31985R2137



Official Journal L 199 , 31/07/1985 P. 0001 - 0009
Finnish special edition: Chapter 17 Volume 1 P. 0090
Spanish special edition: Chapter 17 Volume 2 P. 0003
Swedish special edition: Chapter 17 Volume 1 P. 0090
Portuguese special edition Chapter 17 Volume 2 P. 0003


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2137/85

tal-25 ta’ Lulju 1985

dwar il-Gruppi Ewropej b’Interess Ekonomiku (GEIE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment Artikolu 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi żvilupp armonjuż ta’ l-attivitajiet ekonomiċi u għal tkabbir kontinwu u bilanċjat fil-Kommunità kollha jiddependu billi jiġi stabbilit u jiffunzjona bla xkiel suq komuni li joffri kundizzjonijiet analogi ma’ dawk ta’ suq nazzjonali; billi sabiex ikun stabbilit dan is-suq waħdieni u tiżdied l-unita tiegħu għandu jinbena qafas legali li jiffaċilita l-addattament ta’ l-attivitajiet tagħhom skond il-kundizzjonijiet tal-Kommunità partikolarment għal persuni naturali, kumpaniji, ditti u korpi oħra legali; billi għal dan l-iskop jinħtieġ illi dawn il-persuni naturali, kumpanniji, ditti u korpi oħra jkunu kapaċi li jikkoperaw effettivament b’mod trans-konfini;

Billi koperazzjoni ta’ din in-natura tista’ tiltaqa’ ma’ diffikultajiet legali, fiskali jew psikoloġiċi; billi l-ħolqien ta’ strument legali apposta tal-Kommunità fil-forma ta’ għaqda fi Gruppi Ewropej b’Interess Ekonomiku għandu jikkontribwixxi għall-ksib ta’ l-għanijiet imsemmija hawn fuq u għalhekk jixhed li dan il-ħolqien huwa meħtieġ;

Billi t-Trattat ma jipprovdix il-poteri meħtieġa għall-ħolqien ta’ dan l-istrument legali;

Billi l-abbiltà ta’ dan il-grupp sabiex jadatta għall-kundizzjonijiet ekonomiċi għandha tiġi garantita bil-liberta konsiderevoli għall-membri tagħha fir-relazzjonijiet kontrattwali tagħhom u fl-organizzazzjoni interna tal-grupp;

Billi grupp jiddifferixxi minn ditta jew kumanija prinċipalment fil-għan tiegħu, li huwa qiegħed biss sabiex iħaffef jew jiżviluppa l-attivitijatet ekonomiċi tal-membri tiegħu għalbiex jgħinhom itejbu r-riżultati tagħhom infushom; billi, minħabba din in-natura anċillari, l-attivitajiet tal-grupp għandu jkollhom x’jaqsmu ma’ l-attivitajiet ekonomiċi tal-membri tiegħu imma mhux li joħdilhom posthom hekk li, b’dan l-iskop, per eżempju, grupp ma jistax fih innifsu, rigward parti terzi, jipprattika professjoni, fil-waqt li l-kunċett ta’ l-attivitajiet ekonomiċi jiġu intepretati fl-iktar mod wiesa;

Billi l-aċċess għall-forma tal-grupp għandu jinfetaħ kemm jista’ jkun għall-persuni naturali, il-kumpaniji, id-ditti u korpi oħra legali, biż-żamma mal-għanijiet ta’ dan ir-Regolament; billi dan ir-Regolament ma għandhux, madankollu, jippreġudika l-applikazzjoni f’livell nazzjonali tar-regoli legali u/jew il-kodiċijiet etiċi rigward il-kundizzjonijiet tat-twettieq ta’ attivitajiet tan-negozju u professjonali;

Billi dan ir-Regolament innifsu ma jagħtix lil kull persuna d-dritt li tipparteċipa fi grupp, saħansitra fejn jiġu mwettqa l-kundizzjonijiet li jippreskrivi;

Billi l-poter mogħti minn dan ir-Regolament sabiex jipprojbixxi jew jirrestrinġi l-parteċipazjoni fi grupp għal raġunijiet ta’ interess pubbliku huwa mingħajr preġudizzju għal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirregolaw it-twettieq ta’ attivitajiet u li jistgħu jipprovdu iktar projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet inkella b’xi mod ieħor jikkontrollaw jew jissorveljaw il-parteċipazzjoni fi grupp minn kull persuna naturali, kumpanija, ditta jew korp ieħor legali jew kull klassi tagħhom;

Billi, sabiex grupp ikun jista’ jilħaq il-għan tiegħu, għandu jiġi mogħni b’kapaċita legali u għandhom jintgħamlu dispożizzjonijiet sabiex jiġi rappreżentat vis-à-vis partijiet terzi minn organu legalment separat mill-kompożizzjoni tal-membri tiegħu;

Billi l-protezzjoni ta’ partijiet terzi teħtieġ pubbliċita wiesgħa; billi l-membri ta’ grupp għandhom responsabbiltà bla qies flimkien u kull wieħed għad-djun u l-responsabilitajiet l-oħra tal-grupp, inklużi dawk li għandhom x’jaqsmu mat-taxxa jew is-sigurta soċjali, mingħajr, iżda, ma dan il-prinċipju jaffettwa l-liberta li teskludi jew li tirrestrinġi l-responsabbiltà ta’ wieħed jew iktar mill-membri tiegħu rigward dejn partikolari jew responsabbiltà oħra permezz ta’ kuntratt speċifiku bejn il-grupp u parti terza;

Billi materji li għandhom x’jaqsmu ma’ l-i status jew il-ħila ta’ persuna naturali u l-ħila ta’ persuni legali huma regolati bil-liġi nazzjoni;

Billi r-raġunijiet għall-istralċ li huma partikolari biss għal aggrupp għandhom jiġu speċifikati fil-waqt li jsir riferiment għal-liġi nazzjonali dwar il-likwidazzjoni u t-temma ta’ din;

Billi l-gruppi huma bla ħsara għal-liġijiet nazzjonali dwar il-falliment u l-waqfien tal-ħlasijiet; billi dawn il-liġijiet jistgħu jipprovdu raġunijiet oħra għall-istralċ tal-gruppi;

Billi dan ir-Regolament jipprovdi illi l-profitti jew it-telf li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ grupp għandhom ikunu taxxabbli biss f’idejn il-membri tiegħu; billi huwa miftiehem illi, jekk ikun xorta oħra, japplikaw il-liġijiet nazzjonali dwar it-taxxa, partikolarment, fejn jidħlu it-taqsim tal-profitti, il-proċeduri tat-taxxa u kull obbligu impost mil-liġi nazzjonali tat-taxxa;

Billi f’materji mhux koperti b’dan ir-Regolament il-liġijiet ta’ l-Istati Membri u l-liġi tal-Komunità huma applikabbli, per eżempju rigward:

- il-liġijiet soċjali u tax-xogħol,

- il-liġi tal-kompetizzjoni,

- il-liġi dwar il-proprjetà intellettwali;

Billi l-attivitajiet tal-gruppi huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar is-segwiment u s-sorveljanza ta’ l-attivitajiet; billi fil-każ ta’ abbuż jew tidwir mal-liġijiet ta’ Stat Membru minn grupp jew mill-membri tiegħu dan l-Istat Membru jista’ jimponi s-sanzjonijiet xierqa;

Billi l-Istati Membri huma ħielsa li japplikaw jew jadottaw kull liġi, regolament jew miżura amministrattiva li ma jmorrux kontra l-iskop jew l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament;

Billi dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament fl-intier tiegħu; billi l-implimentazzjoni ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet għandhom madankollu jiġu diferiti għalbiex jagħtu lok lill-Istati Membri biex l-ewwel iwaqqfu l-makkinarju meħtieġ għar-reġistrazzjoni tal-gruppi fit-territorji tagħhom u għal kxif ta’ ċerti materji li għandhom x’jaqsmu mal-gruppi; billi, b’effett mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-gruppi mwaqqfa jistgħu jaħdmu mingħajr restrizzjonijiet territorjali,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Gruppi Ewropej b’Interess Ekonomiku għandhom jiġu stabbiliti skond it-termini, il-manjiera u l-effetti preskritti f’dan ir-Regolament.

Għalhekk, partijiet li beħsiebhom jiffurmaw grupp għandhom jikkonkludu kuntratt u jkollhom imwettqa r-reġistrazzjoni provduta f’Artikolu 6.

2. Grupp hekk stabbilit għandu, mid-data tar-reġistrazzjoni tiegħu kif provdut f’Artikolu 6, ikollu l-kapaċita, f’ismu, li jkollu drittijiet u obbligi ta’ kull xorta, li jagħmel kuntratti jew iwettaq atti oħra legali, u li jfittex u jiġi mfittex bil-qorti.

3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jekk il-gruppi reġistrati fl-uffiċċji tar-reġistrazzjoni tagħhom, b’mod konformi ma’ Artikolu 6, għandhomx personalita legali jew le.

Artikolu 2

1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli, minn banda waħda, għall-kuntratt tal-istabbiliment tal-grupp, għajr rigward materji li għandhom x’jaqsmu ma’ l-i status jew il-kapaċita tal-persuni naturali u għall-kapaċita ta’ persuni legali u, mill-banda l-oħra, għall-organizzazzjoni interna ta’ grupp għandhom ikunu l-liġi interna ta’ l-Istat Membru li fih jinsab lokat l-indirizz uffiċjali, kif preskritt bil-kuntratt tal-istabbiliment tar-grupp.

2. Fejn Stat jinkludi numru ta’ unitajiet territorjali, li kull wieħed minnhom għandu r-regoli tiegħu tal-liġi applikabbli għall-materji riferiti fil-paragrafu 1, kull unita territorjali għandha titqies bħala Stat għall-għanijiet li tiġi identifikata l-liġi applikabbli skond dan l-Artikolu.

Artikolu 3

1. Il-għan ta’ grupp għandu jkun li jiffaċilta jew jiżviluppa l-attivitajiet ekonomiċi tal-membri tiegħu u li jtejjeb jew iżid ir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet; l-iskop tiegħu mhuwiex li jżid il-qligħ għalih innifsu.

L-attività tiegħu għandha jkollha x’taqsam ma’ l-attivitajit ekonomiċi tal-membri tiegħu u ma għandhomx ikunu iktar milli anċillari għal dawn l-attivitajiet.

2. Konsegwentement, grupp ma jistax:

(a) jeserċita, direttament jew indirettament, poter ta’ tmexxija jew sorveljanza fuq l-attivitajiet tal-membri tiegħu stess jew fuq l-attivitajiet ta’ impriża oħra, partikolament fl-oqsma tal-personal, il-finanzi u l-investiment;

(b) ikollu ishma ta’ kull kwalità f’impriża ta’ membru, direttament jew indirettament u jkun xi jkun il-bażi ta’ dan; li jkollu ishma f’impriża oħra għandu jkun possibbli biss safejn u sakemm huwa meħtieġ għall-kisba tal-għanijiet tal-grupp u jekk isir fl-interess tal-membri tiegħu;

(ċ) jimpjiega iktar minn 500 persuna;

(d) jiġi wżat minn kumpanija sabiex isellef somma (ta’ flus) lil direttur tal-kumpanija, jew kull persuna li għandha x’taqsam magħha, meta s-self ta’ dawn is-somom huwa restritt jew kontrollat bir-regoli li jirregolaw il-kumpaniji ta’ l-Istati Membri. Grupp lanqas ma għandu jiġi wżat għat-trasferiment ta’ xi proprjeta bejn kumpanija u direttur jew kull persuna li għandha x’taqsam miegħu, għajr safejn u sakemm jiġu mħollija mil-liġijiet li jirregolaw il-kumpaniji ta’ l-Istati Membri. Għall-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni l-għemil ta’ self jinkludi d-dħul f’kull transazzjoni jew arranġament b’effett simili, u l-proprjeta tinkludi proprjeta mobbli u immobbli;

(e) ikun membru ta’ Grupp ieħor Ewropew b’Interess Ekonomiku.

Artikolu 4

1. Dawn li ġejjin biss jistgħu jkunu membri ta’ grupp:

(a) kumpaniji jew ditti fit-tifsira tat-tieni paragrafu ta’ Artikolu 58 tat-Trattat u korpi oħra legali regolati bil-liġi pubblika jew privata, li ġew stabbiliti bi qbil mal-liġi ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju reġistrat jew statutorju tagħhom u l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom ġewwa l-Komunita; fejn, skond il-liġi ta’ Stat Membru, kumpannija, ditta jew korp legali ieħor mhux obbligat li jkollu uffiċċju reġistrat jew statutorju, ikun biżżejjed għal din il-kumpannija, ditta jew korp legali li jkollhom l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom ġewwa l-Komunita;

(b) persuni naturali li jwettqu kull attività industrijali, kummerċjali, tas-sengħa jew tal-biedja jew li jipprovdu servizzi professjonali jew servizzi oħra ġewwa l-Komunita.

2. Grupp għandu mill-inqas ikollu:

(a) żewġ kumpaniji, ditti jew korpi legali oħra, fit-tifsira tal-paragrafu 1, li jkollhom l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom fi Stati Membri differenti, jew

(b) żewġ persuni naturali, fit-tifsira tal-paragrafu 1, li jwettqu l-attivitajiet ewliena tagħhom fi Stati Membri differenti, jew

(ċ) kumpanija, ditta jew korp legali ieħor fit-tifsira tal-paragrafu 1 u persuna naturali, fejn ta’ l-ewwel ikollhom l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom fi Stat Membru wieħed u tat-tieni twettaq l-attività ewliena tagħha fi Stat Membru ieħor.

3. Stat Membru jista’ jeħtieġ illi l-gruppi reġistrati fl-uffiċċji tiegħu tar-reġistrazzjoni bi qbil ma’ Artikolu 6 ma jkollhomx iktar minn 20 membru (kull wieħed). Għal dan il-għan, dan l-Istat Membru jista’ jipprovdi illi, bi qbil mal-liġijiet tiegħu, kull membru ta’ korp legali stabbilit skond il-liġijiet ta’ dak l-Istat Membru), għajr kumpanija reġistrata, għandu jiġi meqjus bħala membru għalih waħdu ta’ grupp.

4. Kull Stat Membru jista’, għar-raġunijiet ta’ l-interess pubbliku ta’ dan l-Istat, jipprojbixxi jew jirrestrinġi l-parteċipazzjoni fi gruppi lil ċerti klassijiet ta’ persuni naturali, kumpaniji, ditti jew korpi legali oħra.

Artikolu 5

Kuntratt għall-istabbiliment ta’ grupp għandhu mill-inqas jinkludi:

(a) l-isem tal-grupp bil-kelmiet "Grupp Ewropew ta’ Interess Ekonomiku" jew l-inizjali "GEIE" miġjuba qablu jew warajh, għajr jekk dawn il-kelmiet jew inizjali mhux diġa jiffurmaw parti mill-isem;

(b) l-indirizz uffiċjali tal-grupp;

(ċ) il-għanijiet li għalihom il-grupp jiġi stabbilit;

(d) l-isem, l-isem tan-negozju, il-forma legali, l-indirizz permanenti jew l-uffiċċju reġistrat, u n-numru u l-post tar-reġistrazzjoni, jekk ikun hemm, ta’ kull membru tal-grupp;

(e) it-tul taż-żmien tal-grupp, għajr fejn dan huwa indefinit.

Artikolu 6

Grupp għandu jkun reġistrat fl-Istat li fih ikollu l-indirizz uffiċjali tiegħu, fl-uffiċċju tar-reġistrazzjoni nominat b’mod konformi ma’ Artikolu 39(1).

Artikolu 7

Il-kuntratt għall-formazzjoni ta’ grupp għandu jiġi depożitat fl-uffiċċju tar-reġistrazzjoni riferit f’Artikolu 6.

Id-dokumenti u l-partikolaritajiet li ġejjin għandhom ukoll ikunu depożitati f’dan l-uffiċċji tar-reġistrazzjoni:

(a) kull emenda għall-kuntratt tal-istabbiliment ta’ grupp, inkluża kull bidla fil-kompożizzjoni ta’ grupp;

(b) avviż dwar it-twaqqif jew il-għeluq ta’ kull stabbiliment tal-grupp;

(ċ) kull deċiżjoni ġuridika li twaqqaf jew tiddikjara n-nulluta ta’ grupp, bi qbil ma’ Artikolu 15;

(d) avviż dwar il-ħatra tal-manager jew il-managers ta’ grupp, isimhom u kull partikolarità oħra ta’ identifikazzjoni meħtieġa bil-liġi ta’ l-Istat Membru fejn jinżamm ir-reġistru, notifika illi jistgħu jaġixxu waħedhom jew li għandhom jaġixxu flimkien, u t-temma tal-ħatra ta’ kull manager;

(e) avviż dwar ix-xogħol/post ta’ membru fil-parteċipazzjoni tiegħu fi grupp jew promozzjoni fih, bi qbil ma’ Artikolu 22(1);

(f) kull deċiżjoni mill-membri li tordna jew tistabbixxi l-istralċ ta’ grupp, bi qbil ma’ Artikolu 31, jew kull deċiżjoni ġuridika li tordna dan l-istralċ, bi qbil ma’ Artikoli 31 jew 32;

(ġ) avviż dwar il-ħatra tal-likwidatur jew tal-likwidaturi ta’ grupp, kif riferit f’Artikolu 35, b’isimhom u kull partikolarita oħra ta’ identifikazzjoni meħtieġa bil-liġi ta’ l-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru, u t-temma tal-ħatra ta’ kull likwidatur;

(ħ) avviż dwar il-konklużjoni tal-likwidazzjon tal-grupp, kif riferit f’Artikolu 35(2);

(i) kull proposta għat-trasferiment ta’ l-indirizz uffiċjali, kif riferit f’Artikolu 14(1);

(j) kull klawsola li teżenta membru ġdid mill-ħlas tad-djun u responsabbilitajiet l-oħra illi oriġinaw qabel id-dħul tiegħu, bi qbil ma’ Artikolu 26(2).

Artikolu 8

Dan li ġej għandu jiġi pubblikat, kif preskritt f’Artikolu 39, fil-gazzetta riferita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu:

(a) il-partikolaritajiet li għandhom jiġu inklużi fil-kuntratt tal-istabbiliment ta’ grupp, b’mod konformi ma’ Artikolu 5, u kull emenda għalihom;

(b) in-numru, id-data u l-post tar-reġistrazzjoni kif ukoll l-avviż tat-tmiem ta’ din ir-reġistrazzjoni;

(ċ) id-dokumenti u l-partikolaritajiet riferiti f’Artikolu 7(b) sa (j).

Il-partikolaritajiet riferiti minn (a) sa (j) għandhom jiġu pubblikati fl-intier tagħhom. Id-dokumenti u l-partikolaritajiet riferiti f’(ċ) jistgħu jiġu pubblikati jew fl-intier tagħhom jew f’estratt jew permezz ta’ riferenza lid-depożitu tagħhom fl-uffiċċju tar-reġistrazzjoni, bi qbil mal-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli.

Artikolu 9

1. Id-dokumenti u l-partikolaritajiet li għandhom jiġu pubblikati b’mod konformi ma’( dan ir-Regolament jistgħu jkunu ta’ min jorbot fuqhom minn grupp kontra partijiet terzi skond il-kundizzjonijiet preskritti bil-liġi nazzjonali applikabbli b’mod konformi ma’ Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tad-9 ta’ Marzu 1968 dwar il-kordinament ta’ salwagwardji li, għall-protezzjoni ta’ l-interessi tal-membri tiegħu u ta’ oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri mill-kumpaniji fit-tifsira tat-tieni paragrafu ta’ Artikolu 58 tat-Trattat, bil-ħsieb li jagħmlu dawn is-salwagwardji ekwivalenti ġewwa l-Kommunità kollha [4].

2. Jekk l-attivitjiet jkunu twettqu fl-interess ta’ grupp qabel ir-reġistrazzjoni tiegħu bi qbil ma’ Artikolu 6 u jekk il-grupp ma jerfax, wara r-reġistrazzjoni tiegħu, l-obbligi li joħorġu minn dawn l-attivitajiet, il-persuni naturali, kumpaniji, ditti jew korpi legali oħra li jkunu wettqu dawn l-attivitajiet għandhom iġorru responsabbiltà bla limitu flimkien u waħedhom għalihom.

Artikolu 10

Kull stabbiliment ta’ grupp lokat fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn hu lokat l-indirizz uffiċjali għandu jkun reġistrat f’dan l-Istat. Għall-għanijiet ta’ din ir-reġistrazzjoni, grupp għandu jiddepożita f’fajl, fl-uffiċċju tar-reġistrazzjoni xieraq f’dan l-Istat Membru, il-kopji tad-dokumenti li għandhom jiġu miżmuma fil-fajlijiet ta’ l-uffiċċju tar-reġistrazzjoni ta’ l-Istat Membri fejn jinsab l-indirizz uffiċjali, flimkien ma’, jekk meħtieġ, traduzzjoni li tikkonforma mal-prattiċi ta’ l-uffiċċju tar-reġistrazzjoni fejn il-stabbiliment ikun reġistrat.

Artikolu 11

Avviż li ġie stabbilit grupp jew li l-istralċ tiegħu ġie konkluż u li jiddikjara n-numru, id-data u l-post tar-reġistrazzjoni u d-data, il-post u t-titolu tal-pubblikazzjoni, għandu jingħata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej wara li jiġi pubblikat fil-gazzetta riferita f’Artikolu 39(1).

Artikolu 12

L-indirizz uffiċjali riferit fil-kuntratt tal-istabbiliment ta’ grupp għandu jkun lokat fil-Komunita.

L-indirizz uffiċjali għandu jiġi ffissat jew:

(a) fejn il-grupp għandu l-amministrazzjoni ċentrali tiegħu, jew

(b) fejn wieħed mill-membri tal-grupp għandu l-amministrazzjoni ċentrali tiegħu jew, fil-każ ta’ persuna naturali, fejn jissokta l-attività ewliena tiegħu, basta iżda illi l-grupp iwettaq l-attivitajiet tiegħu f’dan il-lok.

Artikolu 13

L-indirizz uffiċjali ta’ grupp jista’ jiġi trasferit ġewwa l-Komunita.

Meta dan it-trasferiment ma jirriżultax f’bidla fil-liġi applikabbli b’mod konformi ma’ Artikolu 2, id-deċiżjoni tat-trasferiment għandha tittieħed bi qbil mal-kundizzjonijiet preskritti fil-kuntratt tal-istabbiliment tal-grupp.

Artikolu 14

1. Meta t-trasferiment ta’ l-indirizz uffiċjali jirriżulta fi bdil fil-liġi applikabbli b’mod konformi ma’ Artikolu 3, il-proposta għat-trasferiment għandha tiġi mfassla, imdaħħla fil-fajl u ippubblikata bi qbil mal-kundizzjonijiet preskritti f’Artikoli 7 u 8.

L-ebda deċiżjoni għal trasferiment ma tista’ tittieħed sa xahrejn wara l-pubblikazzjoni tal-proposta. Kull deċiżjoni bħal din għandha tittieħed unanimament mill-membri tal-grupp. It-trasferiment għandu jseħħ fid-data li fiha l-grupp jiġi reġistrat bi qbil ma’ Artikolu 6, fl-uffiċċju tar-reġistrazzjoni għall-indirizz uffiċjali l-ġdid. Din ir-reġistrazzjoni ma għandhiex issir sakemm ma tinġiebx xhieda illi l-proposta tat-trasferiment ta’ l-indirizz uffiċjali ġiet ippubblikata.

2. It-temma tar-reġistrazzjoni ta’ grupp fl-uffiċċju tar-reġistrazzjoni ta’ l-indirizz uffiċjali l-antik tiegħu ma tistax titwettaq sakem ma tinġiebx xhieda illi l-grupp irreġistra l-indirizz uffiċjali l-ġdid tiegħu fl-uffiċċju tar-reġistrazzjoni.

3. Mal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni l-ġdida ta’ grupp l-indirizz uffiċjali l-ġdid jista’ jiġi fdat kontra partijiet terzi bi qbil mal-kundizzjonijiet riferiti f’Artikolu 9(1); madankollu, sakemm ma tiġix ippubblikata t-temma tar-reġistrazzjoni ta’ l-indirizz l-antik ta’ grupp, partijiet terzi jistgħu jissoktaw jafdaw fuq l-indirizz uffiċjali l-antik għajr jekk il-grupp jagħti prova illi dawn il-partijiet terzi kienu konxji mill-indirizz uffiċjali l-ġdid.

4. Il-liġijiet ta’ l-Istati Membri jistgħu jipprovdu iżda, rigward il-gruppi reġistrati skond Artikolu 6 fi Stat Membru, illi t-trasferiment ta’ l-indirizz uffiċjali li jirriżulta f’bidla fil-liġi applikabbli ma għandux ikollu effett jekk, fil-perijodu ta’ xahrejn riferit fil-paragrafu 1, ikun hemm awtorita kompetenti f’dan l-Istat Membru li topponih. Din l-oppożizzjoni tista’ tkun imsejsa biss fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku. Għandha tkun tista’ ssir reviżjoni minn awtorita ġudizzjarja.

Artikolu 15

1. Fejn il-liġi applikabbli għal grupp tipprovdi bis-saħħa ta’ Artikolu 2 għan-nullita ta’ dan il-grupp, din in-nullita għandha tiġi stabbilita jew dikjarata b’deċiżjoni ġudizzjarja. Iżda, il-qorti li għaliha tiġi riferita l-materja għandha, fejn hu possibbli sabiex il-grupp ikun jista’ jirranġa l-affarijiet tiegħu, jagħti żmien sabiex jippermetti li dan isir.

2. In-nullita ta’ grupp għandu jwassal għall-likwidazzjoni tiegħu bi qbil mal-kundizzjonijiet preskritti f’Artikolu 35.

3. Id-deċiżjoni li tistabbilixxi jew li tiddkjara n-nullita ta’ grupp tista’tkun waħda ta’ min jorbot fuqha kontra partijiet terzi bi qbil mal-kundizzjonijiet preskritti f’Artikolu 9(1).

Din id-deċiżjoni ma għandhiex minnha nfisha taffettwa l-validita tal-responsabilitajiet, li għandhom jingħataw minn jew lil grupp, li oriġinaw qabel ma tkun saret waħda fdata għal kontra partijiet terzi bi qbil mal-kundizzjonijiet preskritti fis-sotto-paragrafu preċedenti.

Artikolu 16

1. L-organi ta’ grupp għandhom ikunu l-membri huma u li jaġixxu kollettivament u l-amministratur jew l-amministraturi.

IL-Kuntratt tal-istabbiliment ta’ grupp jista’ jħalli wisa’ għal organi oħra; jekk jagħmel dan għandu jistabbilixxi l-poteri tagħhom.

2. Il-membri ta’ grupp, huma u jaġixxu bħala korp wieħed, jistgħu jieħdu kull deċiżjoni bil-għan li jiksbu l-għanijiet tal-grupp.

Artikolu 17

1. Kull membru għandu jkollu vot wieħed. Il-kuntratt tal-istabbiliment ta’ grupp jista’, madankollu, jagħti iktar minn vot wieħed lil ċerti membri, basta iżda illi l-ebda membru wieħed ma jkollu f’idejh il-maġġoranza tal-voti.

2. Hija meħtieġa deċiżjoni unanima mill-membri għalbiex:

(a) jinbidlu l-għanijiet tal-grupp;

(b) jinbidel in-numru tal-voti mogħtija lill kull membru;

(ċ) jinbidlu l-kundizzjonijiet għat-teħid tad-deċiżjonijiet;

(d) jittawwal il-perijodu taż-żmien ta’ grupp għal iktar minn kull perijodu fissat fil-kuntratt tal-istabbiliment tal-grupp;

(e) tinbidel il-kontribuzzjoni minn kull membru jew minn numru ta’ membri sabiex jiġi ffinanzjat il-grupp;

(f) jinbidel kull obbligu ieħor ta’ membru, għajr jekk ikun imniżżel fil-kuntratt tal-istabbiliment tal-grupp;

(ġ) jagħmel kull tibdil fil-kuntratt tal-istabbiliment tal-grupp mhux kopert b’dan il-paragrafu, għajr jekk ikun b’xi mod ieħor imniżżel f’dan il-kuntratt.

3. Għajr fejn dan ir-Regolament jipprovdi illi d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu permezz ta’ unanimità, il-kuntratt tal-istabbiliment ta’ grupp jista’ jippreskrivi l-kundizzjonijiet għall-quorum u għall-maġġoranza, li bi qbil fuqhom għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet, jew xi wħud minnhom. Jekk kemm-il darba iżda ma jkunx provvdut xorta oħra bil-kuntratt, id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu unanimament.

4. Fuq l-inizjattiva tal-manager jew fuq it-talba ta’ membru, il-manager jew il-managers għandhom jirranġaw illi l-membri jiġu konsultati sabiex dawn ta’ l-aħħar ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni.

Artikolu 18

Kull membru għandu jkun intitolat li jikseb tagħrif mill-manager jew il-managers dwar ix-xogħol tal-grupp u li jispezzjoni l-kotba u r-reġistri tan-negozju tal-grupp .

Artikolu 19

1. Grupp għandu jiġi mmexxi minn persuna naturali waħda jew iktar maħtura skond il-kuntratt tal-istabbiliment tal-grupp jew b’deċiżjoni tal-membri.

L-ebda persuna ma tista’ tkun il-manager ta’ grupp jekk:

- bis-saħħa tal-liġi applikabbli għalih, jew

- bis-saħħa tal-liġi interna ta’ l-Istat li fih il-grupp ikollu l-indirizz uffiċjali tiegħu, jew

- wara deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva magħmula fi Stat Membru jew magħrufa minnu

ma jistax jagħmel parti mill-korp maniġerjali jew amministrattiv ta’ kumpanija, ma jistax ikun il-manager ta’ impriża jew jaġixxi bħala l-manager tal-Grupp Ewropew ta’ Interess Ekonomiku.

2. Stat Membru jista’, fil-każ ta’ gruppi reġistrati fl-uffiċċji tar-reġistrazzjoni tiegħu b’mod konformi ma’ l-Artikolu 6 jipprovdi illi persuni legali jistgħu jkunu managers bil-kundizzjoni illi dawn il-persuni legali jinnominaw persuna naturali waħda jew iktar, li l-partikolaritajiet tagħhom għandhom ikunu, sabiex jirrappreżentawhom, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 7(d) dwar id-dħul fil-fajlijiet.

Jekk Stat Membru jeżerċita din il-għażla, għandu jipprovdi illi r-rappreżentant jew ir-rappreżentanti għandhom ikunu responsabbli daqs li kieku huma stess kienu l-managers tal-grupp interessat.

Ir-restrizzjonijiet imposti bil-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll għal dawn ir-rappreżentanti.

3. Il-kuntratt tal-istabbiliment ta’ grupp jew, fin-nuqqas ta’ dan, id-deċiżjoni unanima tal-membri għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-ħatra jew it-tneħħija ta’ l-amministratur jew l-amministraturi u għandhom jippreskrivu l-poteri tagħhom.

Artikolu 20

1. L-amministratur biss jew, fejn ikun hemm tnejn jew iktar, kull wieħed mill-amministraturi għandu jirrappreżenta l-grupp fin-negozji ma’ partijiet terzi.

Kull wieħed mill-managers għandu jorbot lill-grupp fejn jidħlu partijiet terzi meta jaġixxi fl-interess tal-grupp, saħansitra meta l-azzjonijiet tiegħu ma jaqgħux taħt l-għanijiet tal-grupp, għajr jekk il-grupp iġib provi illi l-parti terza kienet taf jew ma setgħetx, minħabba ċ-ċirkustazni, ma tkunx konxja illi l-azzjoni kienet taqal barra mill-għanijiet tal-grupp; il-pubblikazzjoni tal-partikolaritajiet riferiti f’Artikolu 5(ċ) ma għandhomx ikunu fihom infushom il-prova ta’ dan.

L-ebda limitu fil-poteri tal-manager jew il-managers, sewwa jekk joħroġ mill-kuntratt tal-istabbiliment tal-grupp jew minn deċiżjoni tal-membri, ma għandu jiġi fdat bħala kontra partijiet terzi, saħansitra jekk ikun pubblikat.

2. Il-kuntratt tal-istabbiliment ta’ ġruppament jista’ jipprovdi illi l-grupp ikun marbut validament biss billi żewġ managers jew iktar jaġixxu flimkien. Din il-klawsola għandha tiġi fdata kontra partijiet terzi bi qbil-mal-kundizzjonijiet riferiti f’Artikolu 9(1) biss jekk tiġi ippubblikata bi qbil ma’ Artikolu 8.

Artikolu 21

1. Il-qligħ li jirriżulta mill-attivitajiet ta’ grupp għandu jitqies bħala qligħ tal-membri u għandu jiġi mqassam bejniethom fil-proprozjonijiet preskritti fil-kuntratt tal-istabbiliment tal-grupp jew, fin-nuqqas ta’ kull dispożizzjoni bħal din, f’ishma indaqs.

2. Il-membri ta’ grupp għandhom jikkontribwixxu għall-ħlas ta’ l-ammont li bih in-nefqa taqbeż id-dħul fil-proporzjonijiet preskritti fil-kuntratt tal-istabbiliment tal-grupp jew, fin-nuqqas ta’ kull dispożizzjoni minn din, f’ishma indaqs.

Artikolu 22

1. Kull membru ta’ grupp jista’ jgħaddi l-parteċipazzjoni tiegħu fil-grupp, jew proporzjon minnha, jew lil membru ieħor jew lil parti terza; l-assenjament ma għandux jidħol fis-seħħ mingħajr l-awtorizzazzjoni unanima tal-membri l-oħra.

2. Membru ta’ grupp jista’ juża l-parteċipazzjoni tiegħu fil-grupp bħala garanzija biss wara li l-membri l-oħra jagħtu l-awtorizzazzjoni unanima tagħhom, għajr jekk ikun preskritt xorta oħra fil-kuntratt tal-istabbiliment tal-grupp. Il-possessur tal-garanzija ma jistax isir membru tal-grupp f’xi ħin bis-saħħa ta’ din il-garanzija.

Artikolu 23

L-ebda grupp ma jista’ jistieden investiment mill-pubbliku.

Artikolu 24

1. Il-membri ta’ grupp għandu jkollhom responsabilitajiet għad-djun tiegħu in solidum b’mod mhux limitat u r-responsabilitajiet l-oħra tkun xi tkun in-natura tagħhom. Il-liġi nazzjonali għandha tistabbilixxi l-konsegwenzi ta’ din il-responsabbiltà.

2. Il-kredituri ma jistgħux jipproċedu kontra membru għall-ħlas rigward ta’ djun u responsabilitajiet oħra, bi qbil mal-kundizzjonijiet preskritti fil-paragrafu 1, qabel ma tiġi konkluża l-likwidazzjoni tal-grupp, għajr jekk l-ewwel ikunu talbu lill-grupp sabiex iħallas u l-ħlas ma jsirx f’perijodu taż-żmien xieraq.

Artikolu 25

L-ittri, il-formoli ta’ l-ordnijiet u dokumenti simili għandhom jindikaw leġġibilment:

(a) l-isem tal-grupp preċedut jew segwit jew bil-kliem "Grupp Ewropew ta’ Interess Ekonomiku" jew bl-inizjali "GEIE", għajr jekk dan il-kliem jew iniżjali diġa jkopru l-isem;

(b) il-post ta’ l-uffiċċju tar-reġistrazzjoni riferit f’Artikolu 6, li fih il-grupp huwa reġistrat, flimkien man-numru tad-dħul tal-grupp fir-reġistri ta’ l-uffiċċju tar-reġistrazzjoni;

(ċ) l-indirizz uffiċjali tal-grupp;

(d) fejn applikabbli, illi l-managers għandhom jaġixxu flimkien;

(e) fejn applikabbli, illi l-grupp jinsab f’likwidazzjoni, b’mod konformi ma’ Artikoli 15, 31, 32 jew 36.

Kull stabbiliment ta’ grupp, meta jkun reġistrat bi qbil ma’ Artikolu 10, għandu jagħti l-partikolaritajiet ta’ hawn fuq, flimkien ma’ dawk li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni tiegħu stess, fuq id-dokumenti riferiti fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu li jkunu ġejjn mill-istabbiliment imsemmi.

Artikolu 26

1. Id-deċiżjoni sabiex jiddaħħlu membri ġodda għandha tittieħed unanimament mill-membri tal-grupp.

2. Kull membru ġdid għandu jidħol responsabbli, bi qbil mal-kundizzjonijiet preskritti f’Artikolu 24, li jidħol għad-djun u l-responsabilitajiet l-oħra tal-grupp, inklużi dawk li jkunu ħarġu mill-attivitajiet tal-grupp qabel id-dħul tiegħu fih.

Iżda, jista’ jiġi eżentat bi klawsola fil-kuntratt tal-istabbiliment tal-grupp jew fl-istrument tad-dħul milli jħallas id-djun u l-responsabilitajiet l-oħra li jkunu oriġinaw qabel id-dħul tiegħu. Din il-klawsola tista’ tiġi fdata bħala ta’ min jorbot fuqha kontra partijiet terzi, skond il-kundizzjonijiet riferiti f’Artikolu 9(1), biss jekk tiġi ippubblikata bi qbil ma’ Artikolu 8.

Artikolu 27

1. Membru ta’ grupp jista’ jirtira minnu bi qbil mal-kundizzjonijiet preskritti fil-kuntratt tal-istabbiliment tal-grupp jew, fin-nuqqas ta’ dawn il-kundizzjonijiet, bil-ftehim unanimu tal-membri l-oħra.

Kull membru ta’ grupp jista’, b’żieda ma’ dan, jirtira għal-raġunijiet ġusti u xierqa.

2. Kull membru ta’ grupp jista’ jitkeċċa għar-raġunijiet elenkati fil-kuntratt tal-istabbiliment tal-grupp u, f’kull każ, jekk jonqos serjament fl-obbligi tiegħu jew jekk jikkawża jew li jhedded li jikkawża taħwid serju fl-operat tal-grupp.

Din it-tkeċċija tista’ sseħħ biss bid-deċiżjoni ta’ qorti li lilha tkun saret applikazzjoni konġunta mill-maġġoranza tal-membri l-oħra, għajr jekk provvdut xorta oħra fil-kuntratt tal-istabbiliment tal-grupp.

Artikolu 28

1. Membru ta’ grupp ma jibqax jagħmel parti minnu meta jmut jew meta ma jkunx jista’ jħares iktar il-kundizzjonijiet preskritti f’Artikolu 4(1).

Minbarra dan, Stat Membru jista’ jipprovdi, għall-għanijiet tal-liġijiet tiegħu dwar il-likwidazzjoni, ix-xoljiment, l-istralċ jew il-waqfien tal-ħlas, illi membru għandu jieqaf milli jibqa’ membru ta’ kull grupp fil-waqt stabbilit minn dawn il-liġijiet.

2. F’każ tal-mewt ta’ persuna naturali illi huwa membru ta’ grupp, l-ebda persuna ma tista’ ssir membru minfloku għajr skond il-kundizzjonijiet preskritti fil-kuntratt tal-istabbiliment tal-grupp jew, fin-nuqqas ta’ dan, bil-ftehim unanimu tal-bqija tal-membri.

Artikolu 29

Hekk kif membru jieqaf milli jibqa’ jappartjieni għal grupp, il-manager jew il-managers għandhom jgħarrfu lill-membri l-oħra bil-fatt; għandhom wkoll jieħdu l-passi meħtieġa kif elenkati f’Artikoli 7 u 8. B’żieda ma’ dan, kull persuna interessata tista’ tieħu dawn il-passi.

Artikolu 30

Għajr fejn il-kuntratt tal-istabbiliment ta’ grupp jipprovdi xorta oħra u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet miksuba minn persuna skond Artikoli 22(1) jew 28 (2), grupp għandu jibqa’ jeżisti għall-bqija tal-membri wara li membru ma jibqax jappartjieni għalih, bi qbil mal-kundizzjonijiet preskritti fil-kuntratt tal-istabbiliment tal-grupp jew stabbiliti bid-deċiżjoni unanima tal-membri msemmija.

Artikolu 31

1. Grupp jista’ jiġi stralċjat bid-deċiżjoni tal-membri tiegħu li jordnaw ix-xoljiment tiegħu. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed unanimament, għajr jekk preskritt xorta oħra fil-kuntratt tal-istabbiliment tal-grupp.

2. Grupp għandu jiġi stralċjat b’deċiżjoni tal-membri tiegħu:

(a) billi jinnotaw it-tmiem tal-perijodu taż-żmien iffissat fil-kuntratt tal-istabbiliment tal-grupp jew l-eżistenza ta’ kull kawża oħra għax-xoljiment provvduta fil-kuntratt, jew

(b) billi jinnotaw it-twettiq ta’ l-għan tal-grupp jew l-impossibilità li jkomplu jsewguh.

Fejn, tliet xhur wara li tkun ġrat waħda mis-sitwazzjonijiet riferiti fl-ewwel sotto-paragrafu, il-membri ma jeħdux id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-istralċ tal-grupp, kull membru jista’ jagħmel petizzjoni lil qorti sabiex tordna l-istralċ.

3. Grupp għandu ukoll jiġi stralċjat b’deċiżjoni tal-membri tiegħu jew tal-bqija tal-membri meta l-kundizzjonijiet preskritti f’Artikolu 4(2) ma jibqgħux jitwettqu iktar.

4. Wara li grupp jiġi stralċjat b’deċiżjoni tal-membri tiegħu, il-manager jew il-managers għandhom jieħdu l-passi meħtieġa kif elenkati f’Artikoli 7 u 8. B’żieda ma’ dan, kull persuna interessata tista’ tieħu dawn il-passi.

Artikolu 32

1. Fuq applikazzjoni minn kull persuna interessata jew minn awtorita kompetenti, f’każ ta’ ksur ta’ Artikoli 3, 12 jew 31 (3), il-qorti għandha tordna illi l-grupp jiġi stralċjat, għajr jekk l-affarijiet tiegħu jkunu jistgħu u jiġu rranġati qabel ma l-qorti tkun tat id-deċiżjoni sostantiva tagħha.

2. Fuq l-applikazzjoni ta’ membru, il-qorti tista’ tordna li grupp jiġi stralċjat fuq raġunijiet ġusti u xierqa.

3. Stat Membru jista’ jipprovdi illi l-qorti tista’, fuq l-applikazzjoni ta’ awtorita kompetenti, tordna l-istralċ ta’ grupp li jkollu l-indirizz uffiċjali tiegħu fl-Istat li għalih tappartjeni l-awtorita kompetenti, kull fejn il-grupp jaġixxi b’kontravenzjoni ta’ l-interess pubbliku ta’ dan l-Istat, jekk il-liġi ta’ l-Istat tipprovdi din il-possibilita rigward il-kumpaniji reġistrati jew korpi legali oħra soġġetti għaliha.

Artikolu 33

Meta membru ma jibqax jappartjieni għal grupp għal kull raġuni oħra għajr l-assenjazzjoni tad-drittijiet tiegħu bi qbil mal-kundizzjonijiet preskritti f’Artikolu 22(1), il-valur tad-dritijiet tiegħu għandhom jiġu stabbiliti billi jitqiesu l-assi u l-responsabilitajiet tal-grupp kif ikunu meta (l-membru) ma jibqax jappartjieni għalih (il-grupp).

Il-valur tad-drittijiet u ta’ l-obbligi ta’ membru li jkun sejjer iħalli l-grupp jista’ ma jiġix fissat bil-quddiem.

Artikolu 34

Mingħajr preġudizzju għal Artikolu 37(1), kull membru illi jieqaf milli jibqa’ jappartjeni għal grupp għandu jibqa’ responsabbli li jwieġeb, bi qbil mal-kundizzjonijiet preskritti f’Artikolu 24, għad-djun u l-responsabilitajiet l-oħra li joħorġu mill-attivitajiet tal-grupp qabel ma’ jkun waqaf milli jibqa’ membru.

Artikolu 35

1. L-istralċ ta’ raggrupp jinvolvi l-likwidazzjoni tiegħu.

2. Il-likwidazjoni ta’ grupp u l-konklużjoni tal-likwidazzjoni tiegħu għandhom ikunu regolati bil-liġi nazzjonali.

3. Grupp għandu jibqa’ jżomm il-kapaċità tiegħu, fit-tifsira ta’ Artikolu 1(2), sakemm tingħalaq il-likwidazzjoni.

4. Il-likwidatur jew il-likwidaturi għandhom jieħdu l-passi meħtieġa kif elenkati f’Artikoli 7 u 8.

Artikolu 36

Il-gruppi għandhom ikunu bla ħsara għal-liġijiet nazzjonali li jirregolaw il-falliment u l-waqfien tal-ħlas. Il-ftuħ tal-proċeduri legali kontra grupp għal raġunijiet ta’ falliment jew il-waqfien tal-ħlas tiegħu ma għandux fih innifsu jġib miegħu il-ftuħ ta’ dawn il-proċeduri kontra l-membri tiegħu.

Artikolu 37

1. Iż-żmien tal-limitu ta’ ħames snin wara l-pubblikazzjoni, b’mod konformi ma’ Artikolu 8, ta’ l-avviż li membru ma baqax jappartijieni għal grupp għandu jiġi sostitut f’kull perijodu itwal taż-żmien li jista’ jiġi preskritt bil-liġi nazzjonali rilevanti għal azzjonijiet kontra dan il-membru fejn jidħlu djun u responsabilitajiet oħra li joħorġu mill-attivitajiet ta’ grupp qabel ma huwa jkun waqaf milli jibqa’ membru.

2. Iż-żmien ta’ limitu ta’ ħames snin wara l-pubblikazzjoni, b’mod konformi ma’ Artkolu 8, ta’ l-avviż tal-għeluq tal-likwidazzjoni ta’ grupp għandu jiġi sostitut f’kull perijodu itwal taż-żmien illi jista’ jkun preskritt bil-liġi nazzjonali rilevanti għal azzjonijiet kontra l-membru ta’ grupp fejn jidħlu djun u responsabilitajiet oħra li joħorġu mill-attivitajiet tal-grupp.

Artikolu 38

Fejn grupp jissokta b’attività fi Stat Membru b’kontravenzjoni għall-interess pubbliku ta’ dan l-Istat, l-awtorita kompetenti ta’ dan l-istat tista’ tipprojbixxi din l-attivita. Tista’ tkun possibbli reviżjoni tad-deċiżjoni ta’ l-awtorita kompetenti minn awtorita ġudizzjarja.

Artikolu 39

1. L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-uffiċċju tar-reġistrazzjoni responsabbli jew l-uffiċċji tar-reġistrazzjoni responsabbli sabiex jeffetwaw ir-reġistrazzjoni riferiti f’Artikoli 6 u 10 u għandhom jippreskrivu r-regoli li jirregolaw ir-reġistrazzjoni. Għandhom jippreskrivu l-kundizzjonijiet li fuqhom għandhom jiġu fajljati d-dokumenti riferiti f’Artikoli 7 u 10. Għandhom jiżguraw illi d-dokumenti u l-partikolaritajiet riferiti f’Artikolu 8 jiġu pubblikati fil-gazzetta uffiċjali xierqa ta’ l-Istat Membru li fih il-grupp għandu l-indirizz uffiċjali tiegħu u jistgħu jippreskrivu l-manjiera tal-pubblikazzjoni tad-dokumenti u l-partikolaritajiet riferiti f’Artikolu 8(ċ).

L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw illi kulħadd jista’ jispezzjona, fl-uffiċċju tar-reġistrazzjoni xieraq b’mod konformi ma’ Artikolu 6, jew fejn xieraq, Artikolu 10, jispezzjona d-dokumenti riferiti f’Artikolu 7 u jikseb, saħansitra bil-posta, kopji intieri jew parzjali tagħhom.

L-Istati Membri jistgħu jitolbu l-ħlas tad-drittijiet fejn jidħlu l-operati riferiti fis-sotto-paragrafi preċedenti; dawn id-drittijiet, madankollu, ma jistgħux jaqbżu n-nefqa fuqhom mill-amministrazzjoni.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi t-tagħrif li jkun sejjer jiġi pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej b’mod konformi ma’ Artikolu 11 jiġi mibgħut lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni tiegħu fil-gazzetta uffiċjali riferita fil-paragrafu 1.

3. L-Istati Membri għandhom jipprovdu penalitajiet xierqa fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ Artikoli 7, 8 u 10 dwar l-iżvelar u fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ Artikolu 25.

Artikolu 40

Il-qligħ jew it-telf li jirriżulta mill-attivitajiet ta’ grupp għandhom ikun taxxabbli biss f’idejn il-membri tiegħu (il-grupp).

Artikolu 41

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa bis-saħħa ta’ Artikolu 39 qabel l-1 ta’ Lulju 1989. Għandhom jikkomunikawhom fil-pront lill-Kummissjoni.

2. Għall-għanijiet tat-tagħrif, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill Kummissjoni bil-klassijiet ta’ persuni naturali, kumpaniji, ditti u l-korpi l-oħra legali illi pparteċipazzjoni tagħhom fi gruppi b’mod konformi ma’ Artikolu 4(4) hija pprojbita. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 42

1. Ma’ l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandu jiġi stabbilit Kumitat ta’ Kuntatt taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni. Il-funzjoni tiegħu għandha tkun:

(a) li jiffaċilita, mingħajr preġudizzju għal Artikoli 169 u 170 tat-Trattat, iħaffef l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament permezz ta’ konsultazzjoni regolari li tittratta partikolarment il-problemi prattiċi li jinħolqu fejn tidħol l-applikazzjoni tiegħu;

(b) li jagħti pariri lill-Kummissjoni, jekk meħtieġa, dwar żidiet jew emendi għal-dan ir-Regolament.

2. Il-Kumitat ta’ Kuntatt għandu jkun kompost minn rappreżentati ta’ l-Istati Membri u rappreżentanti tal-Kummissjoni. Il-President għandu jkun rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-segretarjat.

3. Il-Kumitat ta’ Kuntatt għandu jiġi mlaqqa’mill-President tiegħu jew fuq l-inizjattiva tal-President innifsu jew fuq it-talba ta’ wieħed mill-membri tiegħu.

Artikolu 43

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 1989, għajr Artikoli 39, 41 u 42 li għandhom jibdew japplikaw mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-25 ta’ Lulju 1985.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Poos

[1] ĠU Ċ 14, tal- 15.2.1974, p. 30 u ĠU Ċ 103, tat- 28.4.1978, p. 4.

[2] ĠU Ċ 163, tal- 11.7.1977, p. 17.

[3] ĠU Ċ 108, tal- 15.5.1975, p. 46.

[4] ĠU L 65, ta’ l-14.3.1968, p. 8.

--------------------------------------------------