32003R0453



Official Journal L 069 , 13/03/2003 P. 0010 - 0011


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 453/2003

tas-6 ta' Marzu 2003

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom irid ikollhom viża biex jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(2)(b)(i) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Billi:

(1) Wara l-Kunsill Ewropew li sar f'Sevilja fil-21 u t-22 ta' Ġunju 2002, li kien ikkunsidra bħala l-ogħla prijorità r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 sa tmiem l-2002 [3], il-Kummissjoni kkunsidrat it-tweġibiet li l-Istati Membri taw għall-kwestjonarju li kienet bagħtet wara li kienu magħrufa l-kriterji rilevanti għar-reviżjoni tar-Regolament (KE) No 539/2001, li kienu immigrazzjoni illegali, sigurta u politika pubblika, ir-relazzjonijiet esterni ta' l-Unjoni Ewropea ma' terzi pajjiżi, koerenza reġjonali u reċiproċità. Instab li l-Ekwador għandha tkun trasferita mill-Anness II għall-Anness I għal Regolament (EK) No 539/2001 minħabba l-kriterju ta' l-immigrazzjoni illegali.

(2) Żviluppi fil-liġi internazzjonali, li jġibu magħhom bidliet fl-istatus jew deskrizzjoni ta' ċerti Stati jew entitajiet għandhom jidhru fl-Annessi għar-Regolament (KE) Nru 539/2001. Fl-Anness I ta' dak ir-Regolament, it-Timor tal-Lvant għandu jitneħħa mill-Parti II (entitajiet territorjali) u jiżdied mal-Parti I (Stati).

(3) Minħabba li l-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu ta' persuni, jippermetti moviment liberu mingħajr viżi għal ċittadini Svizzeri u ta' l-Istati Membri, l-Isvizzera m'għandhiex tibqa' tissemma' f'L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 539/2001.

(4) Jidher ċar mit-tweġibiet li taw l-Istati Membri għall-kwestonarju, li trid issir reviżjoni profonda tar-regola tar-reċiproċità, u dwar din il-Kummissjoni se tirraporta iktar 'il quddiem.

(5) Il-ħtieġa ta' viża għall-Ekwador għandha tkun applikata l-istess mill-Istati Membri. Għandha tkun stabbilita data li minnha 'l quddiem l-Istati Membri kollha iridu japplikaw il-ħtiġiet ta' viża,

(6) Rigward l-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tal-proviżjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim milħuq mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja, dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn Iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, applikazzjoni u żvilupp ta' l-acquis ta' Schengen [4], li jaqgħu taħt l-Artikolu 1, punt A, tad-DeċIżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim [5].

(7) Ir-Renju Unit u l-Irlanda mhux se jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u għalhekk mhux marbutin bis-suġġett tar-Regolament jew li japplikawh.

(8) Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att mibni fuq l-acquis ta' Schengen jew li jista' jkollu x'jaqsam miegħu fit-tifsira ta' l-Artikolu 3(1) ta' l-Att ta' l-Adeżjoni,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 għandu jkun emendat kif ġej:

1. fl-Anness I:

(a) "Timor tal-Lvant" għandha titressaq mill-Parti II (Entitajiet u awtoritajiet territorjali li mhux rikonoxxuti bħala Stati minn ta' l-inqas Stat Membru wieħed) għall-Parti I (Stati) fejn għandha tidher qabel "Eġittu";

(b) "Ekwador" għandha tiddaħħal fil-Parti I, fejn għandha tidher bejn "Eġittu" u "Timor tal-Lvant";

2. "Ekwador" u "Svizzera" għandhom jitħassru mill-Parti I ta' l-Anness II.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux iktar tard mit-30 ta' Ġunju 2003 dwar l-implikazzjonijiet tar-reċiproċità u, jekk ikun hemm bżonn, tippreżenta proposti xierqa.

Artikolu 3

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara li jkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

2. L-Istati Membri għandhom japplikaw ir-rekwiżit ta' viża għal dak li għandu x'jaqsam maċ-ċittadini ta' l-Ekwador mill-1 ta' Ġunju 2003.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri bi qbil mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussel, fis-6 ta' Marzu 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

D. Reppas

[1] Għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

[2] Opinjoni mogħtija it-12 ta' Frar 2003.

[3] ĠU L 81, tal-21.3.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2414/2001 (ĠU L 327, tat-12.12.2001, p. 1).

[4] ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 36.

[5] ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 31.

--------------------------------------------------