31978L0686



Official Journal L 233 , 24/08/1978 P. 0001 - 0009
Finnish special edition: Chapter 16 Volume 1 P. 0033
Greek special edition: Chapter 05 Volume 3 P. 0012
Swedish special edition: Chapter 16 Volume 1 P. 0033
Spanish special edition: Chapter 06 Volume 2 P. 0032
Portuguese special edition Chapter 06 Volume 2 P. 0032


Id-Direttiva Tal-Kunsill

tal-25 ta’ Lulju 1978

li tikkonċerna r-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn tal-kwalifiki formali tal-prattikanti tad-dentistrija, inklużi l-miżuri biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà biex jiġu pprovduti servizzi

(78/686/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 49, 57, 66 u 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi, skond it-Trattat, it-trattament diskriminatorju kollu bbażat fuq iċ-ċittadinanza fir-rigward ta’ l-istabbilità u l-provvista tas-servizzi hu pprojbit mill-aħħar tal-perjodu transitorju; billi l-prinċipju ta’ dan it-trattament ibbażat fuq iċ-ċittadinanza japplika b’mod partikolari għall-għotja ta’ kull awtorizzazzjoni meħtieġa biex tiġi pprattikata d-dentistrija u wkoll għal reġistrazzjoni ma’jew sħubija ma organizzazzjonijiet jew korpi professjonali; Billi jidher madanakollu mixtieq li jiġu introdotti ċerti dispożizzjonijiet biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ prattikanti dentisti;

Billi, skond it-Trattat, l-Istati Membri huma meħtieġa ma jagħtu ebda forma ta’ għajnuna li x’aktarx tfixkel il-kondizzjonijiet ta’ stabbilliment;

Billi l-Artikolu 57(1) tat-Trattat jipprovdi li għandhom jinħarġu Direttivi għar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali; filwaqt li l-iskop ta’ din id-Direttiva hu r-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali ta’ prattikant tad-dentistrija li jagħmluha possibbli li jinbdew u jitwettqu attivitajiet fil-qasam tad-dentisti u r-rikonoxximent ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali fir-rigward ta’ prattikanti tad-dentistrija speċjalizzata;

Billi, fir-rigward tat-taħriġ tal-prattikanti tad-dentistrija speċjalizzata, ir-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki tat-taħriġ hu rakkomandat meta dawn il-kwalifiki, waqt li mhumiex kondizzjoni biex jinbdew l-attivitajiet ta’ prattikant tad-dentistrija speċjalizzata, huma għaldaqstant kondizzjoni għall-użu ta’ titolu ta’ speċjalist;

Billi, bl-iskop tad-differenzi kurrenti bejn l-Istati Membri fir-rigward tan-numru ta’ speċjalizzazzjonijiet fis-sengħa tad-dentisti u fit-tip jew it-tul tal-korsijiet ta’ taħriġ għal dawn l-ispeċjalizzazzjonijiet, għandhom jiġu stabbiliti ċerti dispożizzjonijiet ta’ koordinazzjoni maħsuba biex Stati Membri jkunu jistgħu jipproċedu bir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali li għandhom jiġu stabbiliti; billi din il-koordinazzjoni ġiet effettwata bid-Direttiva tal-Kunsill 78/687/KEE tal-25 ta’ Awwissu 1978 li tikkonċerna l-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fir-rigward ta’ l-attivitajiet tal-prattikanti tad-dentistrija [3];

Billi, għalkemm il-koordinazzjoni msemmija iktar’ il fuq ma kenitx maħsuba biex tarmonizza d-dispożizzjonijiet kollha ta’ l-Istati Membri dwar it-taħriġ tal-prattikanti tad-dentistrija speċjalizzata, huwa madnakollu approprjat li wieħed jipproċedi bir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali bħala prattikant tad-dentistrija speċjalizzata li mhumiex konswetudinarji għall-Istati Membri kollha, mingħajr madanakollu ma tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ armonizzazzjoni sussegwenti f’dan il-qasam; billi kien ikkunsidrat f’din il-konnessjoni li r-rikonoxximent ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali bħala prattikant tad-dentistrija speċjalizzata għandha tiġi restritta għal dawk l-Istati Membri meta hi magħrufa din l-ispeċjalizzazzjoni;

Billi fir-rigward ta’ l-użu tat-titoli akkademiċi, ladarba Direttiva dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi ma timplikax neċessarjament ekwivalenza fit-taħriġ kopert minn dawn id-diplomi, l-użu ta’ dawn it-titoli għandu jkun awtorizzat biss fil-lingwa ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini jew ta’ l-Istat Membri li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani;

Billi, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva minn awtoritajiet nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jippreskrivu li, f’addizzjoni għal ċertifikati formali ta’ taħriġ, persuna li tissoddisfa l-kondizzjonijiet ta’ taħriġ meħtieġa minn dawn l-awtoritajiet għandha tipprovdi ċertifikat mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu jew ta’ l-Istat Membru li minnu tiġi li jiddikjara li dawn iċ-ċertifikati ta’ taħriġ huma dawk koperti minn din id-Direttiva;

Billi, fil-każ tal-provvista ta’ servizzi, il-ħtieġa tar-reġistrazzjoni ma’ jew is-sħubija ma organzzazzjonijiet jew korpi professjonali, ladarba hi relatata man-natura fissa u permanenti ta’ l-attivitajiet imwettqa fil-pajjiż ospitanti kienet b’hekk mingħajr dubju tikkostitwixxi ostakolu għall-persuni li jixtiequ jipprovdu s-servizz, għar-raġuni tan-natura temporanja ta’ din l-attività; billi din il-ħtieġa għandha għalhekk tiġi abolita; billi, madanakollu, f’dan il-każ, il-kontroll fuq dixxiplina professjonali li hi r-responsabbiltà ta’ dawn l-organizzazzjonijiet jew korpi professjonali, għandha tiġi garantita; billi, b’dan l-iskop, għandu jiġi pprovdut, soġġett għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 62 tat-Trattat, li l-persuna kkonċernata tista’ tkun meħtieġa tissottometti lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti dettalji li għandhom x’jaqsmu mal-provvista ta’ servizzi;

Billi fir-rigward tal-ħtiġiet li jirrelataw mal-karattru tajjeb u r-reputazzjoni tajba, għandha titfassal distinzjoni bejn il-ħtiġiet li għandhom jiġu ssodisfati malli tinbeda l-professjoni u dawk li għandhom jiġu ssodisfati għall-prattika tagħha;

Billi, sa fejn l-attivitajiet tad-dentistrija prattikanti impjegati huma kkonċernati, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fil-Komunità [4] ma jqiegħed ebda dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mal-karattru tajjeb jew mar-reputazzjoni tajba, id-dixxiplina professjonali jew l-użu tat-titolu għall-professjonijiet koperti; billi, jiddependi fuq l-Istat Membru individwali, dawn ir-regoli huma jew jistgħu ikunu applikabbli għal kemm persuni impjegati kemm persuni li jaħdmu għal rashom; billi l-attivitajiet tal-prattikanti tad-dentistrija huma jew sejrin ikunu soġġetti fl-Istati Membri kollha għall-pussess ta’ diploma, ċertifikat, jew prova oħra ta’ kwalifika formali fid-dentistrija; billi dawn l-attivitajiet huma mwettqa minn kemm persuni impjegati kemm persuni li jaħdmu għal rashom, jew mill-istess persuni fiż-żewġ kapaċitajiet fil-karriera professjonali tagħhom; billi, sabiex jiġu inkuraġġati sa fejn hu possibbli l-libertà tal-moviment tagħhom fil-Komunità, jidher għalhekk neċessarju li din id-Direttiva tiġi estiża biex tkopri prattikanti tad-dentistrija impjegati;

Billi l-professjoni tad-dentisti għadha mhix organizzata fl-Italja; billi huwa għalhekk neċessarju li l-Italja tiġi mogħtija perjodu addizzjonali għar-rikonoxximent tad-diplomi tal-prattikanti tad-dentistrija mogħtija mill-Istati Membri l-oħrajn;

Billi, madanakollu, dan ifisser li dawk fil-pussess ta’ diploma tat-tobba mogħtija mill-Italja jistgħu ma jakkwistawx ċertifikat li jissodisfa l-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 19 ta’ din id-Direttiva;

Billi, f’dawn iċ-ċirkostanzi, hu neċessarju li jiġi diferit minn naħa waħda l-obbligu ta’ l-Italja li tirrikonoxxi diplomi mogħtija mill-Istati Membri l-oħrajn u minn naħa l-oħra dik ta’ l-Istati Membri li jirrikonoxxu diplomi mogħtija fl-Italja kif imsemmi fl-Artikolu 19,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IL-KAPITOLU I

IL-QASAM TA’ L-APPLIKAZZJONI

L-Artikolu 1

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-attivitajiet tal-prattikanti tad-dentistrija kif definit fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 78/687/KEE imwettqa taħt it-titoli li ġejjin:

- fil-Ġermanja:

Zahnarzt,

- fil-Belġju:

licencié en science dentaire/licentiaat in de tandheelkunde,

- fid-Danimarka:

tandlæge,

- fi Franza:

chirurgien-dentiste,

- fl-Irlanda:

dentist, dental practitioner or dental surgeon,

- fl-Italja:

id-diploma li t-titolu tiegħu jiġi notifikat mill-Italja lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 24(1),

- fil-Lussemburgu:

médecin-dentiste,

- fl-Olanda:

tandarts,

- fir-Renju Unit:

dentist, dental practitioner or dental surgeon.

IL-KAPITOLU II

DIPLOMI, ĊERTIFIKATI U PROVI OĦRAJN TA’ KWALIFIKI FORMALI FID-DENTISTRIJA

L-Artikolu 2

Kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi d-diplomi, iċ-ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali fid-dentistrija mogħtija lil ċittadini ta’ l-Istati Membri mill-Istati Membri l-oħrajn skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 78/687/KEE u li huma elenkati fl-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva, billi jagħti lil dawn il-kwalifiki, sa fejn hu kkonċernat id-dritt li jinbdew u jkunu segwiti l-attivitajiet ta’ prattikant tad-dentistrija, l-istess effett fit-territorju tiegħu bħal dawk li l-Istat Membru proprju jagħti.

L-Artikolu 3

Id-diplomi, iċ-ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 2 huma kif ġejjin:

(a) fil-Ġermanja

1. "Zeugnis über die zahnärztliche Staatsprüfung" (Iċċertifikat ta’ l-eżami ta’ l-Istat fid-dentistrija), mogħti mill-awtoritajiet kompetenti;

2. iċ-ċertifikati mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jiddikjaraw li d-diplomi mogħtija wara t-8 ta’ Mejju 1945 mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja huma rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk elenkati fil-punt 1;

(b) fil-Belġju

"diplôme légal de licencié en science dentaire/wettelijk diploma van licentiaat in de tandheelkunde" (id-diploma uffiċjali ta’ gradwat fix-xjenza tas-snien), mogħtija mill-fakultajiet ta’ l-università tal-mediċina, jew mill-Bord Ċentrali jew mill-bords ta’ l-Istat ta’ l-eżaminaturi ta’ l-università;

(ċ) fid-Danimarka

"bevis for tandlægeeksamen (kandidateksamen)" (id-diploma uffiċjali li tiċċertifika li l-persuna fil-pussess taċ-ċertifikat għaddiet l-eżami fid-dentistrija), maħruġ mill-iskejjel tad-dentistrija flimkien mad-dokument maħruġ mis-"Sundhedsstyrelsen" (Il-Bord ta’ l-Istat tas-Saħħa) li jiċċertifika li ħadmet bħala assistent għat-tul meħtieġ ta’ żmien;

(d) fi Franza

1. "diplôme d’État de chirurgien-dentiste" (id-diploma ta’ l-Istat ta’ kirurgu fid-dentistrija), mogħtija sa l-1973 mill-fakultajiet universitarji tal-mediċina jew mill-fakultajiet konġunti ta’ l-università tal-mediċina u l-farmaċija;

2. "diplôme d’État de docteur en chirurgie dentaire" (id-diploma ta’ l-Istat ta’ tabib tal-kirurġija tad-dentisti), mogħtija mill-universitajiet;

(e) fl-Irlanda

id-diploma ta’:

- Bachelor in Dental Science (B. Dent. Sc.),

- Bachelor of Dental Surgery (BDS), jew

- Licentiate in Dental Surgery (LDS),

mogħtija mill-universitajiet jew mill-Kulleġġ Irjali tal-Kirurgi fl-Irlanda;

(f) fl-Italja

id-diploma li t-titolu tagħha jiġi notifikat mill-Italja lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 24(1);

(g) fil-Lussemburgu

"diplôme d’État de docteur en médecine dentaire" (Id-diploma ta’ l-Istat ta’ tabib tal-mediċina tas-snien), maħruġa mill-Bord ta’ l-Eżaminaturi ta’ l-Istat;

(h) fl-Olanda

"universitair getuigschrift van een met goed gevolg afgelegd tandartsexamen" (ċertifikat ta’ l-università li jiċċertifika s-suċċess fl-eżami tal-kirurgu tad-dentistrija);

(i) fir-Renju Unit

id-diploma ta’:

- Bachelor of Dental Surgery (BDS jew B. Ch. D), jew

- Licentiate in Dental Surgery (LDS),

maħruġa mill-universitajiet u l-kulleġġi rjali.

IL-KAPITOLU III

DIPLOMI, ĊERTIFIKATI U PROVI OĦRAJN TA’ KWALIFIKI FORMALI FID-DENTISTRIJA SPEĊJALIZZATA PARTIKOLARI GĦAL ŻEWĠ STATI MEMBRI JEW IKTAR

L-Artikolu 4

Kull Stat Membru b’dispożizzjonijiet f’dan il-qasam stabbiliti b’liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi għandu jirrikonoxxi d-diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali ta’ prattikanti tad-dentistrija li jispeċjalizzaw fl-ortodonzja u l-kirurġija tal-ħalq mogħtija lil ċittadini ta’ Stati Membri minn Stati Membri oħrajn skond l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 78/687/KEE u li huma elenkati fl-Artikolu 5, billi jagħti lil dawn il-kwalifiki l-istess effett fit-territorju tiegħu bħad-diplomi, iċ-ċertifikati u kwalifiki formali oħrajn li hu stess jagħti.

L-Artikolu 5

Id-diplomi, iċ-ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 4 huma kif ġej:

1. L-Ortodonzja

- fil-Ġermanja

"fachzahnärztliche Anerkennung für Kieferorthopädie" (ċertifikat ta’ orthodontist), maħruġ mil-"Landeszahnärztekammern" (Il-Kamra tal-Prattikanti tad-dentistrija ta’ "Länder"),

- fid-Danimarka

"bevis for tilladelse til at betegne sig som specialtandlæge i ortodonti" (ċertifikat li jagħti d-dritt li jiġi użat it-titolu ta’ prattikant tas-sengħa tad-dentist li jispeċjalizza fl-ortodonzja), maħruġ mis-"Sundhedsstyrelsen" (Il-Bord ta’ l-Istat tas-Saħħa),

- fi Franza

"le titre de spécialiste en orthodontie" (it-Titolu ta’ dentist speċjalista fl-ortodonzja), maħruġ mill-awtorità kompetenti rikonoxxuta għal dan l-iskop,

- fl-Irlanda

"certificate of specialist dentist in orthodontics" (ċertifikat ta’ dentist speċjalizzat fl-ortodonzja), maħruġ mill-awtorità kompetenti rikonoxxuta għal dan l-iskop mill-ministru kompetenti,

- fl-Olanda

"getuigschrift van erkenning en inschrijving als orthodontist in het Specialistenregister" (ċertifikat li juri li l-persuna kkonċernata hi uffiċjalment rikonoxxuta u li isimha hu mdaħħal bħala speċjalista fl-ortodonzja fir-reġistru ta’ l-ispeċjalisti), maħruġ mis-"Specialisten-Registratiecommissie (SRC)" (Il-Bord ta’ Reġistrazzjoni ta’ l-Ispeċjalisti),

- fir-Renju Unit

"certificate of completion of specialist training in orthodontics" (ċerifikat ta’ kompletazzjoni ta’ taħriġ ta’ l-ispeċjalisti fl-ortodonzja), maħruġ mill-awtorità kompetenti rikonoxxuta għal dan l-iskop.

2. Il-Kirurġija tal-ħalq

- fil-Ġermanja

"fachzahnärztliche Anerkennung für Oralchirurgie/Mundchirurgie" (ċertifikat tal-kirurġija tal-ħalq), maħruġ mil-"Landeszahnärztekammern" (Il-Kamra tal-Prattikanti tad-dentistrija ta’ "Länder"),

- fid-Danimarka

"bevis for tilladelse til at betegne sig som specialtandlæge i hospitalsodontologi" (ċertifikat li jgħaddi d-dritt li jiġi użat it-titolu ta’ prattikant tas-sengħa ta’ dentist speċjalizzat fl-odontoloġija ta’ l-isptar), maħruġ mis-"Sundhedsstyrelsen" (Il-Bord ta’ l-Istat tas-Saħħa),

- fl-Irlanda

"certificate of specialist dentist in oral surgery" (ċertifikat ta’ dentist speċjalizzat fil-kirurġija tal-ħalq), maħruġ mill-awtorità kompetenti rikonoxxuta għal dan l-iskop mill-ministru kompetenti,

- fl-Olanda

"getuigschrift van erkenning en inschrijving als kaakchirurg in het Specialistenregister" (ċertifikat li juri li l-persuna kkonċernata hi uffiċjalment rikonoxxuta u li isimha hu mdaħħal bħala kirurgu tal-ħalq fir-reġistru ta’ l-ispeċjalisti) maħruġ mis-"Specialisten-Registratiecommissie (SRC)" (Il-Bord ta’ Reġistrazzjoni ta’ l-Ispeċjalisti),

- fir-Renju Unit

"certificate of completion of specialist training in oral surgery" (ċertifikat ta’ kompletazzjoni ta’ taħriġ ta’ l-ispeċjalisti fil-kirurġija tal-ħalq), maħruġ mill-awtorità kompetenti magħrufa għal dan l-iskop.

L-Artikolu 6

1. Ċittadini ta’ l-Istati Membri li jixtiequ jakkwistaw wieħed mid-diplomi, ċertifikati jew provi oħrajn ta’ kwalifiki formali ta’ prattikant fis-sengħa tad-dentisti speċjalzzata li mhumiex mogħtija ċ-ċertifikat fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jew fl-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani, jistgħu ikunu meħtieġa minn Stat Membru ospitanti li jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ taħriġ stabbiliti fir-rigward ta’ l-ispeċjalità bil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tiegħu stess.

2. L-Istat Membru ospitanti għandu, madanakollu, jieħu kont, kompletament jew parzjalment, tal-perjodi ta’ taħriġ kompletati miċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 u attestati bil-pussess ta’ diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ taħriġ formali mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani, sakemm dawn il-perjodi ta’ taħriġ jikkorrispondu ma’ dawk meħtieġa fl-Istat Membru ospitanti għat-taħriġ speċjalizzat inkwistjoni.

3. L-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti, wara li jkunu vverifikaw il-kontenut u t-tul tat-taħriġ ta’ speċjalista tal-persuna kkonċernata fuq il-bażi tad-diplomi, ċ-ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali sottomessi, għandhom jinfurmawha bil-perjodu addizzjonali ta’ taħriġ meħtieġ u bl-oqsma li għandhom jiġu koperti minnu.

IL-KAPITOLU IV

ĊIRKOSTANZI EŻISTENTI

L-Artikolu 7

1. Fil-każ ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri li d-diplomi, ċ-ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali tagħhom ma jissodisfawx il-ħtiġiet kollha ta’ taħriġ minimu stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 78/687/KEE, kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi bħala prova suffiċjenti d-diplomi, ċ-ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali fid-dentistrija mogħtija minn dawk l-Istati Membri qabel l-implimentazzjoni tad-Direttiva 78/687/KEE, li magħhom ikun hemm ċertifikat li jiddikjara li dawk iċ-ċittadini kienu effettivament u b’mod legali ingaġġati fl-attivitajiet inkwistjoni għal mill-inqas tliet snin konsekuttivi matul il-ħames snin qabel id-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat.

2. Fil-każ ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri li d-diplomi, iċ-ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali fid-dentistrija speċjalizzata ma jissodisfawx il-ħtiġiet minimi ta’ taħriġ taħt l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 78/687/KEE, kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi bħala prova suffiċjenti d-diplomi, iċ-ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali fis-sengħa tad-dentisti speċjalizzata mogħtija minn dawk l-Istati Membri qabel l-implimentazzjoni tad-Direttiva 78/687/KEE. L-Istat Membru jista’ madanakollu, jeħtieġ li dawn id-diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali jkollhom magħhom ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini jew ta’ l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani, li jiddikjara li kien ingaġġat f’attivitajiet ta’ sengħa ta’ dentist speċjalizzata għal perjodu ekwivalenti għal darbtejn id-differenza bejn it-tul tat-taħriġ speċjalizzat fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jew fl-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani u l-perjodu minimu ta’ taħriġ imsemmi fid-Direttiva 78/687/KEE meta dawn id-diplomi, iċ-ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali ma jissodisfawx il-perjodu minimu ta’ taħriġ stabbilit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 78/687/KEE.

Madanakollu, jekk qabel ma tiġi implimentata din id-Direttiva, l-Istat Membru ospitanti jeħtieġ perjodu minimu ta’ taħriġ li jdum inqas minn dak imsemmi fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 78/687/KEE, id-differenza msemmija fl-ewwel subparagrafu tista’ tiġi determinata biss b’referenza għall-perjodu minimu ta’ taħriġ stabbilit minn dak l-Istat.

IL-KAPITOLU V

L-UŻU TAT-TITOLU AKKADEMIKU

L-Artikolu 8

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17, l-Istati Membri ospitanti għandhom jassiguraw li ċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2, 4, 7 u 19 jkollhom id-dritt li jużaw it-titolu akkademiku bil-liġi sa fejn dan mhuwiex identiku mat-titolu professjonali jew, meta approprjat, l-abbrevjazzjoni tiegħu, ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom jew ta’ l-Istat Membru minn fejn jiġu, fil-lingwa ta’ dak l-Istat. L-Istati Membri ospitanti jistgħu jeħtieġu li dan it-titolu jkollu warajh l-isem u l-post ta’ stabbiliment jew tal-bord ta’ eżami li tah.

2. Jekk it-titolu akkademiku użat fl-Istat Membru ta’ oriġini jew fl-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani jista’ jiġi konfuż fl-Istat Membru ospitanti ma titolu li jeħtieġ taħriġ addizzjonali f’dak l-Istat li il-persuna kkonċernata ma ħaditx, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ li din il-persuna tuża t-titolu impjegat fl-Istat Membru ta’ oriġini jew fl-Istat Membru li minnu tiġi fi kliem xieraq li għandu jiġi abbozzat mill-Istat Membru li jospita.

IL-KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET BIEX JIFFAĊILITAW L-EŻERĊIZZJU EFFETTIV TAD-DRITT TA’ STABBILIMENT U L-LIBERTÀ LI JIĠU PPROVDUTI SERVIZZI FIR-RIGWARD TA’ L-ATTIVITAJIET TAL-PRATTIKANTI TAD-DENTISTRIJA

A. Dispożizzjonijiet li jirrelataw speċifikament mad-dritt ta’ stabbiliment

L-Artikolu 9

1. Stat Membru ospitanti li jeħtieġ miċ-ċittadini tiegħu prova tal-karattru tajjeb jew tar-reputazzjoni tajba meta jibdew għall-ewwel darba xi wieħed mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 għandu jaċċetta bħala prova suffiċjenti, fir-rigward ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri l-oħrajn, ċertifikat maħruġ minn awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani li jattesta li l-ħtiġiet ta’ l-Istat Membru dwar il-karattru tajjeb jew ir-reputazzjoni tajba biex tinbeda l-attività inkwistjoni ġew issodisfati.

2. Meta l-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani ma jeħtiġux prova tal-karattru tajjeb jew tar-reputazzjoni tajba tal-persuni li jixtiequ jibdew l-attività inkwistjoni għall-ewwel darba, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ miċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani estratt mir "reġistru ġudizzjarju" jew, fin-nuqqas ta’ dan, dokument ekwivalenti maħruġ minn awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani.

3. Jekk l-Istat Membru ospitanti għandu tagħrif dettaljat ta’ kwistjoni serja li ġrat qabel l-istabbiliment tal-persuna kkonċernata f’dak l-Istat barra t-territorju tiegħu u li x’aktarx taffettwa l-bidu fit-territorju tiegħu ta’ l-attività kkonċernata, jista’ jinforma l-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani.

L-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadinl barrani għandu jivverifika l-eżattezza tal-fatti jekk x’aktarx jaffettwaw f’dak l-Istat Membru il-bidu ta’ l-attività inkwistjoni. L-awtoritajiet f’dak l-Istat għandhom jiddeċiedu dwar in-natura u sa fejn għandha ssir l-investigazzjoni u għandhom jinformaw l-Istat Membru ospitanti b’kull azzjoni konsekwenzjali li jieħdu fir-rigward taċ-ċertifikati jew id-dokumenti li ħarġu.

4. L-Istati Membri għandhom jassiguraw il-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni mgħoddija.

L-Artikolu 10

1. Meta, fi Stat Membru ospitanti, id-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva huma fis-seħħ u jistabbilixxu ħtiġiet dwar il-karattru tajjeb jew ir-reputazzjoni tajba, inkluża d-dispożizzjoni għal azzjoni dixxiplinarja fil każ ta’ kondotta ħażina professjonali serja jew kundanna għal offiżi kriminali u li jirrelataw mat-twettiq ta’ xi attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1, l-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani għandu jgħaddi lill-Istat Membru ospitanti l-informazzjoni neċessarja kollha li tirrigwarda miżuri jew azzjoni dixxiplinarja ta’ natura professjonali jew amministrattiva meħuda fir-rigward tal-persuna kkonċernata jew li tirrigwarda pieni kriminali imposti fuqha fl-insegwiment tal-professjoni tagħha fl-Istat Membru ta’ oriġini jew fl-Istat Membru li minnu tiġi.

2. Jekk l-Istat Membru ospitanti għandu tagħrif dettaljat dwar kwistjoni serja li ġrat qabel l-istabbiliment tal-persuna kkonċernata fl-Istat barra t-territorju tiegħu u li x’aktarx taffettwa l-insegwiment ta’ l-attività kkonċernata fit-territorju tiegħu, jista’ jinforma l-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani.

L-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani għandu jivverifika l-eżattezza tal-fatti jekk x’aktarx jaffettwaw f’dak l-Istat Membru l-insegwiment ta’ l-attività inkwistjoni. L-awtoritajiet f’dak l-Istat għandhom jiddeċiedu dwar in-natura u sa fejn għandha ssir l-investigazzjoni u għandhom jinfurmaw lill-Istat Membru ospitanti b’kull azzjoni konsekwenzjali li jieħdu fir-rigward ta’ l-informazzjoni li għaddew skond il-paragrafu 1.

3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw il-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni mgħoddija.

L-Artikolu 11

Meta Stat Membru ospitanti jeħtieġ miċ-ċittadini tiegħu li jixtiequ jibdew jew isegwu xi waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 ċertifikat ta’ saħħa fiżika jew mentali, dak l-Istat għandu jaċċetta bħala prova suffiċjenti tagħha l-preżentazzjoni tad-dokument meħtieġ fl-Istat Membru ta’ oriġini jew fl-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani.

Meta l-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani ma jimponi ebda ħtiġiet ta’ din in-natura fuq dawk li jixtiequ jibdew jew isegwu l-attività inkwistjoni, l-Istat Membru ospitanti għandu jaċċetta minn dan iċ-ċittadin ċertifikat maħruġ minn awtorità kompetenti f’dak l-Istat li jikkorrispondi għaċ-ċertifikati maħruġa fl-Istat Membru li jospita.

L-Artikolu 12

Dokumenti maħruġa skond l-Artikoli 9, 10 u 11 ma jistgħux jiġu ppreżentati iktar minn tliet xhur wara d-data tal-ħruġ tagħhom.

L-Artikolu 13

1. Il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-persuna kkonċernata biex tibda xi attività msemmija fl-Artikolu 1, skond l-Artikoli 9, 10 u 11, għandha tiġi kkompletata kemm jista’ jkun malajr u mhux iktar tard minn tliet xhur wara l-preżentazzjoni tad-dokumenti kollha li jirrelataw ma’ din il-persuna, mingħajr preġudizzju għal dewmien li jirriżlta minn xi appell li jista’ jsir mat-tmiem ta’ din il-proċedura.

2. Fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 9(3) u 10(2), talba għal rieżaminazzjoni għandha tissospendi l-perjodu stabbilit fil-paragrafu 1.

L-Istat Membru kkonsultat għandu jagħti t-tweġiba tiegħu fi żmien perjodu ta’ tliet xhur.

Ma’ l-irċevuta tat-tweġiba jew fl-aħħar tal-perjodu l-Istat Membru ospitanti għandu jkompli bil-proċedura msemmija fil-paragrafu 1.

L-Artikolu 14

Meta Stat Membru ospitanti jeħtieġ li ċ-ċittadini proprji li jixtiequ jibdew jew isegwu xi attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 jieħdu ġurament jew jagħmlu dikjarazzjoni solenni u meta l-forma ta’ dan il-ġurament jew dikjarazzjoni ma tistax tiġi użata minn ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, dak l-Istat Membru għandu jassigura li forma approprjata u ekwivalenti ta’ ġurament jew dikjarazzjoni hi offerta lill-perusna kkonċernata.

B. Dispożizzjonijiet li jirrelataw speċifikament mal-provvista ta’ servizzi

L-Artikolu 15

1. Meta Stat Membru jeħtieġ miċ-ċittadini tiegħu li jixtiequ jibdew jew isegwu xi attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 awtorizzazzjoni jew sħubija ma’ jew reġistrazzjoni ma organizzazzjoni jew korp professjonali, dak l-Istat Membru għandu fil-każ tal-provvista ta’ servizzi jeżenta ċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri l-oħrajn minn dik il-ħtieġa.

Il-persuna kkonċernata għandha tipprovdi servizzi bl-istess drittijiet u obbligi bħaċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru li jospita; b’mod partikolari għandha tkun soġġetta għar-regoli ta’ kondotta ta’ natura professjonali jew amministrattiva li japplikaw f’dak l-Istat Membru.

B’dan l-iskop u f’addizzjoni mad-dikjarazzjoni li tirrelata mad-dispożizzjoni tas-servizzi msemmija fil-paragrafu 2 l-Istati Membri jistgħu, sabiex jippermettu l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrelataw mal-kondotta professjonali fis-seħħ fit-territorju tagħhom, jipprovdu għal reġistrazzjoni awtomatika temporanja ma’ jew sħubija pro forma ma organizzazzjoni jew korp professjonali jew iskrizzjoni f’reġistru, sakemm dik ir-reġistrazzjoni ma tittardjax jew b’xi mod tikkomplika l-provvista ta’ servizzi jew timponi xi spejjeż addizzjonali fuq il-perusna li tipprovdi s-servizzi.

Meta Stat Membru ospitanti jadotta miżura skond it-tieni subparagrafu jew isir konxju ta’ fatti li jseħħu kontra dawn id-dispożizzjonijiet, għandu minnufih jinforma l-Istat Membru fejn il-persuna kkonċernata hi stabbilita.

2. L-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ lill-persuna kkonċernata tagħmel dikjarazzjoni minn qabel lill-awtortitajiet kompetenti li tikkonċerna l-provvista ta’ servizzi tiegħu fejn jinvolvu żmien temporanju fit-territorju tiegħu.

F’każijiet urġenti din id-dikjarazzjoni tista’ ssir kemm jista jkun malajr wara li s-servizzi ġew provduti.

3. Skond il-paragrafi 1 u 2, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ lill-persuna kkonċernata li tforni dokument wieħed jew iktar li jikkontjenu d-dettalji li ġejjin:

- id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 2,

- ċertifikat li jiddikjara li l-persuna kkonċernata qed issegwi b’mod legali l-attivitajiet inkwistjoni fl-Istat Membru fejn hi stabbilita,

- ċertifikat li l-persuna konċernata għandha fil-pussess tagħha wieħed jew iktar mid-diplomi, ċertifikati jew provi oħrajn ta’ kwalifiki formali approprjati għall-provvista tas-servizzi inkwistjoni u msemmija f’din id-Direttiva.

4. Id-dokument jew id-dokumenti speċifikati fil-paragrafu 3 ma jistgħux jiġu ppreżentati iktar minn 12-il xahar wara d-data tal-ħruġ tagħhom.

5. Meta Stat Membru temporanjament jew b’mod permanenti iċaħħad, kompletament jew parzjalment, lil wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ċittadin ta’ Stat Membru ieħor stabbilit fit-territorju tiegħu mid-dritt li jwettqu xi wieħed mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1, għandu, kif approprjat, jassigura l-irtirar temporanju jew permanenti taċ-ċertifikat imsemmi fit-tieni inċiż tal-paragrafu 3.

L-Artikolu 16

Meta reġistrazzjoni ma’ korp pubbliku tas-sigurtà soċjali hi meħtieġa fi Stat Membru ospitanti għal ftehim ma’ korpi tal-kontabbilità ta’ l-assigurazzjoni li jirrelataw ma’ servizzi mogħtija lil persuni assigurati taħt skemi ta’ sigurtà soċjali, dak l-Istat Membru għandu jeżenta ċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri stabbiliti fi Stat Membru ieħor minn din il-ħtieġa fil-każ tal-provvista ta’ servizzi li jinvolvu vjaġġar min-naħa tal-persuna kkonċernata.

Fil-każijiet kollha ta’ provvista ta’ servizzi li jinvolvu vvjaġġar min-naħa tal-persuna kkonċernata, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġha tforni informazzjoni lil dan il-korp bil-quddiem, jew, f’każijiet urġenti, fl-opportunità l-iktar kmieni, dwar is-servizzi pprovduti.

Ċ. Dispożizzjonijiet konswetudinarji għad-dritt ta’ l-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

L-Artikolu 17

1. Meta fi Stat Membru ospitanti l-użu tat-titolu professjonali li għandu x’jaqsam ma’ xi wieħed mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 hu soġġett għar-regoli, ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2, 7(1) u 19 għandhom jużaw it-titolu professjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti li, f’dak l-Istat jikkorrispondi għal dawk il-kondizzjonijiet ta’ kwalifika u għandhom jużaw it-titolu abbrevjat.

2. Il-Paragrafu 1 għandu japplika wkoll għall-użu tat-titoli professjonali ta’ prattikant tad-dentistrija speċjalizzata minn dawk li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 u 7 (2) rispettivament.

L-Artikolu 18

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarja biex jagħmluha possibbli għall-persuni kkonċernati li jakkwistaw informazzjoni dwar il-liġijiet tas-saħħa u s-sigurtà soċjali u, meta applikabbli, dwar l-etika professjonali ta’ l-Istat Membru li jospita.

Għal dan l-iskop l-Istati Membri jistgħu iwaqqfu ċentri ta’ l-informazzjoni li minnhom dawn il-persuni jistgħu jakkwistaw l-informazzjoni neċessarja. Fil-każ ta’ stabbiliment, l-Istati Membri ospitanti jistgħu jeħtieġu l-persuna kkonċernata li tikkuntattja lil dawn iċ-ċentri.

2. L-Istati Membri jistgħu iwaqqfu ċ-ċentri msemmija fil-paragrafu 1 fi ħdan l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti li għandhom jinnominaw fil-perjodu stabbilit fl-Artikolu 24(1).

3. L-Istati Membri għandhom jaraw li, meta approprjat, il-persuni kkonċernati jakkwistaw, fl-interess tagħhom u dak tal-pazjenti tagħhom, it-tagħrif lingwistiku neċessarju għall-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom fl-Istat Membru li jospita.

IL-KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI LI JKOPRU L-KAŻ SPEĊJALI TA’ L-ITALJA

L-Artikolu 19

Mid-data li fiha l-Italja tieħu l-miżuri neċessarji biex tkun konformi ma’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu, għall-iskopijiet ta’ l-insegwiment ta’ l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva, id-diplomi, iċ-ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali fil-mediċina mogħtija fl-Italja lil persuni li kienu bdew it-taħriġ mediku tagħhom fl-università mhux iktar tard minn 18-il xahar wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, li magħhom ikun hemm ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti Taljani, li jiċċertifika li dawn il-persuni kienu ingaġġati effettivament, legalment u prinċiparjament fl-Italja f’attivitajiet speċifikati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 78/687/KEE għal mill-inqas tliet snin konsekuttivi matul il-ħames snin qabel il-ħruġ taċ-ċertifikat u li dawn il-persuni huma awtorizzati li jwettqu l-imsemmija attivitajiet taħt l-istess kondizzjonijiet tal-persuni fil-pussess ta’ diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifika formali msemmija fl-Artikolu 3(f) ta’ din id-Direttiva.

Il-ħtieġa ta’ tliet snin esperjenza msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha titneħħa fil-każ ta’ persuni li kkompletaw b’suċċess almenu tliet snin ta’ studju li huma ċċertifikati mill-awtoritajiet kompetenti bħala li huma ekwivalenti għat-taħriġ imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 78/687/KEE.

IL-KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

L-Artikolu 20

L-Istati Membri li jeħtieġu liċ-ċittadini tagħhom li jikkompletaw perjodu ta’ taħriġ preparatorju sabiex isiru eliġibbli għall-ħatra bħala dentisti prattikanti ta’ skema tas-sigurtà soċjali jistgħu jimponu l-istess ħtieġa fuq ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn għal perjodu ta’ tmien snin wara n-notifika ta’ din id-Direttiva. Il-perjodu ta’ taħriġ ma jistax, madanakollu, jaqbeż is-sitt xhur.

L-Artikolu 21

Fil-każ ta’ dubji mhux ġustifikati, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor konferma ta’ l-awtentiċità tad-diplomi, iċ-ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali maħruġa f’dak l-Istat Membru l-ieħor u msemmija fil-Kapitoli II, III u IV, u wkoll konferma li l-persuna kkonċernata ssodisfat il-ħtiġiet kollha ta’ taħriġ stabbiliti fid-Direttiva 78/687/KEE.

L-Artikolu 22

Fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 24(1), l-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti biex joħorġu jew jirċievu diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali kif ukoll id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija f’din id-Direttiva u għandhom minnufih jinfurmaw l-Istati Membri u lill-Kummissjoni bihom.

L-Artikolu 23

Din id-Direttiva għandha wkoll tapplika għal ċittadini ta’ Stati Membri li, skond ir-Regolament(KEE) Nru 1612/68, qegħdin jew sejrin ikunu qed isegwu bħala persuni impjegati kwalunkwe mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1.

L-Artikolu 24

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien 18-il xahar min-notifika tagħha u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni biha.

Madanakollu, l-Italja għandha tieħu dawn il-miżuri fi żmienperjodu massimu ta’ sitt snin u fi kwalunkwe każ meta tieħu dawk neċessarji biex tikkonforma mad-Direttiva 78/687/KEE.

2. L-Istati Membri għandom jgħaddu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 25

Meta Stat Membru jiltaqa’ ma’ diffikultajiet maġġuri f’xi oqsma meta japplika din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha teżamina dawn id-diffikultajiet flimkien ma’ dak l-Istat u għanda titlob l-opinjoni tal-Kumitat ta’ l-Uffiċjali Anzjani dwar is-Saħħa Pubblika stabbilit bid-Deċiżjoni 75/365/KEE [5], kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 78/689/KEE [6].

Meta neċessarju, il-Kummissjoni għandha tissottmetti proposti approprjati lill-Kunsill.

L-Artikolu 26

Din id-Direttiva nija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-25 ta’ Lulju 1978.

Għall-Kunsill

Il-President

K. von Dohnanyi

[1] ĠU C 101, ta’ l-4.8.1970, p. 19.

[2] ĠU C 36, tat-28.3.1970, p. 17.

[3] ĠU L 233, tal-25.7.1978, p. 10.

[4] ĠU L 257, tad-19.10.1968, p. 2.

[5] ĠU L 167, tat-30.6.1975, p. 19.

[6] ĠU L 233, tal-25.7.1978, p. 17.

--------------------------------------------------