31976L0757



Official Journal L 262 , 27/09/1976 P. 0032 - 0053
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 5 P. 0061
Greek special edition: Chapter 13 Volume 4 P. 0003
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 5 P. 0061
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 5 P. 0071
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 5 P. 0071


Id-Direttiva tal-Kunsill

tas-27 ta’ Lulju 1976

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrelataw għar-rifletturi tar-rifless għal vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom

(76/757/KEE).

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi l-ħtiġiet tekniċi li vetturi bil-mutur għandhom jissodisfaw skond il-liġijiet nazzjonali jirrelataw, inter alia, għar-rifletturi tar-rifless tagħhom;

Billi dawk il-ħtiġiet ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor; billi huwa meħtieġ għaldaqstant li l-Istati Membri kollha jadottaw l-istess ħtiġiet jew b’żieda ma’ jew minflok ir-regolamenti eżistenti tagħhom, sabiex, b’mod partikolari, jippermettu li l-proċedura ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE li kienet is-suġġett tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 70/156/KEE tas-6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [3], tiġi introdotta fir-rigward ta’ kull tip ta’ vettura;

Billi, fid-Direttiva 76/756/KEE [4], il-Kunsill stipula ħtiġiet komuni għall-istallazzjoni ta’ mezzi ta’ dawl u ta’ sinjalazzjoni bid-dawl fuq vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom;

Billi proċedura ta’ l-approvazzjoni tat-tip armonizzata għar-rifletturi tagħmilha possibbli għal kull Stat Membru li jiċċekkja l-konformità mal-ħtiġiet ta’ kostruzzjoni u ta’ ttestjar komuni u li jinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar is-sejbiet tiegħu billi jibgħat kopja taċ-ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ komponent mimli għal kull tip ta’ riflettur tar-rifless; billi t-tqegħid ta’ marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent fuq ir-rifletturi tar-rifless kollha manifatturati f’konformità mat-tip approvat ineħħi kull bżonn għal verifiki tekniċi fuq dawn ir-rifletturi tar-rifless fl-Istati Membri;

Billi huwa mixtieq li jittieħed kont tal-ħtiġiet tekniċi adottati mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-NU fir-Regolament tagħha Nru 3 ("Dispożizzjonijiet uniformi għall-approvazzjoni ta’ mezzi ta’ rifletturi tar-rifless għall-vetturi bil-mutur" [5], li hu anness mal-Ftehim ta’ l-20 ta’ Marzu 1958 li jikkonċerna l-adozzjoni ta’ kundizzjonijiet uniformi għall-approvazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku ta’ mezz u partijiet ta’ vetturi bil-mutur;

Billi l-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li jirrelataw ma’ vetturi bil-mutur jinvolvi r-rikonoxximent reċiproku mill-Istati Membri tal-verifiki li jkunu saru minn kull wieħed minnhom abbażi tal-ħtiġiet komuni,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Kull Stat Membru għandu jagħti l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent għal kull tip ta’ riflettur tar-rifless li jissodisfa l-ħtiġiet ta’ kostruzzjoni u testjar stipulati fl-Annessi, 0, I, III, V, VI, VII, VIII, IX, X, XI u XII.

2. L-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE tal-komponenti għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jivverifika li l-mudelli tal-produzzjoni jikkonformaw mat-tip approvat, safejn dan huwa meħtieġ u jekk hemm bżonn f’koperazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra. Din il-verifika għandha tkun limitata għall-verifiki saltwarji.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom, għal kull tip ta’ riflettur tar-rifless li japprovaw skond l-Artikolu 1, joħorġu lill-manifattur, jew lir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent li tikkonforma mal-mudell muri fl-Anness III.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jipprevenu l-użu ta’ marki li jafu joħolqu konfużjoni bejn riflessuri tar-rifless li jkunu ġew approvati skond l-Artikolu 1, u mezzi ieħor.

Artikolu 3

1. L-ebda Stat Membru ma jista’ jipprojibixxi t-tqegħid fis-suq ta’ rifletturi tar-rifless għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kostruzzjoni jew il-metodu ta’ funzjonament tagħhom jekk dawn għandhom il-marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent.

2. Madankollu, Stat Membru jista’ jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ rifletturi tar-rifless li jkollhom il-marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent li b’mod konsistenti jonqsu milli jikkonformaw mat-tip approvat.

Dak l-Istat għandu jinforma minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bil-miżuri li jittieħdu, u għandu jispeċifika r-raġunijiet li wasslu għad-deċiżjoni tiegħu.

Artikolu 4

L-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru għandhom jibagħtu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra, fi żmien xahar, kopja taċ-ċertifikati ta’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ komponent, li jingħata eżempju tagħhom fl-Anness II, mimlijin għal kull tip ta’ riflettur tar-rifless li japprovaw jew li jirrifjutaw li japprovaw.

Artikolu 5

1. Jekk l-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent isib li numru ta’ rifletturi tar-rifless li jkollhom l-istess marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent ma jikkonformawx mat-tip li jkun approva, għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li-l-mudelli tal-produzzjoni jikkonformaw mat-tip approvat. L-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat għandhom javżaw lil dawk ta’ l-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri meħuda, li jistgħu, fejn hemm nuqqas ta’ konformità b’mod konsistenti, jestendu għall-irtirar ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent. L-awtoritajiet imsemmijin għandhom jieħdu l-istess miżuri jekk huma infurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor dwar dan in-nuqqas ta’ konformità.

2. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin, fi żmien xahar, dwar kull irtirar ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent, u dwar ir-raġunijiet għal din il-miżura.

Artikolu 6

Kull deċiżjoni meħuda skond id-dispożizzjonijiet adottati fl-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva, sabiex tiġi rrifjutata jew irtirata approvazzjoni għal riflettur tar-rifless jew li tipprojibixxi t-tqegħid tiegħu fis-suq jew l-użu tiegħu, għandha telenka fid-dettall ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata. Deċiżjoni bħal din għandha tiġi notifikata lill-parti konċernata, li għandu fl-istess ħin ikun infurmat dwar ir-rimedji disponibbli lilu taħt il-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membriu u dwar il-limiti taż-żmien permess għall-eżerċizzju ta’ dawn ir-rimedji.

Artikolu 7

L-ebda Stat Membru ma jista’ jirrifjuta li jagħti approvazzjoni tat-tip tal-KEE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali ta’ vettura għal raġunijiet relatati mar-rifletturi tar-rifless tagħha jekk dawn għandhom il-marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent u jekk dawn huma mwaħħlin skond il-ħtiġiet stipulati fid-Direttiva 76/756/KEE.

Artikolu 8

L-ebda Stat Membru ma jista’ jirrifjuta jew jipprojbixxi l-bejgħ, ir-reġistrazzjoni, id-dħul fis-servizz jew użu ta’ xi vettura għal raġunijiet relatati mar-rifletturi tar-rifless tagħha jekk dawn għandhom il-marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent u jekk dawn huma mwaħħlin skond il-ħtiġiet stipulati fid-Direttiva 76/756/KEE.

Artikolu 9

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, "vettura" tfisser kull vettura bil-mutur maħsuba għall-użu fit-triq, bil-karozzerija jew mingħajrha, li għandha mill-inqas erba’ roti u veloċità massima ddisinjata ta’ aktar minn 25km/siegħa, bl-eċċezzjoni ta’ l vetturi li jimxu fuq il-linji, tratturi jew makkinarju għall-agrikoltura, u vetturi tax-xogħlijiet pubbliċi.

Artikolu 10

Kull emenda neċessarja sabiex taġġusta l-ħtiġiet ta’ l-Annessi sabiex jieħdu kont tal-progress tekniku għandha tiġi adottata b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE.

Artikolu 11

1..L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Lulju 1977 u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih b’dan. Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Ottubru 1977 l-aktar tard.

2. Ladarba din id-Direttiva tkun ġiet notifikata, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-Kummissjoni hija infurmata, fi żmien suffiċjenti sabiex tkun tista’ tissottometti l-kummenti tagħha dwar kull abbozz ta’ liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva li huma jipproponu li jddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 12

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi-Brussel, is-27 ta’ Lulju, 1976.

Għall-Kunsill

Il-President

M. van der stoel

[1] ĠU C 55, tat-13.5.1974, p. 14

[2] ĠU C 109, tad-19.9.1974, p. 26

[3] ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1

[4] Ara p. 1 ta’ dan il-ĠU

[5] Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa, Dokument

--------------------------------------------------

Lista ta’ l-Annessi

L-Anness 0 | — definizzjonijiet, konformità tal-produzzjoni, speċifikazzjonijiet ġenerali, speċifikazzjonijiet speċjali |

L-Anness I | — Definizzjonijiet ta’ termini tekniċi Appendiċi 1: Simboli u unitajietAppendiċi 2: Simboli |

L-Anness II | — Mudell taċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent |

Annes III | — Ħtiġiet ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent u ta’ l-immarkar Appendiċi: Eżempju tal-marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent |

(L-Anness IV) | |

L-Anness V | — Proċedura tat-test |

L-Anness VI | Speċifikazzjonijiet ta’ forma u dimensjonijiet Appendiċi: Rifletturi tar-rifless għall-karrijiet – Klassi III |

L-Anness VII | — Speċifikazzjonijiet kolorimetriċi |

L-Anness VIII | — Speċifikazzjonijiet fotometriċi |

L-Anness IX | — Reżistenza għall-aġenti esterni |

L-Anness X | — Stabbilità tal-propjetajiet ottiċi maż-żmien |

L-Anness XI | — Reżistenza għas-sħana |

L-Anness XII | — Żamma tal-kulur |

Appendiċi lill-Annessi: Ordni kronoloġika tat-testijiet. |

--------------------------------------------------