26.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 326/1


TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA)

IT-TIELET PARTI

POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI TA' L-UNJONI

TITOLU XII

EDUKAZZJONI, FORMAZZJONI VOKAZZJONALI, ŻGĦAŻAGĦ U SPORT

Artikolu 165

(ex Artikolu 149 TKE)

1.   L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' edukazzjoni ta' kwalità billi tinkoraġġixxi koperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta' tagħlim u l-organizzazzjoni ta' sistemi ta' edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom.

L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija l-quddiem tal-kwistjonijiet Ewropej ta' l-Isports, waqt li tieħu in kunsiderazzjoni n-natura speċifika tiegħu, l-istrutturi tiegħu ibbażati fuq il-volontarjat u l-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu.

2.   L-azzjoni ta' l-Unjoni għandha tkun immirata lejn:

l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni, partikolarment permezz tat-tagħlim u t-tixrid tal-lingwi ta' l-Istati Membri;

l-inkoraġġiment tal-mobilità fost l-istudenti u l-għalliema, inter alia billi tinkoraġġixxi ir-rikonoxximnet akkademiku ta' diplomi u perjodi ta' studju;

il-promozzjoni ta' koperazzjoni bejn istituzzjonijiet edukattivi;

l-iżvilupp ta' skambji ta' informazzjoni u esperjenzi dwar kwistjonijiet komuni għas-sistemi ta' edukazzjoni fl-Istati Membri;

l-inkoraġġiment ta' l-iżvilupp ta’ skambji fost iż-żgħażagħ u skambji ta' edukaturi soċjo-edukattivi u l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika ta' l-Ewropa;

l-inkoraġġiment ta' l-iżvilupp ta' edukazzjoni mill-bogħod;

l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport, billi tkun promossa l-ġustizzja u t-trasparenza fil-kompetizzjonijiet sportivi u l-koperazzjoni bejn il-korpi responsabbli mill-isport, u billi tkun protetta l-integrità fiżika u morali ta' l-isportivi, speċjalment ta' dawk l-aktar żgħażagħ fosthom.

3.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam ta' l-edukazzjoni u l-isport, partikolarment il-Kunsill ta' l-Ewropa.

4.   Sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq ta' l-għanijiet imsemmija f'dan l-Artikolu:

il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jadottaw inċentivi li ma jinkludux l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti ta' l-Istati Membri;

il-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjonijiet fuq proposta mill-Kummissjoni.