32001L0060



Official Journal L 226 , 22/08/2001 P. 0005 - 0006


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/60/KE

tas-7 ta' Awissu 2001

li taddatta għall-progress tekniku d-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-klassifika, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' preparazzjonijiet perikolużi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 1999 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-klassifika, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' preparazzjonijiet perikolużi [1] u b'mod partikolari l-Artikolu 20 tagħha,

Billi:

(1) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 98/98/KE [2] li taddatta għall-progress tekniku għall-25 darba d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE [3], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2000/33/KE [4], tipprovdi għall-kriterji ġodda u frażi R ġdida (R67) għall-fwar li jista' jikkawża n-ngħas jew l-isturdamenti. Id-disposizzjonijiet stipulati fl-Anness V mad-Direttiva 1999/45/KE għandhom għalhekk jiġu ssupplimentati.

(2) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/59/KE [5] tintroduċi għamla ġdida tal-kliem għall-R tal-frażi R40 meta jiġi assenjat għall-karċinoġeni tal-kategorija 3. Għalhekk l-għamla qadima tal-kliem għall-R tal-frażi R40 għandha issa tiġi riferita bħala l-R68 u għandha tibqa' tintuża għall-mutaġeni tal-kategorija 3 u għal ċerti sustanzi b'effetti irriversibbli li ma jikkaġunawx il-mewt. Huwa għalhekk meħtieġ illi jiġu emendati r-referenzi għall-R40 fl-Anness II mad-Direttiva 1999/45/KE.

(3) Id-Direttiva 2001/59/KE tintroduċi fl-Anness VI mad-Direttiva 67/548/KEE parir aktar ċar dwar il-klassifika tas-sustanzi u l-preparazzjonijiet fir-rigward ta' effetti korrużivi. Huwa għalhekk meħtieġ illi l-Anness II mad-Direttiva 1999/45/KE jiġi ssupplimentat kif jixraq.

(4) Huwa magħruf illi l-preparazzjonijiet tas-siment li jkun fihom il-kromju (VI) jistgħu jikkawżaw allerġiji f'ċerti ċirkustanzi. Huwa għalhekk mixtieq illi dawn il-preparazzjonijiet ikunu meħtieġa li jesibixxu tikketta ta' twissija billi jiġi ssupplimentat l-Annes V ta' mad-Direttiva 1999/45/KE.

(5) Il-miżuri pprovduti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta' l-addattament għall-progress tekniku tad-Direttivi dwar it-tneħħija ta' l-ostakoli tekniċi fil-kummerċ tas-sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi stabbilit bl-Artikolu 20 tad-Direttiva 1999/45/KE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/45/KEE hija emendata kif ġej:

1. Fil-Parti A ta' l-Anness II:

- fil-paragrafu 3.3, l-espressjoni "R40" tiġi sostitwita bi "R68",

- fil-paragrafu 8.2, l-espressjoni "R40" tiġi sostitwita bi "R68" kull darba li tidher,

2. Fil-Parti B ta' l-Anness II:

- fil-paragrafu 2.1, (inkluża t-Tabella II), l-espressjoni "R40" tiġi sostitwita bi "R68" kull darba li tidher,

- fil-paragrafu 2.2, (inkluża t-Tabella II A), l-espressjoni "R40" tiġi sostitwita bi "R68" kull darba li tidher,

- fil-paragrafu 6.1, l-espressjoni "R40" tiġi sostitwita bi "R68" it-tieni darba li tidher (jiġifieri fejn għandha x'taqsam il-kategorija 3 mutaġenika),

- fit-Tabella VI, l-espressjoni "R40" tiġi sostitwita bi "R68" fil-kolonni 1 u 3 tar-raba' filliera (jiġifieri fejn għandha x'taqsam il-katgorija 3 mutaġenika),

- fil-paragrafu 6.2, l-espressjoni "R40" tiġi sostitwita bi "R68" it-tieni darba li tidher (jiġifieri fejn għandha x'taqsam il-kategorija 3 mutaġenika),

- fit-Tabella VI A, l-espressjoni "R40" tiġi sostitwita bi "R68" fil-kolonni 1 u 3 tar-raba' filliera, (jiġifieri fejn għandha x'taqsam il-katgorija 3 mutaġenika),

3. Fil-Parti B ta' l-Anness II, it-Tabelli IV u IV A jiġu supplimentati bin-nota li ġejja:

"NB:

L-applikazzjoni sempliċi tal-metodu konvenzjonali għal preparazzjonijiet li jkun fihom is-sustanzi kklassifikati bħala korrużivi jew irritanti jistgħu jirriżultaw li jiġu klassifikati iktar fil-baxx jew iktar fil-għoli fir-rigward tar-riskju, jekk ma jitqisux fatturi oħra rilevanti (p.e. il-pH tal-preparazzjoni). Għalhekk, meta jkunu qegħdin jiġu kklassifikati għall-korrużività, qis il-parir mogħti fil-paragrafu 3.2.5 ta' l-AnnessVI mad-Direttiva 67/548/KEE u fit-tieni u t-tielet inċiżi ta' l-Artikolu 6(3), ta' din id-Direttiva."

Artikolu 2

L-Anness V(B) mad-Direttiva 1999/45/KE jiġi ssupplimentat biż-żieda tal-paragrafi l-ġodda 11 u 12 bħal fl-Anness I ma' din id-Direttiva.

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva l-iktar tard sat-30 ta' Lulju 2002. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

2. L-Istati Membri għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi riferiti fil-paragrafu 1:

(a) għal-preparazzjonijiet li ma jidħlux fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE [6] dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, jew id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/8/KE [7] dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti bioċidali mit-30 ta' Lulju 2002;

(b) u għal preparazzjonijiet li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 91/414/KEE jew id-Direttiva 98/8/KE mit-30 ta' Lulju 2004.

3. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-disposizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixu kif għandha ssir din ir-referenza.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussel, fis-7 ta' Awissu 2001.

Għall-Kummissjoni

Erkki Liikanen

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 200, tat-30.7.1999, p. 1.

[2] ĠU L 355, tat-30.12.1998, p. 1.

[3] ĠU C 196, tas-16.8.1967, p. 1.

[4] ĠU L 136, tat-8.6.2000, p. 90.

[5] ĠU L 225, tal-21.8.2001, p. 1.

[6] ĠU L 230, tad-19.8.1991, p. 1.

[7] ĠU L 123, ta' l-24.4.1998, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS

Il-paragrafi 11 u 12 li ġejjin huma miżjuda ma’ l-Anness V(B) mad-Direttiva 1999/45/KE:

"11. Il-preparazzjonijiet li jkun fihom sustanza assenjata l-frażi R67: il-fwar li jista’ jikkawża n-ngħas jew l-isturdamenti

Meta preparazzjoni jkun fiha sustanza jew aktar assenjata l-frażi R67, it-tikketta tal-preparazzjoni għandha iġġib il-mod tal-kliem ta' din il-frażi kif stipulat fl-Anness III mad-Direttiva 67/548/KEE, meta l-konċentrazzjoni totali ta' dawn is-sustanzi preżenti fil-preparazzjoni tkun ugwali jew ogħla minn 15 %, għajr jekk:

- il-preparazzjoni tkun diġà kklassifikata bil-frażijiet R20, R23, R26, R68/20, R39/23 jew R39/26,

- jew il-preparazzjoni tkun f'pakkeġġ li ma jaqbiżx il-125 ml.

12. Is-siment u l-preparazzjonijiet tas-siment

L-imballaġġ tas-siment u tal-preparazzjonijiet tas-siment li jkun fihom aktar minn 0,0002 % kromju solubbli (VI) tal-piż totali niexef tas-siment għandu jġib l-iskrizzjoni: "Fih il-kromju (VI). Jista’ jikkawża reazzjoni allerġika" għajr jekk il-preparazzjoni tkun diġà ġiet ittikkettjata bħala sensitizzanti bil-frażi R43."

--------------------------------------------------