31999R0574



Official Journal L 072 , 18/03/1999 P. 0002 - 0005


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 574/1999

tat-12 ta' Marzu 1999

li jiddetermina l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri.

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100c tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

(1) Billi l-Artikolu 100ċ tat-Trattat jeħtieġ li l-Kunsill jiddetermina l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri;

(2) Billi fit-tħejjija tal-lista komuni annessa ma' dan ir-Regolament tirrappreżenta pass importanti lejn l-armonizzazzjoni tal-politika dwar il-viża; billi t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 7a tat-Trattat jistipula partikolarment li s-suq intern għandu jkopri żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment liberu ta', inter alia, persuni huwa żgurat skond it-Trattat; billi l-aspetti l-oħra ta' l-armonizzazzjoni tal-politika dwar il-viża, inklużi l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta' viża, huma materji li għandhom jiġu determinati fl-ambitu xieraq;

(3) Billi r-riskji li għandhom x'jaqsmu mas-sigurtà u ma' l-immigrazzjoni illegali għandhom jingħataw konsiderazjoni ta' prijorità meta l-imsemmija lista komuni tkun imħejjija; billi, b'żieda, ir-relazjonijiet internazzjonali ta' Stati Membri ma pajjiżi terzi jistgħu wkoll li jkollhom rwol;

(4) Billi l-prinċipju li Stat Membru jista' ma jkunx jeħtieġ viża minn persuna li tkun tixtieq taqsam il-fruntieri esterni jekk dik il-persuna jkollha visa maħruġa minn Stat Membru ieħor li tosserva l-kondizzjonijiet armonizzati li jirregolaw il-ħruġ ta' viża u li tkun valida tul il-Komunità kollha jew jekk dik il-persuna jkollha permess xieraq maħruġ minn Stat Membru hija materja li għandha tiġi deċiża fl-ambitu xieraq;

(5) Billi dan ir-Regolament m'għandux ifixkel lil Stat Membru milli jiddeċiedi taħt liema kondizzjonijiet ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti legalment fit-territorju tiegħu jkunu jistgħu jidħlu lura wara li jkunu ħallew it-territorju ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni matul il-perijodu tal-validità tal-permess tagħhom;

(6) Billi, f'każi speċjali li jiġġustifikaw eżenzjoni meta l-ħtiġiet ta' viża jkunu jeżistu fil-prinċipju, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw ċerti kategoriji ta' persuni b'konformita mal-liġi internazzjonali jew il-konswetudini internazzjonali;

(7) Billi, ladarba r-regoli nazzjonali jiddifferixxu dwar persuni mingħajr stat, refuġjati rikonoxxuti u persuni li jipproduċu passaporti jew dokumenti ta' l-ivjaġġar maħruga minn entità jew awtorità territorjali li ma tkunx rikonoxxuta bħala Stat mill-Istati Membri kollha, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar il-ħtiġiet ta' viża għal dak il-grupp ta' persuni, meta l-entità jew awtorità territorjali ma tkunx fuq l-imsemmija lista komuni;

(8) Billi huwa meħtieġ, meta entitajiet ġodda jkunu miżjuda mal-lista, li jitqiesu l-implikazjonijiet diplomatiċi u linji ta' gwida adottati dwar il-materja mill-Unjoni Ewropea; billi, fil-każi kollha, l-inklużjoni ta' pajjiż terz fil-lista komuni huwa kompletament mingħajr preġudizzju għall-i status internazzjonali tiegħu;

(9) Billi d-determinazjoni ta' pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri gġandha tintlaħaq gradatament; billi l-Istati Membri għandhom kontinwament jistinkaw biex jarmonizzaw il-politika tagħhom dwar il-viża f'dak li għandu x'jaqsam ma pajjiżi terzi li ma jkunux fuq il-lista komuni; billi id-dispożizzjonijiet preżenti ma għandhomx jippreġudikaw il-kisba ta' moviment ħieles ta' persuni kif previst fl-Artikolu 7a tat-Trattat; billi il-Kummissjoni għandha tħejji rapport fuq il-progress dwar l-armonizzazzjoni fl-ewwel nofs tas-sena 2001;

(1) Billi, bil-għan li jkun żgurat li s-sistema tkun amministrata apertament u li l-persuni interessati jiġu infurmati, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw ma' l-Istati Membri l-oħra u mal-Kummissjoni l-miżuri li huma jieħdu konformement ma' dan ir-Regolament; billi għal-istess raġunijiet dik l-informazjoni għandha wkoll tkun ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Ċittadini ta' pajjiżi terzi fil-lista komuni fl-Anness għandhom ikunu meħtieġa li jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri.

2. Ċittadini ta' pajjiżi li qabel kienu jagħmlu parti minn pajjiżi fil-lista komuni għandhom ikunu suġġetti għal ħtiġiet tal-paragrafu 1 sakemm u sa meta il-Kunsill jiddeċiedi mod ieħor permezz tal-proċedura stabbilita fid-dispożizzjoni rilevanti tat-Trattat.

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-ħtiġiet tal-viża għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma humiex fuq il-lista komuni.

2. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-ħtiġiet tal-viża għal persuna mingħajr stat u refuġjati rikonoxxuti.

3. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-ħtiġiet tal-viża għal persuni li jipproduċu passaporti jew dokumenti ta' l-ivjaġġar maħruġa minn entità jew awtorità territorjali li ma tkunx rikonoxxuta bħala stat mil-Istati Membri kollha jekk dik l-entità jew awtorità territorjali ma tkunx fuq il-lista komuni.

4. Fi żmien 10 ġranet tax-xogħol tal-bidu fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni il-miżuri li huma jkunu ħadu konformement mal-paragrafi 1, 2 u 3. Aktar miżuri meħudha konformement mal-paragrafu 1 għandhom l-istess ikunu ikkomunikati fi żmien ħames ġranet tax-xogħol.

Il-Kummissjoni għandha tippublika l-miżuri ikkomunikati konformement ma' dan il-paragrafu u l-aġġornamenti tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għall-informazzjoni.

Artikolu 3

Matul l-ewwel nofs tas-sena 2001 il-Kummissjoni għandha tħejji rapport fuq il-progress dwar l-armonizzazzjoni tal-politika ta' viża ta' l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam ma' pajjiżi terzi li ma humiex fuq il-lista komuni u, jekk meħtieġ, jissottomettu proposti lill-Kunsill għal aktar miżuri meħtieġa biex jintlaħaq l-objettiv ta' l-armonizzazzjoni stabbilita fit-Trattat.

Artikolu 4

1. Stat Membru jista jeżenta ċittadini ta' pajjiżi terzi suġġetti għal ħtiġiet ta' viża skond l-Artikolu 1(1) u (2) minn dawn il-ħtiġiet. Dan għandu japplika partikolarment għall-ekwipaġġ ċivili ta' l-ajru u l-baħar, ekwipaġġ tal-kabina ta' l-ajruplani u attendenti fuq titjiriet ta' emerġenza jew titjieret ta' salvataġġ u dawk l-oħrajn li jagħtu l-għajnuna fil-każ ta' diżastru jew inċident u dawk li jkollhom passaport diplomatiku, passaporti ta' qadi uffiċjali u passaporti oħra uffiċjali.

2. L-Artikolu 2(4) għandu japplika mutatis mutandis.

Artikolu 5

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, "viża" għandha tfisser l-awtorizzazzjoni mogħtija jew deċiżjoni meħuda minn Stat Membru li tkun meħtieġa għal dħul fit-territorju tiegħu bil-għan ta':

- soġġorn intenzjonat f'dak l-Istat Membru jew f'diversi Stati Membri ta' mhux aktar minn tliet xhur b'kollox,

- transitu ma tul it-territorju ta' dak l-Istat Membru jew ta' diversi Stati Membri, ħlief għal transitu ma tul iż-żoni internazzjonali ta' ajruporti jew ta' trasferimenti bejn ajruporti fi Stat Membru.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għal aktar armonizzazzjoni bejn Stati Membri individwali, li jmur 'lil hinn mil-lista komuni, li jiddetermina l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tagħhom.

Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu jibda jseħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-12 ta' Marzu 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

O. Schily

[1] ĠU C 11, tal-15.1.1994, p. 15.

[2] ĠU C 128, tad-9.5.1994, p. 350. Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 1999 (li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

--------------------------------------------------

L-ANNESS

LISTA KOMUNI LI HEMM REFERENZA GĦALIHA FL-ARTIKOLU 1

I. STATI

L-Afganistan L-Albanija L-Alġerija L-Angola L-Armenja L-Ażerbajġan Il-Bahrejn Il-Bangladexx Il-Belarussja Benin Bhutan Il-Bulgarija Burkina Faso Burma/Myanmar Burundi Il-Kambodja Il-Kamerun Cape Verde Ir-Repubblika ta' l-Afrika Ċentrali Iċ-Ċad Iċ-Ċina Komoros Il-Kongo Il-Kosta d'Avorju Kuba Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo Dġibuti Ir-Repubblika Domenikana L-Eġittu Il-Gwinea Ekwatorjali L-Eritrea L-Etjopja Ir-Repubblika Federali tal-Jugosalvja (Serbja u Montenegro) | Fiġi Dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja Il-Gabon Il-Gambja Ġeorġja Ghana Gwinea Gwinea-Bissaw Gujana Ħaiti L-Indja L-Indonesja L-Iran L-Iraq Il-Ġordan Il-Kazakhstan Il-Kyrgyzstan Il-Kuwajt Il-Laos Il-Libanu Il-Liberja Il-Libja Il-Madagaskar Il-Maldivi Mali Il-Mawritanja Mawritjus Il-Moldavja Il-Mongolja Il-Marokk Il-Możambik In-Nepal In-Niġer In-Niġerja | Il-Korea ta' Fuq L-Oman Il-Pakistan Il-Papua New Guinea Il-Peru Il-Filippini Il-Katar Ir-Rumanija Ir-Russja Ir-Ruwanda Sao Tome u Principe L-Arabja Sawdita Is-Senegal Sjerra Leone Is-Somalja Sri Lanka Is-Sudan Suriname Is-Sirja It-Taġikistan It-Tanżanija It-Tajlandja Togo It-Tuniżija It-Turkija It-Turkmenistan L-Uganda L-Ukrajna L-Emirati Għarab Magħquda L-Użbekistan Il-Vjetnam Il-Jemen Iż-Żambja |

II. ENTITAJIET U AWTORITAJIET TERRITORJALI LI MA HUMIEX RIKONOXXUTI BĦALA STATI MILL-ISTATI MEMBRI KOLLHA

It-Tajwan

--------------------------------------------------