Istati Membri fejn jinsabu l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri involuti fil-programm ta’ masters Erasmus Mundus u, skond il-każ, joffru taħriġ lingwistiku preparatorju u għajnuna għall-istudenti, b’mod partikolari permezz ta’ korsijiet organizzati mill-istituzzjonijiet ikkonċernati.

3.   Il-programmi masters Erasmus Mundus għandhom jintgħażlu għal perijodu ta' ħames snin, suġġetti għal proċedura ta' tiġdid annwali msejsa fuq rappurtaġġ ta' progress.

4.   Il-programmi masters Erasmus Mundus magħżula taħt il-programm Erasmus Mundus 2004-2008 għandhom jitkomplew fi ħdan il-qafas ta' din l-azzjoni sa tmiem il-perijodu li ntgħażlu għalih, suġġetti għal proċeduri ta' tiġdid annwali msejsa fuq rappurtaġġ ta' progress.

B.   PROGRAMMI TA’ DOTTORAT ERASMUS MUNDUS

1.   Il-Komunità għandha tagħżel programmi ta’ dottorat ta’ kwalita' akkademika eċċellenti li, għall-finijiet ta’ dan il-programm, għandhom jissejħu “programmi ta’ dottorat Erasmus Mundus”.

2.   Għall-finijiet ta’ dan il-programm, programmi ta’ dottorat Erasmus Mundus, għandhom jimxu mal-linji gwida ġenerali u mal-kriterji tal-għażla li ġejjin; huma:

a)

għandhom jinvolvu istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri minn minimu ta’ tliet pajjiżi Ewropej differenti u, skond il-każ, imsieħba oħra rilevanti sabiex jiżguraw l-innovazzjoni u l-kapaċità għall-impjegabbiltà;

b)

jistgħu jinvolvu istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri jew imsieħba oħra rilevanti, bħalma huma ċentri ta' riċerka, minn pajjiżi terzi;

c)

għandhom jimplimentaw programm ta’ dottorat li jinvolvi perijodu ta’ studju u ta’ riċerka għall-anqas fi tnejn mill-istituzzjonijiet parteċipanti ta’ edukazzjoni superjuri msemmija fil-punt (a);

d)

għandhom jinkoraġġixxu l-perijodi ta’ taħriġ fil-qafas tal-programm ta’ dottorat bħalma huma s-sħubiji bejn il-partijiet influwenti universitarji u dawk ekonomiċi;

e)

għandhom iħaddnu mekkaniżmi integrati għar-rikonoxximent ta' perijodi ta' studju u riċerka mwettqa f'istituzzjonijiet imsieħba;

f)

għandhom jirriżultaw fil-għoti, mill-istituzzjonijiet parteċipanti, ta’ gradi akkademiċi konġunti u/jew doppji jew multipli rikonoxxuti jew akkreditati mill-pajjiżi Ewropej. Programmi li jirriżultaw fil-għoti ta' lawrji konġunti huma mħeġġa;

g)

għandhom jistabbilixxu proċeduri ta’ awtovalutazzjoni ebsin u jiftiehmu sabiex ssirilhom reviżjoni esperta minn esperti esterni (li joriġinaw minn pajjiżi Ewropej jew terzi, iżda li jaħdmu f'pajjiżi Ewropej) sabiex tkun żgurata t-tkomplija tal-kwalità għolja tal-programm ta’ dottorat;

h)

għandhom iżommu minimu ta’ postijiet għal, u jospitaw, kandidati Ewropej u minn pajjiżi terzi għal dottorat li ngħataw appoġġ finanzjarju taħt il-programm;

i)

għandhom jistabbilixxu kondizzjonijiet konġunti trasparenti għad-dħul li jagħtu l-konsiderazzjoni meħtieġa, inter alia, lil kwistjonijiet ta’ sess u ugwaljanza u jiffaċilitaw l-aċċess konformement mal-prinċipju tal-ugwaljanza ta' opportunitajiet u tan-nondiskriminazzjoni;

j)

għandhom ikunu liberi li jiddeċiedu li jiffissaw jew le l-ispejjeż ta’ applikazzjoni, b’osservanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u tal-ftehim konkluż bejn l-istabbilimenti assoċjati msemmija fil-punti a) u b);

k)

għandhom jiftiehmu li jikkonformaw mar-regoli applikabbli għall-proċedura ta’ għażla ta' kandidati għal dottorat;

l)

għandhom joħolqu l-arranġamenti adegwati sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għal, u l-ospitar ta’, kandidati għal dottorat Ewropej u minn pajjiżi terzi (faċilitajiet ta’ tagħrif, akkomodazzjoni, għajnuna bil-visas, eċċ.);

m)

jistgħu jipprovdu għall-użu ta’ kuntratti ta’ impjieg għal kandidati għal dottorat bħala alternattiva għall-boroż ta' studju jekk dan ikun permess taħt il-liġi nazzjonali;

n)

mingħajr ħsara għall-ilsien ta’ tagħlim, għandhom jipprovdu l-użu mill-anqas ta' żewġ ilsna Ewropej mitkellma fl-Istati Membri fejn jinsabu l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri involuti fil-programm ta’ dottorat Erasmus Mundus u, fejn ikun il-każ, joffru taħriġ lingwistiku preparatorju u għajnuna għall-istudenti, b’mod partikolari permezz ta’ korsijiet organizzati mill-istituzzjonijiet ikkonċernati.

3.   Il-programmi ta’ dottorat Erasmus Mundus għandhom jintgħażlu għal perijodu ta' ħames snin, suġġetti għal proċedura ta' tiġdid annwali msejsa fuq rappurtaġġ ta' progress. Dan il-perijodu jista’ jinkludi sena ta' attivitajiet preparatorji qabel ir-reklutaġġ tal-kandidati għal dottorat.

C.   BOROŻ TA’ STUDJU

1.   Il-Komunità tista’ tipprovdi boroż ta’ studju li jkopru l-ispejjeż kollha lil studenti tal-masters jew kandidati għal dottorat minn pajjiżi terzi jew Ewropej kif ukoll boroż ta’ studju għal terminu ta' żmien qasir lil akkademiċi minn pajjiżi terzi jew Ewropej. Sabiex il-programm ikun iżjed attraenti għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, l-ammont ta' boroż ta' studju full time ser ikun superjuri għal studenti tal-masters ta' pajjiżi terzi u kandidati għal dottorat (boroż ta' studju tal-Kategorija A) milli għal dawk Ewropej (boroż ta' studju tal-Kategorija B).

a)

Il-Komunità tista’ tipprovdi boroż ta’ studju full time ta' Kategorija A lil studenti tal-masters jew kandidati għal dottorat minn pajjiżi terzi li ntgħażlu, permezz ta’ proċess kompetittiv, għal programmi ta’ masters Erasmus Mundus u programmi ta' dottorat Erasmus Mundus. Dawn il-boroż ta’ studju huma għal studju fl-istituzzjonijiet Ewropej involuti fi programm ta’ masters Erasmus Mundus jew fi programm ta’ dottorat Erasmus Mundus. Boroż ta' studju ta' Kategorija A m'għandhomx jingħataw lil studenti ta' pajjiżi terzi li wettqu l-attivitajiet prinċipali tagħhom (studji, xogħol, eċċ) għal iżjed minn 12-il xahar fl-aħħar ħames snin fi kwalunkwe pajjiż Ewropew.

b)

Il-Komunità tista’ tipprovdi boroż ta’ studju full time ta' Kategorija B lil studenti tal-masters jew kandidati Ewropej għal dottorat li ntgħażlu, permezz ta’ proċess kompetittiv, għal programmi ta’ masters Erasmus Mundus u programmi ta' dottorat Erasmus Mundus. Dawn il-boroż ta' studju huma għal studju fl-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri involuti fi programm ta' masters Erasmus Mundus jew fi programm ta' dottorat Erasmus Mundus. Il-boroż ta' studju tal-Kategorija B jistgħu jingħataw lill-istudenti ta' pajjiżi terzi li ma jistgħux japplikaw għal boroż ta' studju tal-Kategorija A.

c)

Il-Komunità tista’ tipprovdi boroż ta’ studju għal medda ta’ żmien qasir lil akkademiċi minn pajjiżi terzi li jżuru l-programmi ta’ masters Erasmus Mundus, bil-għan li jwettqu xogħol ta’ tagħlim u riċerka u xogħol akkademiku fl-istituzzjonijiet Ewropej li qed jieħdu sehem fil-programmi ta’ masters Erasmus Mundus.

d)

Il-Komunità tista’ tipprovdi boroż ta’ studju għal medda ta’ żmien qasir lil akkademiċi Ewropej li jżuru istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri f’pajjiżi terzi involuti fi programmi ta’ masters Erasmus Mundus, bil-għan li jwettqu xogħol ta’ tagħlim u riċerka u xogħol akkademiku fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li qed jieħdu sehem fil-programmi ta’ masters Erasmus Mundus.

e)

Il-Komunità għandha tiggarantixxi l-applikazzjoni mill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri ta' kriterji trasparenti għall-għoti ta' boroż ta' studju, li fost l-oħrajn jikkunsidraw ir-rispett tal-prinċipju tal-ugwaljanza ta' opportunitajiet u tan-nondiskriminazzjoni.

2.   Il-boroż ta’ studju għandhom ikunu miftuħin għal studenti tal-masters u kandidati għal dottorat minn pajjiżi terzi kif ukoll akkademiċi kif definit fl-Artikolu 2.

3.   L-istudenti li jkunu kisbu boroż ta' studju għandhom ikunu informati dwar id-destinazzjoni fejn għandhom jistudjaw inizjalment hekk kif tkun ittieħdet id-deċiżjoni li tingħatalhom il-borża ta' studju.

4.   Il-persuni li jirċievu borża ta’ studju għal programmi ta’ masters Erasmus Mundus huma eliġibbli wkoll li jirċievu borża ta’ studju għal programmi ta’ dottorat Erasmus Mundus.

5.   Il-Kummissjoni għandha taddotta miżuri sabiex tiżgura li ebda persuna ma tirċievi appoġġ finanzjarju għall-istess għan taħt aktar minn programm Komunitarju wieħed. B’mod partikolari, persuni li jirċievu borża ta' studju Erasmus Mundus mhumiex eliġibbli li jirċievu għotja finanzjarja Erasmus għall-istess programm ta' masters Erasmus Mundus jew programm ta’ dottorat taħt il-Programm għat-Tagħlim u t-Taħriġ tul il-Ħajja. Bl-istess mod, persuni li jibbenefikaw minn għotja finanzjarja taħt il-“Programm Speċifiku Nies” (Azzjonijiet Marie Curie) tas-Seba’ Programm Qafas għal riċerka, żvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta' dimostrazzjoni (1) mhumiex eliġibbli li jirċievu għotja finanzjarja Erasmus Mundus għall-istess perijodu ta' studju jew riċerka.

AZZJONI 2:   SĦUBIJIET ERASMUS MUNDUS

1.   Il-Komunità għandha tagħżel sħubijiet ta' kwalita' akkademika għolja li, għall-finijiet ta’ dan il-programm, għandhom jissejħu “sħubijiet Erasmus Mundus”. Dawn għandhom jilħqu u huma konformi mal-miri u l-għanijiet speċifiċi tal-Artikolu 3, sakemm dawn ikunu konformi mal-bażi legali li fuqha jkun ibbażat il-finanzjament.

2.   Għall-finijiet ta’ dan il-programm, u konformement mal-bażi legali li fuqha jkun ibbażat il-finanzjament, is-sħubijiet Erasmus Mundus għandhom:

a)

jinvolvu minimu ta’ ħames istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri minn minimu ta’ tliet pajjiżi Ewropej differenti u għadd ta’ istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri f’pajjiżi terzi speċifiċi li ma jipparteċipawx fil-Programm għat-Tagħlim u t-Taħriġ tul il-Ħajja li għandhom jiġu ddefiniti fis-sejħiet għal proposti annwali;

b)

jimplimentaw sħubija bħala bażi għat-trasferiment ta' kapaċitajiet (know-how);

c)

jorganizzaw skambji ta' studenti, magħżula konformement ma' kriterji ta' eċċellenza akkademika f'kull livell ta' edukazzjoni superjuri (minn studenti fl-ewwel ċiklu għal riċerkaturi post-dottorati), ta’ akkademiċi u ta' persunal ta' edukazzjoni superjuri għal perijodi ta' mobbiltà ta’ tul varjabbli, inkluża l-possibbiltà ta’ perijodu ta’ traineeship;

d)

iħaddnu mekkaniżmi integrati għar-rikonoxximent reċiproku ta’ perijodi ta' studju u riċerka mwettqa f’istituzzjonijiet imsieħba msejsa fuq, jew kompatibbli ma', is-sistema Ewropea ta’ trasferiment u ġbir ta’ kredits kif ukoll ta' sistemi kompatibbli fis-seħħ f'pajjiżi terzi;

e)

jużaw strumenti ta’ mobbiltà żviluppati taħt il-programm Erasmus, bħar-rikonoxximent ta’ perijodi ta’ studju preċedenti, il-ftehim ta’ tagħlim u t-traskrizzjoni tar-reġistri;

f)

jistabbilixxu kondizzjonijiet trasparenti għall-għoti ta' għotjiet finanzjarji għall-mobbiltà li jagħtu l-konsiderazzjoni meħtieġa, inter alia, lil kwistjonijiet ta’ sess u ta’ ugwaljanza u anke lil kompetenzi lingwistiċi u li jiffaċilitaw l-aċċess konformement mal-prinċipju tal-ugwaljanza ta' opportunitajiet u tan-nondiskriminazzjoni;

g)

jiftiehmu li jirrispettaw ir-regoli applikabbli għall-proċedura tal-għażla tal-istudenti, akkademiċi u persunal ta’ edukazzjoni superjuri;

h)

joħolqu l-arranġamenti adegwati sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għal, u l-ospitar ta’, studenti, akkademiċi u persunal ta' edukazzjoni superjuri Ewropej u minn pajjiżi terzi (faċilitajiet ta’ tagħrif, akkomodazzjoni, għajnuna bil-visas, eċċ.);

i)

mingħajr ħsara għall-ilsien tal-istruzzjoni, jipprovdu għall-użu tal-ilsna mitkellma fil-pajjiżi fejn jinsabu l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri involuti fis-sħubiji Erasmus Mundus u, fejn ikun il-każ, għal taħriġ lingwistiku preparatorju u għajnuna għall-benefiċjarji tal-boroż ta’ studju, b’mod partikolari permezz ta’ korsijiet organizzati mill-istituzzjonijiet ikkonċernati;

j)

jimplimentaw aktar attivitajiet ta’ sħubija, bħal gradi akkademiċi doppji, żvilupp ta’ kurrikulu konġunt, trasferiment tal-aqwa prassi, eċċ.

k)

fil-każ ta' miżuri ffinanzjati konformement mar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 jew il-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE, għandhom iħeġġu liċ-ċittadini ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jirritornaw lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom meta jintemmu l-perijodi ta' studju jew ta' riċerka tagħhom sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u l-prosperità ta' dawn il-pajjiżi.

3.   Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiżi terzi ikkonċernati permezz tad-Delegazzjonijiet tagħha, għandha tiddefinixxi l-prijoritajiet nazzjonali u reġjonali konformement mal-ħtiġijiet tal-pajjiż jew pajjiżi terzi speċifiċi kkonċernati bis-sħubijiet.

4.   Is-sħubijiet Erasmus Mundus għandhom jintgħażlu għal perijodu ta' tliet snin, suġġetti għal proċedura ta' tiġdid annwali msejsa fuq rappurtaġġ ta' progress.

5.   Il-boroż ta’ studju għandhom ikunu miftuħin għal studenti u akkademiċi minn pajjiżi terzi kif definit fl-Artikolu 2.

6.   Fl-għoti tal-boroż ta’ studju taħt l-Azzjoni 2, il-Kummissjoni għandha tappoġġja gruppi żvantaġġati soċjoekonomikament u popolazzjonijiet f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, mingħajr ma tippreġudika l-kondizzjonijiet ta' trasparenza msemmija fil-paragrafu 2(f).

7.   Il-Kummissjoni għandha tieħu passi sabiex tiżgura li l-ebda persuna ma tirċievi appoġġ finanzjarju għall-istess għan taħt aktar minn programm Komunitarju wieħed. B’mod partikolari, persuni li jirċievu borża ta' studju Erasmus Mundus mhumiex eliġibbli sabiex jirċievu għotja finanzjarja Erasmus għall-istess perijodu ta’ mobbiltà taħt il-Programm għat-Tagħlim tul il-Ħajja. Bl-istess mod, persuni li jibbenefikaw minn għotja finanzjarja taħt il-“Programm Persunal” msemmi hawn fuq mhumiex eliġibbli li jirċievu għotja finanzjarja Erasmus Mundus għall-istess perijodu ta' studju jew riċerka.

8.   Is-sħubijiet magħżula taħt it-Tieqa ta’ Koperazzjoni Esterna Erasmus Mundus (l-isem preċedenti tal-Azzjoni 2) għandhom jitkomplew fi ħdan il-qafas ta' dik l-azzjoni sa’ tmiem il-perijodu li ntgħażlu għalih, suġġetti għal proċedura ħafifa ta' tiġdid annwali msejsa fuq rappurtaġġ ta' progress.

AZZJONI 3:   PROMOZZJONI TAL-EDUKAZZJONI SUPERJURI EWROPEA

1.   Permezz tal-Azzjoni 3, il-Komunità tista’ tappoġġja attivitajiet immirati lejn it-tisħiħ tal-attrazzjoni, il-profil u l-viżibbiltà ta', u l-aċċessibiltà għal, l-edukazzjoni superjuri Ewropea. L-attivitajiet għandhom jikkontribwixxu għall-finijiet tal-programm u jirrelataw mad-dimensjoni internazzjonali ta’ kull aspett tal-edukazzjoni superjuri, bħall-promozzjoni, l-aċċessibbiltà, l-assigurazzjoni tal-kwalità, ir-rikonoxximent tal-kredits, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki Ewropej barra l-Ewropa u r-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki ma' pajjiżi terzi, l-iżvilupp tal-kurrikulu, il-mobbiltà, il-kwalità tas-servizzi, eċċ. L-attivitajiet jistgħu jinkludu l-promozzjoni tal-programm u r-riżultati tiegħu.

2.   L-istituzzjonijiet eliġibbli jistgħu jinkludu, konformement mal-Artikolu 5(f), entitajiet pubbliċi jew privati, attivi fil-qasam tal-edukazzjoni superjuri. L-attivitajiet għandhom iseħħu fi ħdan proġetti li jinvolvu organizzazzjonijiet minn minimu ta’ tliet pajjiżi Ewropej differenti u jistgħu jinvolvu organizzazzjonijiet minn pajjiżi terzi.

3.   L-attivitajiet jistgħu jieħdu forom varji (konferenzi, seminars, laqgħat ta’ ħidma (workshops), studji, analiżi, proġetti pilota, premjijiet, networks internazzjonali, produzzjoni ta' materjal għall-pubblikazzjoni, żvilupp ta' għodod tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, eċċ.) u jistgħu jseħħu ikun fejn ikun madwar id-dinja. Il-Kummissjoni għandha tassigura li l-informazzjoni dwar l-attivitajiet u l-iżviluppi tal-programm Erasmus Mundus tixxerred bl-aħjar mod possibbli, speċifikament permezz tas-sit tal-internet Erasmus Mundus multilingwi li għandu jgawdi minn viżibbiltà u aċċessibbiltà aħjar.

4.   L-attivitajiet għandhom jaraw li jistabbilixxu rabtiet bejn l-edukazzjoni superjuri u r-riċerka u l-edukazzjoni superjuri u s-settur privat tal-pajjiżi Ewropej u tal-pajjiżi terzi, u jisfruttaw sinerġiji potenzjali kull fejn ikun possibbli.

5.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jimplimentaw politika ta' informazzjoni integrata għaċ-ċittadini mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b'koperazzjoni mal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri li qed jieħdu sehem fil-programm; din għandha jkollha l-għan li tinforma fil-waqt u bid-dettalji kollha u anke sabiex titfa' dawl fuq il-proċeduri rikjesti, waqt li għandha tingħata prijorità partikulari lir-reġjuni sottorappreżentati.

6.   Il-Komunità tista’ tappoġġja, fejn ikun il-każ, l-istrutturi magħżula konformement mal-Artikolu 6(2)(b) fl-isforzi tagħhom sabiex jippromwovu l-programm u jiddisseminaw ir-riżultati tiegħu nazzjonalment u madwar id-dinja.

7.   Il-Komunità għandha tappoġġja assoċċjazzjoni ta’ alunni tal-istudenti kollha (minn pajjiżi terzi u Ewropej) li jiggradwaw minn programmi ta’ masters Erasmus Mundus u programmi ta’ dottorat Erasmus Mundus.

MIŻURI TA’ APPOĠĠ TEKNIKU

Il-pakkett finanzjarju ġenerali tal-programm jista’ jkopri wkoll in-nefqa relatata mal-esperti, aġenzija eżekuttiva, korpi kompetenti eżistenti fl-Istati Membri u, jekk meħtieġ, relatati ma' forom oħra ta' għajnuna teknika u amministrattiva li l-Kummissjoni jista' jkollha ddur għalihom għal għajnuna għall-implimentazzjoni tal-programm. Dawn jistgħu b’mod partikolari jinkludu studji, laqgħat, attivitajiet ta' tagħrif, pubblikazzjonijiet, attivitajiet ta' sorveljanza, attivitajiet ta' kontroll u verifika, attivitajiet ta’ valutazzjoni, nefqa fuq networks ta' informatika għall-iskambju ta' tagħrif u kwalunkwe nefqa oħra meħtieġa direttament għall-implimentazzjoni tal-programm u għall-kisba tal-għanijiet tiegħu.

PROĊEDURI TA’ GĦAŻLA

Il-proċeduri ta' għażla għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

a)

il-proposti taħt l-Azzjoni 1 għandhom jintgħażlu mill-Kummissjoni bl-għajnuna ta’ bord tal-għażla presedut minn persuna eletta minnu, magħmul minn personalitajiet ta’ reputazzjoni għolja mid-dinja akkademika li jirrappreżentaw id-diversità tal-edukazzjoni superjuri fl-Unjoni Ewropea. Il-bord tal-għażla għandu jiżgura li l-programmi masters u l-programmi ta’ dottorat Erasmus Mundus jikkorrispondu għal kwalità akkademika superjuri, waqt li titqies dejjem il-ħtieġa tal-iktar rappreżentanza ġeografika ekwilibrata possibbli. Għandu jsir sforz sabiex ikun hemm rappreżentanza bbilanċjata ta' oqsma ta' studju differenti matul it-tul tal-programm kollu. Il-Kummissjoni għandha torganizza evalwazzjoni fuq livell Ewropew tal-proposti kollha eliġibbli mill-esperti akkademiċi indipendenti qabel ma tibgħat il-proposti lill-bord tal-għażla. Kull programm ta' masters u programm ta' dottorat Erasmus Mundus għandhom jiġi allokat numru speċifiku ta' boroż ta' studju li għandhom jitħallsu lill-individwi magħżula mill-korp (jew il-korpi) li jmexxi l-programmi ta’ masters u l-programmi ta’ dottorat. L-għażla ta’ studenti tal-masters, kandidati għal dottorat u akkademiċi għandha ssir mill-istituzzjonijiet li jieħdu sehem fil-programmi ta’ masters u programmi ta’ dottorat Erasmus Mundus, konformement ma' kriterji ta' eċċellenza akkademika wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Minkejja li l-Azzjoni 1 hi prinċipalment indirizzata għall-istudenti ta' pajjiżi terzi, hi miftuħa wkoll għall-istudenti Ewropej. Il-proċeduri ta’ għażla għal programmi ta' masters u programmi ta' dottorat Erasmus Mundus għandhom jinvolvu konsultazzjoni mal-istrutturi magħżula konformement mal-Artikolu 6(2)(b);

b)

il-proposti taħt l-Azzjoni 2 għandhom jintgħażlu mill-Kummissjoni konformement mar-regoli stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 1085/2006, fir-Regolament (KE) Nru 1638/2006, fir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 u fir-Regolament (KE) Nru 1934/2006, fil-Ftehim ta’ Sħubija ACP-KE u fil-Ftehim Intern ACP-KE;

bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti u tal-istrumenti ta' Ftehim imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tara wkoll li l-proposti għal sħubija Erasmus Mundus ikunu jissodisfaw ir-regoli ta' kwalità akkademika superjuri, waqt li titqies dejjem il-ħtieġa tal-iktar rappreżentanza ġeografika ekwilibrata possibbli. L-għażla tal-istudenti u tal-akkademiċi għandha ssir mill-istituzzjonijiet li jipparteċipaw fis-sħubija konformement mal-kriterji ta' eċċellenza akkademika, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. L-Azzjoni 2 hija prinċipalment indirizzata għall-istudenti tal-pajjiżi terzi. Madankollu, sabiex ikun hemm arrikiment reċiproku, il-mobilità għandha tinkludi wkoll liċ-ċittadini Ewropej;

c)

il-proposti taħt l-Azzjoni 3 għandhom jintgħażlu mill-Kummissjoni;

d)

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf immedjatament lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 8(1) dwar id-deċiżjonijiet kollha ta' għażla.

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

1.   Għotjiet ta' finanzjament b’rata fissa, skali ta’ spejjeż għal kull unità u premijiet

Jistgħu jintużaw għotjiet ta' finanzjament b’rata fissa u/jew skali ta’ spejjeż għal kull unità, kif previst fl-Artikolu 181(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 fil-każ ta' kull azzjoni msemmija fl-Artikolu 4.

Jistgħu jintużaw għotjiet ta' finanzjament b’rata fissa sa massimu ta’ EUR 25 000 għal kull sieħeb fi ftehim ta’ għotja ta' finanzjament. Dawn jistgħu jiġu kkombinati sa massimu ta' EUR 100 000 u/jew użati flimkien ma' skali ta' spejjeż għal kull unità.

Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi għall-għoti ta’ premijiet fir-rigward ta' attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-programm.

2.   Ftehim ta' sħubija

Fejn jiġu appoġġjati azzjonijiet taħt il-programm permezz ta’ għotja ta' finanzjament taħt qafas ta’ sħubija taħt l-Artikolu 163 tar Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, sħubiji bħal dawn jistgħu jintgħażlu u jiġu ffinanzjati għal perijodu ta' ħames snin, suġġetti għal proċedura ħafifa ta' tiġdid.

3.   Istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri pubbliċi

L-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet kollha ta’ edukazzjoni superjuri speċifikati mill-Istati Membri li rċevew aktar minn 50 % tad-dħul annwali tagħhom minn sorsi pubbliċi matul l-aħħar sentejn, jew li jkunu kkontrollati minn korpi pubbliċi jew mir-rappreżentanti tagħhom, għandhom jiġu ttrattati mill-Kummissjoni bħala li għandhom il-kapaċità finanzjarja, professjonali u amministrattiva meħtieġa, flimkien mal-istabbilità finanzjarja meħtieġa sabiex iwettqu proġetti koperti mill-programm; dawn mhux se jkunu meħtieġa jippreżentaw aktar dokumentazzjoni sabiex juru dan. Tali istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet jistgħu jiġu eżentati minn rekwiżiti ta’ verifika taħt l-Artikolu 173(4) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

4.   Il-kompetenzi u l-kwalifiki professjonali tal-applikanti

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi taħt l-Artikolu 176(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 li xi kategoriji speċifiċi ta’ benefiċjarji għandhom il-kompetenzi u l-kwalifiki professjonali meħtieġa sabiex ilestu l-azzjoni jew l-programm ta' ħidma proposti.

5.   Dispożizzjonijiet kontra l-frodi

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meħuda taħt l-Artikolu 7, il-kuntratti u kull ftehim li jirriżultaw minnhom, kif ukoll kull ftehim ma’ pajjiżi terzi parteċipanti, għandhom jipprovdu b’mod partikolari għas-superviżjoni u l-kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni (jew kwalunkwe rappreżentant awtorizzat minnha), inkluż kontroll mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), u għal verifiki – jekk meħtieġa fuq il-post – mill-Qorti tal-Awdituri.

Il-benefiċjarju ta’ għotja finanzjarja għandu jiżgura li, fejn applikabbli, id-dokumenti ta' sostenn li jkunu fil-pussess ta' imsieħba jew ta' membri jsiru disponibbli għall-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tista’ twettaq verifika tal-użu li sar mill-għotja finanzjarja direttament permezz tal-persunal tagħha jew permezz ta' kwalunkwe korp estern ikkwalifikat ieħor tal-għażla tagħha. Tali verifiki jistgħu jitwettqu matul il-ħajja tal-ftehim u għal perijodu ta’ ħames snin mid-data ta' tmiem il-proġett. Fejn ikun il-każ, ir-riżultati tal-verifiki jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet ta’ rkupru mill-Kummissjoni.

Il-persunal tal-Kummissjoni u persunal estern awtorizzat mill-Kummissjoni għandu jkollu d-dritt adegwat ta' aċċess, b'mod partikolari għall-uffiċċji tal-benefiċjarju u għat-tagħrif kollu, inkluż tagħrif f'format elettroniku, meħtieġ sabiex jitwettqu tali verifiki.

Il-Qorti tal-Awdituri u l-OLAF għandhom ikollhom l-istess drittijiet, b’mod speċjali ta’ aċċess, bħall-Kummissjoni.

B’żieda ma’ dan, il-Kummissjoni tista' twettaq sorveljanzi u ispezzjonijiet fuq il-post taħt il-programm konformement mar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (2).

Għall-azzjonijiet Komunitarji ffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni, il-kunċett ta' irregolarità msemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (3) għandu jfisser kwalunkwe ksur ta’ dispożizzjoni ta’ liġi Komunitarja jew kwalunkwe ksur ta’ obbligazzjoni kuntrattwali li tirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku, li għandu, jew se jkollu, l-effett ta’ ħsara fuq il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew l-allokazzjonijiet immexxija minnha, minn element ta’ nefqa li ma jkunx ġustifikat.


(1)  ĠU L 54, 22.02.2007, p. 91.

(2)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(3)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.