32000R2516



Official Journal L 290 , 17/11/2000 P. 0001 - 0002


Ir-Regolament (KE) Nru 2516/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-7 ta' Novembru 2000

li jimmodifika l-prinċipji komuni tas-sistema Ewropea ta' kontabilità nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (ESA) 95 f'dak li għandu x'jaqsam ma' taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali u lijemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 285 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura provduta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea ta' kontabilità nazzjonali u reġjonali fil-Komunità [4] (ESA 95) fih il-qafas ta' riferenza ta' livelli, definizzjonijiet, klassifikazzjonijiet u regoli ta' kontabilità komuni għat-tfassil tal-kontabilità ta' l-Istati Membri għall-ħtiġijiet statistiċi tal-Komunità, sabiex jinkisbu riżultati paragonabbli bejn l-Istati Membri.

(2) L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2223/96 iqiegħed il-kondizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni tista' tadotta emendi għall-metodoloġija tal-ESA 95, maħsuba sabiex jiċċaraw u jtejbu l-kontenut tagħha.

(3) Huwa għalhekk meħtieġ li l-kjarifiki li għandhom x'jaqsmu mar-reġistrar ta' taxxi u ta' kontribuzzjonijiet soċjali fil-ESA 95 jiġu riferiti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill billi dawn il-kjarifikazzjonijiet jimmodifikaw il-kunċetti bażiċi.

(4) L-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' sbilanċ eċċessiv li għandha x'taqsam ma' l-Artikolu 104 tat-Trattat jipprovdi illi l-isbilanċ tal-gvern ifisser is-self nett tas-settur tal-gvern ġenerali kif definit fis-sistema Ewropea ta' kontabilità ekonomika integrata (ESA).

(5) Il-Kumitat tal-Programm ta' l-Istatistiċi (SPC), stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom [5], il-Kumitat ta' l-Istatistiċi Monetarji, Finanzjarji u tal-Bilanċ tal-Pagamenti (CMFB), stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/115/KEE [6], u l-Kumitat tal-Prodott Gross Nazzjonali (Kumitat GNP) jistgħu jiddikjaraw l-opinjoni tagħhom dwar it-trattament tal-kontabilità tat-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali tal-pajjiż speċifiku kull meta jidhrilhom li hija rilevanti.

(6) L-SPC u l-CMFB ġew ikkonsultati.

(7) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2223/96 għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' l-implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [7],

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Għan

L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jimmodifika l-prinċipji komuni tal-ESA 95 f'dak li għandu x'jaqsam ma' taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali sabiex ikun żgurat il-paragun u t-trasparenza fost l-Istati Membri.

L-Artikolu 2

Prinċipji Ġenerali

L-impatt fuq is-self nett tal-gvern ġenerali, ta' taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali reġistrati fis-sistema m'għandhomx jinkludu ammonti li x'aktarx ma jiġux miġbura.

Għaldaqstant, l-impatt fuq is-self nett tal-gvern ġenerali, ta' taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali reġistrati fis-sistema fuq bażi ta' akkumulazzjoni għandu jkun ekwivalenti, fuq ammont raġonevoli ta' żmien, għall-ammonti korrispondenti attwalment riċevuti.

L-Artikolu 3

Trattament ta' taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali fil-kontabilità

Taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali reġistrati fil-kontabilità jistgħu jiġu minn żewġ sorsi: ammonti kif jidhru minn stimi u dikjarazzjonijiet jew irċevuti ta' flus kontanti.

(a) Jekk jintużaw stimi u dikjarazzjonijiet, l-ammonti għandhom ikunu aġġustati b'koeffiċjent li jirrifletti l-ammonti magħmula fuq stima u dawk dikjarati li ma jkunu nġabru qatt. Bħala trattament alternattiv, trasferiment ta' kapital lejn is-setturi rilevanti jista' jkun reġistrat bħala ugwali għall-istess aġġustament. Il-koeffiċjenti għandhom ikunu stmati fuq il-bażi ta' l-esperjenza ta' qabel u l-istennijiet korrenti fejn għandu x'jaqsam ma' ammonti stimati u dikjarati li ma jkunu nġabru qatt. Huma għandhom ikunu speċifiċi għal tipi differenti ta' taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali. L-iffissar ta' dawn il-koeffiċjenti għandu jkun speċifiku għal kull pajjiż, bil-metodu spjegat lill-Kummissjoni (Eurostat) minn qabel.

(b) Jekk jintużaw irċevuti ta' flus kontanti, għandhom ikunu aġġustati skond iż-żmien sabiex il-flus kontanti jiġu attribwiti għal meta saret l-attività li ġġenerat id-dejn tat-taxxa (jew meta l-ammont ta' taxxa kien stabbilit, fil-każ ta' xi taxxi fuq id-dħul). Dan l-aġġustament jista' jkun bażat fuq id-differenza medja ta' żmien bejn l-attività (jew id-determinazzjoni ta' l-ammont ta' taxxa) u l-irċevuta tal-flus kontanti.

L-Artikolu 4

Verifika

1. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tivverifika l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-prinċipji provduti f'dan ir-Regolament.

2. Mis-sena 2000 'il quddiem, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni (Eurostat), qabel l-aħħar ta' kull sena, deskrizzjoni dettaljata tal-metodi li jippjanaw li jużaw għall-kategoriji differenti ta' taxxi u ta' kontribuzzjonijiet soċjali sabiex jimplimentaw dan ir-Regolament.

3. Il-metodi applikati u r-reviżjonijiet possibbli għandhom ikunu soġġetti għal ftehim bejn kull Stat Membru konċernat u l-Kummissjoni (Eurostat).

4. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha żżomm lill-SPC, lill-CMFB u lill-Kumitat GNP infurmati dwar il-metodi u l-kalkolu tal-koeffiċjenti msemmija hawn fuq.

L-Artikolu 5

Implimentazzjoni

Fi żmien 6 xhur mill-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tintroduċi fit-test ta' l-Anness A mar-Regolament (KE) Nru 2223/96, skond il-proċedura fl-Artikolu 4 tiegħu, il-bidliet meħtieġa għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

L-Artikolu 6

Proċedura tal-Kumitat

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2223/96 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"L-Artikolu 4

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Programm ta' l-Istatistika (minn issa 'l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat").

2. Fejn issir riferenza għal dan l-Artikolu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kunsiderazzjoni għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu."

L-Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni għal perjodu ta' transizzjoni ta' mhux iktar minn sentejn sabiex iġibu s-sistemi ta' kontabilità tagħhom fl-istess linja ma' dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-7 ta' Novembru 2000.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

L. Fabius

[1] ĠU C 21 E, tal-25.1.2000, p. 68.

[2] ĠU C 75, tal-15.3.2000, p. 19.

[3] L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' April 2000 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), il-Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2000 (ĠU C 245, tal-25.8.2000, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Ottubru 2000 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU L 310, tat-30.11.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 448/98 (ĠU L 58, tas-27.2.1998, p. 1).

[5] ĠU L 181, tat-28.6.1989, p. 47.

[6] ĠU L 59, tas-6.3.1991, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 96/174/KE (ĠU L 51, ta' l-1.3.1996, p. 48).

[7] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

--------------------------------------------------