32004R0377



Official Journal L 064 , 02/03/2004 P. 0001 - 0004


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004

tad-19 ta' Frar 2004

dwar il-ħolqien ta' network bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u partikolarment l-Artikolu 63(3)(b) u l-Artikolu 66 tat-Trattat imsemmi,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Ellenika [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1) Il-pjan għall-immaniġġjar tal-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, li l-Kunsill qabel dwarhom fil-laqgħa tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2002, jaħseb għall-istabbiliment ta' networks bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni f'pajjiżi terzi.

(2) Fil-konklużjonijiet tal-laqgħat tiegħu tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2002 il-Kunsill Ewropew ta' Sevilja wera x-xewqa li tiġi stabbilita network bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni ta' l-Istati Membri qabel tmiem l-2002.

(3) Fil-laqgħa tiegħu tat-28 u d-29 ta' Novembru 2002 il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar titjib fis-Network bejn l-Uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-Immigrazzjoni, billi nnota r-rapport tal-Presidenza, u fejn juri li s-network ta' l-uffċjali għall-komunikazzjoni teżisti f'bosta pajjiżi li jkopri r-rapport, imma fejn innota wkoll li kien hemm bżonn ta' aktar tisħIħ ta' din is-network.

(4) Il-Kunsill ta' l-Ewropa tat-Tessalonika tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 enfasizza l-bżonn li jsir xogħol b'aktar ħeffa dwar l-adozzjoni ta' l-istrument legali xieraq li formalment jistabbilixxi network għall-Uffiċjali għall-Komunikazzjoni dwar l-Immigrazzjoni (ILOS) f'pajjiżi terzi, fl-aktar data qrib possibbli u qabel tmiem l-2002. Il-Kunsill ta' l-Ewropa rrefera għall-importanza ta' l-informazzjoni li s-sistema ta' l-ILOS tipprovdi għall-iżvilupp ta' mekkaniżmu evalwattiv biex jitqiesu r-relazzjonijiet ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx ma' l-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali.

(5) Wara l-Kunsill ta' l-Ewropa tat-Tessalonika, hu neċessarju li l-eżistenza u l-funzjonament ta' din is-network tiġi fformalizzata – b'serħan fuq l-esperjenzi misjuba minn proġetti li għadhom għaddejjin, inkluża s-network għall-ILOS fil-Balkani tal-Punent immexxija mill-Belġju – permezz ta' att legali li jorbot, li jinkludi l-obbligazzjoni li jiġu stabbiliti forom ta' koperazzjoni bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni ta' l-Istati Membri, l-għanijiet ta' din il-koperazzjoni, il-funzjonijiet l-kwalifiki xierqa ta' dawn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni, kif ukoll ir-responsabbiltajiet tagħhom lejn il-pajjiż li jilqagħhom u lejn l-Istat Membru li jibgħathom.

(6) Huwa wkoll mixtieq li jiġI fformalizzat il-mod li bih l-istituzzjonijiet rilevanti tal-Komunità jiġu inffurmati bl-attivitajiet tas-network ta' l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni biex ikunu jistgħu jipproponu jew jieħdu l-miżuri li jkunu jeħtieġu biex ikomplu jtejbu l-immaniġġjar ġenerali tal-kontroll tal-persuni fil-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri.

(7) Billi jikkunsidraw d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/170/ĠAI tas-27 ta' Frat 2003 dwar l-użu komuni ta' uffiċjali għall-komunikazzjoni li jaħdmu f'pajjiżi terzi mill-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri [2].

(8) Rigward l-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fuq l-acquis ta' Schengen skond it-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn l-Istati ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-Iżvilupp ta' l-acquis ta' Schegen [3], li jaqgħu taħt in-naħa li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1, punti A u E tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim [4].

(9) Bi qbil ma' l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta miegħu jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Jekk nikkunsidraw li dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta' Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV ta' Parti Tlieta tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll imsemmi, tiddeċiedi f'perjodu ta' sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adotta dan ir-Regolament jekk hijiex se timplimentah fil-liġI nazzjonali tagħha.

(10) Ir-Renju Unit qiegħed jieħu sehem f'dan ir-Regolament, bi qbil ma' l-Artikolu 5 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta' Schengen fl-istruttura ta' l-Unjoni Ewropea annessa mat-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit ta' l-Ingilterra u l-Irlanda ta' Fuq li jieħu sehem f'uħud mid-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen [5].

(11) L-Irlanda qiegħda tieħu sehem f'dan ir-Regolament, bi qbil ma' l-Artikolu 5 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta' Schengen fl-istruttura ta' l-Unjoni Ewropea annessa mat-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba ta' l-Irlanda li tieħu sehem f'xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen [6].

(12) Il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda f'dan ir-Regolament hi bi qbil ma' l-Artikolu 8(2) tad-DeċIżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 li tingħaqad mar-responsabbiltajiet tal-Komunità li fihom jipparteċipaw ir-Renju Unit u l-Irlanda li tieħu miżuri biex tiżviluppa d-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen kontra l-organizzazzjoni ta' immigrazzjoni illegali.

(13) Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen jew hu relatat miegħu skond it-tifsira ta' l-Artikolu 3(1) ta' l-Att dwar l-Adeżjoni ta' l-2003,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Fdan ir-Regolament "uffiċjal għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni" jfisser rappreżentant ta' wieħed mill-Istati Membri, li jinstab f'pajjiż terz mis-servizz għall-immigrazzjoni jew minn awtoritajiet kompetenti oħrajn biex jistabbilixxi u jżomm kuntatt ma' l-awtoritajiet tal-pajjiż li bagħtu biex jikkontribwixxi fil-prevenzjoni u fil-ġlieda ta' l-immigrazzjoni illegali, ir-ritorn ta' immigranti illegali u l-immaniġjar tal-migrazzjoni legali.

2. Għall-iskop ta' dan ir-Regolament, uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni għandhom jiġu kunsidrati wkoll bħala uffiċjali għall-komunikazzjoni li qegħdin jieħdu ħsieb temi dwar l-immigrazzjoni bħala parti minn dmirijiethom.

3. L-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni jistgħu jitqiegħdu ma' l-awtoritajiet konsulari nazzjonali ta' l-Istati Membri f'pajjiżi terzi jew ma' l-awtoritajiet rilevanti ta' Stati Membri oħrajn, imma wkoll ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet internazzjonali għal perjodu ta' żmien raġonevoli li jiġI ddeterminat mill-Istat Membru li qiegħed jibgħathom.

4. Dan ir-Regolament huwa mingħajr ħsara għax-xogħlijiet ta' l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni fi ħdan l-istruttura tar-rsponsabbiltajiet tagħhom taħt il-liġi nazzjonali, politiċi u proċeduri jew taħt ftehim speċjali konkluż mal-pajjiż ospitanti jew organizzazzjonijiet internazzjonali.

Artikolu 2

1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni tiegħu jistabbilixxu u jżommu kuntatti diretti ma' l-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż ospitanti u kull organizzazzjoni xierqa fil-pajjiż ospitanti, biex jiġu ffaċilitati u mħaffin il-ġbir u l-iskambju ta' informazzjoni.

2. L-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni għandhom jiġbru l-informazzjoni għall-użu jew fuq livell operazzjonali jew fuq livell strateġiku jew għaż-żewġ livelli. Din l-informazzjoni għandha partikolarment tkun dwar temi bħal:

- l-imxijiet ta' immigranti illegali li joriġinaw minn jew mexjin fil-pajjiż ospitanti,

- ir-rotot użati mil-imxijiet ta' immigranti illegali sabiex jilħqu t-territorji ta' l-Istati Membri,

- il-modus operandi tagħhom, inkluż it-tip ta' trasport użat, l-involviment ta' intermedjarji, eċċ.,

- l-eżistenza u l-attivitajiet ta' organizazzjonijiet kriminali involuti f'ikkuntrabandar ta' l-immigranti,

- l-inċidenti u l-ġrajjiet li jistgħu jkunu jew li saru l-kawża ta' żviluppi ġodda relatati maċ-ċirkolazzjoni ta' l-immigranti illegali,

- metodi wżati fit-tagħmil jew iffalsifikar ta' dokumenti ta' l-identità jew dokumenti ta' l-ivvjaġġar foloz,

- metodi kif jistgħu jiġu megħjunin l-awtoritajiet tal-pajjiżi ospitanti biex tiġi pprevenuta ċ-ċirkolazzjoni ta' l-immigranti illegali li joriġinaw minn jew li jkunu in transitu fit-territorji tagħhom,

- metodi biex tkun faċilitata r-ripatrijazzjoni ta' immigranti illegali lejn il-pajjiżi li oriġinaw minnhom,

- il-legalizzazzjoni u l-prattiċi legali rilevanti għat-temi li hemm referenza għalihom fuq,

- l-informazzjoni trasmessa permezz tas-sistema tat-twissija bikrija.

3. L-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni għandhom ukoll ikunu ntitolati li joffru assistenza biex tiġi stabbilita l-identità ta' nazzjonali ta' pajjiż terz u fl-iffaċilitar tar-ritorn tagħhom lejn il-pajjiż ta' l-oriġini.

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni tagħhom jagħmlu xogħolhom fi ħdan l-istruttura tar-responsabbiltajiet tagħhom u skond id-disposizzjonijiet, inklużi dawk dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali, kif jinsabu fil-liġijiet nazzjonali tagħhom jew f'xi ftehim jew arranġament konkluż bejn il-pajjiż ospitanti u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom sistematikament u mingħajr dewmien jinformaw lil xulxin, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar it-tqegħid minnhom ta' uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni, inkluża deskrizzjoni tad-dmirijiet tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi ġabra ta' din l-informazzjoni lill-Kunsill u lill-Istati Membri.

2. Kell Stat Membru għandu jinforma lill-oħrajn bl-intenzjonijiet tiegħu rigward it-tqegħid ta' uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni f'pajjiżi terzi, sabiex l-Istati Membri l-oħrajn ikunu jistgħu jesprimu l-interess tagħhom fil-konklużjoni ta' ftehim kooperattiv ma' l-Istat Membru konċernat dwar kull tqegħid, kif msemmi fl-Artikolu 5.

Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni tagħhom li qegħdin jaħdmu fl-istess pajjiżi terzi jew l-istess reġjuni jifformaw għaqdiet komunikattivi ta' koperazzjoni lokali jew reġjonali bejniethom. Fi ħdan l-istruttura ta' dawn l-għaqdiet l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni għandhom, partikolarment:

- jiltaqgħu regolarment u meta hu meħtieġ,

- jiskambjaw informazzjoni u esperjenza prattika,

- jikkoordinaw l-posizzjonijiet li għandhom jadottaw f'kuntatti ma' trasportaturi kummerċjali, fejn hu xieraq,

- jattendu korsijiet ta' taħriġ speċjalizzat bejniethom, fejn hu xieraq,

- jorganizzaw sessjonijiet informattivi u korsijiet ta' taħriġ għall-membri ta' l-istaff diplomatiku u konsulari tal-missjonijiet ta' l-Istati Membri fil-pajjiż ospitanti, fejn hu xieraq,

- jadottaw approċċi komuni rigward ta' metodi ta' ġbir u rappurtar ta' informazzjoni strateġikament rilevanti, inkluża analiżi tar-riskju, lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li bagħtuhom,

- jikkontribwixxu għar-rapporti biannwali dwar l-attivitajiet komuni tagħhom, li huma abbozzati skond l-Artikolu 6(1),

- jistabbilixxu kuntatti regolari ma' strutturi simili fil-pajjiż li laqagħhom u f'pajjiżi terzi ġirien, kif ikun xieraq.

2. Rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea għandhom ikunu intitolati li jipparteċipaw fil-laqgħat organizzati fi ħdan l-istruttura ta' l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni, għalkemm jekk kunsiderazzjonijiet operazzjonali jitolbu hekk, il-laqgħat jistgħu jsiru fl-assenza ta' rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea. Korpi u awtoritajiet oħrajn jistgħu wkoll jkunu mistiedna, kif ikun xieraq.

3. L-Istati Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għandu jieħu l-inizjattiva biex jagħmel laqgħat bħal dawn. Jekk l-Istat Membru li għandu l-Presidenza mhuwiex rappreżentat fil-pajjiż jew fir-reġjun, hu l-Istat Membru li qiegħed jagħmilha bħala aġent President li għandu jieħu l-inizjattiva biex jagħmel il-laqgħa.

Artikolu 5

1. L-Istati Membri jistgħu bilateralment jew multilateralment jiftiehmu li l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni li huma mqiegħda f'pajjiżi terzi jew f'organizzazzjoni internazzjonali minn Stat Membru jieħdu ħsieb l-interessi ta' Stati Membru ieħor jew iktar.

2. L-Istati Membri jistgħu wkoll jifthiemu li l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni tagħhom għandhom jaqsmu ċerti xogħlijiet bejniethom.

Artikolu 6

1. L-Istat Membru li għandu l-Presidenza tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea jew, jekk dan l-Istat Membru mhuwiex rappreżentat fil-pajjiż jew fir-reġjun, l-Istat Membru li qiegħed iservi bħala aġent President, fl-aħħar ta' kull semestru għandu jipprepara rapport dwar l-attivitajiet dwar l-istrutturi ta' l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni fejn hemm rappreżentanza tagħhom, kif ukoll dwar is-sitwazzjoni tal-pajjiż ospitanti, f'affarijiet li għandhom x'jaqsmu ma' immigrazzjoni illegali lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

2. Dawn ir-rapporti għandhom jintgħamlu skond mudell jew format stabbilit mill-Kummissjoni.

3. Dawn ir-rapporti jkunu jikkostitwixxu parti essenzjali ta' l-informazzjoni għall-preparazzjoni, fit-tmiem ta' kull Presidenza, ta' rapport ta' evalwazzjoni li għandu jingħata lill-Kunsill, u abbozzat mill-Kummissjoni, fuq is-sitwazzjoni eżistenti f'kull pajjiż terz, fejn jinsabu jaħdmu l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni ta' l-Istati Membri.

4. Il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi tar-rapporti msemmijin hawn fuq tinkludi sommarju fattwali fir-rapport annwali tagħha dwar l-Iżvilupp ta' politika komuni dwar l-immigrazzjoni illegali, kuntrabandu u traffikar ta' bnedmin, il-fruntieri esterni u r-ritorn ta' residenti illegali. Waqt il-preżentazzjoni ta' l-evalwazzjoni tagħha lill-Kunsill, il-Kummissjoni tista' tagħmel proposti jew rakkomandazzjonijiet li hi taħseb li huma xierqa.

Artikolu 7

Dan ir-Regolament huwa bla ħsara għad-disposizzjonijiet dwar il-koperazzjoni Konsulari f'livell lokali li jinsabu fl-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni dwar viżi għall-missjonijiet diplomatiċi u karigi konsulari [7].

Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jibda japplika mill-5 ta' Jannar 2004.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri bi qbil mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussel, fid-19 ta' Frar 2004.

IlGħall-Kunsill

Il-President

M. McDowell

[1] ĠU C 140, 14.06.03, p. 12.

[2] ĠU L 67, 12.03.03, p. 27.

[3] ĠU L 176, 10.07.99, p. 36.

[4] ĠU L 176, 10.07.99, p. 31.

[5] ĠU L 131, 01.06.00, p. 43.

[6] ĠU L 64, 07.03.02, p. 20.

[7] ĠU C 313, 16.12.02, p. 1.

--------------------------------------------------