32003L0024



Official Journal L 123 , 17/05/2003 P. 0018 - 0021


Id-Direttiva 2003/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ta' l-14 ta' April 2003

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 98/16/KE dwar ir-regoli u n-normi ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod speċjali l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Huma u jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 98/18/KE tas-17 ta' Marzu 1998 dwar ir-regoli u l-istandards tas-sigurtà għall-vapuri tal-passiġġieri [4] tintroduċi livell uniformi ta' sigurtà rigward il-ħajja u l-proprjetà fuq il-vapuri l-ġodda tal-passiġġieri u dawk eżistenti, meta ż-żewġ kategoriji ta' vapuri u vetturi jkunu jagħmlu vjaġġi domestiċi, u tistabbilixxi l-proċeduri għan-negozjati fuq il-livell internazzjonali bil-ħsieb ta' l-armonizzazzjoni tar-regoli għall-vapuri tal-passiġġieri fuq vjaġġi internazzjonali.

(2) Id-definizzjoni taż-żoni tal-baħar hija kruċjali sabiex tiġi stabbilita l-applikazjoni tad-Direttiva 98/18/KE għall-klassijiet differenti tal-vapuri tal-passiġġieri. Id-Direttiva tinkludi proċedura sabiex jiġu ppubblikati l-listi taż-żoni tal-baħar li nstabu diffiċli li jiġu implimentati. Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi stabbilita proċedura funzjonali u trasparenti, li tgħin il-monitoraġġ effettiv ta' l-implimentazjoni ta' din id-Direttiva.

(3) Bil-ħsieb li jiġi armonizzat il-livell tas-sigurtà li japplika għall-vapuri fil-Komunità kollha, għandha tiġi mħassra d-deroga mogħtija lill-Greċja fejn għandha x'taqsam l-iskeda taż-żmien sabiex jiġu applikati l-ħtiġiet tas-sigurtà.

(4) Id-Direttiva 2003/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-14 ta' April 2003 dwar il-ħtiġiet speċifiċi dwar l-istabbiltà għall-vapuri tar-ro-ro li jgħabbu l-passiġġieri [5] tintroduċi ħtiġiet imsaħħa dwar l-istabbiltà tal-vapuri ro-ro tal-passiġġieri li joperaw is-servizzi internazzjonali lejn jew mill-portijiet tal-Komunità, u din il-miżura mtejba għandha tapplika wkoll għal ċerti kategoriji ta' dawn il-vapuri li joperaw servizzi domestiċi skond l-istess kondizzjonijiet tal-baħar. In-nuqqas li jiġu applikati l-ħtiġiet ta' din l-istabbiltà għandhom ikunu raġunijiet sabiex jiġu mneħħija f'fażi wara fażi l-vapuri ro-ro tal-passiġġieri wara ċertu numru ta' snin tal-ħidma.

(5) Minħabba l-modifiki strutturali li jistgħu jeħtieġu li jidħlu għalihom il-vapuri ro-ro tal-pasiġġieri sabiex iħarsu l-ħtiġiet speċifiċi ta' l-istabbiltà, dawn il-ħtiġiet għandhom jiddaħħlu fuq perjodu ta' snin sabiex jippermettu lill-parti affettwata ta' l-industrija żmien biżżejjed sabiex tikkonforma: Għal dan il-fini, għandha tiġi pprovvduta skeda taż-żmien tad-dħul f'fażi fażi għall-vapuri eżistenti. Dan id-dħul f'fażi fażi ma għandux jaffettwa l-infurzar tal-ħtiġiet speċifiċi tas-sigurtà fiż-żoni tal-baħar koperti bl-Annessi mal-Ftehim ta' Stokkolma tat-28 ta' Frar 1996.

(6) Huwa meħtieġ li jitqiesu l-bidliet li saru lill-istrumenti rilevanti internazzjonali, bħalma huma l-konvenzjonijiet, il-protokolli, il-kodiċijiet u r-riżoluzjonijiet ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima (l-IMO) u li dan isir f'manjiera flessibbli u rapida.

(7) Bis-saħħa tad-Direttiva 98/18/KE, il-Kodiċi Internazzjonali dwar is-Sigurtà tal-Vetturi ta' Veloċità Qawwija li jinsab fir-Riżoluzzjoni tal-Kumitat tas-Sigurtà Marittima ta' l-IMO MSC 36 (63) tal-20 ta' Mejju 1994 japplika għall-vetturi tal-passiġġieri ta' veloċità qawwija li joperaw servizzi domestiċi. L-IMO adottat kodiċi ġdida għall-vetturi ta' veloċità qawwija, il-Kodiċi Internazzjonali tas-Sigurtà tal-Vetturi ta' Veloċita Qawwija, 2000 (il-Kodiċi HSC 2000) li jinsab fir-Riżoluzzjoni, li jinsab fir-Riżoluzzjoni tal-Kumitat tas-Sigurtà Marittima ta' l-IMO MSC 97/73 tal-5 ta' Diċembru 2000, li japplika għall-vetturi kollha ta' veloċità qawwija mibnija fl-1 ta' Lulju 2002 jew wara. Huwa importanti li jiġi żgurat illi d-Direttiva 98/18/KE tkun tista tiġi aggornata f'manjiera flessibbli sabiex tapplika dawn l-iżviluppi fil-livell internazzjonali, saħansitra għall-vetturi tal-passiġġieri ta' veloċità qawwija li joperaw fuq servizzi domestiċi.

(8) Huwa importanti li jiġu applikati l-miżuri xierqa sabiex jiġi żgurat l-aċċess f'kondizzjonijiet ta' sigurtà għall-passiġġieri b'mobbiltà mnaqqsa fil-vapuri u l-vetturi ta' veloċità qawwija li joperaw servizzji domestiċi fl-Istati Membri.

(9) Id-Direttiva 98/18/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif jixraq,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 98/18/KE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. fl-Artikolu 2 għandhom jiżdiedu l-punti li ġejjin:

"(ea) "vapur ro-ro tal-passiġġieri" ifisser vapur li jġorr iktar min 12-il passiġġier, li jkollu spazji jew kategorija ta' spazji għal tagħbija bir-ro-ro kif iddefinit fir-Regolament II-2/A/2 fl-Anness I."

"(ha) "għomor" ifisser il-għomor tal-vapur, espress fin-numru tas-snin wara d-data tal-kunsinna tiegħu."

"(w) "persuni b'mobbiltà mnaqqsa"; tfisser kull persuna li jkollha diffikultà partikolari meta tuża t-trasport pubbliku, inklużiml-ersuni anzjani, il-persuni ddiżabbitati, il-persuni b'debbolezzi sensorji u l-utenti tas-siġġijiet tar-roti, in-nisa tqal u l-persuni li jakkumpanjaw tfal żgħar.";

2. l-Artikolu 4(2) jiġi mibdul b'li ġej:

"2. Kull Stat Membru għandu:

(a) jistabbilixxi, u jaġġorna, meta meħtieġ, lista taż-żoni taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu, li tiddelimita ż-żoni għall-ħidma matul is-sena kollha u, meta xieraq, ħidma perjodika ristretta tal-klassijiet tal-vapuri, bl-użu tal-kriterji ddikjarati fil-paragrafu 1;

(b) jippubblika l-lista f'database pubbliku disponibbli fuq is-sit ta' l-Internet ta' l-awtrorità marittima kompetenti;

(ċ) jinnotifka lill-Kummissjoni bil-lokazzjoni ta' dan it-tagħrif, u meta jsiru l-modifiki għal-lista.";

3. għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

"l-Artikolu 6a

Il-ħtiġiet ta' l-istabbiltà u l-ħruġ mis-servizz f'fażi fażi tal-vapuri tal-passiġġieri ro-ro

1. Il-vapuri ro-ro kollha tal-passiġġieri tal-Klassi A u B, li l-karina tagħhom tkun titqiegħed qabel l-1 ta' Ottubru 2004 jew li jkunu fi stadju simili fil-bini għandhom jikkonformaw ma' l-Artikoli 6, 8 u 9 tad-Direttiva 2003/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-14 t'April 2003 dwar il-ħti[iet specifiċi ta' stabbiltà ghall-vapuri tal-passiġġieri ro-ro [6].

2. Il-vapuri ro-ro kollha tal-passiġġieri tal-Klassi A u B, li l-karina tagħhom tkun titqiegħed qabel l-1 ta' Ottubru 2004 jew li jkunu fi stadju simili fil-bini għandhom jikkonformaw ma' l-Artikoli 6, 8 u 9 tad-Direttiva 2003/25/KE sa l-1 ta' October 2010, għajr jekk jinħarġu mis-servizz f'fażi fażi f'din id-data jew f'data wara li fiha jilħqu l-għomor ta' 30 sena imma, jkun xi jkun il-każ, mhux iktar tard mill-1 ta' Ottubru 2015.

Artikolu 6b

Il-ħtiġiet tas-sigurtà għall-persuna b'mobbilta mnaqqsa

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi jittieħdu l-miżuri xierqa, imsejsa, meta applikabbli, fuq il-linji gwida fl-Anness III sabiex jgħinu lill-persuna b'mobbiltà mnaqqsa li jkollhom aċċess bla xkiel għall-vapuri kollha tal-passiġġieri tal-Klassijiet A, B, Ċ u D u għall-vetturi kollha ta' veloċità qawwija, użati għat-trasport pubbliku, li l-karina tagħhom titqiegħed fl-1 ta' Ottubru 2004 jew wara jew li jkunu fi stadju simili tal-bini.

2. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw ma' l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b'mobbiltà mnaqqsa u jikkonsultawhom dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida inklużi fl-Anness III.

3. Bil-għan li jiġu mmodifikati l-vapuri tal-passiġġieri tal-Klassijiet A, B, Ċ u D u l-vetturi ta' veloċità qawwija, użati għat-trasport pubbliku, li l-karina tagħhom titqiegħed jew tkun qiegħda fi stadju simili tal-bini qabel l-1 ta' Ottubru 2004, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-linji gwida fl-Anness III safejn u sakemm ikun raġjonevoli u prattikabbli f'termini ekonomiċi.

L-Istati Membri għandhom ifasslu pjan nazzjonali ta' azzjoni dwar kif għandhom jiġu applikati l-linji gwida għal dawn il-vapuri u vetturi. Għandhom jibagħtu din il-pjanta lill-Kummissjoni mhux iktar tard mill-15 ta' Mejju 2005.

4. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu rigward il-vapuri kollha tal-passiġġieri riferiti fil-paragrafu 1, il-vapuri tal-passiġġieri riferiti fil-paragrafu 3 iċċertifikati li jġorru iktar minn 400 passiġġier u l-vetturi kollha ta' veloċità qawwija, mhux iktar tard mis-17 ta' Mejju 2006."

4. Għandu jiżdied l-Anness III, kif iddikjarat fl-Anness.

Artikolu 2

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 98/18/KE għandu jiġi mħassar b'effett mill 1 ta' Jannar 2005.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex iħarsu din id-Direttiva qabel is-17 ta' Novembru 2004. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni minnufih b'dan.

Meta Stat Membru jadotta dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-modi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol is-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjail ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fl-14 ta' April 2003.

Għall-Parlament Ewropew,

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

A. Giannitsis

[1] ĠU C 20 E, tat-28.1.2003, p. 51.

[2] Opinjoni mogħtija fil-11 ta' Diċembru 2002 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] Opinjoni tas-7 ta' Novembru 2002 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u d-Deċiżjoni tas-17 ta' Marzu 2003.

[4] ĠU L 144, tal-15.5.1998, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2002/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 324, tad-29.11.2002, p. 53).

[5] Ara l-paġna 22 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[6] ĠU L 123, tas-17.5.2003, p. 22.

--------------------------------------------------

ANNESS

"

ANNESS III

IL-LINJI GWIDA GĦALL-ĦTIĠIET TAS-SIGURTÀ GĦALL-VAPURI TAL-PASSIĠĠIERI U GĦALL-VETTURI TA' VELOĊITÀ QAWWIJA GĦALL-PERSUNI B'MOBBILTA MNAQQSA

(kif riferit fl-Artikolu 6b)

Meta jiġu applikati l-gwidi linja f'dan l-Anness, l-Istati Membri għandhom isegwu ċ-ċirkolari ta' l-IMO MSC/735 ta' l-24 ta' Ġunju 1995 intitolata "Rakkommandazzjoni għad-disimm u l-operat tal-vapuri tal-passiġġieri sabiex jirrispondu għall-ħtiġiet tal-persuni anzjani u l-persuni b'diżabbiltà".

1. L-aċċess għall-vapur

Il-vapuri għandhom jinbnew u jiġu mgħammra hekk illi persuna b'mobbiltà mnaqqsa tista' timbarka bla xkiel u fis-sigurtà, u tista' tiġi żgurata l-aċċess bejn il-gverti, jew mingħajr assistenza jew assistita permezz tar-rampi, l-elevaturi jew il-liftijiet. Id-direzzjonijiet għal dan għandhom jiġu mwaħħla fl-aċċessi l-oħra tal-vapur u f'lokazzjonijiet oħra xierqa mal-vapur kollu.

2. Is-Sinjali

Is-sinjali pprovvduti fuq vapur biex jgħinu lill-passiġġieri għandhom ikunu aċċessibbli u ħfief sabiex jinqraw mill-persuni b'mobbiltà mnaqqsa, (inklużi l-persuni b'diżabbiltajiet sensorji), u ppożizzjonati f'postijiet ċavetta.

3. Il-mezzi sabiex jiġu kkomunikati l-messaġġi

L-operatur għandu jkollu l-mezzi abbord il-vapur sabiex jipprovdi dikjarazzjonijiet b'mod viżwali u verbali, bħalma huma dawk li jirrigwardaw id-dewmien, il-bdil fl-iskedi u s-servizz abbord, lill-persuni f'għamliet varji ta' mobbiltà mnaqqsa.

4. L-allarm

Is-sistema ta' l-allarm u tal-buttuni ta' l-allarm trid tkun iddisinjata hekk li tkun aċċessibbli għall-persuni kollha b'mobbiltà mnaqqsa u sabiex tgħarrafhom bl-allarm, inklużi l-persuni b'diżabbiltajiet sensorji u l-persuni b'diżabbiltajiet fit-tagħlim.

5. Ħtiġiet addizzjonali sabiex jiżguraw il-mobbiltà ġewwa l-vapuri

Il-poġġamani, il-kuriduri u l-passaġġi, il-fetħiet tal-bibien u l-bibien għandhom ikunu addattati għall-moviment ta' persuna f'siġġu tar-roti. L-elevaturi, il-gverti tal-vetturi, is-saluni tal-passiġġieri, l-akkommodazzjoni u l-postijiet tal-ħasil għandhom ikunu ddisinjati sabiex ikunu aċċesibbli f'maniera rraġjonata u pproporzjonata għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa.

"

--------------------------------------------------