31998R2307



Official Journal L 288 , 27/10/1998 P. 0008 - 0009


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2307/98

tas-26 ta' Ottubru 1998

dwar il-ħruġ ta' liċenzi għall-esportazzjoni ta' ikel tal-klieb u l-qtates li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2309 10 90 li jikkwalifika għal trattament speċjali ta' importazzjoni fl-Isvizzera

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2931/79 ta' l-20 ta' Diċembru 1979 dwar l-għoti ta' għajnuna għall-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli li jistgħu jibbenefikaw minn trattament speċjali għall-importazzjoni f'pajjiżi terzi [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 1(2) tiegħu,

Billi, bħala parti mill-konsultazzjonijiet ma' l-Isvizzera fuq it-twettieq tar-riżultati ta' l-"Uruguay Round", sar ftehim dwar l-introduzzjoni ta' għadd ta' miżuri li jiddisponu, inter alia, għall-importazzjoni bla dazju fl-Isvizzera ta' kwota annwali ta' 6000 tunnellata metrika ta' ikel tal-klieb u l-qtates li joriġina fil-Komunità, li jaqa' taħt il-Kodiċi NM 2309 10, li jinkludi l-Kodiċi NM 2309 10 90; billi l-awtoritajiet Svizzeri huma responsabbli għall-amministrazzjoni tal-kwota:

Billi l-esportazzjoni ta' ikel tal-klieb u l-qtates li taqa' taħt Kodiċi NM 2309 10 90 koperta bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 827/68 [2], kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni(KEE) Nru 195/96 [3] mhix suġġetta għall-preżentazzjoni ta' liċenza ta' l-esportazzjoni:

Billi, sabiex tkun iggarantita l-oriġini mill-Komunità tal-prodotti, liċenzi għall-esportazzjonijiet ta' ikel tal-klieb u l-qtates li jibbenefika minn trattament speċjali għall-importazzjoni fl-Isvizzera għandhom ikunu obbligatorji, billi l-ħruġ ta' liċenzi bħal dawn għandu jkun suġġett għall-preżentazzjoni mill-esportatur ta' dikjarazzjoni li tiċċertifika l-oriġini Komunitarja tal-prodott;

Billi l-liċenzi previsti minn dan ir-regolament mhumiex maħsuba biex jawtorizzaw l-esportazzjoni imma sempliċement biex ikunu ta' prova ta' l-oriġini Komunitarja tal-prodotti esportati; billi, għaldaqstant, mhux meħtieġ li jsir provvediment għal garanzija biex ikun żgurat it-twettieq ta' obbligu biex issir l-esportazzjoni;

Billi d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jissupplimentaw jew jidderogaw mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3719/88 [4], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1044/98 [5]:

Billi l-miżuri previsti minn dan ir-Regolament huma konformi ma' l-opinjoni tal-kumitati kollha ta' ġestjoni konċernati,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jippreskrivi l-arranġamenti dettaljati għall-esportazzjonijiet lejn l-Isvizzera ta' ikel tal-klieb u l-qtates li joriġina mill-Komunità tal-Kodiċi NM 23091090 li jista' jikkwalifika għall-importazzjoni bla dazju fl-Isvizzera bħala parti mill-kwota annwali ta' 6000 tunnellati metriċi ta' ikel tal-klieb u l-qtates li jaqa' taħt il-Kodiċi NM 230910.

Artikolu 2

1. L-esportazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikunu suġġetti għall-preżentazzjoni ta' liċenza ta' esportazzjoni AGREX.

2. Applikazzjonijiet għal liċenzi jiġu biss aċċettati meta l-applikant:

- jiddikjara bil-miktub li l-materjal kollu użat fil-fabbrikazzjoni tal-prodotti li għalihom tkun saret l-applikazzjoni inkiseb kollha kemm hu fl-Unjoni Ewropea,

- jintrabat bil-miktub li jagħti, fuq talba ta' l-awtoritajiet kompetenti, xi provi oħra dwar il-verità li dawn ta' l-aħħar iħossu li huma meħtieġa biex tinħareġ il-liċenza, u li jaċċetta, skond fejn japplika, kull kontroll minn naħa ta' dawn l-awtoritajiet tal-kontijiet u tal-kondizzjonijiet li taħthom ġew iffabbrikati l-prodotti konċernati.

Jekk l-applikant ma jkunx hu stess il-fabbrikant tal-prodotti, għandu jippreżenta dikjarazzjoni simili u garanzija mill-fabbrikant b'appoġġ għall-applikazzjoni tiegħu.

3. Il-kaxxa 20 tal-liċenza u ta' l-applikazzjoni għall-liċenza għandha tagħmel referenza għal dan ir-Regolament u jkun fiha l-kliem "Il-prodott esportat ma jikkwalifikax għal rifużjoni".

4. Il-ħruġ ta' liċenza m'għandux ikun suġġett għal depożitu ta' garanzija.

5. Il-liċenzi jinħarġu fl-iqsar żmien possibbli wara li jintefgħu l-applikazzjonijiet.

6. Il-liċenzji jkunu validi mill-ewwel jum tal-ħruġ tagħhom fis-sens ta' l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KEE) Nru 3719/88 sal-31 ta' Diċembru ta' wara.

7. Fuq talba mill-parti konċernata, għandha tinħareġ kopja ċertifikata tal-liċenza endorsjata.

8. Ir-Regolament (KEE) Nru 3719/88 jgħandu japplika, sakemm ma jkunx hemm dispost mod ieħor f'dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-26 ta' Ottubru 1998.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 334, tat-28.12.1979, pġ. 8.

[2] ĠU L 151, tat-30.6.1968, pġ. 16.

[3] ĠU L 26, tat-2.2.1996, pġ. 13.

[4] ĠU L 331, tat-2.12.1988, pġ. 1.

[5] ĠU L 149, ta' l-20.5.1998, pġ. 11.

--------------------------------------------------