32001R0545



Official Journal L 081 , 21/03/2001 P. 0021 - 0021


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 545/2001

tal-20 ta’ Marzu 2001

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1623/2000, li jipprovdi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid dwar il-mekkaniżmi tas-suq

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju, 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2826/2001 [2], partikolarment Artikolu 33 tiegħu,

Billi:

(1) Artikolu 46(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1623/2000 [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2786/2000 [4], jagħmel ċerti regoli dettaljati ta’ implimentazzjoni dwar il-konsenja ta’ prodotti sekondarji mill-produzzjoni ta’ l-inbid għal esperimenti. Dawn ir-regoli m’humiex ċari biżżejjed u l-mod kif inkitbu jeħtieġ li jkun għalhekk emendat.

(2) Artikolu 64(3) tar-Regolament (KE) Nru 1623/2000 jagħmel ċerti regoli dettaljati ta’ implimentazzjoni ta’ l-għajnuna għal ħażna ta’ alkoħol li jkun hemm mid-distillazzjoni msemmija f’Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999. Dawn ir-regoli m’humiex ċari biżżejjed u l-mod kif inkitbu jeħtieġ li jkun għalhekk emendat.

(3) Il-miżuri msemmija f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni ta’ l-Inbid,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. It-tieni subparagrafu ta’ Artikolu 46(4) tar-Regolament (KE) Nru 1623/2000 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Fil-każ ta’ produtturi li jikkonsenjaw inbid u prodotti sekondarji magħmulin minnhom għal esperimenti kontrollati magħmula mill-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet msemmija f’Artikoli 45, 46 u 47 għandhom japplikaw u għandha tingħata għajnuna fi ħlas bir-rata ta’ EUR 0,277/% vol/el lill-persuna awtorizzata li tagħmel l-esperiment."

2. It-tieni u t-tielet vers ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ Artikolu 64(3) tar-Regolament (KE) Nru 1623/2000 huma sostitwiti b’dan li ġej:

"— għal mill-inqas sitt xhur u mhux aktar minn tnax-il xahar fil-perjodu li jibda mill-1 ta’ Diċembru tas-sena ta’ l-inbid li jkollha x’taqsam sat-30 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara.

Madankollu, għas-sena ta’ l-inbid 2000/01, tista’ tingħata għajnuna sekondarja fi ħlas għal applikazzjonijiet għall-għajnuna mibgħuta matul il-perjodu li jibda mill-1 ta’ Diċembru, 2000, sat-30 ta’ Mejju, 2001, għal mill-inqas sitt xhur u mhux aktar minn tnax-il xahar."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, l-20 ta’ Marzu, 2001.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 179, ta’ l-14.7.1999, p. 1.

[2] ĠU L 328, tat-23.12.2000, p. 2.

[3] ĠU L 194, tal-31.7.2000, p. 45.

[4] ĠU L 323, ta’ l-20.12.2000, p. 4.

--------------------------------------------------