26.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 326/1


TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA)

IS-SITT PARTI

DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI U FINANZJARJI

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW L-ISTITUZZJONIJIET

KAPITOLU 1

L-ISTITUZZJONIJIET

TAQSIMA 1

IL-PARLAMENT EWROPEW

Artikolu 228

(ex Artikolu 195 TKE)

1.   Ombudsman Ewropew, elett mill-Parlament Ewropew, għandu s-setgħa li jilqa' l-ilmenti ta’ kull ċittadin ta’ l-Unjoni jew ta' kull persuna, kemm fiżika kif ukoll ġuridika li toqgħod jew ikollha l-uffiċċju reġistrat fi Stat Membru, li jinvolvu każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet, korpi u organi ta' l-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha. Huwa għandu jinvestiga dawn l-ilmenti u jirrapporta dwarhom.

Konformement mal-missjoni tiegħu, l-Ombudsman għandu jagħmel stħarriġ li jaħseb li jkun ġustifikat, sew fuq inizjattiva tiegħu stess sew abbażi ta' ilmenti li jaslu direttament għandu jew permezz ta’ xi membru tal-Parlament Ewropew, ħlief meta l-fatti allegati mressqa jkunu jew kienu suġġetti għal proċeduri legali. Meta l-Ombudsman jistabbilixxi każ ta’ amministrazzjoni ħażina, għandu jirriferi l-każ lill-istituzzjoni, korp jew organu interessat, li għandu jkollu perjodu ta’ tlett xhur sabiex jinformah bir-raġunijiet tiegħu. L-Ombudsman għandu imbagħad iressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill- istituzzjoni, korp jew organu interessat. Il-persuna li tkun ressqet l-ilment, għandha tiġi informata bir-riżultat ta’ dak l-istħarriġ.

L-Ombudsman għandu jippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew fuq l-eżitu ta’ kull stħarriġ li jagħmel.

2.   L-Ombudsman għandu jiġi elett wara kull elezzjoni tal-Parlament Ewropew għat-tul tal-leġislatura tiegħu. L-Ombudsman jista’ jerga’ jinħatar.

L-Ombudsman jista’ jitneħħa mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq talba tal-Parlament Ewropew jekk ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet mitluba għall-qadi ta’ dmirijietu jew jekk ikun ħati ta’ mġiba serjament ħażina.

3.   L-Ombudsman għandu jkun indipendenti għal kollox fil-qadi ta’ dmirijietu. Fil-qadi ta’ dawk id-dmirijiet, huwa m’għandu la jitlob u lanqas jieħu istruzzjonijiet mingħand l-ebda gvern, istituzzjoni, korp jew organu. L-Ombudsman ma jistax, sakemm idum fil-kariga, jinvolvi ruħu f’attivita professjonali oħra, kemm jekk bi qligħ kif ukoll mingħajr.

4.   Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi permezz ta' regolament fuq inizjattiva tiegħu stess skond il-proċedura leġislattiva speċjali, wara li jitlob l-opinjoni tal-Kummissjoni u bl-approvazzjoni tal-Kunsill għandu jistabbilixxi r-regoli u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dmirijiet ta’ l-Ombudsman.