7.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea

C 203/33


Artikolu 83

1.   Fil-każ ta' non-konformità ma' l-obbligi imposti fuq persuni jew intrapriżi permezz tad-disposizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu, jistgħu jkunu mposti fuqhom pieni mill-Kummissjoni.

Dawn il-pieni, fl-ordni tal-gravità tagħhom, għandhom ikunu kif ġej:

(a)

twissija;

(b)

it-tneħħija ta' vantaġġi speċjali, bħal ma huma finanzjament jew għajnuna teknika;

(ċ)

it-tqegħid tad-ditta, għal massimu ta' erba xhur, taħt l-amministrazjoni ta' persuna jew bord maħtur konġuntament mill-Kummissjoni u l-Istat li jkollu ġurisdizzjoni fuq dik il-persuna jew intrapriża; jew

(d)

l-irtirar sħiħ jew parzjali ta' materji primi jew materjali speċjali fissibili.

2.   Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jesiġu l-forniment ta' materja prima jew materjali speċjali fissili fl-implementazzjoni tal-paragrafu preċedenti għandhom ikollhom forza eżekuttiva. Dawn ikunu eżegwibbli fit-territorji ta' l-Istati Membri skond id-disposizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 164.

Minkejja d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 157, ir-rikorsi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea kontra deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li timponi xi pieni kif previst fil-paragrafu preċedenti għandhom effett li jissospendu l-eżekuzzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea jista', b'dana kollu, fuq talba tal-Kummissjoni jew ta' xi Stat Membru nteressat, tordna li d-deċiżjoni tkun inforzata immedjatament.

Il-protezzjoni ta' dawk li jkunu sofrew ħsara għandha tkun iggarantita bi proċedura legali xierqa.

3.   Il-Kummissjoni tista' tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri rigward liġijiet u regolament maħsuba biex jassiguraw l-osservanza fit-territorji tagħhom tal-obbligi li joħorġu mid-disposizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu.

4.   L-Isati Membri għandhom jassiguraw l-infurzar ta' pieni u, fejn xieraq, li jitħallas kumpens minn dawk responsabbli għan-nuqqas ta' konformità.