32001R0544



Official Journal L 081 , 21/03/2001 P. 0020 - 0020


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 544/2001

ta’ l-20 ta’ Marzu 2001

li jistabbilixxi r-regoli sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 rigward l-għajnuna finanzjarja addizzjonali għall-fondi operazzjonali

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2200/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-frott u l-ħxejjex ta’ l-ikel [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2826/2001 [2] u b’mod partikolari l-Artikolu 48 tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikolu 15(6) tar-Regoalment (KE) Nru 2200/96 jipprovdi illi l-Istati Membri jiġu awtorizzati li jħallsu lill-organizzazzjonijiet produtturi għajnuna nazzjonali finanzjarja b’żieda mal-fond tal-ħidma. L-Istati Membri jistgħu jitolbu mill-Komunità r-rimborż parzjali ta’ din l-għajnuna addizzjonali.

(2) Il-mod li bih għandha tiġi ffinanzjata din l-għajnuna, kif stabbilita fl-Artikolu 52 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96, kien emendat b’effett mill-1 ts’ Jannar 2000 bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (FAEGG) u li jemenda u jħassar ċerti Regolamenti [3]. Din l-għajnuna għandha titqies fil-futur bħala intervent maħsub sabiex jistabbilizza s-suq skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola [4].

(3) Skond iċ-ċirkostanzi, għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati biex dan il-mod ta’ finanzjament jiġi jaqbel ma’ din is-sitwazzjoni ġdida. Id-disposizzjonijiet għandhom ikollhom x’jaqsmu b’mod partikolari ma’ l-iffissar tal-livell ta’ l-għajnuna Komunitarja disponibbli f’livell komparattiv għal dak li kien disponibbli qabel permezz tal-qafas ta’ l-appoġġ Komunitarju.

(4) Billi d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 56 tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999 ġew applikati mill-1 ta’ Jannar 2000, huwa xieraq illi jiġu applikati d-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għall-għajnuna mħallsa għall-perjodi taż-żmien ta’ kull sena li jibdew mid-data msemmija.

(5) Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Maniġerjali tal-Frott Frisk u l-Ħxejjex ta’ l-Ikel,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

In-nefqa riferita fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 15(6) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 huwa ffinanzjat mit-Taqsima tal-Garanzija tal-FAEGG fil-livell ta’ 50 % ta’ l-għajnuna finanzjarja mogħtija lill-organizzazzjoni produttur.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika għall-għajuna mħallsa rigward il-perjodi taż-żmien ta’ kull sena li jibdew wara l-1 ta’ Jannar 2000.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, f'l-20 ta’ Marzu 2001.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 297, tal-21.11.1996, p. 1.

[2] ĠU L 328, tat-23.12.2000, p. 2.

[3] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 80.

[4] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 103.

--------------------------------------------------