31999D0468



Official Journal L 184 , 17/07/1999 P. 0023 - 0026


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-28 ta' Ġunju 1999

li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni [1]

(1999/468/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 202 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [3],

Billi:

(1) fl-istrumenti li jadotta, il-Kunsill għandu jikkonferixxi fuq il-Kummissjoni s-setgħat ta' l-implimentazzjoni tar-regoli li l-Kunsill jistabbilixxi; il-Kunsill jista' jimponi ċerti ħtiġiet dwar l-eżerċizzju ta' dawn is-setgħat, jista' wkoll jirriserva għalih id-dritt, f'każi speċifiċi u sostanzjati, li jeżerċita direttament is-setgħat ta' l-implimentazzjoni;

(2) il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 87/373/KEE tat-13 ta'Lulju 1987 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni [4]; dik id-Deċiżjoni pprovdiet numru limitat ta' proċeduri għall-eżerċizzju ta' dawk is-setgħat;

(3) id-dikjarazzjoni Nru 31 annessa ma' l-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta' Amsterdam titlob lill-Kummissjoni biex tibgħat lill-Kunsill proposta li temenda d-Deċiżjoni 87/373/KEE;

(4) għal raġunjiet ta' ċarezza, minflok li tiġi emendata d-Deċiżjoni 87/373/KEE, ġie meqjus li jkun aktar approprjat li tinbidel dik id-Deċiżjoni b'Deċiżjoni ġdida u, għalhekk, li tiġi rrevokata d-Deċiżjoni 87/373/KEE;

(5) l-ewwel skop ta' din id-Deċiżjoni huwa li, bil-għan li tinkiseb aktar konsistenza u antiċipazzjoni fl-għażla tat-tip ta' kumitat, tipprovdi kriterji dwar l-għażla tal-proċeduri tal-kumitat, bil-fehma li dawk il-kriterji jkunu ta' natura mhux vinkolanti;

(6) f'dan ir-rigward, il-proċedura ta' l-amminstrazzjoni għandha tiġi segwita fir-rigward tal-miżuri ta' l-amministrazzjoni bħal dawk relatati ma' l-applikazzjoni tal-politika agrikola u dik tas-sajd komuni jew għall-implimentazzjoni ta' programmi b'implikazzjonijiet sostanzjali fuq il-budget; dawk il-miżuri ta' l-amministrazzoni għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni bi proċedura li tiżgura li d-deċiżjonijiet jittieħdu f'perjodi approprjati; iżda, meta miżuri mhux urġenti jiġu riferiti lill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha teżerċita d-diskrezzjoni li tiddifferixxi l-applikazzjoni tal-miżuri;

(7) il-proċedura regolatorja għandha tiġi segwita fir-rigward ta' miżuri ta' ambitu ġenerali maħsuba biex japplikaw id-dispożizzjonijiet essenzjali ta' strumenti bażiċi, inklużi miżuri rigward il-protezzjoni tas-saħħa jew is-sigurtà tal-bnedmin, l-annimali jew il-pjanti, kif ukoll miżuri maħsuba biex jadattaw jew jaġġornaw ċerti dispożizzjonijiet mhux essenzjali ta' strument bażiku; dawk il-miżuri ta' l-implimentazzjoni għandhom jiġu adottati permezz ta' proċedura effettiva li tkun tikkonforma bis-sħiħ mad-dritt tal-Kummissjoni għal inizjattiva fi kwistjonijiet legali;

(8) il-proċedura konsultattiva għandha tiġi segwita f'kull każ fejn jitqies li jkun l-aktar approprjat; il-proċedura konsultattiva għandha tkompli tintuża f'dawk il-każi fejn tgħodd fil-preżent;

(9) it-tieni skop ta' din id-Direttiva huwa li jissimplifika l-ħtiġiet għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni kif ukoll li jtejjeb l-involviment tal-Parlament Ewropew f'dawk il-każi fejn l-istrument bażiku li jikkonferixxi s-setgħat ta' l-implimentazzjoni fuq il-Kummissjoni kien adottat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat; ġie għalhekk meqjus approprjat li jitnaqqas in-numru ta' proċeduri kif ukoll li jiġu aġġustati b'mod konformi mas-setgħat rispettivi ta' l-istituzzjonijiet involuti u notevolment li tingħata lill-Parlament Ewropew l-opportunità li l-ideat tiegħu jiġu kkunsidrati minn, rispettivament, il-Kummissjoni jew il-Kunsill fil-każi fejn iqis li, rispettivament, abbozz ta' miżura mibgħuta lill-kumitat jew proposta mibgħuta lill-Kunsill skond il-proċedura regolatorja teċċedi s-setgħat ta' l-implimentazzjoni previsti fl-istrument bażiku;

(10) it-tielet skop ta' din id-Deċiżjoni huwa li jtejjeb it-tagħrif lill-Parlament Ewropew billi jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tinformah fuq bażi regolari bil-proċeduri tal-kumitat, li l-Kummissjoni għandha tibgħatlu d-dokumenti relatati ma' l-attivitajiet tal-kumitati u tinformah kull meta l-Kummissjoni tibgħat lill-Kunsill miżuri jew proposti għall-miżuri li għandhom jittieħdu;

(11) ir-raba' skop ta' din id-Deċiżjoni huwa li jtejjeb it-tagħrif lill-pubbliku dwar il-proċeduri tal-kumitat u għalhekk li jkunu japplikaw għall-kumitati l-prinċipji u l-kondizzjonijiet dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti applikabbli għall-Kummissjoni, li jipprovdi għal lista tal-kumitati kollha li jgħinu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni u għal rapport ta' kull sena dwar it-tħaddim tal-Kumitati li għandhom jiġu ppublikati kif ukoll li jipprovdi għar-referenzi kollha tad-dokumenti relatati mal-kumitati li jkunu ntbagħtu lill-Parlament Ewropew li jsiru pubbliċi f'reġistru;

(12) il-proċeduri speċifiċi tal-kumitat maħluq għall-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni u r-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti bit-Trattati li fil-preżent mhux ibbażati fuq id-Deċiżjoni 87/373/KEE m'huma bl-ebda mod milquta minn din id-Deċiżjoni,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Ħlief f'każi speċifiċi u sostanzjati fejn l-istrument bażiku jirriserva lill-Kunsill id-dritt li jeżerċita direttament hu stess ċerti setgħat ta' l-implimentazzjoni, dawk is-setgħat għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni skond id-dispożizzjonijiet relevanti fl-istrument bażiku. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jistipulaw l-elementi essenzjali tas-setgħat hekk konferiti.

Fejn l-istrument bażiku jimponi ħtiġiet proċedurali speċifiċi għall-adozzjoni tal-miżuri ta' l-implimentazzjoni, dawk il-ħtiġiet għandhom ikunu jikkonformaw mal-proċeduri previsti fl-Artikoli 3, 4, 5 u 6.

Artikolu 2

L-għażla tal-metodi proċedurali għall-adozzjoni tal-miżuri ta' l-implimentazzjoni għandha tiġi ggwidata mill-kriterji li ġejjin:

(a) miżuri ta'amministrazzjoni, bħal dawk relatati ma' l-applikazzjoni tal-politka agrikola komuni u dik dwar is-sajd, jew ma' l-implimentazzjoni ta' programmi b'implikazzjonijiet sostanzjali fuq il-budget, għandhom jiġu adottati permezz ta' l-użu tal-proċedura ta' l-amministrazzjoni;

(b) miżuri ta' ambitu ġenerali maħsuba biex japplikaw dispożizzjonijiet essenzjali ta' strumenti bażiċi, inklużi miżuri rigward il-protezzjoni tas-saħħa jew is-sigurtà tal-bnedmin, l-annimali jew il-pjanti, għandhom jiġu adottati bl-użu tal-proċedura regolatorja; fejn strument bażiku jistipula li ċerti dispożizzjonijiet mhux essenzjali ta' l-istrument jistgħu jiġu adattati jew aġġornati permezz ta' proċeduri ta' l-implimentazzjoni, dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati bl-użu tal-proċedura regolatorja;

(ċ) mingħajr preġudizzju għall-punti (a) u (b), il-proċedura konsultattiva għandha tintuża f'kull każ fejn jitqies li tkun l-aktar approprjata.

Artikolu 3

Proċedura konsultattiva

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjjuna minn kumitat konsultattiv magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jibgħat lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz, f'limitu ta' żmien li l-President jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-każ, fejn meħtieġ billi ssir votazzjoni.

3. L-opinjoni għandha tkun irreġistrata fil-minuti; bara minn hekk kull Stat Membru għandu jkollu d-dritt li jitlob li jkollu l-pożizzjoni tiegħu irreġistrata fil-minuti.

4. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-akbar konsiderazzjoni għall-opinjoni li tingħata mill-Kumitat. Din għandha tinforma lill-kumitat dwar il-mod kif l-opinjoni tiegħu tkun ġiet ikkunsidrata.

Artikolu 4

Proċedura ta' l-amministrazzjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjjuna minn kumitat ta' l-amministrazzjoni magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jressaq quddiem il-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz, f'limitu ta' żmien li l-President jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 205(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom ikunu peżati bil-mod stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-President m'għandux jivvota.

3. Il-Kummissjoni għandha, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, tadotta miżuri li għandhom ikunu jgħoddu minnufih. Iżda, jekk dawn il-miżuri ma jkunux skond l-opinjoni tal-kumitat, dawn għandhom jiġu kkomunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill minnufih. F'dak il-każ, il-Kummissjoni tista' tiddifferixxi l-applikazzoni tal-miżuri li tkun iddeċidiet fuqhom għal perjodu li għandu jiġi stabbilit f'kull strument bażiku iżda li fl-ebda każ ma jkun jeċċedi t-tliet xhur mid-data ta' komunikazzjoni ta' dik ix-xorta.

4. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fil-perjodu previst fil-paragrafu 3.

Artikolu 5

Proċedura regolatorja

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjjuna minn kumitat regolatorju kompost mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jressaq quddiem il-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz, f'limitu ta' żmien li l-President jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 205(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom ikunu peżati bil-mod stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-President m'għandux jivvota.

3. Il-Kummissjoni għandha, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, tadotta l-miżuri maħsuba jekk ikunu skond l-opinjoni tal-kumitat.

4. Jekk il-miżuri maħsuba ma jkunux skond l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tresssaq quddiem il-Kunsill proposta rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew.

5. Jekk il-Parlament Ewropew iqis li l-proposta mressqa mill-Kummissjoni skond l-istrument bażiku adottat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat tkun teċċedi s-setgħat ta' l-implimentazzjoni previsti minn dak l-istrument bażiku, dan għandu jinforma lill-Kunsill bil-pożizzjoni tiegħu.

6. Il-Kunsiil jista', fejn approprjat minħabba pożizzjoni bħal dik, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata dwar il-proposta, f'perjodu ta' żmien li għandu jiġi stabbilit f'kull strument bażiku iżda li fl-ebda każ ma jkun jeċċedi t-tliet xhur mid-data tar-referenza lill-Kunsill.

Jekk, f'dak il-perjodu, il-Kunsill ikun wera permezz ta' maġġoranza kwalifikata li jkun jopponi l-proposta, il-Kummissjoni għandha tikkonsidraha mil-ġdid. Din tista' tippreżenta proposta emendata lill-Kunsill, terġa' tressaq l-istess proposta jew tippreżenta proposta leġiżlattiva fuq il-bażi tat-Trattat.

Jekk wara li jiskadi dak l-perjodu l-Kunsill la jkun adotta l-att propost ta' l-implimentazzjoni u lanqas ikun wera l-oppożizzjoni tiegħu għall-proposta tal-miżuri ta' l-implimentazzjoni, l-att propost ta' l-implimentazzjoni għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Proċedura ta' salvagwardja

Il-proċedura li ġejja tista' tiġi applikata meta l-istrument bażiku jikkonferixxi fuq il-Kummissjoni s-setgħa li tiddeċiedi dwar il-miżuri ta' salvagwardja:

(a) Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Kunsill u lill-Istati Membri b'kull deċiżjoni li tirrigwarda l-miżuri ta' salvagwardja. Jista' jiġi stipulat li qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni jkollha tikkonsulta ma' l-Istati Membri skond proċeduri li għandhom jġu stabbiliti f'kull każ;

(b) Kull Stat Membru jista' jirreferi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill f'limitu ta' żmien li għandu jiġi satabbilit fl-istrument bażiku in kwistjoni;

(ċ) Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fil-limitu ta' żmien li għandu jiġi stabbilit fl-istrument bażiku in kwistjoni. Inkella, jista' jiġi stipulat fl-istrument bażiku li l-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jikkonferma, jemenda jew jirrevoka d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni u li, u jekk il-Kunsill ma jkunx ħa deċiżjoni fil-limitu ta' żmien imsemmi hawn fuq, id-deċiżjoni tal-Kummisjoni titqies li tkun ġiet revokata.

Artikolu 7

1. Kull kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura fuq proposta mill-president tiegħu, fuq il-bażi tar-regoli standard tal-proċedurali għandhom jiġu ppublikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Safejn ikun meħtieġ il-kumitati eżistenti għandhom jadattaw ir-regoli tagħhom ta' proċedura skond ir-regoli standard ta' proċedura.

2. Il-prinċipji u l-kondizzjonijiet dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti applikabbli għall-Kummissjoni għandhom japplikaw għall-kumitati.

3. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi informat mill-Kummissjoni dwar il-proċeduri tal-kumitati fuq bażi regolari. Għal dak l-iskop, dan għandu jirċievi l-aġendi tal-laqgħat tal-kumitati, l-abbozz tal-miżuri mressqa quddiem il-kumitati għall-implimentazzjoni ta' l-istrumenti adottati bil-proċedura prevista fl-Artikolu 251 tat-Trattat, u r-riżultati tal-votazzjoni u r-rekords sommarji tal-laqgħat u l-listi ta' l-awtoritajiet li minnhom jagħmlu sehem il-persuni nnominati mill-Istati Membri biex jirrappreżentawhom. Il-Parlament Ewropew għandu wkoll jinżamm informaat kull meta l-Kummissjoni tibgħat lill-Kunsill miżuri jew proposti għall-miżuri li għandhom jittieħdu.

4. Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur mid-data li fiha tidħol fis-seħħ din id-Deċiżjoni, tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, lista tal-Kumitati kollha li jgħinu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni. Din il-lista għandha tispeċifika, b'relazzjoni ma' kull kumitat, l-istrument/i bażiku/ċi li taħthom ikun mwaqqaf il-kumitat. Mill-2000 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha wkoll tippublika rapport ta' kull sena dwar it-tħaddim tal-kumitati.

5. Ir-referenzi tad-dokumenti kollha mibgħuta lill-Parlament Ewropew skond il-paragrafu 3 għandhom isiru pubbliċi f'reġistru li għandu jitwaqqaf mill-Kummissjoni fl-2001.

Artikolu 8

Jekk il-Parlament Ewropew juri, f'Riżoluzzjoni li tispjega r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata, li l-abbozz tal-miżuri ta' l-implimentazzjoni, li l-adozzjoni tagħhom tkun qed tiġi mistħarrġa u li jkunu tressqu quddiem il-kumitat skond strument bażiku adottat skond l-Artikolu 251 tat-Trattat, ikun sa jeċċedi s-setgħat ta' l-implimentazzjoni previsti fl-istrument bażiku, il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid l-abbozz tal-miżuri. Waqt li titqies ir-Riżoluzzjoni u fil-limiti ta' żmien tal-proċedura li tkun qed tittieħed, il-Kummissjoni tista' tressaq abbozz ġdid tal-miżuri lill-kumitat, tkompli bil-proċedura u tressaq proposta quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fuq il-bażi tat-Trattat.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-kumitat bl-azzjoni li jkun fi ħsiebha tieħu fuq ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew u r-raġunijiet tagħha l-għaliex tkun sa tagħmel dan.

Artikolu 9

Id-Deċiżjoni 87/373/KEE għandha titħassar.

Artikolu 10

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-28 ta' Ġunju 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Naumann

[1] Tliet dikjarazzjonijiet fil-minuti tal-Kunsill relatati ma' din id-Deċiżjoni qed jidhru fil-ĠU C 203 tas-17 ta' Ġunju, paġna 1.

[2] ĠU C 279, tat-8.9.1998, p. 5.

[3] L-Opinjoni mogħtija fis-6 ta' Mejju 1999 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU L 197, tat-18.7.1987, p. 33.

--------------------------------------------------