31994R0040



Official Journal L 011 , 14/01/1994 P. 0001 - 0036
Finnish special edition: Chapter 17 Volume 2 P. 0003
Swedish special edition: Chapter 17 Volume 2 P. 0003


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94

ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993

dwar it-trade mark Komunitarja

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b’mod partikolari l-Artikolu 235 ta’ dan it-Trattat,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali, [3]

Billi jkun tajjeb illi wieħed jippromwovi fil-Komunità kollha l-iżvilupp armonjuż ta’ attivitajiet ekonomiċi kif ukoll espansjoni kontinwa u bilanċata permezz tal-ksib ta’ suq intern li jiffunzjona sew u li joffri kundizzjonijiet simili għal dawk ta’ suq nazzjonali; billi sabiex jinħoloq suq ta’ dan it-tip li jkun dejjem iżjed suq waħdieni, hemm bżonn li mhux biss jitneħħew kull ostakoli għall-moviment liberu ta’ merkanzija u servizzi u li jsiru arranġamenti li jiżguraw li l-kompetizzjoni ma tiġix ostakolata, imma wkoll, li jinħolqu kundizzjonijiet legali li jippermettu li l-impriżi jaddattaw l-attivitajiet tagħhom għall-iskala tal-Komunità, kemm fil-manufattura u fid-distribuzzjoni ta’ beni kif ukoll fil-provvediment ta’ servizzi; billi għal dawn l-għanijiet, fost l-istrumenti legali għad-dispożizzjoni ta’ l-impriżi għandu jkun hemm trade marks li jippermettu li l-prodotti u s-servizzi ta’ dawn l-istess impriżi jintgħarfu b’miżati identiċi fil-Komunità kollha, irrispettivament mill-fruntieri;

Billi jidher li huwa meħtieġ li tittieħed azzjoni mill-Komunità sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet ta’ l-istess Kommunità; billi tali azzjoni tinvolvi li jinħolqu arranġamenti Komunitarji għar-rigward ta’ trade marks li permezz tagħhom impriża tkun tista’ tikseb trade mark Komunitarja taħt sistema proċedurali waħda, u li din it-trade mark tingħata l-istess livell ta’ protezzjoni u tkun effettiva bl-istess mod fil-Komunità kollha; billi il-prinċipju tal-karattru waħdieni tat-trade mark Komunitarja kif imsemmi għandu japplika dejjem, ħlief fejn dan ir-Regolament jipprovdi mod ieħor;

Billi l-ostakolu tat-territorjalità tad-drittijiet mogħtija lill-proprjetarji ta’ trade marks mill-liġijiet ta’ l-Istati Membri ma jistawx jitneħħew bl-approssimazzjoni tal-liġijiet; billi sabiex attività ekonomika libera fis-suq komuni kollu tintfetaħ għall-benefiċċju ta’ l-impriżi, hemm bżonn li jinħolqu trade marks li jkunu irregolati b’mod uniformi minn liġi Komunitarja li tkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha;

Billi t-Trattat ma jipprovdix għal poteri speċifiċi sabiex jitwaqqaf tali strument legali, għandu jiġi applikat l-Artikolu 235 tat-Trattat;

Billi madanakollu l-liġi Komunitarja dwar trade marks ma tissostitwix l-liġi ta’ l-Istati Membri dwar trade marks; billi ma jidhirx li huwa ġustifikat li l-impriżi jkunu meħtieġa li japplikaw għar-registrazzjoni tat-trade marks tagħhom bħala trade marks Komunitarji; billi t-trade marks nazzjonali jibqgħu meħtieġa għal dawk l-impriżi li m’għandhomx l-protezzjoni tat-trade marks tagħhom fuq livell Komunitarju;

Billi id-drittijiet fi trade mark Komunitarja ma jistgħux jinkisbu ħlief b’reġistrazzjoni, u billi tali reġistrazzjoni għandha tiġi miċħuda b’mod partikolari meta t-trade mark ma tkunx distintiva, tkun illegali jew tmur kontra drittijiet preċedenti;

Billi l-protezzjoni mogħtija minn trade mark Komunitarja, li għandha l-funzjoni partikolari li tiggarantixxi t-trade mark bħala indikazzjoni ta’ oriġini, hija assoluta f’każ ta’ identiċità bejn il-marka u s-sinjal u l-prodotti jew is-servizzi; billi din il-protezzjoni tapplika wkoll f’każijiet ta’ xebħ bejn il-marka u s-sinjal u l-prodotti jew is-servizzi; billi l-kunċett ta’ xebħ għandu jingħata interpretazzjoni marbuta mal-possibiltà ta’ konfużjoni; billi l-possibilta’ ta’ konfużjoni, li l-apprezzament tagħha tiddependi fuq ħafna elementi u, b’mod partikolari, fuq l-għarfien tat-trade mark fuq is-suq, l-assoċjazzjoni li tista ssir bejn is-sinjal użat u dak registrat, il-livell ta’ xebħ bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi identifikati, tikkostitwixxi l-kundizzjoni speċifika għal tali protezzjoni;

Billi mill-prinċipju taċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-merkanzija jsegwi illi l-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarjam’għandux jitħalla jistabbilixxi lil terzi persuni milli jużaw tali trade mark fir-rigward ta’ merkanzija illi tkunu tpoġġiet f’ċirkulazzjoni fil-Komunità, taħt it-trade mark, minnu jew bil-kunsens tiegħhu, ħlief fejn il-proprjetarju ikollu raġunijiet leġittimi biex jopponi li din il-merkanzija tiġu kkummerċjalizzata aktar;

Billi m’hemm ebda ġustifikazzjoni għall-protezzjoni ta’ trade marks Komunitarji jew, għall-protezzjoni favur trade mark li tkun ġiet irreġistrata qabel trade mark Komunitarja, ħlief fejn it-trade marks ikunu fil-fatt qed jintużaw;

Billi t-trade mark Komunitarja għandha titqies bħala oġġett ta’ proprjetà li jeżisti separatament mill-impriża li tidentifika l-prodotti jew servizzi tagħha permezz ta’ tali trade mark; billi allura, għandu jkun possibli li tali trade mark tiġi trasferita, bla ħsara għall-interess superjuri tal-pubbliku li ma’ jiġix imqarraq b’riżultat ta’ dan it-trasferiment. Għandu jkun possibli wkoll li t-trade mark tingħata bħala sigurta a favur ta’ terza persuna u li tkun is-soġġett ta’ liċenzja;

Billi huma meħtieġa fuq livell Komunitarju miżuri amminstrattivi sabiex tiġi implimentata l-liġi tat-trade marks maħluqa minn dan ir-Regolament fir-rigward ta’ kull trade mark; billi huwa għalhekk essenzjali, li filwaqt li tinżamm l-istruttura istituzzjonali u l-bilanċ ta’ poteri Komunitarji eżistenti, jiġi stabbilit Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u diżinjali) li jkun indipendenti fir-rigward ta’ suġġetti tekniċi u li jgawdi awtonomija legali, amministrativa u finanzjarja; billi għal dan l-iskop huwa neċessarju u xieraq li jkun organu tal-Komunità b’personalità ġuridika u li jeżerċita l-poteri ta’ implimentazzjoni mogħtija lilu minn dan ir-Regolament, u li għandu jopera fil-qafas tal-liġi Komunitarja mingħajr ma jnaqqas mill-kompetenzi eżerċitati mill-istituzzjonijiet Komunitarji;

Billi huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-partijiet affettwati minn deċiżjonijiet ta’ l-Uffiċċju jkunu protetti mill-liġi b’mod li jkun jixraq in-natura speċjali tal-liġi tat-trade marks; billi għandu jkun hemm dritt ta’ appell mid-deċiżjonijiet ta’ l-eżaminaturi u tad-diversi diviżjonijiet ta’ l-Uffiċċju; billi jekk department ma jirrettifikax deċiżjoni tiegħu li tkun ġiet ikkontestata, dan għandu jirrinvija l-appell lill-Bord ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju, li għandu l-kompetenza li jiddeċiedi; billi d-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell huma soġġetti għal azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, li għandha ġurisdizzjoni sabiex tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni kontestata;

Billi skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/591/KEFA, KEE, Euratom ta’ l-24 ta’ Ottubru 1988 li tistabbilixxi Qorti ta’ Prima Istanza tal-Komunitajiet Ewropej [4], kif emendata mid-Deċiżjoni 93/350/Euratom, KEFA, KEE tat-8 ta’ Ġunju 1993 [5], dik il-Qorti għandha teżerċita fi Prima Istanza l-ġurisdizzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja mit-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet — b’mod partikolari fir-rigward ta’ appelli ippreżentati taħt it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 173 tat-Trattat tal-KE — u permezz ta’ azzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni tiegħu, ħlief fejn att li jistabbilixxi organu regolat mill-liġi Komunitarja jipprovdi mod ieħor; billi l-ġurisdizzjoni li dan ir-Regolament jikkonferixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tħassar jew tbiddel deċiżjonijiet tal-qrati ta’ l-appell għandha tiġi eżerċitata mill-Qorti fi prima istanza skond id-Deċiżjoni hawn fuq imsemmija;

Billi sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tat-trade marks Komunitarji l-Istati Membri għandhom jinnominaw, wara li jikkunsidraw is-sistema nazzjonali tagħhom, numru kemm jista’ jkun limitat ta’ qrati nazzjonali ta’ l-ewwel u tat-tieni istanza li jkollhom ġurisdizzjoni fir-rigward tal-vjolazzjoni u tal-validità tat-trade marks Komunitarji;

Billi d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-validità u l-vjolazzjoni ta’ trade marks Komunitarji għandu jkollhom effett u għandhom ikopru t-territorju kollu tal-Komunità, billi dan huwa l-uniku mod kif wieħed jista’ jipprevjeni deċiżjonijiet inkonsistenti minn naħa tal-qrati u ta’ l-Uffiċċju u u kif jista jiġi żgurat li l-karattru waħdieni tat-trade marks Komunitarji ma jiġix imxejjen; billi r-regoli li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Brussel dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar tad-Deċiżjonijiet Ċivili u Kummerċjali għandhom japplikaw fil-każ ta’ kull azzjoni skond il-liġi li tirrigwarda trade marks Komunitarji, ħlief fejn dan ir-Regolament jidderoga minn dawn ir-regoli;

Billi deċiżjonijiet kontradittorji għandom jiġu evitati f’azzjonijiet li jinvolvu l-istess għemil u l-istess partijiet u li jirrigwardaw trade marks Komunitarji u trade marks nazzjonali paralleli; billi għal dan il-għan, meta l-azzjonijiet jinġiebu fl-istess Stat Membru, il-mod kif dan jista’ jinkiseb jaqa taħt il-kompetenza tar-regoli proċedurali nazzjonali, li mhumiex preġudikati minn dan ir-Regolament, waqt li meta l-azzjonijiet jinġiebu fi Stati Membri differenti, ikunu approprjati dispożizzjonijiet msejsa fuq ir-regoli ta’lis pendens u azzjonijiet relatati tal-Konvenzjoni ta’ Brussel hawn fuq imsemmija;

Billi sabiex tiġi garantita l-awtonomija u l-indipendenza sħiħa ta’ l-Uffiċċju, huwa meqjus neċessarju li jkollu budget li d-dħul prinċipali tiegħu jkun jiġi mill-ħlas ta’ dritijiet ta’ l-utenti tas-sistema; billi madanakollu, il-proċedura tal-budget tal-Komunità tibqa’ applikabli fir-rigward ta’ sussidji li jitħallsu mill-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej; billi wkoll, l-verifika tal-kontijiet għandha ssir mill-Qorti ta’ l-Awdituri;

Billi huma meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament, partikolarment fir-rigward ta’ l-adozzjoni u l-emendar ta’ ħlas ta’ drittijiet, u Regolament ta’ Implimentazzjoni; billi dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, assistita minn Kumitat kompost minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri, skond ir-regoli proċedurali li jinsabu fl-Artikolu 2, il-proċedura III(b), tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 87/373/KEE tat-13 ta’ Lulju 1987 li jirregola l-proċeduri li l-Kummissjoni għandha timxi magħhom meta teżerċita l-poteri ta’ implementazzjoni mogħtija lilha [6],

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

IT-TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 1

It-trade mark Komunitarja

1. Trade mark ta’ prodotti jew servizzi li tkun irreġistrata skond il-kundizzjonijiet li jinsabu f’dan ir-Regolament u bil-mod kif jipprovdi dan l-istess Regolament tissejjaħ hawnhekk iżjed il quddiem "trade mark Komunitarja".

2. It-trade mark Komunitarja għandha karattru unitarju. Hija għandha jkollha l-istess effett fil-Komunità kollha: ma tistax tiġi reġistrata, trasferita jew ċeduta, jew tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew li tiddikjaraha bħala invalida, u l-anqas ma jista’ jiġi projbijt l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward tal-Kommunità kollha. Dan il-prinċipju għandu japplika sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor.

L-Artikolu 2

Uffiċċju

Bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament qiegħed jiġi stabbilit Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji), hawnhekk iżjed’ il quddiem imsejjaħ "l-Uffiċċju".

L-Artikolu 3

Kapaċità ta’ aġir

Sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament, kumpaniji jew azjendi u entitajiet ġuridiċi oħra għandhom jitqiesu bħala persuni ġuridiċi jekk, skond it-termini tal-liġi li tirregolahom, huma jkollhom il-kapaċità li jassumu drittijiet u obbligazzjonijiet ta’ kull xorta f’isimhom stess, li jidħlu f’kuntratti jew jagħmlu atti legali oħra u li jfittxu jew li jiġu mfittxija bil-qorti.

IT-TITOLU II

IL-LIĠI TAT-TRADE MARKS

IT-TAQSIMA 1

DEFINIZZJONI TA’ TRADE MARK KOMUNITARJA; KIF TINKISEB TRADE MARK KOMUNITARJA

L-Artikolu 4

Sinjali li jistgħu jintużaw fi trade mark Komunitarja

Trade mark Komunitarja tista’ tikkonsisti f’sinjali li jistgħu jiġu rappreżentati b’mod grafiku, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali, disinnji, ittri, numri, il-forma ta’ prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra.

L-Artikolu 5

Persuni li jistgħu jkunu proprjetarji ta’ trade marks Komunitarji

1. Il-persuni naturali jew ġuridiċi msemmija hawn taħt, fosthom awtoritajiet stabbiliti taħt il-liġi pubblika, jistgħu jkunu proprjetarji ta’ trade marks Komunitarji:

(a) ċittadini ta’ l-Istati Membri; jew

(b) ċittadini ta’ Stati oħrajn li jkunu firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni ta’ Proprjetà Industrijali, hawnhekk iżjed’ il quddiem imsejħa "il-Konvenzjoni ta’ Pariġi"; jew

(ċ) ċittadini ta’ Stati li mhumiex firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u li jkunu domiċiljati jew li jkollhom is-sede tagħhom jew li jkollhom stabbilimenti industrijali jew kummerċjali reali u effettivi fit-territorju tal-Komunità jew ta’ Stat li jkun firmatarju tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi; jew

(d) ċittadini ta’ kull Stat, barra minn dawk imsemmija fis-subparagrafu (ċ), li ma jkunx firmatarju tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u li, skond riżultati pubblikati, jagħti l-istess protezzjoni lit-trade marks ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri li jagħti liċ-ċittadini tiegħu stess, u li jekk ċittadini ta’ l-Istati Membri jkollhom bżonn li jġibu prova ta’ reġistrazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini, jirrikonoxxi r-reġistrazzjoni ta’ trade marks Komunitarji bħala prova ta’ dan.

2. Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tal-paragrafu 1, persuni bla stat kif definiti fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta’ Persuni bla Stat iffirmata f’New York fit-28 ta’ Settembru 1954, u refuġjati kif definiti fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta’ Refuġjati iffirmata f’Ġenevra fit-28 ta’ Lulju 1951 u modifikata bil-Protokoll dwar l-Istatus ta’ Refuġjati iffirmata fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, għandhom jitqiesu bħala ċittadini tal-pajjiż fejn huma jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom.

3. Persuni li huma ċittadini ta’ Stat imsemmi fil-paragrafu 1(d) għandhom iġibu prova li t-trade mark li għaliha qegħdin jissottomettu applikazzjoni għal trade mark Komunitarja hija rreġistrata fl-Istat ta’ oriġini, sakemm, skond riżultati pubblikati, it-trade marks ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri mhumiex registrati fl-Istat ta’ oriġini in kwistjoni mingħajr prova ta’ reġistrazzjoni preċedenti bħala trade mark Komunitarja jew bħala trade mark nazzjonali fi Stat Membru.

L-Artikolu 6

Kif tinkiseb trade mark Komunitarja

Trade mark Komunitarja tinkiseb permezz ta’ reġistrazzjoni.

L-Artikolu 7

Raġunijiet assoluti għal rifjut

1. Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

(a) sinjali li ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4;

(b) trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

(ċ) trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi;

(d) trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jkunu saru użanza tal-lingwa tal-mument jew tal-prattika bona fide u stabbilita tal-kummerċ;

(e) sinjalili jikkonsistu esklussivament f’dawn li ġejjin:

(i) forma li tirriżulta min-natura tal-prodotti nfushom; jew

(ii) forma ta’ merkanzija li hija neċessarja sa biex jinkiseb riżultat tekniku; jew

(iii) forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodotti;

(f) trade marks li jmorru kontra l-ordni publiku jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità;

(g) trade marks li huma ta’ natura li tista’ tqarraq bill-pubbliku, per eżempju fir-rigward tax-xorta, tal-kwalità jew l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew is-servizzi;

(h) trade marks li ma ġewx awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti u li għandhom jiġu miċħuda skond l-Artikolu 6ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi;

(i) trade marks li jinkludu badges, emblemi jew armi ħlief għal dawk imsemmija fl-Artikolu 6ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u li huma ta’ interess publiku partikolari, sa kemm ma jkunx hemm il-kunsens ta’ l-awtoritajiet konċernati.

2. Il-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-Komunità.

3. Il-paragrafu 1(b), (ċ) u (d) m’għandhomx japplikaw jekk it-trade mark tkun saret distintiva fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni minħabba l-użu li jkun sar ta’ din it-trade mark.

L-Artikolu 8

Raġunijiet relattivi għal rifjut

1. Jekk issir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

(a) jekk tkun identika għal trade mark preċedenti u jekk il-prodotti jew servizzi fir-rigward ta’ liem qiegħda ssir l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huma identiċi mal-prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark preċedenti;

(b) jekk minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

2. għall-iskopijiet tal-Paragrafu 1, "Trade marks preċedenti" tfisser:

(a) trade marks tat-tip imsemmija hawn taħt b’data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tiġi qabel dik ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, wara li wieħed iqis, fejn dan ikun xieraq, il-prioritajiet mitluba fir-rigward ta’ dawk it-trade marks:

(i) trade marks Komunitarji;

(ii) trade marks reġistrati fi Stati Membru, jew, fil-każ tal-Belġju, l-Olanda jew il-Lussemburgu, fl-Uffiċċju tat-trade Marks tal-Benelux;

(iii) trade marks reġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fi Stat Membru;

(b) applikazzjonijiet għal trade marks msemmija fis-sub paragrafu (a), bla ħsara għar-reġistrazzjoni tagħhom;

(ċ) trade marks li, fid-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, jew, fejn xieraq, ta’ talba ta’ prijorità fir-rigward ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, huma magħrufa sew f’xi Stat Membru, fis-sens li l-kliem "magħrufa sew" huma wżati fl-Artikolu 6 bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

3. Malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark, it-trade mark m’għandhiex tiġi reġistrata jekk aġent jew rappreżentant tal-proprjetarju tat-trade mark japplika għar-reġistrazzjoni tagħha f’ismu mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju, sakemm l-agent jew ir-rappreżentant ma jiġġustifikax l-azzjoni tiegħu.

4. Malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark mhux reġistrata jew ta’ sinjal ieħor li huwa wżat fil-kummerċ u li mhuwiex biss ta’ sinifikanza lokali, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi rreġistrata, meta u sa fejn, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru li tirregola dak is-sinjal,

(a) id-drittijiet għal dak is-sinjal kienu nkisbu qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, jew id-data tal-prijorità mitluba għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja;

(b) dak is-sinjal jagħti lill-proprjetarju id-dritt li jiprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiv.

5. Barra minn hekk, malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti skond it-tifsira tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata it-trademark preċedenti, meta f’każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti it-trade mark għandha reputazzjoni fil-Komunità u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u dana meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

IT-TAQSIMA 2

L-EFFETTI TA’ TRADE MARKS KOMUNITARJI

L-Artikolu 9

Id-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark Komunitarja

1. It-trade mark Komunitarja tagħti lill-proprjetarju id-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jistabbilixxi lil terzi persuni li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

(a) kull sinjal li huwa identiku għat-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata;

(b) kull sinjal li, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark Komunitarja u l-identiċità jew xebħ mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark Komunitarja u mis-sinjal, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

(ċ) kull sinjal li huwa identiku għal jew li jixbaħ lit-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata, meta din ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fil-Komunità u fejn l-użu mingħajr raġuni valida tas-sinjal ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trademark Komunitarja.

2. Dawn li ġejjin, inter alia, huma projbiti taħt il-paragrafu 1:

(a) it-twaħħil ta’ sinjal mal-prodotti jew ma’ l-imballaġġ tiegħu;

(b) l-offerta ta’ prodotti, it-tqegħid fis-suq jew il-ħżin tagħhom għal dawn l-għanijiet taħt dak is-sinjal, jew l-offerta jew il-provvista ta’ servizzi b’dak l-istess sinjal;

(ċ) l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ prodotti b’dak is-sinjal;

(d) l-użu ta’ sinjal f’gazzetta kummerċjali u fir-riklamar.

3. Id-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark Komunitarja għandhom jipprevalu kontra terzi persuni mid-data ta’ publikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark., Madanakollu, jista’ jintalab kumpens raġonevoli fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jinqalgħu wara d-data tal-publikazzjoni ta’ l-applikazzjonigħal trade mark Komunitarja, jekk dawn ikunu kwistjonijiet li, wara l-publikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark, jkunu projbiti bis-saħħa ta’ l-istess publikazzjoni. Il-qorti li quddiemha jiġi l-każ ma tistax tiddeċiedi fuq il-merti tal-każ qabel ma tiġi ppubblikata r-reġistrazzjoni.

L-Artikolu 10

Riproduzzjoni ta’ trade marks Komunitarji f’dizzjunarji

Jekk ir-riproduzzjoni ta’ trade mark Komunitarja f’dizzjunarju, f’enċiklopedija jew f’xogħol ta’ referenza simili tagħti l-impressjoni li din tikkostitwixxi l-isem ġeneriku tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom it-trade mark hija reġistrata, il-pubblikatur tax-xogħol għandu, fuq talba tal-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja, jagħmel ċert li sa mhux iktar tard mill-edizzjoni li jkun imiss tal-pubblikazzjoni, r-riproduzzjoni tat-trade mark tkun tinkludi indikazzjoni li din hija trade mark reġistrata.

L-Artikolu 11

Projbizzjoni ta’ l-użu ta’ trade mark Komunitarja reġistrata f’isem ta’ aġent jew rappreżentant

Meta trade mark Komunitarja tkun reġistrata f’isem aġent jew rappreżentant ta’ persuna li tkun il-proprjetarju ta’ dik it-trade mark, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju, dan ta’ l-aħħar huwa intitolat li jopponi l-użu tal-marka tiegħu mill-aġent jew mir-rappreżentant tiegħu jekk hu ma jkunx awtorizza dan l-użu, sakemm l-aġent jew ir-rappreżentant ma jiġġustifikax l-azzjonijiet tiegħu.

L-Artikolu 12

Il-limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ trade mark Komunitarja

It-trade mark Komunitarja ma tagħtix jedd lill-proprjetarju li jipprojbixxi lil terza persuna milli tuża fil-kummerċ:

(a) isimha stess jew l-indirizz tagħha;

(b) indikazzjonijiet li jirrigwardaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografiku jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew tas-servizzi;

(ċ) it-trade mark fejn dan huwa meħtieġ sabiex wieħed jindika l-għan intenzjonat tal-prodotti jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts,

sakemm huwa jużahom skond il-konswetudini onesta industrijali jew kummerċjali.

L-Artikolu 13

L-eżawriment tad-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark Komunitarja

1. Trade mark Komunitarja ma tintitolax lill-proprjetarju li jipprojbixxi l-użu tagħha fir-rigward ta’ prodotti li jkunu tqiegħdu fis-suq fil-Komunità taħt dik it-trade mark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu.

2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika meta il-proprjetarju jkollu raġunijiet leġittimi biex jopponi li l-prodotti jkomplu jiġu kumerċjalizzati, speċjalment meta il-kundizzjoni tal-prodotti tinbidel jew issirilha l-ħsara wara li jitqiegħdu fis-suq.

L-Artikolu 14

L-applikazzjoni kumplimentari tal-liġi nazzjonali fir-rigward ta’ vjolazzjoni

1. L-effetti ta’ trade marks Komunitarji għandhom jiġu regolati biss mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. F’aspetti oħrajn, il-vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għandha tiġi irregolata mill-liġi nazzjonali li tirrigwarda il-vjolazzjoni ta’ trade marks nazzjonali skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu X.

2. Dan ir-Regolament m’għandux jipprevjeni li jinfetħu kawżi dwar trade mark Komunitarja taħt il-liġi ta’ l-Istati Membri, partikolarment fir-rigward ta’ l-obbligazzjonijiet ċivili u l-kompetizzjoni nġusta.

3. Ir-regoli ta’ proċedura applikabbli għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu X.

IT-TAQSIMA 3

UŻU TA’ TRADE MARKS KOMUNITARJI

L-Artikolu 15

L-użu ta’ trade marks Komunitarji

1. Jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jew jekk dan l-użu jkun ġie sospiż għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, it-trade mark Komunitarja taqa’ soġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu.

2. Dawn li ġejjin jikkostitwixxu użu kif inhu mifhum fil-paragrafu 1:

(a) l-użu ta’ trade mark Komunitarja f’forma li hija differenti imma biss fir-rigward ta’ ċerti elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tal-marka fil-forma kif hija giet reġistrata;

(b) it-twaħħil tat-trade mark Komunitarja ma’ prodotti jew ma l-imballaġġ tagħhom fil-Komunità għal skopijiet ta’ esportazzjoni biss.

3. L-użu ta’ trade mark Komunitarja bil-kunsens tal-proprjetarju għandu jitqies li jikkostitwixxi użu mill-proprjetarju.

IT-TAQSIMA 4

IT-TRADE MARKS KOMUNITARJI BĦALA PRODOTTI TA’ PROPRJETÀ

L-Artikolu 16

Meta trade marks Komunitarji għandhom jitqiesu bħala trade marks nazzjonali

1. Sakemm l-Artikoli 17 sa 24 ma jipprovdux mod ieħor, trade mark Komunitarja bħala oġġett ta’ propjetà għandha titqies fit-totalita’ tagħha, u fit-territorju kollu tal-Komunità, bħala trade mark nazzjonali reġistrata fl-Istat Membru fejn, skond ir-Reġistru tat-trade marks Komunitarji,

(a) il-proprjetarju għandu s-sede jew id-domiċilju tiegħu fid-data relevanti; jew

(b) fejn is-subparagrafu (a) ma japplikax, il-proprjetarju għandu stabbiliment fid-data relevanti.

2. F’każijiet mhux kontemplati mill-paragrafu 1, l-Istat Membru msemmi f’dak il-paragrafu huwa l-Istat Membru fejn jinsab is-sede ta’ l-Uffiċċju.

3. Jekk żewġ persuni jew iktar huma msemmijin fir-Reġistru tat-trade marks Komunitarji bħala koproprjetarji, il-paragrafu 1 għandu japplika għall-komproprjetarju li jkun imsemmi l-ewwel; jekk dana ma jkunx possibli, għandu japplika għall-komproprjetarji sussegwenti fl-ordni kif inhuma mniżżlin. Meta l-paragrafu 1 ma japplika għal ebda komproprjetarju, għandu japplika l-paragrafu 2.

L-Artikolu 17

Trasferiment

1. It-trade mark Komunitarja tista’ tiġi trasferita, separatament minn kull trasferiment ta’ l-impriża, fir-rigward jew ta’ xi wħud mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata jew fir-rigward ta’ kollha.

2. It-trasferiment ta’ l-impriża kollha jinkludi t-trasferiment tat-trade mark Komunitarja ħlief meta, skond il-liġi li tirregola it-trasferiment, ikun hemm ftehim kuntrarju jew meta ċ-ċikostanzi jiddettaw biċ-ċar mod ieħor. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika għall-obbligazzjoni kuntrattwali biex isir trasferiment ta’ l-impriża.

3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, iċ-ċessjoni tat-trade mark Komunitarja għandha ssir bil-miktub u teħtieġ il-firma tal-partijiet kontraenti, ħlief meta tkun konsegwenza ta’ deċiżjoni; jekk ma ssirx b’dan il-mod hija nulla.

4. Meta jkun jidher b’mod ċar mid-dokument tat-trasferiment li minħabba t-trasferiment it-trade mark Komunitarja aktarx tkun sejra tqarraq bil-publiku fir-rigward tax-xorta, il-kwalità jew l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew servizzi li tkun reġistrata għalihom, l-Uffiċċju m’għandux jirreġistra t-trasferiment sakemm is-suċċessur ma jaqbilx li jillimita r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja għal prodotti jew servizzi li fir-rigward tagħhom aktarx ma tkunx sejra tqarraq.

5. Fuq talba ta’ waħda mill-partijiet it-trasferiment għandu jitniżżel fir-Reġistru u għandu jiġi ippubblikat.

6. Sa kemm it-trasferiment ikun għadu ma tniżżilx fir-Reġistru, is-suċċessur tat-Titolu ma jistax jinqeda bid-drittijiet li jirriżultaw mir-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

7. Meta jkun hemm termini ta’ żmien li għandhom jiġu osservati fil-konfront ta’ l-Uffiċċju, is-suċċessur tat-Titolu jista jagħmel l-istqarrijiet relattivi lill-Uffiċċju la darba it-talba għar-reġistrazzjoni tat-trasferiment tkun waslet l-Uffiċċju.

8. Id-dokumenti kollha li jeħtieġu li jiġu notifikati lill-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja skond l-Artikolu 77 għandhom jiġu indirizzati lill-persuna reġistrata bħala proprjetarju.

L-Artikolu 18

It-trasferiment ta’ trade mark reġistrata f’isem aġent

Meta trade mark Komunitarja tkun reġistrata f’isem aġent jew rappreżentant ta’ persuna li tkun il-proprjetarju ta’ dik it-trade mark, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju, dan ta’ l-aħħar huwa intitolat li jitlob iċ-ċessjoni ta’ l-imsemmija reġistrazzjoni favurih, sakemm l-aġent jew ir-rappreżentant ma jiġġustifikax l-azzjoni tiegħu.

L-Artikolu 19

Drittijiet in rem

1. Trade mark Komunitarja tista’, b’mod indipendenti mill-impriża, tingħata bħala garanzija jew tkun is-soġġett ta’ drittijiet in rem.

2. Fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, id-drittijiet msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitniżżlu fir-Reġistru u għandhom jiġu ppubblikati.

L-Artikolu 20

Imposta fuq l-eżekuzzjoni

1. Jista’ jkun hemm imposta fuq l-eżekuzzjoni ta’ trade mark Komunitarja.

2. Fir-rigward tal-proċedura ta’ imposta fuq l-eżekuzzjoni ta’ trade mark Komunitarja, l-qrati u l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri stabbiliti skond l-Artikolu 16 għandhom ġurisdizzjoni esklussiva.

3. Fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, l-imposta fuq l-eżekuzzjoni għandha titniżżel fir-Reġistru u għandha tiġi ppubblikata.

L-Artikolu 21

Falliment u proċedimenti simili

1. Sa kemm jidħlu fis-seħħ regoli komuni f’dan il-qasam fl-Istati Membri, l-uniku Stat Membru fejn proċediment ta’ falliment jew proċediment similili jirrigwarda trade mark Komunitarja tista’ sseħħ huwa dak fejn dawn il-proċedimenti jinġiebu l-ewwel skond il-liġi nazzjonali jew skond konvenzjonijiet applikabli f’dan il-qasam.

2. Meta jkun hemm proċediment ta’ falliment jew proċediment similili tirrigwarda trade mark Komunitarja, fuq talba ta’ l-awtorita’ nazzjonali kompetenti din għandha titniżżel fir-Registru u għandha tiġi ppubblikata.

L-Artikolu 22

Liċenzjar

1. Trade mark Komunitarja tista’ tiġi liċenzjata fir-rigward ta’ xi wħud mill-prodotti jew servizzi li għalihom hija reġistrata, jew fir-rigward ta’ kollha, għall-Komunità kollha jew għal parti minnha. Il-liċenzja tista tkun esklussiva jew mhux esklussiva.

2. Il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jista’ jinqeda bid-drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark kontra liċensjat li jikser xi dispożizzjoni tal-kuntratt tal-liċenzja fir-rigward tat-tul taż-żmien, il-forma koperta mir-reġistrazzjoni ta’ kif tista tintuża t-trade mark, l-iskop tal-prodotti jew servizzi li għalihom tkun ingħatat il-liċenzja, it-territorju fejn it-trade mark tista’ titwaħħal, jew il-kwalità tal-prodotti fabbrikati jew tas-servizzi provduti mil-liċenzjat.

3. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt tal-liċenzja, il-liċenzjat jista’ jġib proċedimenti ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja biss bil-kunsens tal-proprjetarju. Madanakollu, il-pussessur ta’ liċenzja esklussiva jista jġib dawn il-proċedimenti jekk il-proprjetarju tat-trade mark, wara notifika formali, ma jiftaħx huwa stess proċedimenti ta’ vjolazzjoni fi żmien xieraq.

4. Il-liċenzjat huwa intitolat li jintervjeni fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni miġjuba min-naħa tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja, sabiex jikseb kumpens għad-danni li jkun sofra.

5. Fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, il-ħruġ jew it-trasferiment ta’ liċenzja li tirrigwarda trade mark Komunitarja għandhom jitniżżlu fir-Reġistru u għandhom jiġu ppubblikati.

L-Artikolu 23

Effetti fil-konfront ta’ terzi persuni

1. L-atti ġuridiċi msemmija fl-Artikoli 17, 19 u 22 li jirrigwardaw trade mark Komunitarja għandu jkollhom effett fil-konfront ta’ terzi persuni fl-Istati Membri kollha biss wara li dawn jitniżżlu fir-Reġistru. Madanakollu, att ta’ dan it-tip għandu jkollu effett qabel ma jitniżżel, fil-konfront ta’ terzi persuni li jkunu akkwistaw drittijiet fit-trade mark wara d-data ta’ dak l-att u li jkunu jafu bl-att fid-data meta jakkwistaw id-drittijiet.

2. Il-paragrafu 1 ma japplikax f’każ ta’ persuna li takkwista trade mark Komunitarja jew dritt li jikkonċerna trade mark Komunitarja permezz ta’ trasferiment ta’ l-impriża kollha jew permezz ta’ kull xorta oħra ta’ suċċessjoni universali.

3. L-effetti fil-konfront ta’ terzi persuni ta’ l-atti ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 20 huma regolati mill-liġi ta’ l-Istat Membru stabbilita skond l-Artikolu 16.

4. Sa kemm jidħlu fis-seħħ regoli komuni fl-Istati Membri dwar il-falliment, l-effetti tal-falliment jew ta’ proċedimenti simili fil-konfront ta’ terzi persuni għandhom ikunu regolati skond il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn dawn il-proċedimenti jinġiebu l-ewwel skond il-liġi nazzjonali jew il-konvenzjonijiet applikabli f’dan il-qasam.

L-Artikolu 24

L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja bħala oġġett ta’ propjetà

L-Artikoli 16 to 23 japplikaw għal applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji.

IT-TITOLU III

L-APPLIKAZZJONIET GĦAL TRADE MARKS KOMUNITARJI

IT-TAQSIMA 1

IL-PREŻENTATA TA’ APPLIKAZZJONIJIET U L-KUNDIZZJONIJIET LI JIRREGOLAWHOM

L-Artikolu 25

Il-preżentata ta’ applikazzjonijiet

1. L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandha tiġi preżentata, skond kif jagħżel l-applikant,

(a) fl-Uffiċċju; jew

(b) fl-uffiċċju ċentrali tal-propjetà industrijali ta’ Stat Membru jew ta’ l-Uffiċċju tat-Trade Marks tal-Benelux. Applikazzjoni li tiġi preżentata b’dan il-mod għandha l-istess effett daqs li kieku ġiet preżentata fl-istess data fl-Uffiċċju.

2. Meta l-applikazzjoni tiġi preżentata fl-uffiċċju ċentrali tal-propjetà industrijali ta’ Stat Membru jew fl-Uffiċċju tat-Trade Marks tal-Benelux, dak l-Uffiċċju għandu jagħmel kull mezz sabiex iwassal l-applikazzjoni lill-Uffiċċju fi żmien ġimgħatejn wara li tkun saret il-preżentata. Jista’ jitlob ħlas ta’ dritt mingħand l-applikant li ma jaqbiżx l-ispejjeż amministrattivi li jinqalgħu sabiex l-applikazzjoni tiġi milqugħa u mibgħuta.

3. L-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 li jaslu l-Uffiċċju iktar minn xahar tard wara li jkunu ġew preżentati għandhom jitqiesu li ġew irtirati.

4. Għaxar snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar l-operazzjoni tas-sistema ta’ preżentata ta’ applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji, flimkien ma xi proposti sabiex tiġi mmodifikata din is-sistema.

L-Artikolu 26

Kundizzjonijiet li l-applikazzjonijiet għandhom jħarsu

1. Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandha tikkonsisti f’dawn li ġejjin:

(a) talba għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja;

(b) informazzjoni li tidentifika lill-applikant;

(ċ) lista ta’ prodotti jew servizzi fir-rigward ta’ liem ir-reġistrazzjoni hija mitluba;

(d) xbieha tat-trade mark.

2. L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja hija soġġetta għall-ħlas ta’ dritt fuq l-applikazzjoni, u fejn xieraq, għal ħlas wieħed jew iżjed ta’ drittijiet għal kull klassi.

3. L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandha tħares il-kundizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 140.

L-Artikolu 27

Id-data ta’ preżentata

Id-data ta’ preżentata ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandha tkun id-data meta d-dokumenti bl-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 26(1) jiġu preżentati lill-Uffiċċju mill-applikant jew, jekk l-applikazzjoni tkun ġiet preżentata fl-Uffiċċju ċentrali ta’ Stat Membru jew fl-Uffiċċju tat-trade Marks tal-Benelux, f’dak l-Uffiċċju, bla ħsara għall-ħlas ta’ drittijiet fuq l-applikazzjoni fi żmien xagħar mill-preżentata tad-dokumenti hawn fuq imsemmija.

L-Artikolu 28

Klassifikazzjoni

Il-PPPPppppProdotti u s-servizzi li għalihom tkun saret applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandhom jiġu klassifikati skond is-sistema ta’ klassifikazzjoni speċifikata fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

IT-TAQSIMA 2

PRIJORITÀ

L-Artikolu 29

Id-dritt ta’ prijorità

1. Persuna li tkun preżentat applikazzjoni għal trade mark fi jew għal Stat li jkun parti kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, jew is-suċċessuri tiegħu fit-titolu, għandu jgawdi, għall-iskop tal-preżentata ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għall-istess trade mark fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li jkunu jinsabu fl-applikazzjoni li tkun ġiet ippreżentata jew li jkunu inklużi fiha, dritt ta’ priorita għal perjodu ta’ sitt xhur mid-data tal-preżentata ta’ l-ewwel applikazzjoni.

2. Kull preżentata li hija ekwivalenti għal preżentata regolari taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat fejn tkun saret jew taħt xi ftehim bilaterali jew multilaterali għandha tiġi rikonoxxuta bħala li tagħti lok għal dritt ta’ prijorità.

3. Preżentata nazzjonali regolari tfisser kull preżentata li hija biżżejjed sabiex tiġi stabbilita d-data ta’ meta ġiet preżentata l-applikazzjoni, irrispettivament mill-eżitu ta’ l-applikazzjoni.

4. L-applikazzjoni sussegwenti għal trade mark li kienet s-suġġetta ta’ applikazzjoni preċedenti fir-rigward ta’ l-istess prodotti jew servizzi, u li tkun ġiet ippreżentata fir-rigward ta’ l-istess Stat għandha titqies bħala l-ewwel applikazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-prijorità, sakemm, fid-data tal-preżentata ta’ l-applikazzjoni sussegwenti, l-applikazzjoni preċedenti tkun ġiet irtirata, abbandunata jew miċħuda, mingħajr ma tkun ġiet esposta għal spezzjoni pubblika u mingħajr ma tkun ħalliet drittijiet mhux sodisfatti, u sakemm ma tkunx intużat bħala bażi għal talba għad-dritt ta’ prijorità. L-applikazzjoni preċedenti ma tistax tintuża wara bħala bażi għal talba ta’ dritt ta’ prijorità.

5. Jekk l-ewwel preżentata tkun saret fi Stat li ma jkunx parti kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, il-paragrafi 1 sa 4 għandhom japplikaw biss sa fejn dak l-Istat, skond ir-riżultati ippubblikati, jagħti, fuq bażi ta’ preżentata ta’ l-ewwel li tkun saret l-Uffiċċju u bla ħsara għall-kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk li jinsabu f’dan ir-Regolament, dritt ta’ prijorità b’effett ekwivalenti.

L-Artikolu 30

Talbiet ta’ prijorità

Applicant li jixtieq japprofitta mill-prijorità ta’ applikazzjoni preċedenti għandu jippreżenta dikjarazzjoni ta’ prijorità u kopja ta’ applikazzjoni preċedenti. Jekk il-lingwa ta’ din ta’ l-aħħar ma’ tkunx waħda mil-lingwi ta’ l-Uffiċċju, l-applikant għandu jippreżenta traduzzjoni ta’ l-applikazzjoni preċedenti f’waħda minn dawk il-lingwi.

L-Artikolu 31

Effett ta’ dritt ta’ prijorità

L-effett tad-dritt ta’ prijorità hu li d-data ta’ prijorità tgħodd bħala d-data tal-preżentata ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għall-iskop li jiġi stabbilit liema drittijiet għandhom jingħataw preċedenza.

L-Artikolu 32

Preżentata Komunitarja ekwivalenti għal preżentata nazzjonali

Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li tkun ġiet akkordata data ta’ preżentata għandha, fl-Istati Membri, titqies bħala ekwivalenti għal preżentata nazzjonali regolari, u fejn xieraq bil-prijorità mitluba għall-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

IT-TAQSIMA 3

PRIJORITÀ TA’ WIRJA

L-Artikolu 33

Prijorità ta’ wirja

1. Jekk applikant għal trade mark Komunitarja ikun wera prodotti jew servizzi taħt il-marka li għaliha qiegħed japplika, f’wirja internazzjonali li tkun waħda uffiċjali jew waħda li tkun rikonoxxuta internazjonalment u li taqa’ taħt it-termini tal-Konvenzjoni dwar Wirjiet Internazzjonali iffirmata f’Pariġi fit-22 ta’ Novembru 1928 u riveduta l-aħħar fit-30 ta’ Novembru 1972, huwa jista, jekk jippreżenta l-applikazzjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta’ l-ewwel wirja tal-prodotti jew servizzi taħt il-marka li għaliha huwa qiegħed japplika, jitlob dritt ta’ prijorità minn dik id-data kif skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 31.

2. Applikant li jixtieq jitlob prijorità skond il-paragrafu 1 għandu jippreżenta prova tal-wirja ta’ prodotti jew servizzi taħt il-marka li għaliha qiegħed japplika skond il-kondizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

3. Il-prijorità ta’ wirja mogħtija fi Stat Membru jew f’pajjiż terz ma testendix il-perjodu ta’ prijorità li jinsab fl-Artikolu 29.

IT-TAQSIMA 4

TALBA TA’ L-ANZJANITÀ TA’ TRADE MARK NAZZJONALI

L-Artikolu 34

Talba ta’ l-Anzjanità ta’ trade mark Nazzjonali

1. Il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti reġistrata fi Stat Membru, li tinkludi trade mark reġistrata fil-pajjiżi Benelux, jew reġistrata taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fi Stat Membru, li japplika għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark identika bħala trade mark Komunitarja għal prodotti jew servizzi li huma identiċi għal jew huma inklużi ma’ dawk li għalihom it-trademark preċedenti tkun ġiet irreġistrata, jista jitlob fir-rigward tat-trade mark Komunitarja l-anzjanità tat-trademark preċedenti għall-Istat Membru fejn jew għall-liem tkun reġistrata.

2. L-anzjanità għandha l-effett uniku taħt dan ir-Regolament li, jekk il-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja jċedi t-trademark preċedenti jew iħalliha tiskadi, huwa jitqies li jkompli jgawdi l-istess drittijiet daqs li kieku t-trademark preċedenti baqgħet reġistrata.

3. It-talba ta’ anzjanità ta’ trade mark Komunitarja tiddekadi jekk jiġi iddikjarat li t-trademark preċedenti li għaliha tkun saret talba ta’ anzjanità ġiet revokata jew hija invalida jew jekk tiġi ċeduta qabel ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

L-Artikolu 35

Talba ta’ anzjanità wara r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja

1. Il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti reġistrata fi Stat Membru, inkluża trade mark reġistrata fil-pajjiżi Benelux, jew reġistrata taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fi Stat Membru, li japplika għal trade mark identika sabiex din tiġi reġistrata bħala trade mark Komunitarja għal prodotti jew servizzi li huma identiċi jew li huma inklużi ma’ dawk li għalihom kienet reġistrata t-trade mark preċedenti, jista jitlob għat-trade mark Komunitarja l-anzjanità tat-trade mark preċedenti fir-rigward ta’ l-Istat Membru fejn jew għal liem hija reġistrata.

2. L-Artikoli 34(2) u (3) għandhom japplikaw.

IT-TITOLU IV

IL-PROĊEDURA TA’ REĠISTRAZZJONI

IT-TAQSIMA 1

L-EŻAMINAZZJONI TA’ L-APPLIKAZZJONIJIET

L-Artikolu 36

L-eżaminazzjoni tal-kondizzjonijiet tal-preżentata

1. L-Uffiċċju għandu jeżamina jekk:

(a) l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tissodisfax r-rekwiżiti għall-iffissar ta’ data tal-preżentata skond l-Artikolu 27;

(b) l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tissodisfax l-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni;

(ċ) fejn xieraq, l-imposti ta’ klassi jkunux tħallsu fil-perjodu preskritt.

2. Meta l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ma tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1, l-Uffiċċju għandu jitlob lill-applikant sabiex jirrimedja n-nuqqasijiet jew sabiex jagħmel il-ħlas li kellu jagħmel fiż-żmien preskritt.

3. Jekk n-nuqqasijiet ma jiġux irrimedjati jew il-ħlas ma jsirx skond il-paragrafu 1(a) fil-perjodu msemmi, l-applikazzjoni m’għandhiex titqies bħala applikazzjonigħal trade mark Komunitarja. Jekk l-applikant jikkonforma mat-talba ta’ l-Uffiċċju, l-Uffiċċju għandu jakkorda bħala d-data tal-preżentata ta’ l-applikazzjoni d-data meta n-nuqqasijiet jiġu rimedjati jew meta jsir il-ħlas.

4. Jekk in-nuqqasijiet msemmija fil-paragrafu 1(b) ma jiġux irrimedjati fil-perjodu preskritt, l-Uffiċċju għandu jirrifjuta l-applikazzjoni.

5. Jekk in-nuqqas ta’ ħlas stabbilit taħt il-paragrafu 1(ċ) ma jiġix irrimedjat fil-perjodu preskritt, l-applikazzjoni għandha titqies li ġiet irtirata sakemm ma jkunx ċar liema kategoriji ta’ prodotti jew servizzi huma koperti mill-ammont imħallas.

6. F’każ li l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw t-talba ta’ prijorità ma jiġux sodisfatti, id-dritt ta’ prijorità ta’ l-applikazzjoni jintilef.

7. F’każ li l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw t-talba ta’ anzjanità ta’ trade mark nazzjonali ma jiġux sodisfatti, id-dritt għall-applikazzjoni jintilef.

L-Artikolu 37

L-eżaminazzjoni tal-kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-intitolament tal-proprjetarju

1. Meta, skond l-Artikolu 5, l-applikant ma jistax ikun il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja, l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda.

2. L-applikazzjoni ma tistax tiġi miċħuda qabel ma l-applikant ikun ingħata l-opportunità biex jirtira l-applikazzjoni jew biex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu.

L-Artikolu 38

Eżaminazzjoni ta’ raġunijiet ta’ rifjut assoluti

1. Meta, taħt l-Artikolu 7, trade mark tkun ineliġibli għal reġistrazzjoni fir-rigward ta’ xi wħud mill-prodotti jew servizzi koperti mill-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, jew fir-rigward ta’ kollha, l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda fir-rigward ta’ dawk l-prodotti jew servizzi.

2. Meta t-trade mark ikun fiha element li mhuwiex distintiv, u jekk l-inklużjoni ta’ dan l-element fit-trade mark jista’ jqajjem dubji fir-rigward ta’ sa fejn twassal il-protezzjoni tat-trade mark, l-Uffiċċju jista jitlob, bħala kundizzjoni sabiex it-trade mark tiġi reġistrata, li l-applikant jistqarr li huwa jirrinunċja kull dritt esklussiv f’dak l-element. Kull rinunċja għandha tiġi ppubblikata flimkien ma l-applikazzjoni jew mar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, skond kif ikun il-każ.

3. L-applikazzjoni m’għandhiex tiġi miċħuda qabel ma l-applikant ikun ingħata l-opportunità li jirtira jew jemenda l-applikazzjoni jew biex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu.

IT-TAQSIMA 2

IT-TFITTXIJA

L-Artikolu 39

It-tfittxija

1. Ladarba l-Uffiċċju jkun akkorda data ta’ preżentata lill-applikazzjoni ta’ trade mark Komunitarja u jkun stabbilixxa li l-applikant jissodisfa l-kondizzjonijiet msemmija fl-Artikolu 5, huwa għandu jħejji rapport ta’ tfittxija Komunitarju li jikkwota dawk it-trade marks Komunitarji preċedentijew dawk l-applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji li jkun skopra u li jiġu invokati taħt l-Artikolu 8 kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja li għalija tkun saret applikazzjoni.

2. Hekk kif applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tiġi akkordata data ta’ preżentata, l-Uffiċċju għandu jibgħat kopja lill-Uffiċċju ċentrali tal-proprjetà industrijali ta’ kull Stat Membru li jkun għarraf lill-Uffiċċju bid-deċiżjoni tiegħu li jagħmel tfittxija fir-reġistru tat-trade marks tiegħu stess fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji.

3. Kull wieħed mill-uffiċċji ċentrali għall-propjetà industrijali msemmija fil-paragrafu 2 għandu jibgħat lill-Uffiċċju fi żmien tliet xhur mid-data ta’ meta jkun irċieva l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja rapport ta’ tfittxija li għandu jikkwota jew dawk it-trade marks nazzjonali preċedenti jew l-applikazzjonijiet għal trade marks li jkunu nstabu u li jistgħu jiġu invokati taħt l-Artikolu 8 kontra r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja li għalija tkun saret applikazzjoni, jew għandu jistqarr li mit-tfittxija ma rriżultawx drittijiet bħal dawn.

4. L-Uffiċċju għandu jħallas ammont lil kull uffiċċju ċentrali tal-proprjetà industrjali għal kull rapport ta’ tfittxija li dak l-uffiċċju jkun għamel skond il-paragrafu 3. L-ammont, li għandu jkun l-istess għal kull uffiċċju, għandu jiġi stabbilit mill-Kumitat tal-Budget permezz ta’ deċiżjoni meħuda b’maġġoranza ta’ tliet kwarti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri.

5. L-Uffiċċju għandu jibgħat mingħajr dewmien lill-applikant għal trade mark Komunitarja ir-rapport tat-tfittxiija tal-Komunità u r-rapporti ta’ tfittxija nazzjonali li jkunu waslu fil-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 3.

6. Malli ssir il-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, li ma tistax isseħħ qabel ma jkun skada perjodu ta’ xahar mid-data meta l-Uffiċċju jkun bagħat ir-rapporti ta’ tfittxija lill-applikant, l-Uffiċċju għandu jinforma lill-proprjetarji ta’ trade marks Komunitarji preċedenti jew ta’ applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji imsemmija fir-rapport ta’ tfittxija tal-Komunità dwar il-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

7. Wara ħames snin mill-ftuħ ta’ l-Uffiċċju għall-preżentata ta’ l-applikazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport dwar il-ħidma tas-sistema ta’ tfittxija li tirriżulta minn dan l-Artikolu lill-Kunsill, u dan ir-rapport għandu jinkludi l-ħlas li jkun sar lill-Istati Membri taħt il-paragrafu 4, u, jekk ikun hemm bżonn, proposti xierqa sabiex jiġi emendat dan ir-Regolament bl-iskop li s-sistema ta’ tfittxija tiġi addattata fuq il-bażi ta’ l-esperjenza akkwistata u wara li wieħed iqis l-iżviluppi fil-metodi ta’ tfittxija.

IT-TAQSIMA 3

IL-PUBBLIKAZZJONI TA’ L-APPLIKAZZJONI

L-Artikolu 40

Il-Pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni

1. Jekk il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu soddisfatti mill-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja jkunu ġew sodissfatti u jekk il-perjodu msemmi fl-Artikolu 39(6) ikun skada, l-applikazzjoni għandha tiġi ppubblikata sakemm ma tkunx ġiet miċħuda taħt l-Artikoli 37 u 38.

2. Meta, wara l-pubblikazzjoni, l-applikazzjoni tiġi miċħuda taħt l-Artikoli 37 u 38, id-deċiżjoni li ġiet miċħuda għandha tiġi ppubblikata malli ssir finali.

IT-TAQSIMA 4

OSSERVAZZJONIJIET MINN TERZI PERSUNI U OPPOSIZZJONI

L-Artikolu 41

Osservazzjonijiet minn terzi persuni

1. Wara l-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, kull persuna naturali jew ġuridika u kull grupp jew organu li jirrappreżenta l-fabbrikanti, il-produtturi, il-fornituri ta’ servizzi, in-negozjanti jew il-konsumaturi jista’ tissottometti lill-Uffiċċju osservazzjonijiet bil-miktub, li jispegaw għall-liema raġunijiet taħt l-Artikolu 7, b’mod partikolari, it-trade mark m’għandhiex tiġi reġistrata ex officio. Huma ma jistgħux ikunu partijiet fil-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju.

2. L-osservazzjonijiet msemmija fil-Paragrafu 1 għandhom jiġu notifikati lill-applikant li jista’ jikkummenta dwarhom.

L-Artikolu 42

Opposizzjoni

1. Fi żmien perjodu ta’ tliet xhur wara l-pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, notifika ta’ opposizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tista’ tingħata fuq il-bażi li ma tistax tiġi reġistrata taħt l-Artikolu 8:

(a) mill-proprjetarji ta’ trademarks preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2) kif ukoll minn liċenzjati li jkunu awtorizzati mill-proprjetarji ta’ dawk it-trade marks, fir-rigward ta’ l-Artikoli 8(1) u (5);

(b) mill-proprjetarji ta’ trade marks msemmija fl-Artikolu 8(3);

(ċ) mill-proprjetarji ta’ marki jew sinjali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(4) u minn persuni awtorizzati biex jeżerċitaw dawn id-drittijiet taħt il-liġi nazzjonali relevanti.

2. Notifika ta’ opposizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tista’ tingħata wkoll, bla ħsara għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, fl-eventwalità li tiġi ppubblikata applikazzjoni emendata skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 44(2).

3. L-opposizzjoni għandha tiġi espressa bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li fuqhom tkun qiegħda issir. L-opposizzjoni ma tistax titqies li tkun ġiet preżentata kif dovut qabel ma jsir il-ħlas tad-dritt ta’ l-opposizzjoni. Fi żmien perjodu stabbilit mill-Uffiċċju, l-opponent jista’ jissottometti fatti, xiehda u argumenti sabiex isaħħaħ il-każ tiegħu.

L-Artikolu 43

Eżaminazzjoni ta’ l-opposizzjoni

1. Waqt l-eżaminazzjoni ta’ l-opposizzjoni l-Uffiċċju għandu jistieden lill-partijiet, kemm jista’ jkun spiss, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, fi żmien iffisat lilhom mill-Uffiċċju, dwar il-komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn jew maħruġin minnu stess.

2. Fuq talba ta’ l-applikant, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti li jkun għamel notifika għandu iġib provi li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ publikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ikun sar użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata u li huwa qiegħed isemmi bħala ġustifikazzjoni għall-opposizzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għalfejn m’għandhiex tintuża, sakemm it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun f’dik id-data ilha reġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. F’nuqqas ta’ provi ta’ din ix-xorta, l-opposizzjoni għandha tiġi miċħuda. Jekk it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun intużat f’konnessjoni ma’ parti biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata, hija għandha, għall-finijiet ta’ l-eżaminazzjoni ta’ l-opposizzjoni, titqies li hija reġistrata biss f’konnessjoni ma dik il-parti tal-prodotti jew servizzi.

3. Il-paragrafu 2 japplika għal trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2)(a), u dana billi l-użu f l-Istat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta jiġi sostitwit b’użu fil-Komunità.

4. L-Uffiċċju jista’, jekk jidhirlu li huwa xieraq, jistieden lill-partijiet biex jaslu għal ftehim bonarju.

5. Jekk l-eżaminazzjoni ta’ l-opposizzjoni tikxef li t-trade mark ma tistax tiġi reġistrata fir-rigward ta’ xi ftit mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun saret applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, jew fir-rigward ta’ kollha, l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda fir-rigward ta’ dawk l-prodotti jew servizzi. F’kaz kuntrarju l-opposizzjoni għandha tiġi miċħuda.

6. Id-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għandha tiġi ppubblikata malli ssir finali.

IT-TAQSIMA 5

L-IRTIRAR, IR-RESTRIZZJONI U L-EMENDA TA’ L-APPLIKAZZJONI

L-Artikolu 44

L-irtirar, ir-restrizzjoni u l-emenda ta’ l-applikazzjoni.

1. L-applikant jista’ f’kull ħin jirtira l-applikazzjoni tiegħu għal trade mark Komunitarja jew jirrestrinġi l-lista ta’ prodotti jew servizzi li jkunu jinsabu fiha. Meta l-applikazzjoni tkun diġà ġiet ippubblikata, l-irtirar jew ir-restrizzjoni għandhom jiġu ppubblikati wkoll.

2. F’aspetti oħrajn, l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tista’ biss tiġi emendata, fuq talba ta’ l-applikant, billi ssir korrezzjoni ta’ l-isem jew l-indirizz ta’ l-applikant, żbalji ta’ kitba jew ta’ l-ikkupjar, jew żbalji ovvji, sakemm il-korrezzjoni ma tbiddilx b’mod sostanzjali t-trade mark u ma testendix il-lista ta’ prodotti jew servizzi. Meta l-emendi jaffetwaw ir-rappreżentazzjoni tat-trade mark jew il-lista ta’ prodotti jew servizzi u jsiru wara l-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni, l-applikazzjoni għat-trade mark għandha tiġi ppubblikata kif emendata.

IT-TAQSIMA 6

REĠISTRAZZJONI

L-Artikolu 45

Ir-reġistrazzjoni

Meta applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u meta ma tkunx ingħatat notifika ta’ opposizzjoni fil-perjodu msemmi fl-Artikolu 42(1) jew jekk l-opposizzjoni tiġi miċħuda b’deċiżjoni definittiva, it-trade mark għandha tiġi reġistrata bħala trade mark Komunitarja, sakemm id-dritt fuq ir-reġistrazzjoni jkun ġie mħallas fil-perjodu presritt. Jekk id-dritt ma jiġix imħallas f’dan il-perjodu l-applikazzjoni għandha titqies li ġiet irtirata.

IT-TITOLU V

TUL TA’ ŻMIEN, TIĠDID U TIBDIL TA’ TRADE MARKS KOMUNITARJI

L-Artikolu 46

Tul ta’ żmien tar-reġistrazzjoni

It-trade marks komunitarji għandhom jiġu reġistrati għal perjodu ta’ għaxar snin mid-data tal-preżentata ta’ l-applikazzjoni. Ir-reġistrazzjoni tista’ tiġi mġedda skond l-Artikolu 47 għal perjodi oħrajn ta’ għaxar snin.

L-Artikolu 47

It-tiġdid

1. Ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għandha tiġi mġedda fuq talba tal-proprjetarju tat-trade mark jew ta’ kull persuna espressament awtorizzata minnu, sakemm id-drittijiet ikunu tħallsu.

2. L-Uffiċċju għandu jinforma lill-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja, u lil kull persuna li jkollha dritt reġistrat fir-rigward tat-trade mark Komunitarja, li r-reġistrazzjoni tkun waslet biex tiskadi sew qabel ma din tiskadi. Jekk din l-informazzjoni ma tingħatax, dan ma jinvolvix ir-responsabbiltà ta’ l-Uffiċċju.

3. It-talba għat-tiġdid għandha tiġi sottomessa fi żmien perjodu ta’ sitt xhur li jagħlaq fl-aħħar jum tax-xagħar ta’ meta tispiċċa l-protezzjoni. Id-drittijiet għandhom jiġu mħallsa wkoll f’dan il-perjodu. Jekk dan ma jseħħx, it-talba tista’ tiġi sottomessa u d-drittijiet jistgħu jiġu mħallsa fi żmien perjodu ieħor ta’ sitt xhur wara l-jum msemmi fl-ewwel sentenza, sakemm jiġi mħallas dritt f’dan il-perjodu ieħor.

4. Jekk it-talba tiġi sottomessa jew jekk id-drittijiet jiġu mħallsa biss fir-rigward ta’ xi wħud mill-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark Komunitarja tkun irreġistrata, ir-reġistrazzjoni għandha tiġi mġedda għal dawk l-prodotti jew servizzi biss.

5. It-tiġdid għandu jkollu effett mill-jum ta’ wara d-data meta r-reġistrazzjoni eżistenti tiskadi. It-tiġdid għandu jiġi reġistrat.

L-Artikolu 48

Tibdil

1. It-trade mark Komunitarja m’għandhiex tinbidel fir-Reġistru waqt il-perjodu ta’ reġistrazzjoni jew ladarba tiġġedded.

2. Madanakollu, jekk it-trade mark Komunitarja tinkludi l-isem u l-indirizz tal-proprjetarju, kull tibdil li ma jaffetwax b’mod sostanzjali l-identità tat-trade mark kif kienet reġistrata oriġinarjament jista jiġi reġistrat fuq talba tal-proprjetarju.

3. Il-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-tibdil għandha turi xbieha tat-trade mark Komunitarja kif inbidlet. It-terzi persuni li d-drittijiet tagħhom jistgħu jiġu affetwati mit-tibdil jistgħu jikkontestaw ir-reġistrazzjoni fi żmien perjodu ta’ tliet xhur wara l-pubblikazzjoni.

IT-TITOLU VI

ĊESSJONI, REVOKA U INVALIDITÀ

IT-TAQSIMA 1

ĊESSJONI

L-Artikolu 49

Ċessjoni

1. Trade mark Komunitarja tista’ tiġi ċeduta fir-rigward ta’ xi wħud mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata jew fir-rigward ta’ kollha.

2. Iċ-ċessjoni għandha tiġi iddikjarata lill-Uffiċċju bil-miktub mill-proprjetarju tat-trade mark. M’għandhiex ikollha effett qabel ma tiddaħħal fir-Reġistru.

3. Iċ-ċessjoni għandha tiddaħħal biss bi ftehim mal-proprjetarju ta’ dritt imdaħħal fir-Reġistru. Jekk liċenzja tkun ġiet reġistrata, iċ-ċessjoni għandha tiddaħħal fir-reġistru biss jekk l-proprjetarju tat-trade mark jipprova li huwa jkun għarraf lill-liċenzjat bil-ħsieb tiegħu li jċedi; din l-iskrizzjoni għandha ssir meta jiskadi l-perjodu preskritt mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

IT-TAQSIMA

2

L-Artikolu 50

Raġunijiet għal revoka

1. Id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati malli ssir applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni:

(a) jekk, għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata, u ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu; madanakollu, l-ebda persuna ma tista’ titlob li d-drittijiet tal-proprjetarju fit-trade mark Komunitarja jiġu revokati jekk, waqt l-intervall bejn l-iskadenza tal-perjodu ta’ ħames snin u l-preżentata ta’ l-applikazzjoni jew tal-kontrotalba, użu ġenwin tat-trade mark ikun beda jew issokta; il-bidu jew l-issoktar ta’ użu waqt perjodu ta’ tliet xhur qabel l-preżentata ta’ l-applikazzjoni jew tal-kontrotalba li jkun beda l-iktar kmieni ma l-iskadenza tal-perjodu kontinwu ta’ ħames snin ta’ nuqqas ta’ użu għandu, madanakollu, ma jiġix meqjus jekk il-preparamenti għall-bidu jew għall-issoktar iseħħu biss wara li l-proprjetarju jsir jaf li l-applikazzjoni jew il-kontrotalba jistgħu jiġu preżentati;

(b) jekk, bħala konsegwenza ta’ atti jew inattività tal-proprjetarju, it-trade mark tkun saret l-isem komuni fil-kummerċ ta’ prodott jew servizz li għalih tkun reġistrata;

(ċ) jekk, bħala konsegwenza ta’ l-użu li jkun sar minnha mill-proprjetarju tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom hija reġistrata, it-trade mark aktarx tista’ tqarraq bil-pubbliku, partikolarment fir-rigward tax-xorta, tal-kwalita jew ta’ l-oriġini ġeografika ta’ dawk l-prodotti jew servizzi;

(d) jekk il-proprjetarju tat-trade mark ma jissodisfax aktar il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 5.

2. Meta r-Raġunijiet ta’ revoka ta’ drittijiet jeżistu biss fir-rigward ta’ xi wħud biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata, id-drittijiet tal-proprjetarju għandhom jiġu dikjarati bħala revokati fir-rigward ta’ dawk l-prodotti jew servizzi biss.

IT-TAQSIMA 3

RAĠUNIJIET TA’ INVALIDITÀ

L-Artikolu 51

Raġunijiet assoluti ta’ invalidità

1. Trade mark Komunitarja għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni,

(a) meta t-trade mark Komunitarja tkun ġiet reġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5 jew ta’ l-Artikolu 7;

(b) meta l-applikant jkun aġixxa morożament meta jkun ippreżenta l-applikazzjoni għat-trade mark.

2. Meta t-trade mark Komunitarja tkun ġiet reġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7(1)(b), (ċ) jew (d), tista’ madanakollu ma tiġix iddikjarata invalida jekk, b’konsegwenza ta’ l-użu li jkun sar minnha, hija tkun wara r-reġistrazzjoni akkwistat karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata.

3. Jekk ir-raġuni ta’ invalidità tkun tessisti biss fir-rigward ta’ xi wħud mill-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata, it-trade mark għandha tiġi dikjarata bħala invalida fir-rigward ta’ dawk l-prodotti jew servizzi biss.

L-Artikolu 52

Raġunijiet relattivi ta’ invalidità

1. It — trade mark Komunitarja għandha tiġi dikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni,

(a) meta jkun hemm trademark preċedenti kif msemmi fl-Artikolu 8(2) u l-kundizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 5 ta’ dak l-Artikolu jkunu sodisfatti;

(b) meta ikun hemm trade mark kif imsemmi fl-Artikolu 8(3) u l-kundizzjonijiet msemmija f’dak il-paragrafu jkunu sodisfatti;

(ċ) meta jkun hemm dritt preċedenti kif imsemmi fl-Artikolu 8(4) u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak il-paragrafu jkunu sodisfatti.

2. Trade mark Komunitarja għandha wkoll tiġi dikjarata invalida wara applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni jekk l-użu ta’ din it-trade mark ikun projbijt skond il-liġi nazzjonali li tirregola l-protezzjoni ta’ xi dritt preċedenti ieħor u b’mod partikolari:

(a) dritt ta’ isem;

(b) dritt ta’ pittura personali;

(ċ) dritt ta’ l-awtur;

(d) dritt ta’ propjetà industrijali.

3. Trade mark Komunitarja ma tistax tiġi dikjarata invalida jekk il-proprjetarju ta’ dritt msemmi fil-paragrafi 1 jew 2 jagħti l-kunsens tiegħu espressament għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja qabel ma tiġi sottomessa l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew il-kontrotalba.

4. Meta l-proprjetarju ta’ wieħed mid-drittijiet msemmija fil-paragrafi 1 jew 2 jkun applika qabel għal dikjarazzjoni li trade mark Komunitarja hija invalida jew ikun għamel kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni, huwa ma jistax jissottometti applikazzjoni ġdida għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew jippreżenta kontrotalba fuq il-bażi ta’ dritt ieħor minn dawk imsemmija li huwa seta jinvoka biex isaħħaħ l-ewwel applikazzjoni jew kontrotalba tiegħu.

5. L-Artikolu 51(3) għandu japplika.

L-Artikolu 53

Limitazzjoni bħala konsegwenza ta’ kunsens

1. Meta l-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja ikun tal-kunsens tiegħu, għal perjodu ta’ ħames snin suċċessivi, li jsir użu minn trade mark Komunitarja sussegwenti fil-Komunità waqt li huwa jkun jaf b’dan l-użu, hu ma jkunx intitolat iżjed fuq il-bażi tat-trade mark preċedenti li japplika għal dikjarazzjoni li t-trade mark sussegwenti hija invalida jew li jopponi l-użu tat-trade mark sussegwenti fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom tkun intużat it-trade mark sussegwenti, sakemm l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja sussegwenti ma tkunx saret morożament.

2. Meta l-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2) jew ta’ sinjal preċedenti ieħor msemmi fl-Artikolu 8(4) ikun ta l-kunsens tiegħu, għal perjodu ta’ ħames snin suċċessivi, li jsir użu minn trade mark Komunitarja sussegwenti fl-Istati Membri fejn it-trade mark preċedenti jew is-sinjal preċedenti huwa protett waqt li hu jkun jaf b’dan l-użu, hu ma jkunx intitolat iżjed fuq il-bażi tat-trade mark preċedenti jew tas-sinjal l-ieħor preċedenti li japplika għal dikjarazzjoni li t-trade mark sussegwenti hija invalida jew li jopponi l-użu tat-trade marksussegwentifir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun intużat it-trade mark sussegwenti, sakemm l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja sussegwenti ma tkunx saret morużament.

3. Fil-każijiet msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja sussegwenti mhuwiex intitolat li jopponi l-użu tad-dritt preċedenti, avolja dak id-dritt ma jkunx jista’ jiġi invokat iżjed kontra t-trade mark Komunitarja sussegwenti.

IT-TAQSIMA 4

KONSEGWENZI TA’ REVOKA U TA’ INVALIDITÀ

L-Artikolu 54

Il-konsegwenzi ta’ revoka u ta’ invalidità

1. It-trade mark Komunitarja għandha titqies li ma kellhiex, sa mid-data ta’ l-applikazzjoni għal revoka jew tal-kontrotalba, l-effetti speċifikati minn dan ir-Regolament, sa fejn id-drittijiet tal-proprjetarju jkunu ġew revokati. Tista’ tiġi iffissata data preċedenti meta waħda mir-raġuinijiet għar-revoka tkun seħħet, fid-deċiżjoni fuq talba ta’ waħda mill-partijiet.

2. It-trade mark Komunitarja għandha titqies li ma kellhiex, sa mill-bidu, l-effetti speċifikati minn dan ir-Regolament, sa fejn it-trade mark tkun ġiet iddikjarata invalida.

3. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw it-talbiet għal kumpens għal danni ikkawżati minħabba traskuraġni jew nuqqas ta’ bona fede minn naħa tal-proprjretarju tat-trade mark, jew li jirrigwardaw qliegħ inġust, l-effett retroattiv tar-revoka jew ta’ l-invalidità ta’ trade mark m’għandux jaffetwa:

(a) kull deċiżjoni dwar vjolazzjoni li tkun saret res judicata u li tkun ġiet enforzata qabel id-deċiżjoni ta’ revoka jew ta’ invalidità;

(b) kull kuntratt li jkun ġie konkluż qabel id-deċiżjoni ta’ revoka jew ta’ invalidità, sakemm ikun ġie mwettaq qabel dik id-deċiżjoni; madanakollu, fuq bażi ta’ ekwita jista' jintalab ħlas lura ta’ somom li jkunu diga’ tħallsu taħt il-kuntratt relevanti, sa fejn dan ikun ġustifikat miċ-ċirkostanzi.

IT-TAQSIMA 5

PROĊEDIMENTI FL-UFFIĊĊJU FIR-RIGWARD TA’ REVOKA JEW INVALIDITÀ

L-Artikolu 55

Applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità

1. Applikazzjoni għal revoka tad-drittijiet ta’ proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jew għal dikjarazzjoni li t-trade mark hija invalida tista’ tiġi preżentata lill-Uffiċċju:

(a) meta japplikaw l-Artikoli 50 u 51, minn kull persuna naturali jew ġuridika u minn kull grupp jew organu mwaqqfa bil-għan jirrapreżentaw l-interessi ta’ fabbrikanti, produtturi, fornituri ta’ servizzi, negozjanti jew konsumaturi, u li għandhom il-kapaċità li jfittxu jew li jiġi mfittxija f’isimhom stess skond il-liġi li tirregolahom;

(b) kull fejn japplika l-Artikolu 52(1), mill-persuni msemmija fl-Artikolu 42(1);

(ċ) kull fejn japplika l-Artikolu 52(2), mill-proprjetarji tad-drittijiet preċedenti msemmija f’dik id-dispożizzjoni jew mill-persuni li huma intitolati li jeżerċitaw id-drittijiet in kwistjoni skond il-liġi ta’ l-Istati Membri konċernati.

2. L-applikazzjoni għandha tiġi presentata fi prospett raġunat bil-miktub. M’għandux jitqies li ġie preżentat qabel ma jitħallas id-dritt.

3. Applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija inammissibli jekk applikazzjoni li tirrigwarda l-istess materja u l-istess kawża, u li tinvolvi lill-istess partijiet, tkun ġiet aġġudikata minn qorti fi Stat Membru u tkun saret res judicata.

L-Artikolu 56

L-eżaminazzjoni ta’ l-applikazzjoni

1. Fl-eżaminazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal revoka ta’ drittijiet jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-Uffiċċju għandu jistieden lill-partijiet, kemm jista’ jkun spiss skond il-ħtieġa, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, fi żmien li għandu jiġi iffissat mill-Uffiċċju, dwar komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn jew maħruġa minnu stess.

2. Jekk issir talba mill-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti, li jkun parti fi proċedimenti ta’ invalidità, għandu jġib prova li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, it-trade mark Komunitarja preċedenti intużat b’mod ġenwin fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija reġistrata u li hija iċċitata minnu bħala ġustifikazzjoni għall-applikazzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għan-nuqqas ta’ użu, sakemm sa dik id-data it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun ilha irreġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. Jekk, fid-data meta l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata, it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun ilha li irreġistrata għal mhux inqas minn ħames snin, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti għandu jġib prova li, barra minn hekk, il-kondizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 43(2) kienu soddisfatti f’dik id-data. F’nuqqas ta’ provi f’dan ir-rigward l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tiġi miċħuda. Jekk it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun intużat biss fir-rigward ta’ parti mill-prodotti jew servizzi li għalihom hija irreġistrata, dina għandha titqies, għall-finijiet ta’ l-eżaminazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, bħala reġistrata biss fir-rigward ta’ dik il-parti tal-prodotti jew servizzi.

3. Il-paragrafu 2 għandu japplika għal trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2)(a),billijiġi sostitwit l-użu fi Stat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta b’użu fil-Komunità.

4. L-Uffiċċju jista’, jekk jidhirlu li huwa xieraq, jistieden lil partijiet sabiex jaslu għal ftehim bonarju.

5. Jekk l-eżaminazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal revoka ta’ drittijiet jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità turi li it-trade mark ma kellhiex tiġi reġistrata fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom hija reġistrata jew xi wħud minnhom, id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja għandhom jiġu revokati jew inkella għandha tiġi iddikjarata bħala invalida fir-rigward ta’ dawk l-prodotti jew servizzi. F’kull kas ieħor, l-applikazzjoni għal revoka ta’ drittijiet jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tiġi miċħuda.

6. Id-deċiżjoni li tirrevoka id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jew li tiddikjarha invalida għandha titniżżel fir-Reġistru malli ssir finali.

IT-TITOLU VII

APPELLI

L-Artikolu 57

Id-deċiżjonijiet soġġetti għal appell

1. Għandu jkun hemm dritt ta’ appell minn deċiżjonijiet ta’ l-eżaminaturi, tad-Diviżjonijiet ta’ l-Opposizzjoni, ta’ l-Amministrazzjoni ta’ Trade Marks u Diviżjonijiet Legali u Diviżjonijiet tal-Kanċellazzjoni. Dan għandu jkollu effett sospensiv.

2. Deċiżjoni li ma ttemmx proċedimenti fir-rigward ta’ waħda mill-partijiet tista’ biss tiġi appellata flimkien mad-deċiżjoni finali, sakemm id-deċiżjoni ma tkunx tippermetti appell separat.

L-Artikolu 58

Il-persuni li huma intitolati li jappellaw u li jkunu partijiet fi proċedimenti ta’ appell.

Kull parti fi proċedimenti li tiġi milquta b’mod żvantaġġuż minn deċiżjoni tista’ tappella. Il-partijiet l-oħrajn kollha fl-istess proċedimenti għandhom ikunu partijiet fil-proċedimenti ta’ l-appell bi dritt.

L-Artikolu 59

Terminu u forma ta’ l-appell

Għandha tiġi preżentata notifika ta’ l-appell bil-miktub lill-Uffiċċju fi żmien xagħrejn wara id-data tan-notifika tad-deċiżjoni appellata. In-notifika għandha titqies li ġiet preżentata biss meta l-miżata ta’ l-appell ikun ġie mħallas. Fi żmien erba’ xhur wara d-data tan-notifika tad-deċiżjoni, għandha tiġi preżentata dikjarazzjoni bil-miktub fejn jissemmew il-raġunijiet ta’ l-appell.

L-Artikolu 60

Reviżjoni interlokutorja

1. Jekk id-department li d-deċiżjoni tiegħu tkun kontestata jidhirlu li l-appell huwa ammissibli u fondat sew, dan għandu jirrettifika d-deċiżjoni tiegħu. Dan ma japplikax jekk l-appellant isib opposizzjoni minn parti oħra fil-kawża.

2. Jekk id-deċiżjoni ma tiġix rettifikata fi żmien xahar wara li tkun ġiet irċevuta d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet, l-appell għandu jiġi rinvjat lill-Bord ta’ l-Appell mingħajr dewmien, u mingħajr kummenti li jirrigwardaw il-merti tiegħu.

L-Artikolu 61

Eżaminazzjoni ta’ appelli

1. Jekk l-appell ikun ammissibli, il-Bord ta’ l-Appell għandu jeżamina jekk l-appell huwiex permissibli.

2. Waqt l-eżaminazzjoni ta’ l-appell, il-Bord ta’ l-Appell għandu jistieden lill-partijiet, kemm jista’ jkun spiss skond il-ħtieġa, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, fi żmien perjodu iffissat mill-Bord ta’ l-Appell, dwar il-komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn jew maħruġin minnu stess.

L-Artikolu 62

Deċiżjonijiet dwar appelli

1. Wara li ssir l-eżaminazzjoni tal-permissibilita’ ta’ l-appell, il-Bord ta’ l-Appell għandu jiddeċiedi l-appell. Il-Bord ta’ l-Appell jista jew jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata jew jirrinvija l-każ lill-dak id-dipartiment għal prosekuzzjoni ulterjuri.

2. Jekk il-Bord ta’ l-Appell jirrinvija l-każ għal prosekuzzjoni ulterjuri lid-dipartiment li d-deċiżjoni tiegħu ġiet appellata, dak id-dipartiment huwa marbut bir-ratio decidendi tal-Bord ta’ l-Appell, sa fejn il-fatti ikunu l-istess.

3. Id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell jiġu fis-seħħ biss mid-data ta’ l-iskadenza tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 63(5) jew, jekk tkun infetħet kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fi żmien dak il-perjodu, mid-data ta’ meta tiġi miċħuda dik il-kawża.

L-Artikolu 63

Kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

1. Jistgħu jinfetħu kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell dwar appelli.

2. Il-kawża tista’ tinfetaħ fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter.

3. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni kontestata.

4. Il-kawża hija miftuħa għal kull parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ Appell li tkun intlaqtet b’mod żvantaġġuż mid-deċiżjoni.

5. Il-kawża għandha tinġieb quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fi żmien xagħrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell.

6. L-Uffiċċju huwa meħtieġ li jieħu il-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

IT-TITOLU VIII

IL-MARKI KOLLETTIVI KOMUNITARJI

L-Artikolu 64

Il-marki kollettivi komunitarji

1. Marka Komunitarja kollettiva hija trade mark Komunitarja li hija hekk msejħa meta ssir l-applikazzjoni u li hija kapaċi tiddistingwi l-prodotti jew servizzi tal-membri ta’ l-assoċjazzjoni li hija proprjetarja ta’ dik il-marka minn dawk ta’ impriżi oħrajn. Assoċjazzjonijiet ta’ fabbrikanti, produtturi, fornituri ta’ servizzi, jew negozjanti, skond il-liġi li tirregolahom, għandhom l-kapaċita’ li f’isimhom stess ikollhom drittijiet u obbligi ta’ kull xorta, li jidħlu f’kuntratti jew li jwettqu atti ġuridiċi oħra u li jfittxu u li jiġu mfittxa, kif ukoll persuni ġuridiċi irregolati mill-liġi pubblika, jistgħu japplikaw għal marki kollettivi Komunitarji.

2. B’deroga mill-Artikolu 7(1)(ċ), sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu iservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew servizzi jistgħu jikkostitwixxu marki Komunitarji kollettivi skond it-tifsira tal-paragrafu 1. Marka kollettiva ma tagħtix jedd lill-proprjetarju li jistabbilixxi lil terza persuna milli tuża fil-kummerċ dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet, sakemm huwa jużahom skond il-prattika onesta fl-oqsma ta’ l-industrija u tal-kummerċ; b’mod partikolari, din il-marka ma tistax tiġi invokata kontra terza persuna li hija intitolata li tuża isem ġeografiku.

3. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw għal marki kolletivi Komunitarji, sakemm l-Artikoli 65 sa 72 ma jipprovdux mod ieħor.

L-Artikolu 65

Ir-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-marka

1. L-applikant għal marka Komunitarja kollettiva għandu jissottometti regolamenti li jirregolaw l-użu tagħha fi żmien il-perjodu preskritt.

2. Ir-regolamenti li jirregolaw l-użu għandhom jispeċifikaw il-persuni awtorizzati biex jużaw il-marka, il-kundizzjonijiet għal adeżjoni fl-assoċjazzjoni u, fejn dawn jeżistu, il-kondizzjonijiet għall-użu tal-marka inklużi sanzjonijiet. Ir-regolamenti li jirregolaw l-użu ta’ marka msemmija fl-Artikolu 64(2) għandhom jawtorizzaw lil kull persuna li l-prodotti jew servizzi tagħha joriġinaw miz-zona ġeografika in kwistjoni sabiex din issir membru ta’ l-assoċjazzjoni li hija proprjetarja tal-marka.

L-Artikolu 66

Ċaħda ta’ l-applikazzjoni

1. Flimkien mar-raġunijiet għaċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja kif msemmi fl-Artikoli 36 u 38, applikazzjoni għal marka Komunitarja kollettiva għandha tiġi miċħuda meta d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 64 jew 65 ma jkunux sodisfatti, jew jekk ir-regolamenti li jirregolaw l-użu imorru kontra l-ordni pubbliku jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità.

2. Applikazzjoni għal marka Komunitarja kollettiva għandha wkoll tiġi miċħuda jekk din tista’ tqarraq bil-pubbliku fir-rigward tal-karattru jew sinifikanza tal-marka, b’mod partikolari jekk aktarx tista tiftiehem li hija xi ħaġa differenti minn marka kollettiva.

3. L-applikazzjoni m’għandhiex tiġi miċħuda jekk l-applikant, bħala konsegwenza ta’ emenda fir-regolamenti li jirregolaw l-użu, jissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafi 1 u 2.

L-Artikolu 67

Osservazzjonijiet minn terzi persuni

Minbarra il-kasijiet msemmija fl-Artikolu 41, kull persuna, grupp jew korporazzjoni msemmija f’dak l-Artikolu tista’ tippresenta lill-Uffiċċju osservazzjonijiet bil-miktub ibbażati fuq ir-raġunijiet partikolari li fuqhom l-applikazzjoni għal marka Komunitarja kollettiva għandha tiġi miċħuda skond it-termini ta’ l-Artikolu 66.

L-Artikolu 68

L-użu ta’ marki

L-użu ta’ marka Komunitarja kollettiva minn kull persuna li għandha l-awtorità li tużaha għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, sakemm il-kondizzjonijiet l-oħrajn imposti minn dan ir-Regolament fir-rigward ta’ l-użu ta’ trade marks Komunitarji huma soddifatti.

L-Artikolu 69

L-emenda tar-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-marka

1. Il-proprjetarju ta’ marka Komunitarja kollettiva għandu jissottometti lill-Uffiċċju kull regolamenti emendati li jirregolaw l-użu.

2. L-emenda m’għandhiex tissemma fir-Reġistru jekk ir-regolamenti emendati ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 65 jew jinvolvu waħda mir-raġunijiet għal ċaħda msemmija fl-Artikolu 66.

3. L-Artikolu 67 għandu japplika għal regolamenti emendati li jirregolaw l-użu.

4. Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-emendi tar-regolamenti li jirregolaw l-użu għandhom jidħlu fis-seħħ biss mid-data ta’ meta referenza għall-emenda titniżżel fir-reġistru.

L-Artikolu 70

Il-persuni li huma intitolati jiftħu kawża ta’ vjolazzjoni

1. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 22(3) u (4) li jirrigwardaw id-drittijiet ta’ liċenzjati għandhom japplikaw għal kull persuna li għandha l-awtorita’ li tuża marka Kommunitarja kollettiva.

2. Il-proprjetarju ta’ marka Komunitarja kollettiva huwa intitolat li jitlob kumpens f’isem persuni li għandhom awtorita’ li jużaw il-marka jekk dawn ikunu sofrew danni b’konsegwenza ta’ użu mhux awtorizzat tal-marka.

L-Artikolu 71

Ir-raġunijiet għal revoka

Minbarra r-raġunijiet għal revoka msemmija fl-Artikolu 50, id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ marka Komunitarja kollettiva għandhom jiġu revokati fuq applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni, jekk:

(a) il-proprjetarju ma jieħux passi raġonevoli sabiex jipprevjeni li l-marka tintuża b’mod li huwa inkumpatibbli mal-kundizzjonijiet ta’ l-użu, jekk dawn ikunu jeżistu, li jinsabu fir-regolamenti li jirregolaw l-użu, u l-emendi ta’ liem, fejn dan huwa approprjat, huma msemmija fir-Reġistru;

(b) il-mod kif il-marka intużat mill-proprjetarju wassal sabiex din tista’ tqarraq bil-pubbliku bil-mod msemmi fl-Artikolu 66(2);

(ċ) tkun saret referenza fir-Reġistru għal emenda tar-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-marka, u dana bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 69(2), sakemm il-proprjetarju tal-marka ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet billi jemenda ulterjorment ir-regolamenti li jirregolaw l-użu.

L-Artikolu 72

Ir-raġunijiet ta’ invalidità

Minbarra r-raġunijiet ta’ invalidità provduti fl-Artikoli 51 u 52, marka Komunitarja kollettiva li hija reġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 66 għandha tiġi ddikjarata invalida malli ssir applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni, sakemm il-proprjetarju tal-marka ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ dawk id-dispożizzjonijiet billi jemenda r-regolamenti li jirregolaw l-użu.

IT-TITOLU IX

PROĊEDURA

IT-TAQSIMA 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 73

Stqarrija tar-raġunijiet li fuqhom id-deċiżjonijiet huma bbażati

Id-deċiżjonijiet ta’ l-Uffiċċju għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Dawn għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew fuq xiehda fir-rigward ta’ liem il-partijiet konċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom.

L-Artikolu 74

L-eżaminazzjoni tal-fatti mill-Uffiċċju fuq inizzjattiva tiegħu stess.

1. Fi proċedimenti quddiemu l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ippreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.

2. L-Uffiċċju jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati.

L-Artikolu 75

Il-proċedimenti orali

1. Jekk l-Uffiċċju jqis li proċedimenti orali jisgħu ikunu spedjenti dawn għandhom isiru fuq l-inizzjattiva ta’ l-Uffiċċju jew fuq talba ta’ kull parti fil-proċedimenti.

2. Il-proċedimenti orali quddiem l-eżaminaturi, id-Diviżjoni ta’ l-Opposizzjoni u l-Amministrazzjoni tat-Trade Marks u d-Diviżjoni Legali m’għandhomx isiru fil-pubbliku.

3. Il-proċedimenti orali, inkluża l-pronunzja tad-deċiżjoni, għandhom isiru fil-pubbliku quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u l-Bordijiet ta’ l-Appell, sakemm id-dipartiment li quddiemu l-proċedimenti ikunu qegħdin isiru ma jiddeċiedix mod ieħor f’kasijiet fejn l-attendenza tal-pubbliku jista’ jkollu żvantaġġi serji u mhux ġustifikati, b’mod partikolari għall-waħda mill-partijiet fil-proċedimenti.

L-Artikolu 76

Kif għandha tittieħed ix-xiehda

1. F’kull proċedimenti quddiem l-Uffiċċju, l-miżati ta’ kif għandha tingħata jew tinkiseb ix-xiehda għandhom jinkludu dan li ġej:

(a) is-smigħ tal-partijiet;

(b) talbiet għall-informazzjoni;

(ċ) il-preżentata ta’ dokumenti u prodotti oħra ta’ xiehda;

(d) is-smigħ ta’ xhieda;

(e) l-opinjonijiet ta’ esperti;

(f) stqarrijiet bil-miktub ġuramentati jew affermati jew li għandhom effett simili taħt il-liġi ta’ l-Istat fejn tinkiteb l-istqarrija.

2. Id-dipartiment relevanti jista’ jikkummissjona lill-wieħed mil-membri tiegħu biex jeżamina x-xiehda preżentata.

3. Jekk l-Uffiċċju jidhirlu li huwa meħtieġ li xi parti, xhud jew espert jagħtu x-xiehda tagħhom viva voce, huwa jista’ joħroġ ċitazzjoni kontra l-persuna in kwistjoni sabiex din tidher quddiemu.

4. Il-partijiet għandhom jiġu infurmati bil-miktub dwar is-smigħ ta’ xhud jew ta’ espert quddiem l-Uffiċċju. Huma għandhom id-dritt li jkunu preżenti u li jagħmlu mistoqsijiet lix-xhud jew lill-espert.

L-Artikolu 77

In-notifikazzjoni

L-Uffiċċju għandu, fil-prattika, jinnotifika lil dawk ikkonċernati dwar id-deċiżjonijiet u ċ-ċitazzjonijiet u dwar kull notifika jew kull komunikazzjoni oħra li minnhom jiġi ikkalkulat terminu ta’ żmien, jew li dwarhom dawk konċernati għandhom jiġu notifikati skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jew tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, jew li tagħhom tkun ġiet ordnata n-notifika mill-President ta’ l-Uffiċċju.

L-Artikolu 78

Restitutio in integrum

1. L-applikant jew il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jew kull parti oħra fi proċedimenti quddiem l-Uffiċċju, li ma jkunux f’pożizzjoni li josservaw terminu ta’ żmien fil-konfront ta’ l-Uffiċċju minkejja li jkunu għamlu dak kollu meħtieġ miċ-ċirkustanzi, għandhom, wara li ssir applikazzjoni, jingħataw lura d-drittijiet tagħhom jekk in-nuqqas ta’ osservanza in kwistjoni jkollha l-konsegwenza diretta, minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, li tikkawża t-telfien ta’ kull dritt jew mezz ta’ rimedju.

2. L-applikazzjoni għandha tiġi preżentata bil-miktub fi żmien xagħrejn mit-tneħħija tal-kawża ta’ non-konformità mat-terminu. L-att li ma jkunx sar għandu jsir fi żmien dan il-perjodu. L-applikazzjoni hija biss ammissibbli fi żmien sena immedjatament wara l-iskadenza tat-terminu mhux osservat. F’każ fejn it-talba għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni ma tiġix sottomessa jew il-ħlas dovut għat-tiġdid ma jsirx, il-perjodu supplimentari ta’ sitt xhur msemmi fl-Artikolu 47(3), fit-tielet sentenza, għandu jitnaqqas mill-perjodu ta’ sena.

3. L-applikazzjoni għandha tistqarr ir-raġunijiet li fuqhom hija ibbażata u għandha tippreżenta l-fatti li fuqhom hija msejjsa. M’għandhiex titqies li ġiet preżentata qabel ma jsir il-ħlas dovut għall-istabbiliment mill-ġdid tad-drittijiet.

4. Id-dipartiment li għandu l-kompetenza li jiddeċiedi dwar l-att li ma jkunx sar għandu jieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni.

5. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma japplikawx għat-termini msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, fl-Artikoli 29(1) u 42 (1).

6. Meta l-applikant jew il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jingħataw lura d-drittijiet tagħhom, hu huma ma jistawx jużaw d-drittijiet tagħhom kontra terza persuna li, in bona fede, tkun poġġiet fuq is-suq jew provdiet servizzi taħt sinjal li huwa identiku jew simili għat-trade mark Komunitarja waqt il-perjodu ta’ bejn it-telf tad-drittijiet ta’ l-applikazzjoni jew tat-trade mark Komunitarja u l-pubblikazzjoni tar-referenza għall-istabbiliment mill-ġdid ta’ dawk id-drittijiet.

7. Terza persuna li tista’ tinqeda mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 6 tista tiftaħ proċedimenti ta’ terza persuna kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha jkunu ġew stabbiliti mill-ġdid id-drittijiet ta’ l-applikant jew tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja fi żmien perjodu ta’ xagħrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza għall-istabbiliment mill-ġdid ta’ dawk id-drittijiet.

8. Xejn f’dan l-Artikolu ma jillimita d-dritt ta’ Stati Membru li jagħti restitutio in integrum fir-rigward ta’ termini ta’ żmien provduti minn dan ir-Regolament u li għandhom jiġu osservati fil-konfront ta’ l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat.

L-Artikolu 79

Referenza għall-prinċipji ġenerali

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet procedurali f’dan ir-Regolament, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, ir-regolamenti dwar miżati jew ir-regolamenti tal-proċedura tal-Bordijiet ta’ l-Appell, l-Uffiċċju għandu jimxi fuq il-prinċipji ta’ liġi proċedurali ġeneralment rikonoxxuti mill-Istati Membri.

L-Artikolu 80

Terminazzjoni ta’ obbligi finanzjarji

1. Id-drittijiet ta’ l-Uffiċċju għal-ħlas ta’ miżata jiddekadu wara erba’ snin mit-tmiem tas-sena kalendarja meta il-ħlas ġie dovut.

2. Id-drittijiet kontra l-Uffiċċju għar-rimborż ta’ l-eċċess imħallas fuq miżati jew somom ta’ flus jiddekadu wara erba’ snin mit-tmiem tas-sena kalendarja meta nħoloq id-dritt.

3. Il-perjodu stabbilit fil-paragrafi 1 u 2 għandu jiġi interrott fil-każ msemmi mill-paragrafu 1 permezz ta’ talba għall-ħlas ta’ dritt u fil-każ msemmi fil-paragrafu 2 minn talba raġonata bil-miktub. Malli jkun hemm interruzzjoni għandu jerġa jibda immedjatament u għandu jintemm sa l-iktar tard sitt snin wara t-tmiem tas-sena meta jkun beda oriġinarjament, ħlief jekk, fil-frattemp, ma jkunux inbdew proċedimenti ġuridiċi biex jenforzaw id-dritt; f’dan il-każ il-perjodu għandu jintemm mill-iktar kmieni sena wara li d-deċiżjoni tkun saret res judicata.

IT-TAQSIMA 2

L-ISPEJJEŻ

L-Artikolu 81

L-ispejjeż

1. Il-parti telliefa fi proċedimenti ta’ opposizzjoni, proċedimenti ta’ revoka, proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew proċedimenti ta’ appell għandha tagħmel tajjeb għall-ħlas ta’ piijiet li jkunu saru mill-parti l-oħra kif ukoll għall-ispejjeż, mingħajr preġudizzju għal-Artikolu 115(6), li hija tkun għamlet u li jkunu essenzjali għall-proċedimenti, u dawn jinkludu spejjeż ta’ l-ivvjaġġar u ta’ sussistenza u ta’ remunerazzjoni ta’ aġent, konsulent jew avukat, fil-limiti ta’ l-iskali stabbiliti għal kull kategorija ta’ spejjeż taħt il-kondizzjonijiet mniżżla fir-Regolament ta’ Implimentazzzjoni.

2. Madanakollu, jekk kull parti tirbaħ fuq xi punti u titflef fuq oħrajn, jew jekk ikun xieraq għal raġunijiet ta’ ekwità, id-Diviżjoni ta’ l-Opposizzjoni, id-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni jew il-Bord ta’ l-Appell għandhom jiddeċiedu tqassim differenti ta’ l-ispejjeż.

3. Il-parti li ttemm il-proċedimenti billi tirtira l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, l-opposizzjoni, l-applikazzjoni għal revoka ta’ drittijiet, l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew l-appell, jew billi ma ġġeddidx ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja jew billi ċċedi t-trade mark Komunitarja, għandha tagħmel tajjeb għall-ħlas ta’ piżijiet u għall-ispejjeż li jkunu ntefqu mill-parti l-oħra kif stipulat fil-paragrafi 1 u 2.

4. Meta każ ma jasalx għal deċiżjoni l-ispejjeż għandhom ikunu fid-diskrezzjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Opposizzjoni, d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni jew il-Bord ta’ l-Appell.

5. Meta l-partijiet jaslu għal ftehim dwar l-ispejjeż differenti minn dak stipulat fil-paragrafi preċedenti quddiem id-Diviżjoni ta’ l-Opposizzjoni, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni jew il-Bord ta’ l-Appell, id-dipartiment konċernat għandu jieħu nota ta’ dak il-ftehim.

6. Fuq talba r-reġistru tad-Diviżjoni ta’ l-Opposizzjoni, jew id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni jew il-Bord ta’ l-Appell għandu jiffissa l-ispejjeż li għandhom jitħallsu skond il-paragrafi preċedenti. L-ammont iffissat b’dan il-mod jista’ jiġi revedut b’deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Opposizzjoni jew tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni jew tal-Bord ta’ l-Appell, fuq talba preżentata fi żmien il-perjodu preskritt.

L-Artikolu 82

L-infurzar ta’ deċiżjonijiet li jiffissaw l-ammont ta’ l-ispejjeż

1. Kull deċiżjoni finali ta’ l-Uffiċċju li tiffissa l-ammont ta’ l-ispejjeż hija enforzabbli.

2. L-infurzar huwa irregolat mir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fl-Istat fir-territorju fejn jitwettaq. L-ordni ta’ l-infurzar għandha tiġi annessa mad-deċiżjoni, mingħajr ebda formalità oħra ħlief il-verifika ta’ l-awtentiċità tad-deċiżjoni, mill-awtorita’ nazzjonali li l-Gvern ta’ kull Stat Membru għandu jinnomina għal dan l-iskop u li għandha tiġi mgħarrfa lill-Uffiċċju u lill-Qorti tal-Ġustizzja.

3. Meta dawn il-formalitajiet jiġu kompluti fuq applikazzjoni tal-parti konċernata, din ta’ l-aħħar tista’ tissokta għall-infurzar skond il-liġi nazzjonali, billi tipproċedi direttament quddiem l-awtorità kompetenti.

4. L-infurzar jista’ jiġi sospiż biss b’deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madanakollu, il-qrati tal-pajjiż konċernat għandu jkollhom ġurisdizzjoni fuq ilmenti li l-infurzar ikun qed jitwettaq b’mod irregolari.

IT-TAQSIMA 3

INFORMAZZJONI GĦALL-PUBBLIKU U GĦALL-AWTORITAJIET UFFIĊJALI TA’ L-ISTATI MEMBRI

L-Artikolu 83

Ir-reġistru tat-trade marks Komunitarji

L-Uffiċċju għandu jżomm Reġistru magħruf bħala r-Reġistru ta’ trade marks Komunitarji, li fih għandujkun fih dawk id-dettalji li għandhom jiġu reġistrati jew inklużi skond dan ir-Regolament jew skond ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Ir-Reġistru għandu jkun miftuħ għall-ispezzjoni pubblika.

L-Artikolu 84

Spezzjoni ta’ fajls

1. Il-fajls li għandhom x’jaqsmu ma’ applikazzjonijiet għal trade mark Komunitarja li jkunu għadhom ma ġewx ippubblikati m’għandhomx ikunu miftuħa għall-ispezzjoni mingħajr il-kunsens ta’ l-applikant.

2. Kull persuna li tista’ ġġib prova li l-applikant għal trade mark Komunitarja stqarr li wara li t-trade mark tiġi reġistrata huwa ser juża dawn id-drittijiet kontra tagħha tista titħalla tagħmel spezzjoni tal-fajls qabel il-pubblikazzjoni ta’ dik l-applikazzjoni u dana jista’ jsir mingħajr il-kunsens ta’ l-applikant.

3. Wara l-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, il-fajls kollha li għandhom x’jaqsmu ma dik l-applikazzjoni u t-trade mark riżultanti jistaw jiġu inspezzjonati wara li ssir talba.

4. Madanakollu, meta l-fajls jiġu spezzjonati skond il-paragrafi 2 jew 3, ċerti dokumenti fil-fajl jistaw jinżammu milli jiġu spezzjonati skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

L-Artikolu 85

Pubblikazzjonijiet perjodiċi

L-Uffiċċju għandu jippubblika perjodikament:

(a) Bulettin ta’ trade Marks Komunitarji li fih ikunu jinsabu l-iskrizzjonijiet mniżżla fir-reġistru tat-trade marks Komunitarji kif ukoll dettalji oħrajn li għandhom jiġu pubblikati skond dan ir-Regolament jew ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni;

(b) Ġurnal Uffiċjali li jkun fih avviżi u informazzjoni ta’ karattru ġenerali maħruġa mill-President ta’ l-Uffiċċju, kif ukoll kull informazzjoni oħra relevanti għal dan ir-Regolament jew għall-implimentazzjoni tiegħu.

L-Artikolu 86

Kooperazzjoni amministrattiva

Sakemm dan ir-Regolament jew il-liġijiet nazzjonali ma jipprovdux mod ieħor, l-Uffiċċju u l-qrati jew l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri għandhom fuq talba jassistu lil xulxin billi jikkomunikaw informazzjoni jew billi jiftħu l-fajls għall-ispezzjoni. Meta l-Uffiċċju jiftaħ xi fajls sabiex jiġu spezzjonati minn qrati, minn Uffiċċji ta’ Prosekuturi Pubbliċi jew minn ċentrali ta’ propjetà industrijali, l-ispezzjoni m’għandhiex tkun soġġetta għar-restrizzjonijiet mniżżla fl-Artikolu 84.

L-Artikolu 87

Skambju ta’ publikazzjonijiet

1. L-Uffiċċju u l-uffiċji ċentrali ta’ proprjetà industrijali għandhom jibagħtu b’xejn lil xulxin malli ssir talba u għall-użu tagħhom stess kopja waħda jew iżjed tal-publikazzjonijiet rispettivi tagħhom.

2. L-Uffiċċju jista’ jikkonkludi ftehimiet li jirrigwardaw it-tpartit jew il-provvista ta’ pubblikazzjonijiet.

IT-TAQSIMA 4

RAPPREŻENTANZA

L-Artikolu 88

Prinċipji ġenerali dwar ir-rappreżentanza

1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, ebda persuna ma tista’ tiġi mġiegħla li tiġi rappreżentata quddiem l-Uffiċċju.

2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, it-tieni sentenza, persuni naturali jew ġuridiċi li m’għandhom la domiċilju u lanqas post prinċipali ta’ kummerċ jew stabbiliment reali u effettiv industrijali jew kummerċjali ġewwa l-Kommunità għandhom jiġu rappreżentati quddiem l-Uffiċċju skond l-Artikolu 89(1) f’kull proċedimenti stabbiliti minn dan ir-Regolament, ħlief fil-preżentata ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja; ir-Regolament ta’ Implimenazzjoni jista jippermetti eċċezzjonijiet oħra.

3. Persuni naturali jew ġuridiċi li jkollhom id-domiċilju jew il-post prinċipali ta’ kummerċ jew l-istabbiliment reali u effettiv industrijali jew kummerċjali tagħhom fil-Kommunità jistgħu jiġu rappreżentati quddiem l-Uffiċċju minn impjegat, li għandu jippreżenta awtorizzazzjoni iffirmata li għandha tiddaħħal fil-fajls, bid-dettalji li jinsabu fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Impjegat ta’ persuna ġuridika li għaliha japplika dan il-paragrafu jista’ wkoll jirrapreżenta persuni legali oħrajn li għandhom konnessjonijiet ekonomiċi ma l-ewwel persuna ġuridika, anki jekk dawk il-persuni ġuridiċi oħrajn m’għandhom la domiċilju, la post prinċipali ta’ negozju, u lanqas stabbiliment reali u effettiv industrijali jew kummerċjali fil-Kommunità.

L-Artikolu 89

Ir-rappreżentanti professjonali

1. Ir-rappreżentanza ta’ persuni naturali jew ġuridiċi quddiem l-Uffiċċju tista’ ssir biss minn;

(a) kull prattikant legali kwalifikat f’wieħed mill-Istati Membri u li għandu l-post ta’ kummerċ tiegħu ġewwa l-Kommunità, sakemm huwa intitolat, fl-Istat imsemmi, li jaġixxi ta’ rappreżentant fi kwistjonijiet ta’ trade marks; jew

(b) rappreżentanti professjonali li isimhom jidher fuq il-lista miżmuma għal dan l-iskop mill-Uffiċċju.

Ir-rappreżentanti li jidhru quddiem l-Uffiċċju għandhom jippreżentaw awtorizzazzjoni iffirmata li għandha tiddaħħal fil-fajls, bid-dettalji stipulati mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

2. Kull persuna naturali li tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin tista’ titniżżel fil-lista ta’ rappreżentanti professjonali:

(a) għandha tkun persuna ta’ nazzjonalita ta’ wieħed mill-Istati Membri;

(b) għandu ikollha post ta’ kummerċ jew ta’ impjieg ġewwa l-Komunità;

(ċ) għandha tkun intitolata li tirrapreżenta persuni naturali jew ġuridiċi fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ trade marks quddiem l-uffiċċju ċentrali ta’ propjetà industrijali ta’ l-Istat Membru fejn hija għandha il-post tan-negozju jew ta’ impjieg tagħha. Meta, f’dak l-Istat, dan id-dritt ma jkunx marbut mal-kundizzjoni għandu ikun hemm kwalifiċi professjonali speċjali, il-persuni li japplikaw sabiex jiddaħħlu fil-lista u sabiex jaġixxu fi kwistjonijiet ta’ trade marks quddiem l-uffiċċju ċentrali ta’ proprjetà industrijali ta’ l-Istat imsemmi għandhom jkun ħadmu hekk abitwalment għal minimu ta’ ħames snin. Madanakollu, il-kondizzjoni li għandhom jkunu eżerċitaw il-professjoni ma tapplikax għal persuni li jkollhom kwalifiċi professjonali sabiex jirrapreżentaw persuni naturali jew ġuridiċi fi kwistjonijiet ta’ trade marks quddiem l-uffiċċju ċentrali ta’ propjetà industrijali ta’ wieħed mill-Istati Membri, jekk dawn il-kwalifiċi jkunu rikonoxxuti uffiċjalment skond ir-regolamenti ta’ dak l-Istat.

3. L-inklużjoni fil-lista għandha tiġi effettwata wara li ssir talba, li magħha għandu jintbagħat ċertifikat maħruġ mill-uffiċċju ċentrali ta’ propjetà industrijali ta’ l-Istat Membru konċernat, li għandu jindika li l-kondizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 2 huma sodisfatti.

4. Il-President ta’ l-Uffiċċju jista’ jagħti eżenzjoni minn:

(a) ir-rekwiżit tal-paragrafu 2(ċ), it-tieni sentenza, jekk l-applikant iġib prova li huwa akkwista il-kwalifika rikjesta b’mod ieħor;

(b) ir-rekwiżit tal-paragrafu 2(a) f’ċirkostanzi speċjali.

5. Il-kondizzjonijiet li taħthom persuna tista’ titneħħa mill-lista ta’ rappreżentanti professjonali għandom jitniżżlu fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

IT-TITOLU X

IL-ĠURISDIZZJONI U L-PROĊEDURA F’KAWŻI LI JIRRIGWARDAW TRADE MARKS KOMUNITARJI

IT-TAQSIMA 1

L-APPLIKAZZJONI TAL-KONVENZJONI DWAR IL-ĠURISDIZZJONI U L-INFURZAR

L-Artikolu 90

L-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar

1. Sakemm dan ir-regolament ma jispeċifikax mod ieħor, il-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar ta’ Deċiżjonijiet Ċivili u Kummerċjali, iffirmata fi Brussel fis-27 ta’ Settembru 1968, kif emendata mill-Konvenzjonijiet ta’ Adeżjoni għal dik il-Konvenzjoni ta’ l-Istati li jaċċedu għall-Komunitajiet Ewropej, li flimkien jissejjħu il-"Kovenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar" hawnhekk iżjed ’il quddiem, japplikaw għall-proċedimenti li jirrigwardaw it-trade marks Komunitarji u l-applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji, kif ukoll għal proċedimenti li jirrigwardaw l-kawżi simultaneji u suċċessivi fuq il-bażi ta’ trade marks Komunitarji u trade marks nazzjonali.

2. F’każ ta’ proċedimenti li jirrigwardaw il-kawżi u t-talbiet msemmija fl-Artikolu 92:

(a) L-Artikoli 2, 4, 5(1), (3), (4) u (5) u l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar ma japplikawx;

(b) L-Artikoli 17 u 18 ta’ dik il-Konvenzjoni għandhom japplikaw bla ħsara għall-limitazzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 93(4) ta’ dan ir-Regolament;

(ċ) id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ dik il-Konvenzjoni li huma applikabbli għal persuni domiċiljati fi Stat Membu għandhom ikunu applikabbli wkoll għal persuni li m’għandhomx domiċilju f’ebda Stat Membru iżda li għandhom stabbiliment hemmhekk.

IT-TAQSIMA 2

TILWIM LI JIRRIGWARDA L-VJOLAZZJONI U L-VALIDITÀ TA’ TRADE MARKS KOMUNITARJI

L-Artikolu 91

Il-qrati tat-trade marks Komunitarji

1. L-Istati Membri għandhom jinnominaw fit-territorji tagħhom numru kemm jista’ jkun limitat ta’ qrati u tribunali nazzjonali ta’ l-ewwel u tat-tieni istanza, hawnhekk iżjed il quddiem msejjħa "Il-qrati tat-trade marks Komunitarji", li għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet mogħtija lilhom minn dan ir-Regolament.

2. Kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament elenku ta’ qrati ta’ trade marks Komunitarji, u għandu jindika l-ismijiet u l-ġurisdizzjoni territorjali tagħhom.

3. Kull bidla fl-ismijiet jew fil-ġurisdizzjoni territorjali tal-qrati li ssir wara li tkun saret il-komunikazzjoni ta’ l-elenku msemmi fil-paragrafu 2 għandha tiġi notifikata mingħajr dewmien mill-Istat Membru konċernat lill-Kummissjoni.

4. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandha tiġi notifikata mill-Kummissjoni lill-Istati Membri u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

5. Jekk Stat Membru ma jkunx ikkommunika l-lista kif stipulat fil-paragrafu 2, il-ġurisdizzjoni għal proċedimenti li jirriżultaw minn kawża jew applikazzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 92, li fuqhom il-qrati ta’ dak l-Istat għandhom ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 93, għandha tkun f’idejn dik il-qorti ta’ l-Istat in kwistjoni li għandha ġurisdizzjoni ratione loci u ratione materiae fil-każ ta’ proċedimenti li jirrigwardaw trade mark nazzjonali reġistrata f’dak l-Istat.

L-Artikolu 92

Il-ġurisdizzjoni fuq vjolazzjoni u validità

Il-qrati tat-trade mark Komunitarja għandhom ġurisdizzjoni esklussiva fuq:

(a) kull kawża ta’ vjolazzjoni u — jekk dawn huma permissibbli taħt il-liġi nazzjonali — kawżi dwar theddida ta’ vjolazzjoni ta’ trade marks Komunitarji;

(b) kawżi għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ vjolazzjoni, jekk dawn huma permissibli taħt il-liġi nazzjonali;

(ċ) kull kawża li tinfetaħ bħala konsegwenza ta’ l-atti msemmija fl-Artikolu 9(3), it-tieni sentenza;

(d) kull kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja skond l-Artikolu 96.

L-Artikolu 93

Il-ġurisdizzjoni internazzjonali

1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament kif ukoll għal kull dispożizzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar applikabbli bis-saħħa ta’ l-Artikolu 90, il-proċedimenti li jirrigwardaw l-azzjonijiet u t-talbiet msemmija fl-Artikolu 92 għandhom jinfetħu fil-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-konvenut għandu d-domiċilju tiegħu jew, jekk huwa m’għandu domiċilju f’ebda Stat Membru, fejn huwa għandu stabbiliment.

2. Jekk il-konvenut ma jkollu la domiċilju u lanqas stabbiliment f’ebda wieħed mill-Istati Membri, dawn il-proċedimenti għandhom jinfetħu quddiem il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn l-attur għandu d-domiċilju tiegħu jew, jekk m’għandu domiċilju f’ebda wieħed mill-Istati Membri, fejn huwa għandu stabbiliment.

3. Jekk la l-konvenut u l-anqas l-attur mhuma hekk domiċiljati u lanqas m’għandhom tali stabbiliment, dawn il-proċedimenti għandhom jinġiebu quddiem il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn l-Uffiċċju għandu s-sede tiegħu.

4. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1, 2 u 3:

(a) L-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar japplika jekk il-partijiet jaqblu li xi qorti oħra ta’ trade marks Komunitarji għandu jkollha ġurisdizzjoni;

(b) L-Artikolu 18 ta’ l-istess Konvenzjoni japplika jekk il-konvenut jidher quddiem qorti ta’ trade marks Komunitarji differenti.

5. Il-proċedimenti li jirrigwardaw l-azzjonijiet u t-talbiet msemmija fl-Artikolu 92, bl-eċċezzjoni tal-kawżi għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, jistgħu jinfetħu quddiem il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn l-att ta’ vjolazzjoni ikun twettaq jew fejn tkun saret it-theddida, jew fejn jitwettaq att li jaqa’ taħt it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 9(3).

L-Artikolu 94

Il-firxa tal-ġurisdizzjoni

1. Qorti ta’ trade marks Komunitarji li għandha ġurisdizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 93(1) sa (4) għandha ġurisdizzjoni fir-rigward ta’:

- atti ta’ vjolazzjoni mwettqa jew mhedda fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri,

- atti li jaqgħu taħt it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 9(3), mwettqa fit-territorju ta’ xi wieħed mill-Istati Membri.

2. Qorti ta’ trade marks Komunitarji li għandha ġurisdizzjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 93(5) għandha ġurisdizzjoni biss fir-rigward ta’ atti mwettqa jew mhedda fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn tinsab dik il-Qorti.

L-Artikolu 95

Il-preżunzjoni ta’ validità — Id-difiża fir-rigward tal-merti

1. Il-qrati tat-trade marks Komunitarji għandhom jikkunsidraw it-trade mark Komunitarja bħala valida sakemm il-validità tagħha ma tiġix kontestata mill-konvenut permezz ta’ kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

2. Il-validità ta’ trade mark Komunitarja ma tistax tiġi kontestata f’kawża għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ vjolazzjoni.

3. Fil-kawżi msemmija fl-Artikolu 92(a) u (ċ), eċċezzjoni li tirrigwarda r-revoka jew l-invalidità ta’ trade mark Komunitarja li ma tkunx saret permezz ta’ kontrotalba hija ammissibli biss jekk il-konvenut jallega li d-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja jistgħu jiġu revokati minħabba nuqqas ta’ użu jew li l-istess trade mark Komunitarja tista’ tiġi iddikjarata invalida minħabba dritt preċedenti tal-konvenut.

L-Artikolu 96

Il-kontrotalbiet

1. Kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tista’ tiġi ibbażata biss fuq ir-raġunijiet ta’ revoka jew ta’ invalidità msemmija f’dan ir-Regolament.

2. Il-qorti tat-trade marks Komunitarji għandha tiċħad kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jekk deċiżjoni meħuda mill-Uffiċċju li tinvolvi l-istess suġġett u l-istess kawża u li tinvolvi lill-istess partijiet tkun diġà saret finali.

3. Jekk il-kontrotalba ssir f’ kawża fejn il-proprjetarju tat-trade mark ma jkunx diġà parti, huwa għandu jiġi informat dwar il-kawża u jista’ jiddaħħal bħala parti fil-kawża skond il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-liġi nazzjonali.

4. Il-qorti tat-trade marks Komunitarji li quddiemha tkun ġiet preżentata kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark Komunitarja għandha tinforma lill-Uffiċċju dwar id-data ta’ meta tkun ġiet preżentata il-kontrotalba. L-Uffiċċju għandu jniżżel dan il-fatt fir-Reġistru tat-trade marks Komunitarji.

5. L-Artikolu 56(3), (4), (5) u (6) għandu japplika.

6. Meta qorti tat-trade marks Komunitarji tkun tat sentenza li tkun saret finali dwar kontrotalba għal revoka jew għall-invalidità ta’ trade mark Komunitarja, kopja tas-sentenza għandha tintbagħat lill-Uffiċċju. Kull parti tista’ titlob informazzjoni dwar din it-trasmissjoni. L-Uffiċċju għandu jsemmi s-sentenza fir-Reġistru tat-trade marks Komunitarji skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

7. Il-qorti tat-trade marks Komunitarji li tkun qiegħda tisma’ l-kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tista’ tissospendi l-proċedimenti meta jsir rikors mill-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja u wara li tisma’ lill-partijiet l-oħrajn u tista’ titlob lill-konvenut sabiex jippresenta applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità’ lill-Uffiċċju fi żmien stabbilit minnha. Jekk l-applikazzjoni ma tiġix preżentata fiż-żmien stipulat, il-proċedimenti għandhom jitkomplew; il-kontrotalba għandha titqies li ġiet irtirata. L-Artikolu 100(3) għandu japplika f’dan il-każ.

L-Artikolu 97

Il-liġi applikabbli

1. Il-qrati tat-trade marks Komunitarji għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

2. Fil-kwistjonijiet kollha li mhumiex koperti minn dan ir-Regolament, il-qorti tat-trade marks Komunitarji għandha tapplika il-liġi nazzjonali tagħha, u dan jinkludi id-dritt internazzjonali privat tagħha.

3. Sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor, il-qorti tat-trade marks Komunitarji għandha tapplika ir-regoli ta’ proċedura li jirregolaw l-istess tip ta’ azzjoni fir-rigward ta’ trade mark nazzjonali fl-Istat Membru fejn hija għandha s-sede tagħha.

L-Artikolu 98

Is-sanzjonijiet

1. Meta l-qorti tat-trade marks Komunitarji issib li l-konvenut għamel vjolazzjoni jew hedded li jagħmel vjolazzjoni tad-drittijiet fi trade mark Komunitarja, hija għandha, sakemm ma jkollhiex raġunijiet speċjali biex tagħmel mod ieħor, toħroġ ordni sabiex twaqqaf lill-konvenut milli jissokta bl-atti li jkunu għamlu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jagħmlu vjolazzjoni tad-drittijiet fi trade mark Komunitarja. Għandha tieħu wkoll dawk il-miżuri skond il-liġi nazzjonali li huma mmirati biex jiżguraw li din li-projbizzjoni tiġi mħarsa.

2. F’kull aspett ieħor il-qorti tat-trade marks Komunitarji għandha tapplika il-liġi ta’ l-Istati Membru fejn twettqet il-vjolazzjoni jew it-theddida ta’ vjolazzjoni, u dan jinkludi d-dritt internazzjonali privat.

L-Artikolu 99

Miżuri proviżorji u protettivi

1. Jista’ jsir rikors fil-qrati ta’ Stat Membru, inklużi il-qrati tat-trade marks Komunitarji, għal miżuri proviżorji, kif ukoll protettivi, fir-rigward ta’ trade mark Komunitarja jew applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li huma disponibbli taħt il-liġi ta’ l-istess Stat fir-rigward tat-trade mark nazzjonali, anki jekk, taħt dan ir-Regolament, qorti tat-trade marks Komunitarji ta’ Stat Membru ieħor għandha ġurisdizzjoni fuq is-sostanza tal-każ.

2. Qorti ta’ trade marks Komunitarji li għandha ġurisdizzjoni ibbażata fuq l-Artikolu 93(1), (2), (3) jew (4) għandha ġurisdizzjoni biex tipprovdi miżuri proviżjonali u protettivi li huma applikabbli fit-territorju ta’ kull Stat Membru, iżda dana soġġett għal kull proċedura neċessarja għall-għarfien u l-infurzar skond it-Titolu III tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar. Ebda qorti oħra m’għandu jkollha din il-ġurisdizzjoni.

L-Artikolu 100

Regoli speċifiċi dwar kawżi relatati

1. Qorti tat-trade marks Komunitarji li tkun qiegħda tisma’ kawża msemmija fl-Artikolu 92, ħlief għal kawża għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ vjolazzjoni għandha, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet speċjali sabiex jitkompla s-smiegħ, minn jeddha u wara li tisma’ lill-partijiet jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet u wara li tisma’ lill-partijiet l-oħrajn, tissospendi il-proċedimenti jekk il-validità ta’ trade mark Komunitarja tkun diġa’ qiegħda tiġi kontestata quddiem qorti tat-trade marks Komunitarji oħra fuq bażi ta’ kontrotalba jew jekk applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tkun diġa’ ġiet ippreżentata l-Uffiċċju.

2. L-Uffiċċju, meta jkun qiegħed jisma’ applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandu, sakemm ma jkunx hemm Raġunijiet speċjali sabiex jitkompla s-smiegħ, minn jeddu wara li jisma’ lill-partijiet jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet u wara li jisma’ lill-partijiet l-oħrajn, iwaqqaf il-proċedimenti jekk il-validità ta’ trade mark Komunitarja tkun diġa’ qiegħda tiġi kontestata quddiem qorti ta’ trade marks Komunitarji oħra fuq bażi ta’ kontrotalba. Madanakollu, jekk issir talba minn waħda mill-partijiet fil-proċedimenti quddiem il-qorti tat-trade marks Komunitarji, il-qorti tista’, wara li tisma’ lill-partijiet l-oħrajn fil-proċedimenti, tissospendi il-proċedimenti. F’dan il-każ l-Uffiċċju għandu jkompli l-proċedimenti li jkunu pendenti quddiemu.

3. Meta l-qorti tat-trade marks Komunitarji tissospendi il-proċedimenti hija tista’ tordna miżuri proviżorji u protettivi għal waqt il-perjodu tas-sospensjoni.

L-Artikolu 101

Il-ġurisdizzjoni tal-qrati tat-trade marks Komunitarji tat-tieni istanza — Appell ulterjuri

1. Jista’ jsir appell minn deċiżjoni ta’ qorti tat-trade marks Komunitarji tal-Prima Istanza lill-qorti tat-trade marks Komunitarji tat-tieni istanza fir-rigward ta’ proċedimenti li jirrisultaw mill-kawżi u mit-talbiet imsemmija fl-Artikolu 92.

2. Il-kundizzjonijiet taħt liem jista’ jsir appell lill-qorti ta’ trade marks Komunitarji tat-tieni istanza huma iddeterminati mill-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru fejn tinsab il-qorti.

3. Ir-regoli nazzjonali li jirrigwardaw appell ulterjuri għandhom ikunu applikabbli fir-rigward ta’ deċiżjonijiet tal-qrati tat-trade marks Komunitarji tat-tieni istanza.

IT-TAQSIMA 3

TILMIM IEĦOR DWAR TRADE MARKS KOMUNITARJI

L-Artikolu 102

Dispożizzjonijiet supplimentari dwar il-ġurisdizzjoni ta’ qrati nazzjonali li mhumiex qrati tat-trade marks Komunitarji.

1. Ġewwa l-Istat Membru fejn il-qrati għandhom ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 90(1), dawk il-qrati għandhom ġurisdizzjoni għal kull azzjoni ħlief għal dawk imsemmija fl-Artikolu 92, li għandhom ġurisdizzjoni ratione loci u ratione materiae fil-każ ta’ kawżi li jirrigwardaw trade marks nazzjonali reġistrati f’dak l-Istat.

2. Il-kawżi li jirrigwardaw trade mark Komunitarja, ħlief għal dawk imsemmija fl-Artikolu 92, li dwarhom ebda qorti m’għandha ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 90(1) u l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jinstemaw quddiem il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn l-Uffiċċju għandu s-sede tiegħu.

L-Artikolu 103

L-obbligu tal-qorti nazzjonali

Qorti nazzjonali li tkun qiegħda tisma’ kawża li għandha x’taqsam ma’ trade mark Komunitarja, ħlief għall-azzjoni msemmija fl-Artikolu 92, għandha tikkunsidra t-trade mark bħala valida.

IT-TAQSIMA 4

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI

L-Artikolu 104

Id-dispożizzjoni transitorja dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar

li huma applikabbli bis-saħħa ta’ l-Artikoli preċedenti għandhom effett fir-rigward ta’ kull Stat Membu biss fit-test tal-Konvenzjoni li jkun fis-seħħ fir-rigward ta’ dak l-Istat fi żmien partikolari.

IT-TITOLU XI

L-EFFETTI FUQ IL-LIĠIJIET TA’ L-ISTATI MEMBRI

IT-TAQSIMA 1

AZZJONIJIET ĊIVILI FUQ IL-BAŻI TA’ IKTAR MINN TRADE MARK WAĦDA

L-Artikolu 105

Kawżi ċivili simultaneji u suċċessivi fuq il-bażi ta’ trade marks Komunitarji u trade marks nazzjonali

1. Meta kawżi ta’ vjolazzjoni li jinvolvu l-istess kawżali u li jkunu bejn l-istess partijiet jitressqu quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, li waħda minnhom ikollha ġurisdizzjoni fuq il-bażi ta’ trade mark Komunitarja waqt li l-oħra jkollha ġurisdizzjoni fuq il-bażi ta’ trade mark nazzjonali:

(a) il-qorti li ma tkunx dik li kellha ġurisdizzjoni l-ewwel għandha minn jeddha tirrinunċja l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti fejn it-trade marks in kwistjoni huma identiċi u validi fir-rigward ta’ prodotti u servizzi identiċi. Il-qorti li jkollha tirrinunċja l-ġurisdizzjoni tagħha tista’ tissospendi l-proċedimenti jekk il-ġurisdizzjoni tal-qorti l-oħra tkun ikkontestata;

(b) il-qorti ħlief għal dik li jkollha ġurisdizzjoni l-ewwel tista’ tissospendi il-proċedimenti jekk it-trade marks konċernati huma identiċi u validi għal prodotti jew servizzi simili u jekk it-trade marks konċernati huma simili u validi għal prodotti jew servizzi simili jew identiċi.

2. Il-qorti li tkun qiegħda tisma’ kawża ta’ vjolazzjoni fuq il-bażi ta’ trade mark Komunitarja għandha tiċħad il-kawża jekk deċiżjoni finali fuq il-merti tkun ingħatat fuq l-istess kawża u bejn l-istess partijiet fuq il-bażi ta’ trade mark nazzjonali identika u valida għal prodotti u servizzi identiċi.

3. Il-qorti li tkun qiegħda tisma’ kawża ta’ vjolazzjoni fuq il-bażi ta’ trade mark nazzjonali għandha tiċħad il-kawża jekk deċiżjoni finali fuq il-merti tkun ingħatat fuq l-istess kawża u bejn l-istess partijiet fuq il-bażi ta’ trade mark Komunitarja identika u valida għal prodotti u servizzi identiċi.

4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 m’għandhomx japplikaw fir-rigward ta’ miżuri proviżorji, inklużi dawk protettivi.

IT-TAQSIMA 2

APPLIKAZZJONI TAL-LIĠIJIET NAZZJONALI BIL-GĦAN LI JIĠI PPROJBIT L-UŻU TA’ TRADE MARKS KOMUNITARJI

L-Artikolu 106

Il-projbizzjoni ta’ l-użu ta’ trade marks Komunitarji

1. Dan ir-Regolament m’ għandux, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet kuntrarji, jaffetwa id-dritt li jesisti taħt il-liġijiet ta’ l-Istati Membri sabiex jiġu invokati talbiet ta’ vjolazzjoni ta’ drittijiet preċedenti taħt l-Artikolu 8 jew l-Artikolu 52(2) fir-rigward ta’ l-użu ta’ trade mark Komunitarja suċessiva. It-talbiet ta’ vjolazzjoni ta’ drittijiet preċedenti taħt l-Artikolu 8(2) u (4) ma jistgħux, madanakollu, jiġu invokati iżjed jekk il-proprjetarju tad-dritt preċedenti ma jkunx għadu jista japplika għal dikjarazzjoni li t-trade mark Komunitarja hija invalida taħt l-Artikolu 53(2).

2. Dan ir-Regolament m’għandux, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja, jaffetwa id-dritt li jinfetħu proċedimenti taħt il-liġi ċivili, amministrattiva jew kriminali ta’ Stat Membru jew taħt id-dispożizzjonijiet tal-liġi komunitarja bl-iskop li jiġi projbijt l-użu ta’ trade mark Komunitarja sa fejn l-użu ta’ trade mark nazzjonali jkun projbit taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru jew taħt il-liġi Komunitarja.

L-Artikolu 107

Drittijiet preċedenti li japplikaw għal lokalitajiet partikolari

1. Il-proprjetarju ta’ dritt preċedenti li japplika biss f’lokalità partikolari jista’ jopponi l-użu tat-trade mark Komunitarja fit-territorju fejn id-dritt tiegħu huwa protett sa fejn il-liġi ta’ l-Istat Membru konċernat tippermetti.

2. Il-paragrafu 1 għandu jieqaf japplika jekk il-proprjetarju tad-dritt preċedenti jkun aċċetta l-użu tat-trade mark Komunitarja fit-territorju fejn id-dritt tiegħu jkun protett għal perjodu ta’ ħames snin suċċessivi, waqt li kien jaf b’dan l-użu, ħlief jekk l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja tkunx saret morożament.

3. Il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja mhuwiex intitolat li jopponi l-użu tad-dritt msemmi fil-paragrafu 1 anki jekk dak id-dritt ma jistax jiġi invokat iżjed kontra it-trade mark Komunitarja.

IT-TAQSIMA 3

KONVERŻJONI F’APPLIKAZZJONI GĦAL TRADE MARK NAZZJONALI

L-Artikolu 108

Talba għall-applikazzjoni tal-proċedura nazzjonali

1. L-applikant jew il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jista’ li applikazzjoni għal trade mark Komunitarja jew it-trade mark Komunitarja tiegħu tiġi tinqeleb f’applikazzjoni għal trade mark nazzjonali.

(a) sakemm l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tkun ġiet miċħuda, irtirata, jew meqjusa bħala irtirata;

(b) sakemm it-trade mark Komunitarja tieqaf milli jkollha effett.

2. Il-konverżjoni m’għandhiex isseħħ:

(a) meta d-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jkunu ġew revokati minħabba nuqqas ta’ użu, sakemm it-trade mark Komunitarja ma tkunx intużat fl-Istat Membru li għalih tkun qiegħda tintalab il-konverżjoni b’mod li jitqies bħala użu ġenwin taħt il-liġijiet ta’ dak l-Istat Membru;

(b) għall-iskop ta’ protezzjoni fi Stat Membru fejn, skond id-deċiżjoni ta’ l-Uffiċċju jew tal-qorti nazzjonali, japplikaw raġunijiet għar-rifjut tar-reġistrazzjoni jew japplikaw raġunijiet għar-revoka jew l-invalidità ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja jew ta’ trade mark Komunitarja.

3. L-applikazzjoni għal trade mark nazzjonali li tirriżulta mill-konverżjoni ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja jew ta’ trade mark Komunitarja għandha tgawdi fir-rigward ta’ l-Istat Membru konċernat id-data ta’ meta tkun ġiet ippreżentata jew id-data ta’ prijorità ta’ dik l-applikazzjoni jew trade mark u, meta approprjat, l-anzjanità ta’ trade mark ta’ dak l-Istat mitluba taħt l-Artikolu 34 jew 35.

4. Meta:

- l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja titqies li ġiet irtirata jew tiġi miċħuda minn deċiżjoni ta’ l-Uffiċċju li tkun saret finali,

- it-trade mark Komunitarja tieqaf milli jkollha effett b’konsegwenza ta’ deċiżjoni ta’ l-Uffiċċju li tkun saret finali jew b’konsegwenza ta’ reġistrazzjoni jew ċessjoni tat-trade mark Komunitarja,

l-Uffiċċju għandu jinnotifika lill-applikant jew lill-proprjetarju permezz ta’ komunikazzjoni li tiffissa perjodu ta’ tliet xhur mid-data ta’ dik il-komunikazzjoni li fihom tista’ tiġi preżentata talba għall-konverżjoni.

5. Meta l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tiġi rtirata jew jekk it-trade mark Komunitarja tieqaf milli jkollha effett minħabba li ma tkunx ġiet imġedda, it-talba għall-konverżjoni għandha tiġi preżentata fi żmien tliet xhur mid-data ta’ meta l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tkun ġiet irtirata jew minn meta r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja tiskadi.

6. Meta t-trade mark Komunitarja tieqaf milli jkollha effett b’konsegwenza ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, it-talba għall-konverżjoni għandha tiġi ppreżentata fi żmien tliet xhur mid-data ta’ meta dik id-deċiżjoni tkun akkwistat l-awtorità ta’ deċiżjoni finali.

7. L-effett imsemmi fl-Artikolu 32 jiddekadi jekk it-talba ma tiġix ippreżentata fil-ħin.

L-Artikolu 109

Is-sottomissjoni, il-pubblikazzjoni u t-trasissjoni tat-talba għal konverżjoni

1. Talba għal konverżjoni għandha tiġi preżentata fl-Uffiċċju u għandha tispeċifika l-Istati Membri li fihom l-applikazzjoni tal-proċedura tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali hija mixtieqa. It-talba m’għandhiex titqies li ġiet ippreżentata qabel ma titħallas l-miżata tal-konverżjoni.

2. Jekk l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tkun ġiet ippubblikata, għandu jitniżżel fir-reġistru tat-trade marks Komunitarji li tkun ġiet irċevuta talba għal konverżjoni, u din it-talba għandha wkoll tiġi ppubblikata.

3. L-Uffiċċju għandu jara jekk il-konverżjoni tistax tintalab skond l-Artikolu 108(1), jekk it-talba tkunx ġiet preżentata fil-perjodu msemmi fl-Artikolu 108(4), (5) jew (6), skond kif ikun il-każ, u jekk tkunx tħallset il-miżata tal-konverżjoni. Jekk dawn il-kondizzjonijiet ikunu sodisfatti, l-Uffiċċju għandu jittrasmetti din it-talba lill-uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali fl-Istati speċifikati fiha. Fuq talba mill-uffiċċju ċentrali tal-propjetà industrijali ta’ Stat konċernat, l-Uffiċċju għandu jagħti kull informazzjoni li jippermetti lil dak l-uffiċċju li jiddeċiedi dwar l-ammissibbilità tat-talba.

L-Artikolu 110

Rekwiżiti formali għall-konverżjoni

1. Kull uffiċċju ċentrali tal-proprjetà industrijali li jirċievi t-talba għandu jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tagħha.

2. Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja jew trade mark Komunitarja li tkun trasmessa skond l-Artikolu 109 m’għandhiex tiġi soġġetta għar-rekwiżiti formali tal-liġi nazzjonali li jkunu differenti jew żejda għal dawk li jipprovdi dan ir-Regolament jew ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

3. Kull uffiċċju ċentrali tal-proprjetà industrijali li jkun irċieva t-talba jista’ jordna lill-applikant sabiex, fi żmien ta’ mhux inqas minn xagħrejn:

(a) iħallas il-miżata nazzjonali ta’ l-applikazzjoni;

(b) jippreżenta traduzzjoni tat-talba u tad-dokumenti annessi magħha f’waħda mill-lingwi uffiċjali ta’ l-Istati involuti;

(ċ) jindika l-indirizz fejn jista’ jinstab fl-Istat involut;

(d) jipprovdi numru ta’ kopji kif speċifikat mill-Istat involut tax-xbieha tat-trade mark.

IT-TITOLU XII

L-UFFIĊĊJU

IT-TAQSIMA 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 111

L-istatus legali

1. L-Uffiċċju huwa organu tal-Komunità. Huwa għandu personalità ġuridika.

2. F’kull wieħed mill-Istati Membri l-Uffiċċju jgawdi l-iktar kapaċità ġuridika estensiva mogħtija lill-persuni ġuridiċi mill-liġijiet tagħhom; huwa jista’, b’mod partikolari, jakkwista u jiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u jista jkun parti fi proċedimenti ġudizzjarji.

3. L-Uffiċċju huwa rappreżentat mill-President tiegħu.

L-Artikolu 112

L-impjegati

1. Ir-Regolamenti dwar l-Impjegati ta’ l-uffiċjali ta’ l-Komunitajiet Ewropej, il-Kondizzjonijiet ta’ impieg ta’ impjegati oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej, u r-regoli adottati bi ftehim bejn l-Istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej sabiex jagħtu effett lil dawk ir-Regolamenti dwar l-Impjegati u l-Kondizzjonijiet ta’ l-impieg għandhom japplikaw għall-impjegati ta’ l-Uffiċċju, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 131 għall-membri tal-Bord ta’ l-Appell.

2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 120, il-poteri mogħtija lil kull Istituzzjoni mir-Regolamenti ta’ l-Impjegati u mill-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ impjegati oħrajn għandhom jiġu eżerċitati mill-Uffiċċju fir-rigward ta’ l-impjegati tiegħu.

L-Artikolu 113

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Kommunitajiet Ewropej għandu japplika għall-Uffiċċju.

L-Artikolu 114

Responsabbiltà

1. Ir-responsabbiltà kuntrattwali ta’ l-Uffiċċju għandha tiġi regolata mill-liġi applikabbli għall-kuntratt in kwistjoni.

2. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li tagħti sentenzi taħt kwalunkwe klawsola ta’ arbitraġġ li tinstab f’kuntratti konklużi mill-Uffiċċju.

3. F’każ ta’ responsabbiltà mhux kontrattwali, l-Uffiċċju għandu, skond il-prinċipji ġenerali komuni fil-liġijiet ta’ l-Istati Membri, jagħmel tajjeb għal kull ħsara kaġunata mid-dipartimenti tiegħu jew mill-impjegati tiegħu waqt li dawn ikunu qiegħdin jaqdu dmirhom.

4. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni f’tilwimiet li għandhom x’jaqsmu mal-kumpens għall-ħsara msemmija fil-paragrafu 3.

5. Ir-responsabbiltà personali ta’ l-impjegati tiegħu lejn l-Uffiċċju għandha tiġi regolati mid-dispożizzjonijiet stabbiliti mir-Regolamenti dwar l-Impjegati jew mill-Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg applikabbli għalihom.

L-Artikolu 115

Il-lingwi

1. L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandha tiġi ppreżentata f’waħda mill-lingwi uffiċċjali tal-Komunità Ewropea.

2. Il-lingwi ta’ l-Uffiċċju huma l-Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, it-Taljan u l-Ispanjol.

3. L-applikant għandu jindika lingwa oħra li għandha tkun lingwa ta’ l-Uffiċċju u li hu jaċċetta bħala lingwa possibli fi proċedimenti ta’ opposizzjoni, ta’ revokazzjoni jew fi proċedimenti ta’ invalidità.

Jekk l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata f’lingwa li mhijiex waħda mill-lingwi ta’ l-Uffiċċju, l-Uffiċċju għandu jagħmel mezz sabiex l-applikazzjoni, kif deskritta fl-Artikolu 26(1), tiġi tradotta fil-lingwa indikata mill-applikant.

4. Meta l-applikant għal trade mark Komunitarja ikun l-unika parti fi proċedimenti quddiem l-Uffiċċju, il-lingwa tal-proċedimenti għandha tkun il-lingwa li tkun intużat meta tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Jekk l-applikazzjoni tkun saret f’lingwa li mhijiex waħda mill-lingwi ta’ l-Uffiċċju, l-Uffiċċju jista jibgħat komunikazzjonijiet bil-miktub lill-applikant bit-tieni lingwa indikata mill-applikant fl-applikazzjoni tiegħu.

5. In-notifika ta’ opposizzjoni u ta’ applikazzjoni għal revoka jew invalidità għandhom jiġu preżentati f’waħda mill-lingwi ta’ l-Uffiċċju.

6. Jekk il-lingwa magħżula, skond il-paragrafu 5, għan-notifika ta’ l-opposizzjoni jew l-applikazzjoni għal revoka jew invalidità tkun l-lingwa ta’ l-applikazzjoni għal trade mark jew it-tieni lingwa indikata meta tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni, dik il-lingwa għandha tkun il-lingwa tal-proċedimenti.

Jekk il-lingwa magħżula, skond il-paragrafu 5, għan-notifika ta’ opposizzjoni jew għall-applikazzjoni għal revoka jew invalidità ma tkun la l-lingwa ta’ l-applikazzjoni għal trade mark u lanqas it-tieni lingwa indikata meta tkun ġiet preżentata l-applikazzjoni, il-parti li tkun qed topponi jew il-parti li tkun qed tipprova tikseb ir-revoka jew l-invalidità għandha tipproduċi, bi spejjeż tagħha, traduzzjoni ta’ l-applikazzjoni tagħha jew fil-lingwa ta’ l-applikazzjoni għat-trade mark, sakemm din tkun waħda mill-lingwi ta’ l-Uffiċċju, jew fit-tieni lingwa indikata meta tkun ġiet preżentata l-applikazzjoni. It-traduzzjoni għandha tiġi preżentata fiż-żmien preskritt mir-regolament ta’ implimentazzjoni. Il-lingwa li fiha tkun ġiet tradotta l-applikazzjoni għandha mbagħad issir il-lingwa tal-proċedimenti.

7. Il-partijiet fi proċedimenti ta’ opposizzjoni, ta’ revoka, ta’ invalidità jew ta’ appell jistgħu jiftiehmu li lingwa uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej għandha tkun il-lingwa tal-proċedimenti.

L-Artikolu 116

Publikazzjoni; skrizzjonijiet fir-Reġistru

1. L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, kif deskritta fl-Artikolu 26(1), u kull informazzjoni oħra li għandha tiġi ppubblikata skond dan ir-Regolament jew ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, għandha tiġi ppubblikata bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Kull skrizzjoni fir-Reġistru tat-trade marks Komunitarji għandha ssir bill-lingwi kollha tal-Komunitajiet Ewropej.

3. F’każ ta’ dubju, it-test bil-lingwa ta’ l-Uffiċċju li ntużat fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandu jitqies bħala awtentiku. Jekk l-applikazzjoni tkun ġiet preżentata bl-lingwa uffiċjali tal-Komunità Ewropej li mhijiex waħda mill-lingwi ta’ l-Uffiċċju, it-test bit-tieni lingwa indikata mill-applikant għandu jitqies bħala awtentiku.

L-Artikolu 117

Is-servizzi ta’ traduzzjoni li huma meħtieġa sabiex ikun jista’ jaħdem l-Uffiċċju għandhom jiġu provduti miċ-Ċentru ta’ Traduzzjoni ta’ l-Organi ta’ l-Unjoni la darba dan jibda jopera.

L-Artikolu 118

Kontroll dwar il-legalità

1. Il-Kummissjoni għandha tikkontrolla l-legalità ta’ dawk l-atti tal-President ta’ l-Uffiċċju li fir-rigward tagħhom il-liġi Komunitarja ma tipprovdix għal kontrolli dwar il-legalità minn ebda organu ieħor, kif ukoll ta’ dawk l-atti tal-Kumitat tal-Budget relatati ma’ l-Uffiċċju skond l-Artikolu 133.

2. Hija għandha tesiġi li kull att illegali kif msemmi fil-paragrafu 1 jiġi rranġat jew annullat.

3. L-Istati Membri u kull persuna li tkun involuta direttament u personalment jistgħu jirreferu lill-Kummissjoni kull att kif imsemmi fil-paragrafu 1, kemm jekk espressament jew taċitament, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżamina il-legalità ta’ dak l-att. Għandha ssir referenza lill-Kummisjoni fi żmien 15-il ġurnata mill-jum meta l-parti konċernata tkun saret taf għall-ewwel darba bl-att in kwistjoni. Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien xahar. Jekk ma tittieħed ebda deċiżjoni f’dan il-perjodu, il-każ għandu jitqies li ġie rifjutat.

IT-TAQSIMA 2

AMMINISTRAZZJONI TA’ L-UFFIĊĊJU

L-Artikolu 119

Il-poteri tal-President

1. L- uffiċċju għandu jiġi amministrat mill-President.

2. Għal dawn il-finijiet il-President għandu jkollu b’mod partikolari dawn il-funzjonijiet u poteri:

(a) għandu jieħu kull pass meħtieġ, inkluża l-adozzjoni ta’ struzzjonijiet amministrattivi interni u l-ippubblikar ta’ notifiki, sabiex jiżgura li l-Uffiċċju jiffunzjona sew;

(b) huwa jista’ jpoġġi quddiem il-Kummissjoni kull proposta sa biex jiġi emendat dan ir-Regolament, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, ir-regoli ta’ proċedura tal-Bordijiet ta’ Appell, ir-regolamenti dwar miżati kif ukoll kull regoli oħrajn li japplikaw għat-trade marks Komunitarji wara li jikkonsulta mal-Bord Amministrattiv, u fil-każ tar-regolamenti dwar miżati u d-dispożizzjonijiet dwar il-budget ta’ dan ir-Regolament, mal-Kumitat tal-Budget;

(ċ) huwa għandu jħejji l-estimi tad-dħul u ta’ l-infiq ta’ l-Uffiċċju u għandu jimplimenta l-budget;

(d) huwa għandu jissottometti rapport ta’ amministrazzjoni lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Bord Amministrattiv kull sena;

(e) huwa għandu jeżerċita fir-rigward ta’ l-impjegati il-poteri msemmija fl-Artikolu 112(2);

(f) huwa jista’ jiddelega l-poteri tiegħu.

3. Il-President għandu jiġi mgħejun minn wieħed jew iżjed Viċe-Presidenti. Jekk il-President ikun assenti jew indispost, il-Viċe-President jew wieħed mill-Viċe-Presidenti għandu jieħu postu skond il-proċedura stabbilita mill-Bord Amministrattiv.

L-Artikolu 120

Il-ħatra ta’ uffiċjali anzjani

1. Il-President ta’ l-Uffiċċju għandu jiġi maħtur mill-Kunsill minn lista ta’ mhux aktar minn tlett kandidati, li għandha tiġi mħejjija mill-Bord Amministrattiv. Il-Kunsill għandu l-poter li jkeċċi lill-President, fuq proposta tal-Bord Amministrattiv.

2. It-terminu tal-kariga tal-President m’għandux jaqbeż il-ħames snin. Dan it-terminu jista jiġi mġedded.

3. Il-ħatra jew it-tkeċċija tal-Viċe-President jew Viċe-Presidenti ta’ l-Uffiċċju għandhom isiru skond il-paragrafu 1, wara konsultazzjoni mal-President.

4. Il-Kunsill għandu jeżerċita awtorità dixxiplinarja fuq l-uffiċjali msemmija fil-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

IT-TAQSIMA 3

BORD AMMINISTRATTIV

L-Artikolu 121

Ħolqien u poteri

1. Qieħed jiġi stabbilit bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu Bord Amministrattiv, li huwa abbinat ma’ l-Uffiċċju. Mingħajr preġudizzju għall-poteri attribwiti lill-Kumitat tal-Budget fit-Taqsima 5 — budget u kontroll finanzjarju — il-Bord Amministrattiv għandu l-poteri definiti hawn taħt.

2. Il-Bord Amministrattiv għandu jabbozza l-listi ta’ kandidati msemmija fl-Artikolu 120.

3. Huwa għandu jistabbilixxi d-data ta’ l-ewwel preżentata ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, skond l-Artikolu 143(3).

4. Huwa għandu jagħti parir lill-President dwar ħwejjeġ li jaqaw taħt ir-responsabilità ta’ l-Uffiċċju.

5. Huwa għandu jiġi ikkonsultat qabel l-adozzjoni ta linji ta’ gwida għall-eżaminazzjoni fl-Uffiċċju u fil-każijiet l-oħra msemmija f’dan ir-Regolament.

6. Huwa jista’ jagħti opinjonijiet u jagħmel talbiet għal informazzjoni lill-President u lill-Kummissjoni jekk huwa jqis li dan huwa meħtieġ.

L-Artikolu 122

Kompożizzjoni

1. Il-Bord Amministrattiv għandu jkun kompost minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni u l-alternati tagħhom.

2. Il-membri tal-Bord Amministrattiv jistgħu, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tar-regoli ta’ proċedura tiegħu, jiġu assistiti minn konsulenti jew esperti.

L-Artikolu 123

Chairmanship

1. Il-Bord Amministrattiv għandu jaħtar Chairman u viċi-Chairman fost il-membri tiegħu. Il-viċi chairman għandu ex officio jissostitwixxi liċ-chairman f’każ li dan ma jkunx jista jaqdi id-dmirijiet tiegħu.

2. It-termini tal-kariga taċ-chairman u tal-viċi chairman għandu jkun ta’ tliet snin. It-termini tal-kariga jistgħu jiġġeddu.

L-Artikolu 124

Laqgħat

1. Il-laqgħat tal-Bord Amministrattiv għandhom jissejħu miċ-c hairman ta’ l-istess Bord.

2. Il-President ta’ l-Uffiċċju għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet, sakemm il-Bord Amministrattiv ma jiddeċidix mod ieħor.

3. Il-Bord Amministrattiv għandu jsejjaħ laqgħa ordinarja darba fis-sena; barra minn hekk, għandu jiltaqa’ wkoll fuq l-inizzjattiva taċ-chairman tiegħu jew fuq talba tal-Kummissjoni jew ta’ terz ta’ l-Istati Membri.

4. Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta regoli ta’ proċedura.

5. Il-Bord Amministrattiv għandu jieħu d-deċiżjonijiet tieħu b’maġġoranza sempliċi tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri. Madanakollu, maġġoranza ta’ tliet kwarti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri hija meħtieġa għal deċiżjonijiet li l-Bord Amministrattiv għandu s-setgħa li jieħu taħt l-l-Artikolu 120(1) u (3). Fiż-żewġ każijiet kull Stati Membru għandu jkollu vot wieħed.

6. Il-Bord Amministrattiv jista’ jistieden osservaturi sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu.

7. Is-Segretarjat għall-Bord Amministrattiv għandu jiġi provdut mill-Uffiċċju.

IT-TAQSIMA 4

L-IMPLEMENTAZZJONI TA’ PROĊEDURI

L-Artikolu 125

Kompetenza

Dawn li ġejjin huma kompetenti sabiex jieħdu deċiżjonijiet marbuta mal-proċeduri li jinsabu f’dan ir-Regolament:

(a) l-Eżaminaturi;

(b) id-Diviżjonijiet ta’ l-Opposizzjoni;

(ċ) id-Diviżjoni Legali u ta’ l-Amministrazzjoni tat-Trade Marks;

(d) id-Diviżjonijiet tal-Kanċellazzjoni;

(e) il-Bordijiet ta’ l-Appell.

L-Artikolu 126

L-eżaminaturi

L-eżaminatur huwa responsabbli sabiex jieħu deċiżjonijiet f’isem l-Uffiċċju fir-rigward ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, inklużi l-ħwejjeġ msemmija fl-Artikoli 36, 37, 38 u 66, ħlief fejn tkun responsabbli d-Diviżjoni ta’ l-Opposizzjoni.

L-Artikolu 127

Diviżjonijiet ta’ l-Opposizzjoni

1. Id-Diviżjoni ta’ l-Opposizzjoni hija responsabbli sabiex tieħu deċiżjonijiet li jirrigwardaw opposizzjoni lejn applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.

2. Id-Diviżjoni ta’ l-Opposizzjoni għandha tikkonsisti fi tliet membri. Ta’ mill-inqas wieħed mill-membri għandu jkun kwalifikat legalment.

L-Artikolu 128

Id-Diviżjoni Legali u ta’ l-Amministrazzjoni tat-Trade Marks

1. Id-Diviżjoni Legali u ta’ l-Amministrazzjoni tat-Trade Marks għandha tkun responsabbli għal dawk id-deċiżjonijiet meħtieġa minn dan ir-Regolament li ma jaqawx taħt il-kompetenza ta’ eżaminatur, tad-Diviżjoni ta’ l-Opposizzjoni jew tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. B’mod partikolari għandha tkun responsabbli għal deċiżjonijiet li jirrigwardaw skrizzjonijiet fir- Reġistru tat-trade marks Komunitarji.

2. Hija responsabbli wkoll għaż-żamma ta’ lista ta’ rappreżentanti professjonali msemmija fl-Artikolu 89.

3. Deċiżjoni tad-Diviżjoni għandha tittieħed minn membru wieħed.

L-Artikolu 129

Id-Diviżjonijiet tal-Kanċellazzjoni

1. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni hija responsabbli għal deċiżjonijiet li jirrigwardaw applikazzjoni għar-revokazzjoni jew dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja.

2. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni għandha tikkonsisti fi tliet membri. Ta’ mill-inqas wieħed mill-membri għandu jkun kwalifikat legalment.

L-Artikolu 130

Il-Bordijiet ta’ l-Appell

1. Il-Bordijiet ta’ Appell għandhom ikunu responsabbli sabiex jiddeċiedu dwar appelli mid-deċiżjonijiet ta’ l-eżaminaturi, mid-Diviżjonijiet ta’ l-Opposizzjoni, mid-Diviżjoni Legali u ta’ l-Amministrazzjoni ta’ Trade Marks u mid-Diviżjonijiet tal-Kanċellazzjoni.

2. Il-Bord ta’ l-Appell għandu jikkonsisti fi tliet membri. Ta’ mill-inqas tnejn mill-membri għandhom ikunu kwalifikati legalment.

L-Artikolu 131

L-indipendenza tal-membri tal-Bordijiet ta’ l-Appell

1. Il-membri, inklużi ċ-chairmen, tal-Bordijiet ta’ l-Appell għandhom jiġu maħtura, skond il-proċedura li tinsab fl-Artikolu 120, għall-ħatra tal-President ta’ l-Uffiċċju, għal terminu ta’ ħames snin. Huma ma jistgħux jitneħħew mill-karigu tagħhom waqt dan iż-żmien, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet serji għat-tneħħija, u sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix b’dan il-mod wara li tkun saret applikazzjoni mill-organu li jkun ħatarhom. It-terminu tal-kariga tagħhom jista jiġġedded.

2. Il-membri tal-Bordijiet ta’ l-Appell għandhom ikunu indipendenti. Fid-deċiżjonijiet tagħhom huma m’għandhom ikunu marbuta b’ebda struzzjonijiet.

3. Il-membri tal-Bordijiet ta’ l-Appell ma jistgħux ikunu eżaminaturi jew membri tad-Diviżjonijiet ta’ l-Opposizzjoni, tad-Diviżjoni Legali u ta’ l-Amministrazzjoni tat-Trade Marks jew id-Diviżjonijiet tal-Kanċellazzjoni.

L-Artikolu 132

Esklużjoni u oġġezzjoni

1. L-eżaminaturi u l-membri tad-Diviżjonijiet stabbiliti ġewwa l-Uffiċċju jew tal-Bordijiet ta’ Appell ma jistgħux jieħdu sehem f’ebda proċedimenti jekk huma jkollhom xi interess personali, jew jekk huma kienu involuti qabel bħala rappreżentanti ta’ xi waħda mill-partijiet. Tnejn mit-tliet membri tad-Diviżjoni ta’ l-Opposizzjoni ma jistgħux ikunu ħadu sehem fl-eżaminazzjoni ta’ l-applikazzjoni. Il-Membri tad-Diviżjonijiet tal-Kanċellazzjoni ma jistgħux jieħdu sehem f’ebda proċedimenti jekk huma jkunu pparteċipaw fid-deċiżjoni finali dwar il-kas fil-proċedimenti dwar reġistrazzjoni jew fi proċedimenti ta’ opposizzjoni. Il-Membri tal-Bordijiet ta’ l-Appell ma jistgħux jieħdu sehem fi proċedimenti ta’ appell jekk ikunu ipparteċipaw fid-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi appellata.

2. Jekk, minħabba waħda mir-raġunijiet msemmija fil-paragrafu 1 jew għal xi raġuni oħra, xi membru tad-Diviżjoni jew tal-Bord ta’ l-Appell iħoss li huwa m’għandux jieħu sehem f’xi proċedimenti, huwa għandu jinforma lid-Diviżjoni jew lill-Bord debitament.

3. Tista’ ssir oġġezzjoni kontra l-eżaminaturi u l-membri tad-Diviżjonijiet jew tal-Bord ta’ l-Appell minn kull parti fuq bażi ta’ waħda mir-raġunijiet msemmija fil-paragrafu 1, jew jekk ikun hemm suspett ta’ parzjalità. Oġġezzjoni mhijiex ammissibli jekk, minkejja li tkun taf li teżisti raġuni għal oġġezzjoni, il-parti tkun ħadet pass proċedurali. Ebda oġġezzjoni ma tista ssir abbażi tan-nazzjonalità ta’ l-eżaminaturi jew tal-membri.

4. Id-Diviżjonijiet u l-Bordijiet ta’ l-Appell għandhom jiddeċiedu dwar liema azzjoni għandha tittieħed fil-każijiet speċifikati fil-paragrafi 2 u 3 mingħajr il-parteċipazzjoni tal-membru konċernat. Għall-finijiet tat-teħid ta’ din id-deċiżjoni il-membru li jirtira jew li tkun saret oġġezzjoni kontrih għandu jiġi mibdul fid-Diviżjoni jew fil-Bord ta’ l-Appell mill-alternat tiegħu.

IT-TAQSIMA 5

IL-BUDGET U L-KONTROLL FINANZJARJU

L-Artikolu 133

Il-Kumitat tal-Budget

1. Qiegħed jiġi stabbilit bis-saħħa tal-presenti Kumitat tal-Budget, li huwa abbinat ma’ l-Uffiċċju. Il-Kumitat tal-Budget għandu jkollu l-poteri mogħtija lilu minn din it-Taqsima u mill-Artikolu 39(4).

2. L-Artikoli 121(6), 122, 123 u 124(1) sa (4), (6) u (7) għandhom japplikaw għall-Kumitat tal-Budget mutatis mutandis.

3. Il-Kumitat tal-Budget għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’maġġoranza sempiċi tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri. Madanakollu, maġġoranza ta’ tliet kwarti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri hija meħtieġa għal deċiżjonijiet li l-Kumitat tal-Budget għandu s-setgħa li jieħu taħt l-Artikoli 39(4), 135(3) u 138. Fiż-żewġ każijiet kull Stat Membru għandu biss vot wieħed.

L-Artikolu 134

Budget

1. L-estimi tad-dħul u ta’ l-infiq kollu ta’ l-Uffiċċju għandhom jitħejjew għal kull sena finanzjarja u għandhom jintwerew fil-budget ta’ l-Uffiċċju, u kull sena finanzjarja għandha tikkorrispondi mas-sena kalendarja.

2. Id-dħul u l-infiq murija fil-budget għandhom ikunu f’bilanċ.

3. Dħul għandu jinkludi, mingħajr preġudizzju għal kull xorta oħra ta’ dħul, it-total tal-miżati pagabbli taħt ir-regolamenti dwar miżati, u, sa fejn huwa meħtieġ, sussidju li għandu jiddaħħal taħt titolu speċifiku tal-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, fit-Taqsima tal-Kummissjoni.

L-Artikolu 135

It-tħejjija tal-budget

1. Il-President għandu jħejji kull sena stima tad-dħul u ta’ l-infiq ta’ l-Uffiċċju għas-sena li jkun imiss u għandu jibgħatha lill-Kumitat tal-Budget sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, flimkien ma’ lista ta’ karigi.

2. Jekk l-budget jipprovdi għal sussidju Komunitarju, il-Kumitat tal-Budget għandu jgħaddi l-istima immedjatament lill-Kummissjoni, li għandha taddiha lill-awtorita’ tal-budget tal-Komunitajiet. Il-Kummissjoni tista tehmeż opinjoni ma’ l-istima flimkien ma stima alternattiva.

3. Il-Kumitat tal-Budget għandu jadotta l-Budget, li għandu jinkludi l-lista tal-karigi ta’ l-Uffiċċju. Jekk l-estimi tal-budget ikun fihom sussidju mill-budget ġenerali tal-Komunitajiet, il-budget ta’ l-Uffiċċju għandu jiġi aġġustat, jekk dan ikun meħtieġ.

L-Artikolu 136

Il-kontroll finanzjarju

Il-kontroll tar-rabta u tal-ħlas ta’ kull nfiq u l-kontroll ta’ l-esistenza u tal-ġbir ta’ kull dħul ta’ l-Uffiċċju għandu jitwettaq mill-Kontrollur Finanzjarju maħtur mill-Kumitat tal-Budget.

L-Artikolu 137

Il-verifika tal-kontijiet

1. Sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sena il-President għandu jgħaddi lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat tal-Budget u lill-Qorti ta’ l-Awdituri l-kontijiet tad-dħul u ta’ l-infiq totali ta’ l-Uffiċċju għas-sena finanzjarja preċedenti. Il-Qorti ta’ l-Awdituri għandha teżaminahom skond l-Artikolu 188ċ tat-Trattat.

2. Il-Kumitat tal-Budget għandu jagħti rendikont lill-President ta’ l-Uffiċċju fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni tal-budget.

L-Artikolu 138

Dispożizzjonijiet finanzjarji

Il-Kumitat tal-Budget għandu, wara li jikkonsulta mal-Qorti ta’ l-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej u mal-Kummissjoni, jadotta dispożizzjonijiet finanzjarji interni li jispeċifikaw, b’mod partikolari, il-proċedura ta’ kif għandu jiġi stabbilit u implimentat il-budget ta’ l-Uffiċċju. Id-dispożizzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu ibbażati fuq ir-regolamenti finanzjarji adottati għall-organi oħrajn stabbiliti mill-Komunità, sa fejn dawn ikunu kumpatibbli mal-karatteristiċi partikolari ta’ l-Uffiċċju.

L-Artikolu 139

Regolamenti dwar miżati

1. Ir-regolamenti dwar miżati għandhom jistabbilixxu b’mod partikolari l-ammonti tal-miżati u l-miżati ta’ kif għandu jsir il-ħlas.

2. L-ammonti tal-miżati għandhom jiġu iffissati b’tali mod li jiġi żgurat li d-dħul minnhom ikun fil-prinċipju biżżejjed sabiex jiżgura li l-budget ta’ l-Uffiċċju ikun bilanċjat.

3. Ir-regolamenti dwar miżati għandhom jiġu adottati u emendati skond il-proċedura li tinsab fl-Artikolu 141.

IT-TITOLU XIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

L-Artikolu 140

Dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-Komunità

1. Ir-regoli li jimplimentaw dan ir-Regolament għandhom jiġi adottati permezz ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni.

2. Flimkien mal-miżati imsemmija fl-Artikoli preċedenti, għandhom jiġu imposti miżati, skond ir-regoli ta’ applikazzjoni dettaljati stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, fil-każijiet elenkati hawn taħt:

1. it-tibdil tax-xbiha ta’ trade mark Komunitarja;

2. il-ħlas tardiv tal-miżata ta’ reġistrazzjoni;

3. il-ħruġ ta’ kopja ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni;

4. ir-reġistrazzjoni ta’ trasferiment ta’ trade mark Komunitarja;

5. ir-reġistrazzjoni ta’ liċenzja jew ta’ dritt ieħor fir-rigward ta’ trade mark Komunitarja;

6. ir-reġistrazzjoni ta’ liċenzja jew ta’ dritt ieħor fir-rigward ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja;

7. il-kanċellazzjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ liċenzja jew dritt ieħor;

8. it-tibdil ta’ trade mark Komunitarja reġistrata;

9. il-ħruġ ta’ silta mir-Reġistru;

10. l-ispezzjoni ta’ fajls;

11. il-ħruġ ta’ kopji ta’ dokumenti mill-fajl;

12. il-ħruġ ta’ kopji attestati ta’ l-applikazzjoni;

13. il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni minn fajl;

14. ir-rivista tal-kalkoli ta’ l-ispejjeż proċedurali li għandhom jiġu rimborsati.

3. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni u r-regoli ta’ proċedura tal-Bordijiet ta’ l-Appell għandhom jiġu adottati u emendati skond il-proċedura li tinsab fl-Artikolu 141.

L-Artikolu 141

L-istabbiliment ta’ kumitat u proċedura għall-adozzjoni ta’ Regolamenti ta’ Implimentazzjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn Kumitat tal-Miżati, Regoli ta’ Implimentazzjoni u l-Proċedura tal-Bordijiet ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji), li għandu jkun kompost minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abozz tal-miżuri li jkunu sejrin jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fi żmien li ċ-chairman jistabbilixxi skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza li tinsab fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill huwa meħtieġ li jadotta fuq proposta tal-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom jiġu mwieżna skond kif huwa stabbilit minn dak l-Artikolu. Iċ-chairman ma jistax jivvota.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri previsti jekk dawn ikunu skond l-opinjoni tal-Kumitat.

Jekk il-miżuri previsti ma jkunux jaqblu ma’ l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tingħata ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tissottometti lill-Kunsill proposta li tirrigwarda l-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

Jekk, malli jiskadi l-perjodu ta’ tliet xhur mid-data ta’ meta tkun saret ir-referenza lill-Kunsill, il-Kunsill ikun għadu ma aġixxiex, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, ħlief meta l-Kunsill jkun iddeċieda kontra l-miżuri b’maġġoranza sempliċi.

L-Artikolu 142

Kumpatibilità ma’ dispożizzjonijiet legali Komunitarji oħrajn

Dan ir-Regolament m’għandux jaffetwa ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 dwar il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u deskrizzjonijiet ta’ oriġini għal prodotti agrikoli u għal prodotti ta’ l-ikel [7] ta’ l-14 ta’ Lulju 1992, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 ta’ dan l-imsemmi Regolament.

L-Artikolu 143

Dħul fis-seħħ

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-60 jum wara li jiġi pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi implimentat l-Artikolu 91 u 110 ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dawn il-miżuri minnufih.

3. L-applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji jistgħu jiġu ppreżentati l-Uffiċċju mid-data ffissata mill-Bord Amministrattiv fuq rakkomandazzjoni tal-President ta’ l-Uffiċċju.

4. L-applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji li jiġu ppreżentati fi żmien tliet xhur qabel id-data msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jitqiesu li ġew preżentati f’dik id-data.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-20 ta’ Diċembru 1993.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Bourgeois

[1] ĠU C 351, tal-31.12.1980, p. 1 u ĠU C 230, tal-31.8.1984, p. 1.

[2] ĠU C 307, ta’ l-14.11.1983, p. 46 u ĠU C 280, tat-28.10.1991, p. 153.

[3] ĠU C 310, tat-30.11.1981, p. 22.

[4] ĠU L 319, tal-25.11.1988, p. 1 u corrigendum f’ĠU L 241, tas-17.8.1989, p. 4.

[5] ĠU L 144, tas-16.6.1993, p. 21.

[6] ĠU L 197, tat-18.7.1987, p. 33.

[7] ĠU L 208, ta’ l-24.7.1992, p. 1.

--------------------------------------------------