21.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 190/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 856/2007

tas-16 ta’ Lulju 2007

li jestendi s-sospensjoni tad-dazju definittiv ta’ l-antidumping impost bir-Regolament (KE) Nru 215/2002 fuq importazzjonijiet tal-ferro molybdenum li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

(1)

Il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 215/2002 (2), impona dazju definittiv ta’ l-antidumping fuq importazzjonijiet tal-ferro molybdenum li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ir-RPĊ), li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 7202 70 00 (il-prodott ikkonċernat). Ir-rata tad-dazju ta’ l-antidumping hija ta’ 22.5 %.

(2)

Il-Kummissjoni, bid-Deċiżjoni 2006/714/KE (3), issospendiet għal perjodu ta’ disa’ xhur id-dazju definittiv ta’ l-antidumping impost bir-Regolament (KE) Nru 215/2002 dwar importazzjonijiet tal-ferro molybdenum li joriġina mir-RPĊ.

(3)

Id-deċiżjoni li tissospendi d-dazju definittiv ta’ l-antidumping impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2002 ittieħdet skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku li jgħid illi, fl-interess Komunitarju l-miżuri ta’ l-antidumping jistgħu jiġu sospiżi minħabba li l-kondizzjonijiet tas-suq ikunu nbidlu temporanjament sal-punt li l-ħsara li ssir x’aktarx li ma tkunx tista’ titranġa minħabba s-sospensjoni, sakemm l-industrija Komunitarja tkun ingħatat l-opportunità li tikkummenta u li dawn il-kummenti jkunu ġew ikkunsidrati.

(4)

Il-Kummissjoni kkonkludiet fid-Deċiżjoni 2006/714/KE li d-dannu marbut ma’ l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina fir-RPĊ x’aktarx ma kienx se jkompli bħala riżultat tas-sospensjoni minħabba l-bidla temporanja fil-kundizzjonijiet tas-suq, u b’mod partikolari l-livell għoli ta’ prezzijiet tal-prodott ikkonċernat prattikat fis-suq tal-Komunità, li kien ferm ogħla mil-livell dannuż misjub fl-investigazzjoni oriġinali, flimkien ma’ l-allegat żbilanċ ta’ domanda-forniment tal-prodott ikkonċernat.

(5)

Il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni 2006/714/KE obbligat ruħha li tissorvelja l–iżvilupp ta’ l-importazzjonijiet u l-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat u li tirrevoka s-sospensjoni fil-każ ta’ żieda fil-volumi ta’ prezzijiet iddampjati tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ u konsegwentement id-dannu ikkawżat lill-Industrija tal-Komunità.

(6)

Fil-31 ta’ Ottubru 2006 reviżjoni interim ex ufficio inbdiet permezz ta’ notifika ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (4) minħabba li l-corpus ta’ evidenza li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Kummissjoni indika li ċ-ċirkostanzi li fuq il-bażi tagħhom kienu stabbiliti l-miżuri eżistenti inbidlu sal-grad li l-miżuri eżistenti jistgħu ma jkunux aktar adegwati u li ċerti bidliet jidhru li huma ta’ natura dejjiema.

B.   Il-BAŻI

(7)

L-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku jipprevedi li, fl-interess tal-Komunità, miżuri ta’ l-antidumping jistgħu jiġu sospiżi għal perjodu ta’ disa’ xhur imma s-sospensjoni tista’ tiġi sospiża għal perjodu itwal, li ma jaqbiżx sena, jekk il-Kunsill jiddeċiedi dan, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni.

(8)

Minn mindu ġiet sospiża l-miżura ma kienx hemm bidla fis-sitwazzjoni stabbilita fil-premessi (5) sa (10) tad-Deċiżjoni 2006/714/KE fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet u l-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat. Kienu biss volumi insinifikanti ta’ ferro molybdenum li joriġinaw mir-RPĊ li ġew importati fil-KE.

(9)

Fir-rigward tar-reviżjoni interim sħiħa ex ufficio qed jiġi mfakkar li din għandha tiġi konkluża fi żmien 15-il xahar mill-bidu, i.e. mill-31 ta’ Jannar 2008.

Ċ.   KONKLUŻJONI

(10)

Minħabba li s-sitwazzjoni fis-suq tal-Komunità baqgħet ma nbidlitx wara s-sospensjoni tad-dazju ta’ l-antidumping f’Ottubru 2006 u minħabba li r-reviżjoni interim għadha ma ġietx konkluża, hija kkunsidrata adatta s-sospensjoni tal-miżuri fis-seħħ skond l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku. Fuq il-bażi tal-prinċipju ġenerali tat-tbassir tal-flussi tal-kummerċ u b’antiċipazzjoni tar-riżultati finali tar-reviżjoni interim imwettqa bħalissa qed jiġi konkluż li s-sospensjoni tal-miżuri fis-seħħ għandha tiġi estiża sal-31 ta’ Jannar 2008, i.e. sal-limitu finali taż-żmien għall-konklużjoni tar-reviżjoni interim. Ma nstabet l-ebda indikazzjoni għalfejn l-estensjoni tas-sospensjoni ma tkunx fl-interess Komunitarju.

(11)

Skond l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni infurmat lill-industrija Komunitarja dwar l-intenzjoni tagħha li testendi s-sospensjoni tal-miżuri fis-seħħ ta’ l-antidumping. L-industrija tal-Komunità ingħatat l-opportunità li tikkummenta imma l-kummenti tagħha ma bidlux il-konklużjoni li s-sitwazzjoni baqgħet kif stabbilita fid-Deċiżjoni 2006/714/KE.

(12)

Il-Kummissjoni għalhekk tqis li r-rekwiżiti kollha għall-estensjoni tas-sospensjoni tad-dazju ta’ l-antidumping impost fuq il-prodott ikkonċernat intlaħqu, bi qbil ma’ l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, id-dazju ta’ l-antidumping li kien impost mir-Regolament (KE) Nru 215/2002 għandu jiġi estiż sal-31 ta’ Jannar 2008.

(13)

Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-iżvilupp ta’ l-importazzjonijiet u l-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat. Jekk f’xi ħin tinħoloq sitwazzjoni fejn jerġa’ jkun hemm żieda ta’ volumi fil-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ mixtrija taħt il-prezz u konsegwentement jikkawżaw ħsara fl-industrija Komunitarja, il-Kummissjoni terġa’ tipproponi li ddaħħal id-dazju ta’ l-antidumping billi tħassar is-sospensjoni attwali,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-sospensjoni tad-dazju definittiv ta’ l-antidumping impost, bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2002 fuq importazzjonijiet tal-ferro-molibdenum, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 7202 70 00, u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (RPĊ) hija b’dan estiża sal-31 ta’ Jannar 2008.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 16 ta’ Lulju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SILVA


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  ĠU L 35, 6.2.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 293, 24.10.2006, p. 15.

(4)  ĠU C 262, 31.10.2006, p. 28.