32002R0407



Official Journal L 062 , 05/03/2002 P. 0001 - 0005


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 407/2002

tat-28 ta' Frar 2002

li jistabbilixxi ċerti regoli biex jimplimetaw ir-Regolament ta-Kunsill (KE) Nru 2725/2000 dwar l-istabbiliment ta' "Eurodac" għat-tqabbil ta' marki tas-swaba għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta' Dublin

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra r-Regolament ta-Kunsill (KE) Nru 2725/2000 tal-11 ta' Diċembru 2000 dwar l-istabbiliment ta' "Eurodac" għat-tqabbil ta' marki tas-swaba' għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta' Dublin (minn hawn 'il quddiem msejħa bħala r-"Regolament Eurodac") [1], u partikolarment l-Artikolu 22 tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikolu 22(1) tar-Regolament Eurodac jipprovdi għall-Kunsill li jadotta d-disposizzjonijiet ta' implimentazzjoni meħtieġa biex tkun stabbilita l-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(7), il-proċedura għaż-żamma tad-data msemmija fl-Artikolu 12(1) u biex issir l-istatistika msemmija fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament Eurodac.

(2) Id-Danimarka, skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll fuq il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, mhux qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u li għalhekk lanqas ma hi marbuta biha u lanqas ma hi soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament:

(a) "Unità Ċentrali" għandu jfisser l-unità msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Eurodac;

(b) "database" għandu jfisser id-database ċentrali kompjuterizzata msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Eurodac;

(ċ) "tqabbil" tfisser il-proċedura ta' verifika jekk id-data tal-marka tas-swaba' rreġistrati fis-database jaqblux ma' dawk trasmessi mill-Istat Membru.

Artikolu 2

Trasmissjoni

1. Il-marki tas-swaba' għandhom ikunu proċessati diġitalment u trasmessi fil-format tad-data msemmi fl-Anness I. Safejn huwa meħtieġ għall-operazzjoni effiċjenti ta' l-Unità Ċentrali, l-Unità Ċentrali għandha tistabbilixxi l-ħtiġiet tekniċi għat-trasmissjoni tal-format tad-data mill-Istati Membri lill-Unità Ċentrali u viċi versa. L-Unità Ċentrali għandha tiżgura li d-data tal-marki tas-swaba' trasmessi mill-Istati Membri jistgħu jitqabblu mis-sistema kompjuterizzata tar-rikonoxximent tal-marki tas-swaba'.

2. L-Istati Membri għandhom jittrasmettu elettronikament id-data msemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Eurodac. Safejn huma meħtieġa għall-operazzjoni effiċjenti ta' l-Unità Ċentrali, l-Unità Ċentrali għandha tistabbilixxi l-ħtiġiet tekniċi biex tiżgura li d-data jistgħu jintbagħtu elettronikament minn Stati Membri lill-Unità Ċentrali u viċi versa. It-trasmissjoni tad-data bil-karti bl-użu ta' formula provduta fl-Anness II jew b'mezzi oħra ta' appoġġ għad-data (diskettes, CD-ROM jew mezzi oħra ta' appoġġ tad-data li jistgħu ikunu żviluppati u użati ġeneralment fil-futur) għandha tkun limitata għal sitwazzjonijiet fejn hemm problemi tekniċi kontinwi.

3. In-numru ta' riferenza msemmi fl-Artikolu 5(1)(d) tar-Regolament Eurodac għandu jagħmel possibbli li d-data jkunu relatati mingħajr ambigwità ma' persuna waħda partikolari u lill-Istat Membru li qed jittrasmetti d-data. Minbarra dan, għandu jagħmilha possibbli li jkun magħruf jekk dawn id-data għandhomx x'jaqsmu ma' min qed jitlob l-ażil jew persuna msemmija fl-Artikolu 8 jew l-Artikolu 11 tar-Regolament Eurodac. In-numru ta' referenza għandu jibda b'ittra jew ittri ta' identifikazzjoni li bih, skond in-norma msemmija fl-Anness I, huwa identifikat l-Istat Membru li jittrasmetti d-data. L-ittra jew ittri ta' identifikazzjoni għandhom ikunu segwiti bl-identifikazzjoni tal-kategorija tal-persuna. "1" tirriferi għal data rigward dawk li jitolbu l-ażil, "2" għall-persuni msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament Eurodac u "3" għall-persuni msmemija fl-Artikolu 11 tar-Regolament Eurodac. L-Unità Ċentrali għandha tistabbilixxi l-proċeduri tekniċi meħtieġa għall-Istati Membri biex tkun żgurata l-irċevuta ta' data bla ambigwità mill-Unità Ċentrali.

4. L-Unità Ċentrali għandha tikkonferma l-irċevuta ta' data trasmessi kemm jista' jkun malajr. Għal dan l-iskop Unità Ċentrali għandha tistabbilixxi l-ħtiġiet tekniċi meħtieġa biex tiżgura li l-Istati Membri jirċievu konferma ta' l-irċevuta jekk mitluba.

Artikolu 3

Tqabbil u t-trasmissjoni tar-riżultati

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trasmissjoni ta' data tal-marki tas-swaba' tkun ta' kwalità xierqa għall-iskopijiet ta' tqabbil permezz ta' sistema kompjuterizzata ta' rikonoxximent tal-marki tas-swaba'. Safejn huwa meħtieġ biex ikun żgurat li r-riżultati tat-tqabbil mill-Unità Ċentrali jilħqu livell għoli ħafna ta' preċiżjoni, l-Unità Ċentrali għandha tiddefinixxi l-kwalità xierqa ta' data tal-marki tas-swaba' trasmessi. L-Unità Ċentrali għandha, kemm jista' jkun malajr, tivverifika l-kwalità tad-data tal-marki tas-swaba' trasmessi. Jekk id-data tal-marki tas-swaba' ma jistgħux jitqabblu bl-użu ta' sistema kompjuterizzata ta' rikonoxximent tal-marki tas-swaba', l-Unità Ċentrali għandha, kemm jista' jkun malajr, titlob l-Istat Membru li jitrasmetti d-data tal-marki tas-swaba' ta' kwalità xierqa.

2. L-Unità Ċentrali għandha tagħmel it-tqabbil fl-ordni ta' kif jaslu t-talbiet. Kull talba trid tinħadem f'24 siegħa. Fil-każ ta' data li hija trasmessa elettronikament, Stat Membru jista' għal raġunijiet li għandhom x'jaqsmu mal-liġi nazzjonali jeħtieġ tqabbil partikolarment urġenti biex isir f'siegħa. Meta dawn il-ħinijiet ma jistgħux ikunu rispettati minħabba ċirkostanzi li huma 'il barra mir-responsabbilità ta' l-Unità Ċentrali, l-Unità Ċentrali għandha tipproċessa t-talba bħala kwistjoni ta' prijorità hekk kif dawk iċ-ċirkostanzi ma jibqgħu aktar fis-seħħ. F'dawn il-każijiet, safejn huma meħtieġ għall-operazzjoni effiċjenti ta' l-Unità Ċentrali, l-Unità Ċentrali għandha tistabbilixxi kriterji biex ikun żgurat li t-talbiet jiġu tratti skond il-prijorità.

3. Safejn huma meħtieġ għall-operazzjoni effiċjenti ta' l-Unità Ċentrali, l-Unità Ċentrali għandha tistabbilixxi l-proċeduri operattivi għall-ipproċessar tad-data riċevuta u għat-trasmissjoni tar-riżultat tat-tqabbil.

Artikolu 4

Komunikazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Unità Ċentrali

Data trasmessi mill-Istati Membri lill-Unità Ċentrali u viċi versa għandhom jużaw servizzi ġeneriċi IDA msemmija fid-Deċiżjoni Nru 1719/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 1999 fuq serje ta' linji ta' gwida, inkluż l-identifikazzjoni ta' proġetti ta' interess komuni, għal netwerks trans-Ewropej għall-iskambju elettroniku ta' data bejn l-amministrazzjonijiet (IDA) [2]. Safejn huma meħtieġ għall-operazzjoni effiċjenti ta' l-Unità Ċentrali, l-Unità Ċentrali għandha tistabbilixxi l-proċeduri tekniċi għall-użu ta' servizzi ġeneriċi IDA.

Artikolu 5

Ħidmiet oħra ta' l-Unità Ċentrali

1. L-Unità Ċentrali għandha tissepara d-data fuq l-applikanti għall-ażil u d-data fuq il-persuni msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament Eurodac li huma maħżuna fid-database, b'mezzi tekniċi xierqa.

2. Fuq il-bażi ta' komunikazzjoni minn Stat Membru, l-Unità Ċentrali għandha tagħti marka xierqa li tiddistingwi d-data fuq persuni li kienu rikonoxxuti jew ammessi bħala refuġjati u għandha tisseparahom, bil-mezzi tekniċi xierqa, minn data oħrajn reġistrati fid-database. Jekk ittieħdet deċiżjoni skond l-Artikolu 12(2)(a) tar-Regolament Eurodoc, m'għandhiex tgħodd iżjed l-ewwel sentenza. L-Unità Ċentrali għandha tneħħi l-marki li jiddistingwu eżistenti u tikkanċella s-separazzjoni tad-data.

3. Erba' snin u sitt xhur wara l-Eurodac tibda l-attivitajiet tagħha, l-Unità Ċentrali għandha tħejji statistika biex tindika:

(a) in-numru ta' persuni li, waqt li kienu rikonoxxuti u ammessi bħala refuġjati fi Stat Membru, issottomettew applikazzjoni oħra għall-ażil fi Stat Membru ieħor;

(b) in-numru ta' persuni li ġew rikonoxxuti u ammessi bħala refuġjati f'aktar minn Stat Membru wieħed;

(ċ) l-Istati Membri fejn ir-refuġjati għamlu applikazzjoni oħra għall-ażil, ma':

- kull Stat Membru, in-numru ta' applikanti għall-ażil li, għandhom l-istatus ta' refuġjat f'dan l-Istat, ikunu applikaw għall-ażil fi Stat Membru ieħor, u n-numru ta' dawk il-persuni għal kull wieħed mill-Istati Membri ta' l-aħħar,

- kull Stat Membru, in-numru ta' applikanti għall-ażil li diġà għandhom l-istatus ta' refuġjat f'Istat ieħor, u n-numru ta' dawk il-persuni għal kull wieħed mill-Istati Membri ta' l-aħħar,

4. L-Unità Ċentrali għandha tassigura li, bis-saħħa ta' l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Eurodac, it-tqabbil mwettaq fuq talba ta' Stat Membru jista' jkopri ukoll id-data trasmessa minn dak l-Istat Membru partikolari fi żmien qabel.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Il-Kunsill għandu jirrevedi l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fi żmien erba' snin wara l-bidu ta' l-attivitajiet tal-Eurodac.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbbli fl-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussel, fit-28 ta' Frar 2002.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Acebes Paniagua

[1] ĠU L 316, ta' l-14.3.1998, p. 1.

[2] ĠU L 203, tat-3.8.1999, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS I

Format tad-data għall-iskambju tad-data

Il-format li ġej huwa stabbilit għall-iskambju tad-data tal-marki tas-swaba':

ANSI/NIST - CSL 1 1993

u kull żvilupp futur ta' dan l-istandard.

Norma għall-ittri ta' identifikazzjoni ta' l-Istat Membru

Għandha tapplika n-norma ISO li ġejja:

ISO 3166 – kodiċi b'żewġ ittri.

--------------------------------------------------

ANNESS II

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------