30.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


REGOLAMENT (KE) Nru 1891/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

Tat-18 ta' Diċembru 2006

dwar finanzjament pluriennali għall-azzjonijiet ta' l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-rispons għal tniġġis ikkaġunat minn bastimenti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Regjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Ċerti ftehim bilaterali u reġjonali konklużi bejn stati tal-kosta, bħal ma huma l-Konvenzjoni ta' Helsinki u dik ta' Barċellona ta' l-1992 u l-1976 rispettivament, jipprovdu għal assistenza reċiproka fil-każ ta' inċident ta' tniġġis marittimu.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 (3) jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”) bl-iskop li jkun assigurat livell għoli, uniformi u effettiv ta' sigurtà marittima u jkun hemm prevenzjoni ta' tniġġis mill-bastimenti.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 724/2004, li emenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002, ta lill-Aġenzija kompiti ġodda fil-qasam tal-prevenzjoni tat-tniġġis u tar-rispons għal tniġġis ikkawżat minn bastimenti, b'rispons għall-aċċidenti reċenti f'ilmijiet Komunitarji, b'mod partikolari dawk tat-tankers taż-żejt “Erika” u “Prestige”.

(4)

Għall-finijiet li jiġu implimentati dawn il-kompiti ġodda ta' prevenzjoni tat-tniġġis u rispons għat-tniġġis, il-Bord Amministrattiv ta' l-Aġenzija adotta fit-22 ta' Ottubru 2004 Pjan ta' Azzjoni għal Preparazzjoni u Rispons għat-Tniġġis miż-Żejt, li jiddetermina l-attivitajiet ta' l-Aġenzija bħala rispons għat-tniġġis miż-żejt u huwa maħsub għall-aħjar użu tar-riżorsi finanzjarji disponibbli għall-Aġenzija (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Pjan ta' Azzjoni”).

(5)

L-azzjoni ta' rispons kontra t-tniġġis ta' l-Aġenzija, kif iddefinita fil-Pjan ta' Azzjoni, hi marbuta ma' l-attivitajiet fl-oqsma ta' l-informazzjoni, tal-koperazzjoni u tal-koordinazzjoni u fuq kollox ma' l-għoti ta' assistenza operazzjonali lill-Istati Membri billi jingħataw, fuq talba, bastimenti addizzjonali kontra t-tniġġis biex jiġġieldu kontra t-tniggis taż-żejt u tipi oħra ta' tniġġis, bħal dak ikkawżat minn sustanzi perikolużi u li jagħmlu l-ħsara. L-Aġenzija għandha tagħti attenzjoni partikulari lil dawk iz-zoni identifikati bħala l-aktar vulnerabbli mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe żona oħra fil-bżonn.

(6)

L-attivitajiet ta' l-Aġenzija f'dan il-qasam m'għandhomx jeżoneraw lill-Istati tal-kosta mir-responsabbiltà tagħhom li jkollhom għal-lest mekkaniżmi xierqa għal rispons għat-tniġġis u għandhom jirrispettaw arranġamenti eżistenti ta' koperazzjoni bejn Stati Membri jew bejn gruppi ta' Stati Membri f'dan il-qasam. Fil-każ ta' inċident ta' tniġġis marittimu, l-Aġenzija għandha tgħin lill-Istat(i) Membru/i affettwati, u l-operazzjoni ta' tindif għandha titmexxa taħt l-awtorià ta' dan/dawn l-Istat(i) Membru/i.

(7)

Skond il-Pjan ta' Azzjoni, l-Aġenzija għandha jkollha rwol attiv fl-iżvilupp ta' servizz ċentralizzat ta' immaġni bis-satellita għas-sorveljanza, is-sejbien bikri ta' tniġġis u l-identifikazzjoni tal-bastimenti responsabbli. Din is-sistema ġdida ttejjeb id-disponibiltà tad-data u l-effettività tar-rispons għat-tniġġis ikkaġunat minn bastimenti.

(8)

Il-mezzi addizzjonali li għandhom jiġu provduti mill-Aġenzija lill-Istati Membri għandhom ikunu disponibbli permezz tal-mekkaniżmu Komunitarju fil-qasam ta' l-interventi ta' assistenza tal-protezzjoni ċivili, inkluż it-tniġġis tal-baħar aċċidentali, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/792/KE, Euratom (4).

(9)

Sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni bir-reqqa tal-Pjan ta' Azzjoni u jissaħħu l-prevenzjoni u r-rispons għat-tniġġis ikkaġunat minn bastimenti billi jiżdiedu l-attivitajiet attwali ta' kontra t-tniġġis, l-Aġenzija għandha tkun provduta b'sistema vijabbli u effettiva f'sens ta' nfiq biex tiffinanzja, b'mod partikolari, l-assistenza għall-operazzjonijiet tagħha lill-Istati Membri.

(10)

Huwa għaldaqstant meħtieġ li tkun provduta sigurtà finanzjarja xierqa għall-iffinanzjar tal-kompiti mogħtija lill-Aġenzija fil-qasam tar-rispons għat-tniġġis u azzjonijiet oħrajn marbuta ma' dan fuq il-bażi ta' impenn pluriennali. L-ammonti annwali tal-kontribuzzjoni Komunitarja għandhom jiġu determinati skond il-proċeduri applikabbli.

(11)

L-ammonti li għandhom jiġu impenjati biex jinħarġu fondi għar-rispons kontra t-tniġġis għandhom ikopru l-perjodu mill-2007 sal-2013 skond il-qafas finanzjarju l-ġdid.

(12)

Għandu għaldaqstant jiġi provdut pakkett finanzjarju ta' referenza li jkopri l-istess perjodu għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni.

(13)

Jeħtieġ li l-ammont ta' dak il-pakkett jitqies bħala l-minimu meħtieġ sabiex jitwettqu l-kompiti fdati lill-Aġenzija fil-qasam tar-rispons għat-tniġġis ikkaġunat minn bastimenti.

(14)

Sabiex ikun hemm l-aħjar allokazzjoni ta' l-impenji u jitqiesu kwalunkwe tibidliet li għandhom x'jaqsmu ma' attivitajiet bħala rispons għal tniġġis ikkaġunat minn bastimenti, jeħtieġ li jkun żgurat monitoraġġ kontinwu tal-bżonnijiet partikolari għal azzjoni sabiex ikun hemm lok għal addattament ta' l-impenji finanzjarji annwali.

(15)

Il-Bord Amministrattiv ta' l-Aġenzija għandu għaldaqstant jirrivedi l-impenji baġitarji, fuq il-bażi ta' rapport li għandu jsir mid-Direttur Eżekuttiv, biex jinkludi l-aġġustamenti meħtieġa fil-baġit ta' l-Aġenzija. Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 għandu għaldaqstant jiġi emendat skond dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan

Dan ir-Regolament jistabbilixxi arranġamenti dettaljati għall-kontribut finanzjarju tal-Komunità għall-baġit ta' l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għall-implimentazzjoni tal-kompiti mogħtija lilha fil-qasam tar-rispons għat-tniġġis ikkawżat minn bastimenti u azzjonijiet oħrajn marbuta ma' dan, skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

“l-Aġenzija” tfisser l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1406/2002.

(b)

“ftehim reġjonali” tfisser kull ftehim bilaterali u reġjonali konkluż bejn l-Istati tal-kosta sabiex jagħtu assistenza lil xulxin fil-każ ta' inċident ta' tniġġis marittimu.

(ċ)

“żejt” tfisser petroljum fi kwalunkwe forma inkluż żejt mhux raffinat, żejt kombustibbli, ħama, skart ta' żejt u prodotti raffinati kif stabbilit mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Preparazzjoni, Rispons u Koperazzjoni għat-Tniġġis miż-Żejt, 1990.

(d)

“sustanzi perikolużi u li jagħmlu l-ħsara” tfisser kwalunkwe sustanza apparti ż-żejt li, jekk tiġi introdotta fl-ambjent tal-baħar, x'aktarx li toħloq perikli għas-saħħa tal-bniedem, tagħmel ħsara lir-rizorsi ħajjin u lill-ħajja fil-baħar, tagħmel ħsara lil faċilitajiet jew tinterferixxi ma' użi leġittimi oħra tal-baħar, kif stabbilit mill-Protokoll dwar Preparazzjoni, Rispons u Koperazzjoni għal Inċidenti ta' Tniġġis minn Sustanzi Perikolużi u Li Jagħmlu l-Ħsara, 2000.

Artikolu 3

Kamp ta' Applikazzjoni

Il-kontribut finanzjarju tal-Komunità msemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun allokat lill-Aġenzija bil-għan li jiġu ffinanzjati azzjonijiet bħal dawk imsemmija fil-Pjan ta' Azzjoni u, b'mod partikolari, dawk li għandhom x'jaqsmu ma':

(a)

informazzjoni u l-ġbir flimkien, l-analiżi u t-tixrid ta' l-aħjar prattiċi, tekniki u innovazzjonijiet, bħal ma huma strumenti li jimmonitorjaw it-tbattil ta' tankijiet, fil-qasam tar-rispons għat-tniġġis ikkaġunat minn bastimenti,

(b)

kooperazzjoni u koordinazzjoni u l-għoti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni ta' assistenza teknika u xjentifika fil-qafas ta' l-attivitajiet tal-ftehim reġjonali relevanti,

(ċ)

assistenza għal operazzjonijiet u appoġġ, fuq talba, b'mezzi addizzjonali, bħal bastimenti u tagħmir kontra t-tniġġis lesti għall-azzjoni, għall-azzjonijiet ta' rispons għat-tniġġis ta' l-Istati Membri fil-każ ta' tniġġis aċċidentali jew maħsub ikkaġunat minn bastimenti.

Artikolu 4

Finanzjament Komunitarju

Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 3 għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013 għandu jkun ta' EUR 154 000 000.

Approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu determinati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju. F'dan ir-rigward, l-iffinanzjar meħtieġ ta' l-assistenza operazzjonali lill-Istati Membri skond l-Artikolu 3(ċ) għandu jiġi garantit.

Artikolu 5

Monitoraġġ ta' kapaċitajiet eżistenti

Sabiex jiġu definiti r-rekwiżiti għal assistenza operazzjonali, bħal bastimenti addizzjonali kontra t-tniġġis, li għandhom jiġu pprovduti mill-Aġenzija lill-Istati Membri, l-Aġenzija għandha tfassal fuq bażi regolari lista tal-mekkaniżmi tal-privat u ta' l-Istat ta' rispons għat-tniġġis u ta' kapaċità ta' rispons disponibbli fir-reġjuni varji ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Ħarsien ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità

1.   Il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom jassiguraw li, meta l-azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament jiġu implimentati, l-interessi finanzjarji tal-Komunità jkunu protetti bl-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali, permezz ta' kontrolli effettivi u bl-irkupru ta' kwalunkwe ammonti mħallsin mhux kif dovut u, fejn jinstabu xi irregolaritajiet, b'penali effettivi, proporzjonali u dissważivi, skond ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (5) u (Euratom, KE) Nru 2185/96 (6), u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

2.   Għall-azzjonijiet tal-Komunità ffinanzjati taħt dan ir-Regolament, il-kunċett ta' irregolarità msemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 għandu jfisser il-ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja jew kwalunkwe ksur ta' obbligu kuntrattwali li jirriżulta minn att jew nuqqas minn operatur ekonomiku, li għandu, jew ikollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea jew baġits amministrati minnha, minħabba nefqa mhux iġġustifikata.

3.   Il-Kummissjoni u l-Aġenzija, kull waħda minnhom fl-isfera tal-kompetenza rispettiva tagħha, għandhom jiżguraw li jinkiseb l-aħjar valur meta mqabbel ma' l-ammont minfuq fl-iffinanzjar ta' l-azzjonijiet tal-Komunità skond dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1406/2002

Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-punt li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 10(2):

“(l)

jirrivedi l-eżekuzzjoni finanzjarja tal-pjan dettaljat imsemmi f'(k) u l-impenji baġitarji previsti fir-Regolament (KE) Nru 1891/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 18 ta' Diċembru 2006 dwar finanzjament pluriennali għall-azzjonijiet ta' l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-rispons għal tniġġis ikkaġunat minn bastimenti (*) abbażi tar-rapport stipulat fl-Artikolu 15(2)(g) ta' dan ir-Regolament. Din ir-reviżjoni għandha ssir meta jinħareġ ir-rendikont ta' l-estimi tad-dħul u n-nefqa ta' l-Aġenzija għas-sena finanzjarja li jkun imiss, kif previst fl-Artikolu 18(5) ta' dan ir-Regolament.

(*)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 1”"

(b)

Il-punt li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 15(2):

“(g)

huwa għandu jressaq rapport lill-Kummissjoni u lill-Bord Amministrattiv, sal-31 ta' Jannar ta' kull sena, dwar l-eżekuzzjoni finanzjarja tal-pjan dettaljat ta' l-attivitajiet ta' l-Aġenzija għall-istat ta' preparazzjoni u għall-attivitajiet ta' rispons għat-tniġġis u jagħti aġġornament ta' l-istatus ta' kull azzjoni ffinanzjata skond dak il-pjan. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni għandha tippreżenta dan ir-rapport għall-finijiet ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 2850/2000/KE u lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/792/KE, Euratom.”.

Artikolu 8

Evalwazzjoni f'nofs iż-żmien

Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni provduta mill-Aġenzija, il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament mhux iktar tard minn 31 ta' Diċembru 2010. Ir-rapport, li għandu jiġi stabbilit bla ħsara għall-irwol tal-Bord Amministrattiv ta' l-Aġenzija, għandu jagħti r-riżultati ta' l-użu tal-kontribut Komunitarju kif imsemmi fl-Artikolu 4 dwar is-somom impenjati u n-nefqa li jkopri l-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2007 u l-31 ta' Diċembru 2009.

Fuq il-bażi ta' dan ir-rapport il-Kummisjoni għandha, jekk ikun xieraq, tipproponi emendi għal dan ir-Regolament sabiex jitqies il-progress xjentifiku fil-qasam tal-ġlieda kontra t-tniġġis mill-bastimenti, inkluż dak ikkaġunat miż-żejt jew minn sustanzi perikolużi u li jagħmlu l-ħsara.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-publikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, nhar il-18 ta' Diċembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

J.-E. ENESTAM


(1)  ĠU C 28, 3.2.2006, p. 16.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Settembru 2006 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006

(3)  ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 724/2004 (ĠU L 129, 29.4.2004, p. 1).

(4)  ĠU L 297, 15.11.2001, p. 7.

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.)

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2185/96 dwar il-verifiki fuq il-post u spezzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej mill-frodi u irregolaritajiet oħrajn (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(7)  Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet kondotti mill-Uffiċju Ewropew għal Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.)