32001R1206



Official Journal L 174 , 27/06/2001 P. 0001 - 0024


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001

tat-28 ta' Mejju 2001

dwar kooperazzjoni bejn il-qrati ta' l-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 61(ċ) u l-Artikoli 67(1) miġjuba fih,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi:

(1) L-Unjoni Ewropea stabbiliet għaliha nnifisha l-għan li l-Unjoni Ewropea tinżamm u tiġi żviluppata bħala erja ta' libertà, sigurtà u ġustizzja li fiha l-moviment liberu ta' persuni huwa żgurat. Għall-istabbiliment gradwali ta' erja bħal din, il-Komunità għandha tadotta, fost oħrajn, il-miżuri li għandhom x'jaqsmu ma' kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili meħtieġa għall-funzjonament kif suppost tas-suq intern.

(2) Sabiex is-suq intern jaħdem kif suppost, kooperazzjoni bejn qrati fil-kumpilazzjoni ta' xhieda għandha titjieb u b'mod partikolari tkun issimplifikata u mgħaġġla.

(3) Fil-laqgħa tiegħu f'Tampere fil-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, il-Kunsill Ewropew fakkar li għandha tiġi mħejjija leġislazzjoni proċedurali ġdida f'każijiet li jaqsmu l-fruntieri, partikolarment fil-kumpilazzjoni ta' xhieda.

(4) Din l-erja tidħol fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 65 tat-Trattat.

(5) L-għanijiet ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri t-titjib fil-kooperazzjoni bejn il-qrati fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Komunità. Il-Komunità tista' tadotta miżuri bi qbil mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif dikjarat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Bi qbil mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif dikjarat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk il-għanijiet.

(6) Sal-lum, ma hemm l-ebda strument ta' rbit bejn l-Istati Membri kollha li għandu x'jaqsam mal-kumpilazzjoni ta' xhieda. Il-Konvenzjoni ta' l-Aja tat-18 ta' Marzu 1970 dwar il-kumpilazzjoni ta' xhieda barra mill-pajjiż f'materji ċivili jew kummerċjali tapplika biss bejn 11-il Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea.

(7) Billi huwa ħafna drabi essenzjali f'materja ċivili jew kummerċjali pendenti quddiem qorti fi Stat Membru li tiġi kumpilata x-xhieda fi Stat Membru ieħor, l-attivita tal-Komunità ma tistax tiġi limitata għall-qasam ta' trasmissjoni ta' dokumenti ġudizzjarji u ta' dawk estra-ġudizzjarji f'materji ċivili jew kummerċjali li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta' Mejju 2000 dwar li jisservew dokumenti ġudizzjarji u ta' dawk estra-ġudizzjarji f'materji ċivili jew kummerċjali [4]. Huwa għalhekk meħtieġ li jitkompla t-titjib ta' kooperazzjoni bejn qrati ta' Stati Membri fil-qasam tal-kumpilazzjoni ta' xhieda.

(8) L-effiċjenza ta' proċeduri ġudizzjarji f'materji ċivili jew kummerċjali teħtieġ li t-trasmissjoni u l-eżekuzzjoni ta' rikjesti għall-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta' xhieda jsiru direttament u bl-aktar mezz mgħaġġel possibbli bejn qrati ta' l-Istati Membri.

(9) Ħeffa fit-trasmissjoni ta' rikjesti għall-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta' xhieda tirrikjedi l-użu tal-mezzi kollha xierqa, basta li ċerti kondizzjonijiet bħal-leġibilita u l-kredibilita tad-dokument irċevut jiġu osservati. Sabiex tiġi żgurata l-aktar ċarezza u ċertezza legali t-talba għall-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta' xhieda għandha tiġi trasmessa fuq formola li għandha titlesta fil-lingwa ta' l-Istat Membru tal-qorti rikjesta jew f'lingwa oħra aċċettata minn dak l-Istat. Għall-istess raġunijiet, safejn ikun possibbli għandhom jintużaw formoli għal aktar komunikazzjoni bejn il-qrati rilevanti.

(10) Talba għall-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta' xhieda għanda tiġi eżegwita bil-ħeffa. Jekk m‘huwiex possibbli li t-talba tiġi eżegwita fi żmien 90 ġurnata minn meta tiġi riċevuta mill-qorti rikjesta, dan ta' l-aħħar għandu jgħarraf lill-qorti rikjesta kif xieraq, billi jiddikjara r-raġunijiet li jipprevjenu li t-talba tkun eżegwita bil-ħeffa.

(11) Biex tiġi żgurata l-effettività ta' dan ir-Regolament, il-possibiltà li l-eżekuzzjoni tat-talba ta' kumpilazzjoni ta' xhieda tiġi rifjutata għandha tiġi limitata għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali strettament limitati.

(12) Il-qorti rikjesta għandha teżegwixxi it-talba bi qbil mal-liġi ta' l-Istat Membru tagħha.

(13) Il-partijiet u, jekk ikun hemm, ir-rappreżentanti tagħhom, għandhom ikunu jistgħu jkunu preżenti fl-eżekuzzjoni tal-kumpikazzjoni ta' xhieda, u jekk dan ikun provdut mill-liġi ta' l-Istat Membru tal-qorti rikjesta, sabiex ikunu jistgħu jsegwu l-proċedimenti f'manjiera komparabbli bħallikieku x-xhieda tkun ġiet kompilata fl-Istat Membru tal-qorti rikjedenti. Għandu jkollhom ukoll id-dritt li jitolbu li jipparteċipaw sabiex ikollhom rwol aktar attiv fl-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta' xhieda. Madankollu, l-kondizzjonijiet li fuqhom jistgħu jipparteċipaw għandhom jiġu stabbiliti mill-qorti rikjesta bi qbil mal-liġi ta' l-Istat Membru tiegħu.

(14) Ir-rappreżentanti tal-qorti rikjedenti għandhom ikunu jistgħu ikunu preżenti fl-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta' xhieda, jekk dan ikun kompatibbli mal-liġi ta' l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti, sabiex ikollhom possibilta aħjar ta' evalwazzjoni ta' xhieda. Għandu jkollhom ukoll id-dritt li jitolbu li jipparteċipaw, skond il-kondizzjonijiet preskritti mill-qorti rikjesta bi qbil mal-liġi ta' l-Istat Membru tagħha, sabiex ikollhom rwol aktar attiv fl-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta' xhieda.

(15) Sabiex tiġi faċilitata l-kumpilazzjoni ta' xhieda għandu jkun possibbli għall-qorti fi Stat Membru, bi qbil mal-liġi ta' l-Istat Membru tagħha, li tieħu x-xhieda direttament fi Stat Membru ieħor, jekk ikun aċċettat minn dan ta' l-aħħar, u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-korp ċentrali jew awtorità kompetent ta' l-Istat Membru mitlub.

(16) L-eżekuzzjoni tat-talba, skond l-Artikolu 10, m'għandhiex toħloq pretensjoni għal xi rimborż ta' taxxi jew spejjeż. Madankollu, jekk il-qorti rikjesta teħtieġ rimborż, il-miżati mħallsa lil esperti u interpreti, kif ukoll l-ispejjeż maħluqa mill-applikazzjoni ta' l-Artikolu 10(3) u (4), m'għandhomx jitħallsu minn dik il-qorti. F'każ bħal dan, il-qorti rikjedenti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura rimborż mingħajr dewmien. Fejn tinħtieġ l-opinjoni ta' espert, il-qorti rikjesta tista, qabel ma teżegwixxi it-talba, titlob lill-qorti rikjedenti depożitu xieraq jew ħlas bil-quddiem ta' l-ispejjeż.

(17) Dan ir-Regolament għandu jipprevala fuq id-disposizzjonijiet li japplikaw għall-qasam ta' applikazzjoni tiegħu, li jinsabu f'konvenzjonijiet internazzjonali konklużi mill-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jadottaw xi ftehim li jiffaċilitaw aktar kooperazzjoni fil-kumpilazzjoni ta' xhieda.

(18) It-tagħrif trasmess skond dan ir-Regolament għandu jgawdi l-protezzjoni. Ladarba d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi rigward il-proċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' data bħal din [5], u d-Direttiva 97/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru ta ‘l-1997 rigward l-ipproċessar ta' data personali u l-protezzjoni ta' privatezza fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet [6], huma applikabbli, ma hemmx bżonn ta' disposizzjonijiet speċifiċi dwar protezzjoni ta' data f'dan ir-Regolament.

(19) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adotti bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 [7] li tippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni.

(20) Għall-funzjonament kif suppost ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-applikazzjoni tagħha u tipproponi emendi bħal dawn li jistgħu jidhru meħtieġa.

(21) Ir-Renju Unit u l-Irlanda, bi qbil ma' l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, urew ix-xewqa tagħhom li jieħdu parti fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(22) Id-Danimarka, bi qbil ma' l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, m‘hijiex qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, u għalhekk m‘hijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

IL-KAPITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Il-Kamp ta' applikazzjoni

1. Dan ir-Regolament għandu japplika f'materji ċivili jew kummerċjali fejn il-qorti ta' Stat Membru, bi qbil mad-disposizzjonijiet tal-liġi ta' dak l-Istat, titlob:

(a) lill-qorti kompetenti ta' Stat Membru ieħor biex tiġbor x-xhieda; jew

(b) li tiġbor x-xhieda direttament fi Stat Membru ieħor.

2. M'għandhiex issir talba biex tinkiseb xhieda li m‘hijiex maħsuba għall-użu fi proċedimenti ġudizzjarji, li jkunu bdew jew li hemm il-ħsieb li jinbdew.

3. F'dan ir-Regolament, it-termini "Stat Membru" għandu jfisser Stati Membri minbarra d-Danimarka.

Artikolu 2

Trasmissjoni diretta bejn il-qrati

1. Talbiet skond l-Artikolu 1(1)(a), minn issa 'l quddiem msejħa bħala "talbiet", għandhom jiġu trasmessi mill-qorti li quddiemha qed jibdew jew jispiċċaw il-proċedimenti, minn issa 'l quddiem msejħa bħala "l-qorti rikjedenti", direttament lill-qorti kompetenti ta' Stat Membru ieħor, minn issa 'l quddiem msejħa bħala "l-qorti rikjesta" għall-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta' xhieda.

2. Kull Stat Membru għandu jfassal lista ta' qrati kompetenti għall-eżekuzzjoni ta' kumpilazzjoni ta' xhieda skond dan ir-Regolament. Il-lista għandha tindika wkoll it-territorju u, fejn xieraq, il-ġurisdizzjoni speċjali ta' dawn il-qrati.

Artikolu 3

Korp ċentrali

1. Kull Stat Membru għandu jinnomina korp ċentrali responsabbli għal:

(a) provvista ta' tagħrif lill-qrati;

(b) tfittxija ta' soluzzjonijiet għal xi diffikultajiet li jistgħu jinħolqu rigward talba;

(ċ) trasmissjoni, f'każijiet eċċezzjonali, fuq it-talba ta' qorti rikjedenti, ta' talba lill-qorti kompetenti.

2. Stat federali, Stat li fih japplikaw diversi sistemi legali jew Stat b'entitajiet territorjali awtonomi għandhom ikunu ħielsa li jinnominaw aktar minn korp ċentrali wieħed.

3. Kull Stat Membru għandu jinnomina wkoll il-korp ċentrali msemmi f'paragrafu 1 jew awtorità kompetenti waħda jew diversi awtoritajiet kompetenti biex ikunu responsabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet fuq talbiet skond l-Artikolu 17.

IL-KAPITOLU II

TRASMISSJONI U EŻEKUZZJONI TA' TALBIET

Taqsima 1

Trasmissjoni tat-talbiet:

Artikolu 4

Formola u kontenut tat-talba

1. It-talba għandha ssir permezz ta' formola A jew, fejn xieraq, formola I fl-Anness. Għandu jkollha d-dettalji li ġejjin:

(a) il-qorti rikjedenti u, fejn xieraq, il-qorti rikjesta;

(b) l-ismijiet u l-indirizzi tal-kuntratti għall-proċedimenti u r-rappreżentanti tagħhom, jekk ikun hemm;

(ċ) in-natura u l-kontenut tas-suġġett tal-każ u dikjarazzjoni fil-qosor tal-fatti;

(d) deskrizzjoni tal-kumpilazzjoni ta' xhieda li għandha tkun eżegwita;

(e) fejn it-talba hija għall-eżami ta' persuna:

- l-isem (ismijiet) u l-indirizz(i) tal-persuni li għandhom jiġu eżaminati,

- il-mistoqsijiet li għandhom isiru lill-persuni li għandhom jiġu eżaminati jew dikjarazzjoni tal-fatti li dwarhom se jiġu eżaminati,

- fejn xieraq, referenza għal dritt li jirrifjutaw li jagħtu xhieda skond il-liġi ta' l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti,

- kull ħtieġa li l-eżami jkun eżegwit taħt ġurament jew dikjarazzjoni minflok dan, u kull formola speċjali li għandha tintuża',

- fejn xieraq, kull tagħrif ieħor li l-qorti rikjedenti tqis meħtieġ;

(f) fejn it-talba hija għal xi forma oħra ta' kumpilazzjoni ta' xhieda, id-dokumenti jew oġġetti oħra li għandhom jiġu spezzjonati;

(g) fejn xieraq, kull talba skond l-Artikolu 10(3) u (4), u,l-Artikoli 11 u 12 u xi tagħrif meħtieġ għall-applikazzjoni ta' dan.

2. It-talba u d-dokumenti li jakkumpanjaw it-talba għandhom jiġi eżentati minn awtentikazzjoni jew xi formalita ekwivalenti.

3. Id-dokumenti li l-qorti rikjedenti tqis li huma meħtieġa li żżid ma' l-eżekuzzjoni tat-talba għandhom ikunu akkumpanjati minn traduzzjoni fil-lingwa li fiha nkitbet it-talba.

Artikolu 5

Lingwa

It-talba u l-komunikazzjonijiet skond dan ir-Regolament għandhom jitfasslu fil-lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membru mitlub jew, jekk ikun hemm diversi lingwi uffiċjali f'dak l-Istat Membru, fil-lingwa uffiċjali jew f'waħda mill-lingwi uffiċjali tal-post fejn il-kumpilazzjoni mitluba ta' xhieda għandha tkun eżegwita, jew f'lingwa oħra li l-Istat Membru mitlub ikun indika li jista' jaċċetta. Kull Stat Membru għandu jindika l-lingwa jew lingwi uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea għajr tiegħu nnifsu li hija jew huma aċċettabbli għat-tlestija tal-formoli.

Artikolu 6

Trasmissjoni ta' talbiet u komunikazzjonijiet oħra

Talbiet u komunikazzjonijiet skond dan ir-Regolament għandhom jiġu trasmessi bil-mezz l-aktar mgħaġġel possibbli, li l-Istat Membru jkun indika li jista' jaċċetta. It-trasmissjoni tista' tkun eżegwita permezz ta' mezzi xierqa, basta li d-dokument rċevut jirrifletti b'mod eżatt il-kontenut tad-dokument mibgħut u li t-tagħrif kollu fih huwa leġibbli.

Taqsima 2

Riċevuta ta' talba

Artikolu 7

Riċevuta ta' talba

1. Fi żmien sebat ijiem li tkun rċeviet it-talba, l-qorti kompetenti rikjesta għandha tibgħat għarfien li tkun rċeviet it-talba l-qorti rikjedenti permezz ta' formola B fl-Anness. Fejn it-talba ma tikkonformax mal-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 5 u 6, il-qorti rikjesta għandha tniżżel nota dwar dan fl-għarfien ta' l-irċevuta.

2. Fejn l-eżekuzzjoni ta' talba li ssir permezz ta' formola A fl-Anness, li tikkonforma mal-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 5, ma taqax fil-ġuriżdizzjoni tal-qorti li lilha ġiet trasmessa, din ta' l-aħħar għandha tibgħat it-talba lill-qorti kompetenti ta' l-Istat Membru tagħha u għandha tgħarraf il-qorti rikjedenti biha permezz ta' formola A fl-Anness.

Artikolu 8

Talba mhux kompluta

1. Jekk talba ma tistax tiġi eżegwita minħabba li ma fihiex it-tagħrif kollu meħtieġ skond l-Artikolu 4, il-qorti rikjesta għandha tgħarraf b'dan lill-qorti rikjedenti mingħajr dewmien u, l-aktar tard, fi żmien 30 ġurnata minn meta tiġi riċevuta t-talba permezz ta' formola Ċ fl-Anness, u għandha titlobha li tibgħat it-tagħrif nieqes, li għandu jiġi ndikat preċiżament daqs kemm hu possibbli.

2. Jekk talba ma tistax tiġi eżegwita minħabba li huwa meħtieġ depożitu jew ħlas bil-quddiem bi qbil ma' l-Artikolu 18(3), il-qorti rikjesta għandha tgħarraf b'dan lill-qorti rikjedenti mingħajr dewmien u, l-aktar tard, fi żmien 30 ġurnata minn meta tiġi riċevuta t-talba permezz ta' formola Ċ fl-Anness u tgħarraf lill-qorti rikjedenti kif għandu jsir id-depożitu jew il-ħlas bil-quddiem. Il-qorti rikjesta għandha tgħarraf li rċeviet id-depożitu jew il-ħlas bil-quddiem mingħajr dewmien, l-aktar tard fi żmien għaxart ijiem mill-irċevuta tad-depożitu jew il-ħlas bil-quddiem permezz tal-formola D.

Artikolu 9

Tlestija tat-talba

1. Jekk mal-għarfien ta' l-irċevuta skond l-Artikolu 7(1) il-qorti rikjesta niżżlet nota li t-talba ma tikkonformax mal-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 5 u 6 jew għarrfet lill-qorti rikjedenti skond l-Artikolu 8 li t-talba ma tistax tkun eżegwita minħabba li ma tikkontjenix it-tagħrif kollu meħtieġ skond l-Artikolu 4, il-limitu taż-żmien skond l-Artikolu 10 għandu jibda jgħodd minn meta l-qorti rikjesta tkun rċeviet it-talba mimlija kif xieraq.

2. Fejn il-qorti rikjesta titlob depożitu jew ħlas bil-quddiem bi qbil ma' l-Artikolu 18(3), dan il-limitu taż-żmien għandu jibda jgħodd meta jsir id-depożitu jew il-ħlas bil-quddiem.

Taqsima 3

Kumpilazzjoni ta' xhieda mill-qorti rikjesta

Artikolu 10

Disposizzjonijiet ġenerali dwar l-eżekuzzjoni tat-talba

1. Il-qorti rikjesta għandha teżegwixxi it-talba mingħajr dewmien u, l-aktar tard, fi żmien 90 ġurnata mill-irċevuta tat-talba.

2. Il-qorti rikjesta għandha teżegwixxi it-talba bi qbil mal-liġi ta' l-Istat Membru tagħha.

3. Il-qorti rikjedenti tista' tirrikjedi li t-talba tkun eżegwita bi qbil ma' proċedura speċjali provduta bil-liġi ta' l-Istat Membru tagħha, permezz tal-formola A fl-Anness. Il-qorti rikjesta għandha tikkonforma ma' ħtieġa bħal din minbarra jekk din il-proċedura mhijiex kompatibbli mal-liġi ta' l-Istat Membru tal-qorti rikjesta jew minħabba f'diffikultajiet prattiċi maġġuri. Jekk il-qorti rikjesta ma tikkonformax mal-ħtieġa għal waħda minn dawn ir-raġunijiet għandha tgħarraf lill-qorti rikjedenti permezz ta' formola E fl-Anness.

4. Il-qorti rikjedenti tista titlob lill-qorti rikjesta biex tuża' teknoloġija ta' komunikazzjonijiet fl-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta' xhieda, partikolarment permezz ta' konferenzi bl-użu tal-video u konferenzi bl-użu tat-telefon.

Il-qorti rikjesta għandha tikkonforma ma' ħtieġa bħal din minbarra jekk din ma tkunx inkompatibbli mal-liġi ta' l-Istat Membru tal-qorti rikjesta jew minħabba f'diffikultajiet prattiċi maġġuri.

Jekk il-qorti rikjesta ma tikkonformax mal-ħtieġa għal waħda minn dawn ir-raġunijiet, għandha tgħarraf lill-qorti rikjedenti, permezz ta' formola E fl-Anness.

Jekk ma jkun hemm l-ebda aċċess għall-mezzi tekniċi riferiti fuq fil-qorti rikjedenti jew fil-qorti rikjesta, mezzi bħal dawn isiru disponibbli mill-qrati permezz ta' qbil bejn xulxin.

Artikolu 11

Eżekuzzjoni bil-presenza u l-parteċipazzjoni tal-partijiet

1. Jekk ikun provdut mill-liġi ta' l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti, il-partijiet u, jekk ikun hemm, ir-rappreżentanti tagħhom, għandhom id-dritt li jkunu preżenti fl-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta' xhieda mill-qorti rikjesta.

2. Il-qorti rikjedenti għandha, fit-talba tagħha, tgħarraf lill-qorti rikjesta li l-partijiet u, jekk ikun hemm, ir-rappreżentanti tagħhom, ikunu preżenti u, fejn ikun xieraq, li tintalab il-parteċipazzjoni tagħhom, permezz tal-formola A fl-Anness. Dan it-tagħrif jista' wkoll jingħata f'xi ħin xieraq ieħor.

3. Jekk il-parteċipazzjoni tal-partijiet u, jekk ikun hemm, ir-rappreżentanti tagħhom, hija mitluba fl-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta' xhieda, il-qorti rikjesta għandha tistabbilixxi, bi qbil ma' l-Artikolu 10, il-kondizzjonijiet li fuqhom jistgħu jipparteċipaw.

4. Il-qorti rikjesta għandha tgħarraf lill-partijiet u, jekk ikun hemm, lir-rappreżentanti tagħhom, bil-ħin meta, il-post fejn, se jseħħu l-proċedimenti, u fejn xieraq, il-kondizzjonijiet li fuqhom jistgħu jipparteċipaw, permezz tal-formola F fl-Anness.

5. Paragrafi 1 sa 4 m'għandhomx jaffettwaw il-possibbiltà li l-qorti rikjesta titlob lill-partijiet u, jekk ikun hemm, ir-rappreżentanti tagħhom, li jkunu preżenti jew li jipparteċipaw fl-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta' xhieda jekk dik il-possibiltà tkun provduta mill-liġi ta' l-Istat Membru tagħha.

Artikolu 12

Eżekuzzjoni bil-presenza u l-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti tal-qorti rikjedenti

1. Jekk ikun kompatibbli mal-liġi ta' l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti, rappreżentanti tal-qorti rikjedenti għandu jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fl-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta' xhieda mill-qorti rikjesta.

2. Għall-għan ta' dan l-Artikolu, it-terminu "rappreżentant" għandu jinkludi membri tal-personal ġudizzjarju nominat mill-qorti rikjedenti, bi qbil mal-liġi ta' l-Istat Membru tagħha. Il-qorti rikjedenti tista' tinnomina wkoll, bi qbil mal-liġi ta' l-Istat Membru tagħha, xi persuna oħra, bħalma huwa espert.

3. Il-qorti rikjedenti għandha, fit-talba tagħha, tgħarraf lill-qorti rikjesta li r-rappreżentanti tagħha se jkunu preżenti u, fejn ikun xieraq, li tintalab il-parteċipazzjoni tagħhom, permezz tal-formola A fl-Anness. Dan it-tagħrif jista' wkoll jingħata f'xi ħin xieraq ieħor.

4. Jekk il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-qorti rikjedenti hija mitluba fl-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta' xhieda, il-qorti rikjesta għandha tistabbilixxi, bi qbil ma' l-Artikolu 10, il-kondizzjonijiet li fuqhom jistgħu jipparteċipaw.

5. Il-qorti rikjesta għandha tgħarraf lill-qorti rikjedenti, bil-ħin meta, u l-post fejn, se jseħħu l-proċedimenti, u, fejn xieraq, il-kondizzjonijiet li fuqhom jistgħu jipparteċipaw ir-rappreżentanti, permezz tal-formola F fl-Anness.

Artikolu 13

Miżuri kostrinġenti

Fejn meħtieġ, fl-eżekuzzjoni ta' talba il-qorti rikjesta għandha tapplika l-miżuri kostrinġenti adatti fl-okkażjonijiet u sal-punt li huma provduti bil-liġi ta' l-Istat Membru tal-qorti rikjesta għall-eżekuzzjoni ta' talba li ssir għall-istess għan mill-awtoritajiet nazzjonali jew minn waħda mill-partijiet konċernata.

Artikolu 14

Rifjut ta' eżekuzzjoni

1. Talba għas-smigħ ta' persuna m'għandhiex tkun eżegwita meta l-persuna konċernata tippretendi d-dritt li tirrifjuta li tagħti xhieda jew li tiġi projbita milli tagħti xhieda,

(a) skond il-liġi ta' l-Istat Membru tal-qorti rikjesta; jew

(b) skond il-liġi ta' l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti, u dan id-dritt ġie speċifikat fit-talba, jew, jekk ikun hemm bżonn, fl-okkażjoni tal-qorti rikjesta, ġie konfermat mill-qorti rikjedenti.

2. B'żieda mar-raġunijiet riferiti f'paragrafu 1, l-eżekuzzjoni ta' talba tista' tiġi rifjutata biss jekk:

(a) it-talba ma tidħolx fl-iskop ta' dan ir-Regolament kif dikjarat fl-Artikolu 1; jew

(b) l-eżekuzzjoni tat-talba skond il-liġi ta' l-Istat Membru tal-qorti rikjesta ma tidħolx fil-funzjonijiet tal-ġudizzjarju; jew

(ċ) il-qorti rikjedenti ma tikkonformax mat-talba tal-qorti rikjesta li tlesti t-talba skond l-Artikolu 8 fi żmien 30 ġurnata wara li l-qorti rikjesta tkun talbet dan; jew

(d) depożitu jew ħlas bil-quddiem li jintalab bi qbil ma' l-Artikolu 18(3) ma jsirx fi żmien 60 ġurnata wara li l-qorti rikjesta tkun saqsiet għal dan id-depożitu jew ħlas bil-quddiem.

3. Eżekuzzjoni ma tistax tiġi rifjutata mill-qorti rikjesta għar-raġuni biss li skond il-liġi ta' l-Istat Membru tagħha qorti ta' dak l-Istat Membru għandu ġurisdizzjoni esklussiva fuq il-kontenut tas-suġġett ta' l-azzjoni jew li l-liġi ta' dak l-Istat Membru ma jammettix id-dritt ta' azzjoni dwar dan.

4. Jekk eżekuzzjoni tar-rikjesta hija rifjutata għal waħda mir-raġunijiet riferiti f'paragrafu 2, il-qorti rikjesta għandha tgħarraf lill-qorti rikjedenti b'dan fi żmien 60 ġurnata mill-irċevuta tat-talba mill-qorti rikjesta permezz tal-formola H fl-Anness.

Artikolu 15

In-notifika ta' dewmien

Jekk il-qorti rikjesta mhijiex f'posizzjoni li teżegwixxi it-talba fi żmien 90 ġurnata minn meta tirċeviha, għandha tgħarraf lill-qorti rikjedenti, permezz ta' formola G fl-Anness. Meta tagħmel dan, ir-raġunijiet għad-dewmien għandhom jingħataw kif ukoll iż-żmien stmat li l-qorti rikjedenti tistenna li teħtieġ biex teżegwixxi it-talba.

Artikolu 16

Il-proċedura wara l-eżekuzzjoni tat-talba

Il-qorti rikjesta għandha tibgħat mingħajr dewmien lill-qorti rikjedenti d-dokumenti li jistabbilixxu l-eżekuzzjoni tat-talba u, fejn xieraq, tirritorna d-dokumenti li tkun rċeviet mill-qorti rikjedenti. Id-dokumenti għandhom ikunu akkumpanjati minn konferna ta' eżekuzzjoni permezz ta' formola H fl-Anness.

Taqsima 4

Kumpilazzjoni diretta ta' xhieda mill-qorti rikjedenti

Artikolu 17

1. Fejn qorti titlob kumpilazzjoni diretta ta' xhieda fi Stat Membru ieħor, għandha tissottometti talba lill-korp ċentrali jew lill-awtorità kompetenti riferita fl-Artikolu 3(3) f'dak l-Istat, permezz tal-formola I fl-Anness.

2. Kumpilazzjoni diretta ta' xhieda tista' sseħħ biss jekk tkun eżegwita fuq bażi volontarja mingħajr il-ħtieġa għal miżuri ta' bilfors.

Fejn il-kumpilazzjoni diretta ta' xhieda timplika li persuna għandha tinstama', l-qorti rikjedenti għandha tgħarraf lil dik il-persuna li l-eżekuzzjoni għandha sseħħ fuq bażi volontarja.

3. Il-kumpilazzjoni ta' xhieda għandha tkun eżegwita minn membru tal-personal ġudizzjarju jew minn xi persuna oħra bħal ma hu espert, li se jiġi nominat, bi qbil mal-liġi ta' l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti.

4. Fi żmien 30 ġurnata minn meta jerċievi t-talba, il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru rikjest għandha tgħarraf lill-qorti rikjedenti jekk tiġi aċċettata t-talba u, jekk ikun meħtieġ, fuq liema kondizzjonijiet skond il-liġi ta' l-Istat Membru tagħha din ser tkun eżegwita, permezz ta' formola J.

Partikolarment, il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti tista' tassenja qorti ta' l-Istat Membru tagħha biex tieħu sehem fl-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta' xhieda sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni kif suppost ta' dan l-Artikolu u l-kondizzjonijiet li jkunu ġew dikjarati.

Il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti għandha tinkoraġġixxi l-użu ta' teknoloġija ta' komunikazzjonijiet, bħal konferenzi bl-użu ta' video u konerenzi bl-użu tat-telefon.

5. Il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti tista' tirrifjuta kumpilazzjoni diretta ta' xhieda biss jekk:

(a) it-talba ma tidħolx fl-iskop ta' dan ir-Regolament kif dikjarat fl-Artikolu 1; jew

(b) it-talba ma tikkontjenix it-tagħrif kollu meħtieġ skond l-Artikolu 4; jew

(ċ) il-kumpilazzjoni diretta ta' xhieda mitluba hija kontra l-prinċipji fondamentali ta' liġi fl-Istat Membru tagħha.

6. Mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet preskritti bi qbil mal-paragrafu 4, il-qorti rikjedenti għandha teżegwixxi it-talba bi qbil mal-liġi ta' l-Istat Membru tagħha.

Taqsima 5

Spejjeż

Artikolu 18

1. L-eżekuzzjoni tat-talba, bi qbil l-Artikolu 10, m'għandhiex toħloq pretensjoni għal xi rimborż ta' taxxi jew spejjeż.

2. Madanakollu, jekk il-qorti rikjesta teħtieġ dan, il-qorti rikjedenti għandha tiżgura r-rimborż, mingħajr dewmien, ta:

- l-miżati mħallsa lil esperti u interpreti, u

- l-ispejjeż li jinħolqu mill-applikazzjoni ta' l-Artikolu 10(3) u (4).

Il-dmir ta' dawn il-partijiet li jħallsu dawn il-miżati jew spejjeż għandu jiġi regolat mill-liġi ta' l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti.

3. Fejn tinħtieġ l-opinjoni ta' espert, il-qorti rikjesta tista', qabel ma teżegwixxi it-talba, titlob lill-qorti rikjedenti depożitu xieraq jew ħlas bil-quddiem ta' l-ispejjeż mitluba. Fil-każijiet l-oħra kollha, depożitu jew ħlas bil-quddiem m'għandux ikun kondizzjoni għall-eżekuzzjoni ta' talba.

Id-depożitu jew ħlas bil-quddiem għandu jsir mill-partijiet jekk dan ikun provvdut mill-liġi ta' l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti.

IL-KAPITOLU III

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 19

Regoli ta' Implimentazzjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tfassal u taġġorna regolarment manwal, li għandu jkun ukoll disponibbli elettronikament, li jikkontjeni t-tagħrif provvdut mill-Istati Membri bi qbil ma' l-Artikolu 22 u kull ftehim fis-seħħ, skond l-Artikolu 21.

2. L-aġġornament jew emendi tekniċi li jsiru għall-formoli stabbiliti dikjarati fl-Anness għandhom jitwettqu bi qbil mal-proċedura konsultattiva dikjarata fl-Artikolu 20(2).

Artikolu 20

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat.

2. Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 sa 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli tiegħu ta' Proċedura.

Artikolu 21

Relazzjoni ma' ftehimijiet jew arranġementi eżistenti jew futuri bejn Stati Membri.

1. Dan ir-Regolament għandu, f'relazzjoni ma' materji li għalihom japplika, jipprevala fuq disposizzjonijiet oħra li jinstabu f'xi ftehim bilaterali jew multilaterali konklużi mill-Istati Membru u partikolarment fil-Konvenzjoni ta' l-Aja ta' l-1 ta' Marzu 1954 dwar il-Proċedura Ċivili u l-Konvenzjoni ta' l-Aja tat-18 ta' Marzu dwar il-Kumpilazzjoni ta' Xhieda Barra mill-Pajjiż f'Materji Ċivili jew Kummerċjali, f'relazzjonijiet bejn l-Istati Membri li huma parti minn dan.

2. Dan ir-Regolament m'għandux jipprekludi lill-Istati Membri milli jżommu jew jikkonkludu xi ftehim bejn tnejn minnhom jew aktar biex jiffaċilitaw aktar il-kumpilazzjoni ta' xhieda, basta li huma kompatibbli ma' dan ir-Regolament.

3. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni:

(a) sa l-1 ta' Lulju 2003, kopja ta' l-ftehim jew l-arranġament miżmuma bejn l-Istati Membri riferiti f'paragrafu 2;

(b) kopja ta' kwalunkwe ftehim konklużi bejn l-Istati Membri riferiti fil-paragrafu 2 kif ukoll abbozzi ta' dan il-ftehim li għandhom il-ħsieb li jadottaw; u

(ċ) kull denunzja ta', jew emendi, lil dawn il-ftehimijiet jew arranġamenti.

Artikolu 22

Komunikazzjoni

Sa l-1 ta' Lulju 2003 kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni dan li ġej:

(a) il-lista skond l-Artikolu 2(2) li tindika t-territorju u, fejn xieraq, il-ġurisdizzjoni speċjali tal-qrati;

(b) l-ismijiet u l-indirizzi tal-korpijiet ċentrali u l-awtoritajiet kompetenti skond l-Artikolu 3, li jindikaw il-ġurisdizzjoni territorjali tagħhom;

(ċ) il-mezzi tekniċi għall-irċevuta ta' talbiet disponibbli lill-qrati fuq il-lista skond l-Artikolu 2(2);

(d) il-lingwi aċċettati għat-talbiet kif riferit fl-Artikolu 5.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'xi tibdil għal dan it-tagħrif.

Artikolu 23

Reviżjoni

Mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2007, u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'attenzjoni speċjali għall-applikazzjoni prattika ta' l-Artikolu 3(1)(ċ) u 3, u l-Artikoli 17 u 18.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2001.

2. Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2004, minbarra l-Artikoli 19, 21 u 22, li għandhom japplikaw mill-1 ta' Lulju 2001.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri bi qbil mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussel, it-28 ta' Mejju 2001.

Għall-Kunsill

Il-President

T. Bodström

[1] ĠU C 314, tat-3.11.2000, p. 2.

[2] Opinjoni mogħtija fl-14 ta' Marzu 2000 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] Opinjoni mogħtija fit-28 ta' Frar 2001 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU L 160, tat-30.6.2000, p. 37.

[5] ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31.

[6] ĠU L 24, tat-30.1.1998, p. 1.

[7] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

--------------------------------------------------

ANNESS

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------