02014R0515 — MT — 28.03.2020 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) Nru 515/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ April 2014

li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE

(ĠU L 150 20.5.2014, p. 143)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2018/1240 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-12 ta’ Settembru 2018

  L 236

1

19.9.2018

►M2

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/446 tal-15 ta’ Ottubru 2019

  L 94

3

27.3.2020




▼B

REGOLAMENT (UE) Nru 515/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ April 2014

li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Skop u kamp ta’ applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Istrument għall-appoġġ finanzjajru għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni u l-politika komuni dwar il-viża (“l-Istrument”) bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna (“il-Fond”).

Flimkien mar-Regolament 513/2014, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 Diċembru 2020.

2.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi:

(a) 

l-objettivi tal-appoġġ finanzjarju u l-azzjonijiet eliġibbli;

(b) 

il-qafas ġenerali għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet eliġibbli;

(c) 

ir-riżorsi disponibbli taħt l-Istrument mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 u d-distribuzzjoni tagħhom;

(d) 

l-ambitu u l-għan tal-mezzi speċifiċi differenti li permezz tagħhom l-infiq għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni u tal-politika komuni dwar il-viża jiġi ffinanzjat.

3.  Dan ir-Regolament jipprovdi għall-applikazzjoni tar-regoli stipulati fir-Regolament (UE) Nru 514/2014.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

“fruntieri esterni” tfisser il-fruntieri tal-art tal-Istati Membri, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, il-fruntieri tal-baħar u l-ajruporti tagħhom, il-portijiet tax-xmajjar, il-portijiet tal-baħar u l-portijiet tal-lagi li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-qsim tal-fruntieri esterni, kemm jekk il-fruntieri jkunux temporanji u kemm jekk le;

(b) 

“standards komuni tal-Unjoni” tfisser l-applikazzjoni ta’ miżuri operazzjonali b’mod komuni u mhux frammentat sabiex jinkiseb livell għoli u uniformi ta’ sigurtà fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri u l-viża f’konformita’ marl-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ), ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ), ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004, ir-Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ), il-katalgu ta’ Schengen dwar il-kontroll tal-fruntieri esterni, il-Manwal Prattiku għall-gwardjani tal-fruntieri, il-Manwal dwar il-viżi, il-Manwal ta’ EUROSUR u kull Regolament u linji gwida oħrajn li għandhom jiġu adottati fil-livell tal-Unjoni għal dak li jikkonċerna l-kontroll tal-fruntieri u l-viża.

(c) 

“fruntieri esterni temporanji” tfisser:

(i) 

il-fruntiera komuni bejn Stat Membru li jkun qed jimplimenta b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen u Stat Membru marbut li japplika l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ, f’konformità mal-Att tal-Adeżjoni tiegħu, iżda fejn id-Deċiżjoni relevanti tal-Kunsill li tawtorizzah japplika b’mod sħiħ dak l-acquis ma tkunx daħlet fis-seħħ;

(ii) 

il-fruntiera komuni bejn żewġ Stati Membri marbuta li japplikaw l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ, f’konformità mal-Atti tal-Adeżjoni rispettivi tagħom, iżda fejn id-Deċiżjoni relevanti tal-Kunsill li tawtorizzahom biex japplikaw b’mod sħiħ dak l-acquis tkun għadha ma daħlitx fis-seħħ;

(d) 

“punt tal-qsim tal-fruntiera” tfisser kwalunkwe punt tal-qsim awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti għall-qsim tal-fruntieri esterni kif notifikat skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006;

(e) 

“mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ta’ Schengen” tfisser il-verifika tal-applikazzjoni korretta tal-acquis ta’ Schengen kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1053/2012;

(f) 

“sitwazzjoni ta’ emerġenza” tfisser sitwazzjoni li tirriżulta minn pressjoni urġenti u eċċezzjonali meta numru kbir ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi qed jaqsmu jew ikunu mistennija li jaqsmu l-fruntiera esterna ta’ Stat Membru wieħed jew aktar jew kwalunkwe sitwazzjoni ta’ emerġenza oħra ġustifikata kif xieraq li tkun teħtieġ azzjoni urġenti fil-fruntieri esterni;

(g) 

“sezzjoni ta’ fruntieri esterni” tfisser il-fruntiera esterna ta’ Stat Membru fuq l-art jew fil-baħar kollha jew parti minnha kif stabbilit mil-liġi nazzjonali jew kif determinat miċ-ċentru ta’ koordinazzjoni nazzjonali jew kwalunkwe awtorità nazzjonali responsabbli għall-iskop tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1052/2013.

Artikolu 3

Objettivi

1.  L-objettiv ġenerali tal-Istrument għandu jkun li jikkontribwixxi biex jiżgura livell għoli ta’ sigurtà fl-Unjoni filwaqt li jiffaċilita l-ivvjaġġar leġittimu, permezz ta’ livell uniformi u għoli ta’ kontroll fil-fruntieri esterni u l-ipproċessar effettiv tal-viżi ta’ Schengen, b’konformità mal-impenn tal-Unjoni għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem.

2.  Fi ħdan l-objettiv ġenerali stabbilit fl-ewwel paragrafu, l-Istrument għandu jikkontribwixxi - f’ konformita’ mal-prijoritajiet definiti fl-istrateġiji, programmi, valutazzjonijiet tat-theddid u valutazzjonijiet tar-riskju relevanti tal-Unjoni - għal kisba ta’l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a) 

l-appoġġ għal politika komuni dwar il-viża għall-iffaċilitar tal-ivvjaġġar leġittimu, l-għoti ta’ servizz ta’ kwalità għolja għall-applikanti għall-viża, l-iżgurar tat-trattament ugwali ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi u l-indirizzar tal-immigrazzjoni illegali;

(b) 

l-appoġġ ta’ ġestjoni tal-fruntieri integrati, inkluża l-promozzjoni ta’ aktar armonizzazzjoni ta’ miżuri relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri b’konformità ma’ standards komuni tal-Unjoni u permezz tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Istati Membri u Frontex, biex jiġi żgurat, minn naħa waħda, livell uniformi u għoli ta’ kontroll u protezzjoni tal-fruntieri esterni, inkluż permezz tal-indirizzar tal-immigrazzjoni illegali u, min-naħa l-oħra, il-qsim bla xkiel tal-fruntieri esterni skont l-acquis ta’ Schengen, filwaqt li jiġi garantit l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali lil dawk li jeħtiġuha, skont l-obbligi kkuntrattati mill-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-prinċipju ta’ non-refoulement.

Il-kisba tal-objettivi speċifiċi tal-Istrument għandha tiġi vvalutata skont it-termini tal-Artikolu 55(2) tar-Regolament (UE) 514/2014 bl-użu ta’ indikaturi komuni kif stabbiliti fl-Anness IV għal dan ir-Regolament u indikaturi speċifiċi għall-programmi inklużi fil-programmi nazzjonali.

3.  Sabiex jinkisbu l-objettivi msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istrument għandu jikkontribbwixxi għall-objettivi operattivi li ġejjin:

(a) 

il-promozzjoni tal-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-politiki bl-għan li jiżguraw in-nuqqas ta’ kwalunkwe kontroll fuq il-persuni, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni u li jitwettqu kontrolli fuq il-persuni u l-monitoraġġ effiċjenti tal-qsim tal-fruntieri esterni;

(b) 

l-istabbiliment b’mod gradwali ta’ sistema ta’ ġestjoni integrata għall-fruntieri esterni, abbażi tas-solidarjetà u r-responsabbiltà, b’mod partikolari permezz ta’:

(i) 

ir-rinfurzar tal-kotrolli fuq il-fruntieri esterni u s-sistemi ta’ sorveljanza u tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji bejn awtoritajiet tal-gwardjani tal-fruntieri, id-dwana, tal-migrazzjoni, tal-asil u tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri fil-fruntieri esterni, inkluż fiż-żona tal-fruntiera tal-baħar;

(ii) 

miżuri fit-territorju relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri esterni u l-miżuri neċessarji ta’ akkumpanjament dwar is-sigurtà tad-dokumenti, il-ġestjoni tal-identità u l-interoperabilità tat-tagħmir tekniku miksub;

(iii) 

kwalunkwe miżura li tikkontribwixxi wkoll għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera fil-fruntieri esterni relatata mal-moviment ta’ persuni, inkluż it-traffikar tal-persuni u l-kuntrabandu tal-bnedmin;

(c) 

il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika komuni dwar il-viżi u permessi oħra ta’ residenza, u ta’ forom differenti ta’ kooperazzjoni konsulari sabiex ikunu żgurati kopertura konsulari aħjar u prattiki armonizzati dwar il-ħruġ tal-viżi;

(d) 

it-twaqqif u t-tħaddim ta’ sistemi tal-IT, l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni tagħhom u tagħmir li jappoġġa fil-l-politika komuni dwar il-viżi, il-kontrolli fuq il-fruntieri u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni u b’rispett sħiħ tal-liġi fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali;

(e) 

it-tisħiħ ta’ għarfien dwar is-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni u l-kapaċitajiet ta’ reazzjoni tal-Istati Membri;

(f) 

l-iżgurar tal-applikazzjoni effiċjenti u uniformi tal-acquis tal-UE dwar il-fruntieri u l-viża, inkluż il-funzjonament effettiv tal-mekkaniżmu tal-evalwazzjoni u l-monitoraġġ ta’ Schengen;

(g) 

it-tisħiħ tal-azzjonijiet mill-Istati Membri li jikkontribwixxu għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri li joperaw f’pajjiżi terzi fir-rigward tal-flussi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istati Membri, inklużi l-prevenzjoni u l-indirizzar tal-immigrazzjoni illegali, kif ukoll il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi f’dak ir-rigward b’koerenza sħiħa mal-objettivi u l-prinċipji tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u l-politika umanitarja.

4.  L-azzjonijiet iffinanzjati skont l-Istrument għandhom jiġu implimentati b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u r-rispett għad-dinjità tal-bniedem. B’mod partikolari, l-azzjonijiet għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB), il-prinċipju tat-trattament ġust ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, id-dritt għall-asil u l-protezzjoni nazzjonali, il-prinċipju ta’ non-refoulement u l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u l-Istati Membri li jirriżulataw mill-istrumenti internazzjonali li huma firmatarji tagħhom, bħall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif issupplimentata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967.

B’mod partikolari, kull meta jkun possibbli, għandha tingħata attenzjoni speċjali mill-Istati Membri meta jimplimentaw azzjonijiet għall-identifikazzjoni, l-assistenza immedjata u r-riferiment lis-servizzi ta’ protezzjoni ta’ persuni vulnerabbli, b’mod partikolari tfal u minuri mhux akkumpanjati.

5.  Meta jimplimentaw azzjonijiet iffinanzjati skont l-Istrument li huma relatati mas-sorveljanza tal-fruntieri fuq il-baħar, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-obbligi tagħhom skont id-dritt marittimu internazzjonali sabiex jassistu lill-persuni f’diffikultà. F’dak ir-rigward, it-tagħmir u s-sistemi appoġġati taħt l-Istrument jistgħu jintużaw biex jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ li jistgħu jinqalgħu waqt operazzjoni ta’ sorveljanza tal-fruntiera fil-baħar, u b’hekk jikkontribwixxu għall-iżgurar tal-protezzjoni u biex isalvaw il-ħajjiet tal-migranti.

6.  Dan l-istrument għandu jikkontribwixxi wkoll għall-iffinanzjar ta’ assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Istati Membri u l-Kummissjoni.

Artikolu 4

Azzjonijiet eliġibbli

1.  Fi ħdan l-objettivi msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, u fid-dawl tal-eżitu tad-djalogu politiku kif previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u skont mal-objettivi tal-programm nazzjonali msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, l-Istrument għandu jappoġġa azzjonijiet fl-Istati Membri jew minnhom, u b’mod partikolari dawn li ġejjin:

(a) 

l-infrastrutturi, il-bini u s-sistemi meħtieġa f’punti tal-qsim tal-fruntieri u għas-sorveljanza bejn il-punti tal-qsim tal-fruntieri biex jiġu evitati u indirizzati l-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri, l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transfruntiera kif ukoll jiġu ggarantiti flussi tal-ivvjaġġar mingħajr xkiel;

(b) 

it-tagħmir operattiv, il-mezzi tat-trasport u s-sistemi ta’ komunikazzjoni meħtieġa għall-kontroll effettiv u sikur tal-fruntieri u t-tisjib ta’ persuni;

(c) 

sistemi tal-IT u tal-komunikazzjoni għall-ġestjoni effiċjenti tal-flussi migratorji bejn il-fruntieri, inklużi investimenti f’sistemi eżistenti u futuri;

(d) 

l-infrastrutturi, il-bini, is-sistemi ta’ komunikazzjoni u tal-IT u t-tagħmir operattiv meħtieġa għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-viżi u l-kooperazzjoni konsulari, kif ukoll azzjonijiet oħra mmirati biex itejbu l-kwalità tas-servizz lill-applikanti għall-viżi;

(e) 

taħriġ fl-użu tat-tagħmir u s-sistemi msemmija fil-punti (b), (c) u (d) u l-promozzjoni ta’ standards għall-ġestjoni tal-kwalità u t-taħriġ tal-gwardjani tal-fruntieri, inkluż fejn xieraq f’pajjiżi terzi, fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħhom ta’ sorveljanza, konsulenza u kontroll f’konformità -mad-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-identifikazzjoni ta’ vittmi ta’ traffikar tal-bniedem u t-traffikar ta’ persuni;

(f) 

sekondar ta’ uffiċjali ta’ kollegament responsabbli mis-settur tal-immigrazzjoni u konsulenti dwar dokumenti f’pajjiżi terzi u l-iskambju u s-sekondar ta’ gwardjani tal-fruntieri bejn l-Istati Membri jew bejn Stat Membru u pajjiż terz;

(g) 

studji, taħriġ, proġetti pilota u azzjonijiet oħrajn li gradwalment jistabbilixxu sistema ta’ ġestjoni integrata għall-fruntieri esterni kif imsemmi fl-Artikolu 3(3), inklużi azzjonijiet immirati biex iħeġġu l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji jew fi ħdan l-Istati Membri jew bejniethom u azzjonijiet marbutin mal-interoperabilità u l-armonizzazzjoni ta’ sistemi għall-ġestjoni tal-fruntieri;

(h) 

studji, proġetti pilota u azzjonijiet li jimmiraw lejn l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, l-istandards operattivi u l-aħjar prattiki li jirriżultaw mill-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri u l-aġenziji tal-Unjoni.

2.  Fi ħdan l-objettivi msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, u fid-dawl tal-eżitu tad-djalogu politiku kif jiddisponi l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u f’ konformità mal-objettivi tal-programm nazzjonali msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, dan l-Istrument għandu jappoġġa azzjonijiet fir-rigward ta’ u fil-pajjiżi terzi u b’mod partikolari dawn li ġejjin:

(a) 

sistemi tal-informazzjoni, għodod jew tagħmir għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn Stati Membri u pajjiżi terzi;

(b) 

azzjonijiet relatati mal-kooperazzjoni operattiva bejn Stati Membri u pajjiżi terzi, inklużi operazzjonijiet konġunti;

(c) 

proġetti f’pajjiżi terzi bil-għan tat-titjib tas-sistemi ta’ sorveljanza biex tkun żgurata l-kooperazzjoni ma’ EUROSUR;

(d) 

studji, seminars, workshops, konferenzi, taħriġ, tagħmir u proġetti pilota li jipprovdu kompetenza teknika u operattiva lill-pajjiżi terzi;

(e) 

studji, seminars, workshops, konferenzi, taħriġ, tagħmir u proġetti pilota li jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi, l-istandards operattivi u l-aħjar prattiki, li jirriżultaw mill-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri u l-aġenziji tal-Unjoni f’pajjiżi terzi.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni fir-rigward ta’ azzjonijiet f’pajjiżi terzi u dawk relatati magħhom, kif stabbilit fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

3.  L-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a) m’għandhomx ikunu eliġibbli fil-fruntieri esterni temporanji.

4.  L-azzjonijiet marbuta mal-introduzzjoni mill-ġdid temporanja u eċċezzjonali ta’ kontroll tal-fruntieri fil-fruntieri interni kif imsemmija fid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen m’għandhomx ikunu eliġibbli.

5.  L-azzjonijiet li l-għan esklużiv jew l-effett tagħhom huwa l-kontroll tal-prodotti m’ għandhomx ikunu eliġibbli.



KAPITOLU II

QAFAS FINANZJARJU U TA’ IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 5

Riżorsi globali u implimentazzjoni

1.  Ir-riżorsi globali għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Istrument għandhom jammontaw għal EUR 2 760  miljun f’prezzijiet attwali.

2.  L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

3.  Ir-riżorsi globali għandhom jiġu implimentati bil-mezzi li ġejjin:

(a) 

programmi nazzjonali, skont l-Artikoli 9 u 12;

(b) 

appoġġ operattiv, fil-qafas tal-programmi nazzjonali u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10;

(c) 

l-Iskema ta’ Transitu Speċjali, skont l-Artikolu 11;

(d) 

azzjonijiet tal-Unjoni, skont l-Artikolu 13;

(e) 

assistenza ta’ emerġenza, skont l-Artikolu 14;

(f) 

l-implimentazzjoni ta’ programm għat-twaqqif ta’ sistemi tal-IT li jappoġġaw il-ġestjoni tal-flussi migratorji bejn il-fruntieri esterni taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15;

(g) 

assistenza teknika skont l-Artikolu 16.

4.  Il-baġit allokat taħt dan l-Istrument lill-azzjonijiet tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament, lill-assistenza ta’ emerġenza msemmija fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament u lill-assistenza teknika msemmija fl-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi implimentat taħt ġestjoni diretta b’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ) u; fejn adatt, taħt ġestjoni indiretta b’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Il-baġit allokat lill-programmi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 9, lill-appoġġ operattiv imsemmi fl-Artikolu 10 u lill-funzjonament tal-Iskema ta’ Transitu Speċjali msemmija fl-Artikolu 11, għandu jiġi implimentat taħt ġestjoni kondiviża b’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Il-baġit allokat lil pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen imsemmi fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi implimentat taħt ġestjoni indiretta skont il-punt (c)(i) tal-Artikolu 58(1)tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Il-metodu(i) ta’ implimentazzjoni tal-baġit għall-programm dwar l-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT, ibbażati fuq sistemi tal-IT eżistenti u/jew ġodda, għandhom jiġu stabbiliti fl-atti leġislattivi rilevanti tal-Unjoni soġġett għall-adozzjoni tagħhom.

5.  Ir-riżorsi globali għandhom jintużaw kif ġej:

(a) 

EUR 1 551  miljun għall-programmi nazzjonali tal-Istati Membri;

(b) 

EUR 791 miljun għall-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT, ibbażati fuq sistemi tal-IT eżistenti u/jew ġodda, li jappoġġjaw il-ġestjoni tal-flussi migratorji bejn il-fruntieri esterni, prevja l-adozzjoni tal-atti isleġislattivi rilevanti tal-Unjoni;

Fejn dak l-ammontma jkunx allokat jew minfuq, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att delegat b’konformità mal-Artikolu 17, tallokah mill-ġdid lil attività waħda jew aktar imsemmija fil-punti (b) u (c) fl-Artikolu 6(1) u l-punt (d) ta’ dan il-paragrafu. Dak l-att delegat għandu jinkludi valutazzjoni tal-evoluzzjoni tas-sistemi tal-IT rilevanti inklużi l-implimentazzjoni tal-baġit u l-ammonti mhux minfuqa previsti. Dik l-allokazzjoni mill-ġdid tista’ sseħħ wara l-adozzjoni tal-atti leġislattivi rilevanti jew fl-okkażjoni tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu imsemmija fl-Artikolu 8.

(c) 

EUR 154 miljun għall-Iskema ta’ Transitu Speċjali;

(d) 

EUR 264 miljun għall-azzjonijiet tal-Unjoni, l-assistenza ta’ emerġenza u l-assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, li minnhom tal-anqas 30 % għandhom jintużaw għall-azzjonijiet tal-Unjoni.

6.  Flimkien mar-riżorsi globali stabbiliti għar-Regolament (UE) Nru 513/2014 ir-riżorsi globali disponibbli għal dan l-Istrument kif stabbiliti fil-paragrafu 1, jikkostitwixxu l-pakkett finanzjarju għall-Fond u jservu bħala r-referenza ewlenija fis-sens tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja ( 6 ), għall-Parlament Ewropew u il-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali..

7.  Il-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen għandhom jipparteċipaw fl-Istrument skont dan ir-Regolament.

Għandhom jiġu konklużi arranġamenti dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji minn dawk il-pajjiżi għal l-Istrument u r-regoli supplimentari meħtieġa għat-tali parteċipazzjoni, inklużi dispożizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u s-setgħa tal-verifika tal-Qorti tal-Awdituri.

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji minn dawk il-pajjiżi għandhom jiżdiedu mar-riżorsi globali disponibbli mill-baġit tal-Unjoni msemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 6

Riżorsi għal azzjonijiet eliġibbli fl-Istati Membri

1.  EUR 1 551  miljun għandhom jiġu allokati għall-Istati Membri b’mod indikattiv kif ġej:

(a) 

EUR 1 276  miljun, kif indikat fl-Anness I;

(b) 

EUR 147 miljun, ibbażati fuq ir-riżultati tal-mekkaniżmu msemmi fl-Artikolu 7;

(c) 

fil-qafas tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu msemmija fl-Artikolu 8 u għall-perjodu mis-sena baġitarja 2018, EUR 128 miljun, il-bqija tal-approprjazzjonijiet disponibbli taħt dan l-Artikolu jew ammont ieħor, kif determinat skont il-paragrafu 2, ibbażati fuq ir-riżultati tal-analiżi tar-riskju u r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu.

2.  Kull Stat Membru għandu jalloka l-ammonti bażiċi għall-programmi nazzjonali indikati fl-Anness I kif ġej:

(a) 

tal-anqas 10 % għall-azzjonijiet relatati mal-punt (a) tal-Artikolu 9(2);

(b) 

tal-anqas 25 % għall-azzjonijiet relatati mal-punt (b) tal-Artikolu 9(2)(b);

(c) 

tal-anqas 5 % għall-azzjonijiet relatati mal-punti (c), (d), (e) u (f)tal-Artikolu 9(2).

L-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn dawn il-perċentwali minimi jekk tiġi inkluża spjegazzjoni fil-programm nazzjonali dwar kif l-allokazzjoni ta’ riżorsi taħt dawk il-perċentwali minimi ma tippreġudikax l-ksib tal-objettiv rilevanti. Din l-ispjegazzjoni tiġi vvalutata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-approvazzjoni tagħha tal-programmi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 9(2).

3.  L-Istati Membri għandhom jallokaw il-finanzjament meħtieġ lil EUROSUR biex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tagħha.

▼M1

3a.  Matul il-fażi ta’ żvilupp tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), l-Istati Membri għandhom jirċievu allokazzjoni addizzjonali ta’ EUR 96,5 miljun mal-allokazzjoni bażika tagħhom u għandhom jallokaw dawn il-fondi kompletament lill-ETIAS biex ikun żgurat l-iżvilupp rapidu u effettiv tagħha konsistenti mal-implimentazzjoni tas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ).

▼B

4.  Biex tindirizza b’mod xieraq l-objettivi tal-Istrument fil-każ ta’ ċirkostanzi mhux previsti jew ġodda u/jew biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-finanzjament disponibbli taħt l-Istrument, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 17 biex taġġusta l-ammont indikattiv stabbilit fil-punt(c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu..

5.  L-Istati Membri li jidħlu fl-Unjoni fil-perjodu bejn l-2012 u l-2020 m’għandhomx jibbenefikaw mill-allokazzjonijiet għall-programmi nazzjonali taħt l-Istrument sakemm dawn jibbenefikaw minn strument temporanju tal-Unjoni li jappoġġa lill-Istati Membri benefiċjarji biex jiffinanzjaw azzjonijiet fi fruntieri esterni ġodda għall-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen dwar il-fruntieri u l-viża u l-kontroll tal-fruntieri esterni.

Artikolu 7

Riżorsi għal azzjonijiet speċifiċi

1.  L-Istati Membri jistgħu, minbarra l-allokazzjoni tagħhom ikkalkolata skont il-paragrafu 6(1)(a), jirċievu ammont addizzjonali, sakemm ikun allokat bħala tali fil-programm nazzjonali u għandu jintuża biex jinkisbu l-azzjonijiet speċifiċi elenkati fl-Anness II.

2.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 17 għar-reviżjoni tal-Anness II, jekk jitqies xieraq, anki fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu. Fuq il-bażi tal-azzjonijiet speċifiċi ġodda, l-Istati Membri jistgħu jirċievu ammont addizzjonali kif stipulat fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, skont ir-riżorsi disponibbli.

3.  L-ammonti addizzjonali taħt dan l-Artikolu għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri kkonċernati fid-deċiżjoni ta’ finanzjament individwali li tapprova jew tirrevedi l-programm nazzjonali tagħhom skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru.514/2014.

Artikolu 8

Riżorsi fil-qafas tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu

1.  Sabiex jiġi allokat l-ammont indikat fl-Artikolu 6(1)(c), sal-1 ta’ Ġunju 2017 il-Kummissjoni għandha tqis il-piż tal-Istati Membri fil-ġestjoni tal-fruntieri, inklużi l-attivitajiet ta’ tfittxija u salvataġġ li jistgħu jseħħu matul operazzjonijiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri fil-baħar u rapport ta’ evalwazzjoni mfassla bħala parti mill-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u ta’ monitoraġġ ta’ Schengen, u l-livelli ta’ theddid fil-fruntieri esterni għall-perjodu 2017-2020 kif ukoll fatturi li affettwaw is-sigurtà fil-fruntieri esterni fl-2014-2016. Dak l–ammont għandu jinqasam bejn l-Istati Membri abbażi tal-piż tal-kategoriji ta’ fruntieri li ġejjin, b’kont meħud tal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu:

(a) 

45 % għall-fruntieri marittimi esterni;

(b) 

38 % għall-fruntieri fuq l-art esterni;

(c) 

17 % għall-ajruporti.

2.  Għall-fruntieri esterni fuq il-baħar u fuq l-art, il-kalkolu tal-ammont għandu jkun ibbażat fuq it-tul tas-sezzjonijiet tal-fruntiera esterna mmultiplikat minn livell ta’ theddid (minimu, normali, medju, għoli) għal kull sezzjoni tal-fruntiera, kif ġej:

(a) 

koeffiċjent 0,5 għal livell ta’ theddid minimu;

(b) 

koeffiċjent 1 għal livell ta’ theddid normali;

(c) 

koeffiċjent 3 għal livell ta’ theddid medju;

(d) 

koeffiċjent 5 għal livell ta’ theddid għoli.

3.  Għall-ajruporti, l-allokazzjoni għandha tiġi kkalkolata għal kull Stat Membru kif ġej:

(a) 

50 % abbażi tan-numru ta’ persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni;

(b) 

50 % abbażi tan-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġew miċħuda d-dħul fil-fruntiera esterna;

4.  B’konformità mar-rapport ta’ analiżi tar-riskju tal-Aġenzija Frontex u b’konsultazzjoni mal-Aġenzija Frontex, u, fejn rilevanti, ma’ aġenziji tal-Unjoni oħrajn, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-livelli ta’ theddid għal kull sezzjoni tal-fruntiera esterna tal-Istati Membri għall-perjodu mill-2017 sal-2020. Il-livelli ta’ theddid għandhom ikunu bbażati fuq il-fatturi li ġejjin:

(a) 

il-piż tal-ġestjoni tal-fruntiera fil-fruntieri esterni;

(b) 

il-fatturi li affettwaw is-sigrutà fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri fil-perjodu mill-2014 sal-2016;

(c) 

bidliet fil-politiki tal-Unjoni, pereżempju politiki dwar il-viżi;

(d) 

tendenzi futuri possibbli fi flussi migratorji u riskji ta’ attivitajiet illegali relatati mal-qsim irregolari ta’ persuni fil-fruntieri esterni; u

(e) 

l-iżviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali probabbli f’pajjiżi terzi, u b’mod partikolari l-pajjiżi ġirien.

Qabel toħroġ ir-rapport tagħha li jiddetermina l-livelli ta’ theddid, il-Kummissjoni għandu jkollha skambju ta’ fehmiet mal-Istati Membri.

5.  Għall-fini tad-distribuzzjoni tar-riżorsi taħt il-paragrafu 1:

(a) 

il-linja bejn iż-żoni msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004 ( 8 ), iżda mhux it-tul tal-fruntiera marittima fit-Tramuntana ta’ dik il-linja, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għalkemm ma tikkostitwixxix fruntiera esterna fuq l-art, sakemm jibqa’ applikabbli l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 10 dwar Ċipru mal-Att ta’ Adeżjoni 2003;

(b) 

l-espressjoni “fruntieri marittimi esterni” tfisser il-limitu estern tal-baħar territorjali tal-Istati Membri kif definit skont l-Artikoli 4 sa 16 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar. Madankollu, f’każijiet fejn huma meħtieġa operazzjonijiet fuq distanza twila fuq bażi regolari sabiex jiġi impedit il-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri, dik l-espressjoni għandha tfisser il-limitu estern ta’ żoni b’livell għoli ta’ theddid. Dawk il-limiti esterni għandhom ikunu determinati billi jittieħed kont tad-data relevanti dwar dawn l-operazzjonijiet fl-2014-2016 kif ipprovdut mill-Istati Membri inkwistjoni.

6.  Barra minn hekk, wara stedina mill-Kummissjoni sal-1 ta’ Ġunju 2017, l-Istati Membri jistgħu jirċievu allokazzjoni addizzjonali, sakemm tkun allokata bħala tali fil-programm nazzjonali, u tintuża biex jinkisbu l-azzjonijiet speċifiċi li jridu jiġu stabbiliti fid-dawl tal-prijoritajiet tal-Unjoni f’dak iż-żmien.

7.  L-ammonti addizzjonali taħt dan l-Artikolu għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri kkonċernati f’deċiżjoni ta’ finanzjament individwali li tapprova jew tirrevedi l-programm nazzjonali tagħhom skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru.514/2014.

Artikolu 9

Programmi nazzjonali

1.  Il-programm nazzjonali li għandu jiġi ppreparat, filwaqt li jitqies l-eżitu tad-djalogu politiku msemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, taħt l-Istrument u dak li għandu jiġi ppreparat taħt ir-Regolament (UE) Nru 513/2014 għandhom jiġu proposti lill-Kummissjoni bħala programm nazzjonali wieħed għall-Fond u skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 514./2014.

2.  Taħt il-programmi nazzjonali, li għandhom jiġu eżaminati u approvati skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, l-Istati Membri għandhom, fil-limiti tal-objettivi msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, u b’kont meħud tal-eżitu tad-djalogu dwar il-politika msemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru514/2014, isegwu b’mod partikolari objettivi minn dan li ġej:

(a) 

l-iżvilupp ta’ EUROSUR skont il-liġi u l-linji gwida tal-Unjoni;

(b) 

l-appoġġ u l-espansjoni tal-kapaċità eżistenti fil-livell nazzjonali fil-politika dwar il-viża u fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni, kif ukoll appoġġ u espansjoni ta’ miżuri fi ħdan il-qasam tal-moviment liberu relatat mal-ġestjoni tal-fruntieri esterni, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari, it-teknoloġija ġdida, żviluppi u/jew standards fir-rigward tal-ġestjoni tal-flussi migratorji;

(c) 

l-appoġġ għall-iżvilupp ulterjuri tal-ġestjoni tal-flussi migratorji minn servizzi konsulari u oħrajn tal-Istat Membru f’pajjiżi terzi, inkluż it-twaqqif ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni konsulari bil-ħsieb li jkun iffaċilitat l-ivvjaġġar leġittimu skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat u tiġi evitata l-immigrazzjoni illegali fl-Unjoni;

(d) 

it-tisħiħ tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri bl-ittestjar u l-introduzzjoni ta’ għodod ġodda, sistemi interoperabbli u metodi ta’ ħidma li jimmiraw li jsaħħu l-iskambju ta’ informazzjoni fl-Istat Membru jew li jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji;

(e) 

l-iżvilupp ta’ proġetti bil-għan li jiżguraw livell uniformi u għoli ta’ kontroll tal-fruntiera esterna b’konformità mal-istandards komuni tal-Unjoni u bl-għan li jżidu l-interoperabilità ta’ sistemi ta’ ġestjoni tal-fruntieri bejn l-Istati Membri;

(f) 

l-appoġġ ta’ azzjonijiet, wara konsultazzjoni mal-Aġenzija Frontex, immirati għall-promozzjoni ulterjuri tal-armonizzazzjoni tal-ġestjoni tal-fruntieri u b’mod partikolari l-kapaċitajiet teknoloġiċi, b’konformità ma’ standards tal-Unjoni komuni;

(g) 

l-iżgurar tal-applikazzjoni korretta u uniformi tal-acquis tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-fruntieri u l-viża b’reazzjoni għan-nuqqasijiet identifikati fil-livell tal-Unjoni, kif muri fir-riżultati stabbiliti fil-qafas tal-mekkaniżmu tal-evalwazzjoni u tal-monitoraġġ ta’ Schengen;

(h) 

il-bini tal-kapaċità biex ikunu ffaċċjati l-isfidi li ġejjin inkluż theddid preżenti u futur u l-pressjonijiet fil-fruntieri esterni, filwaqt li b’mod partikolari jittieħed kont tal-analiżi mwettqa mill-aġenziji rilevanti tal-Unjoni.

3.  B’segwitu għall-objettivi msemmija fil-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jappoġġaw azzjonijiet f’pajjiżi terzi u b’rabta magħhom taħt il-programmi nazzjonali tagħhom, inkluż permezz tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni operattiva.

4.  Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Aġenzija Frontex dwar l-abbozzi ta’ programmi nazzjonali ppreżentati mill-Istati Membri, u b’mod partikolari dwar l-attivitajiet iffinanzjati fl-ambitu tal-appoġġ operatttiv sabiex tiġi żviluppata l-komplementarjetà bejn il-missjoni tal-Aġenzija Frontex u r-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni kif ukoll sabiex tiġi żgurata l-konsistenza u jiġi evitat in-nuqqas ta’ effiċjenza.

Artikolu 10

Appoġġ operattiv taħt il-programmi nazzjonali tal-Istati Membri

1.  Stat Membru jista’ juża sa 40 % tal-ammont allokat taħt dan l-istrument għall-programm nazzjonali tiegħu biex jiffinanzja l-appoġġ operattiv lill-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għat-twettiq tal-karigi u s-servizzi li jikkostitwixxu servizz pubbliku għall-Unjoni.

2.  L-appoġġ operattiv għandu jiġi pprovdut meta l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfati mill-Istat Membru kkonċernat:

(a) 

konformità mal-acquis tal-Unjoni dwar il-fruntieri u l-viżi;

(b) 

konformità mal-objettivi tal-programm nazzjonali;

(c) 

konformità mal-istandards komuni tal-Unjoni sabiex tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u jiġu evitati d-duplikazzjoni, il-frammentazzjoni u l-ineffiċjenza fl-ispejjeż fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri.

3.  Għal dak il-għan, qabel l-approvazzjoni tal-programm nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tivvaluta s-sitwazzjoni tal-linja bażi fl-Istati Membri li jkunu indikaw l-intenzjoni tagħhom li jitolbu appoġġ operattiv, filwaqt li jittieħed kont, fejn rilevanti, tar-rapporti ta’ valutazzjoni ta’ Schengen.

Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu s-suġġett ta’ skambju ta’ fehmiet mal-Istat Membru kkonċernat.

Wara dan l-iskambju ta’ fehmiet, l-aċċettazzjoni ta’ appoġġ baġitarju fi ħdan il-programm nazzjonali ta’ Stat Membru tista’ ssir kondizzjonali wara l-ipprogrammar u t-tlestija ta’ numru ta’ azzjonijiet li għandhom l-għan li jiżguraw li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 jintlaħqu bis-sħiħ saż-żmien meta l-appoġġ baġitarju jiġi pprovdut.

4.  L-appoġġ operattiv għandu jkun iffokat fuq karigi speċifiċi u/jew servizzi u għandu jkun iffokat fuq l-għanijiet stabbiliti fl-Anness III. Dan għandu jinkludi rimborż sħiħ tal-infiq li jirriżulta mit-twettiq tad-dmirijiet u/jew servizzi definiti fil-programm nazzjonali, fi ħdan il-limiti finanzjarji stabbilit mill-programm u l-limitu stabbilit fil-paragrafu 1.

5.  L-appoġġ operattiv għandu jkun is-suġġett ta’ monitoraġġ u skambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ referenza f’dak l-Istat Membru, l-objettivi u l-miri li għandhom jintlaħqu u l-indikaturi li jkejlu l-progress.

6.  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, proċeduri ta’ rappurtar dwar l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u kwalunkwe arranġamenti prattiċi oħra li għandhom isiru bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 18(2).

Artikolu 11

Appoġġ operattiv għall-Iskema ta’ Transitu Speċjali

1.  Dan l-istrument għandu jipprovdi appoġġ biex jikkumpensa għall-ħlasijiet mitlufa mill-viżi maħruġa għall-fini tal-ispejjeż tat-transitu u addizzjonali li jkunu saru fl-implimentazzjoni tal-iskema tad-Dokument ta’ Transitu Faċilitat (FTD) u d-Dokument ta’ Transitu Ferrovjarju Faċilitat (FRTD) skont ir-Regolament (KE) Nru 693/2003 u Regolament (KE) Nru 694/2003.

2.  Ir-riżorsi allokati lil-Litwanja skont il-paragrafu 1 m’għandhomx jaqbżu EUR 154 miljun għall-perjodu 2014-2020 u għandhom isiru disponibbli bħala appoġġ operattiv speċifiku addizzjonali għal-Litwanja.

3.  Għall-fini tal-paragrafu 1, spejjeż addizzjonali tfisser spejjeż li jirriżultaw direttament mir-rekwiżiti speċifiċi tal-implimentazzjoni tal-operazzjoni tal-iskema ta’ transitu speċjali u li ma jkunux iġġenerati minħabba l-ħruġ ta’ viżi għall-fini ta’ transitu jew skopijiet oħra.

It-tipi li ġejjin ta’ spejjeż addizzjonali għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament:

(a) 

investiment f’infrastrutturi;

(b) 

taħriġ ta’ persunal li jimplimenta l-iskema ta’ transitu speċjali;

(c) 

spejjeż operattivi addizzjonali, inklużi s-salarji tal-persunal li speċifikament jimplimenta l-iskema ta’ transitu speċjali.

4.  Il-ħlasijiet mitlufa msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi tal-livell tal-ħlasijiet tal-viża u r-rinunzji tal-ħlas tal-viża stabbiliti bil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa ( 9 ), fil-qafas finanzjarju stabbilit fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

5.  Il-Kummissjoni u l-Litwanja għandhom jirrevedu l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu fl-eventwalità ta’ bidliet li jkollhom impatt fuq l-eżistenza u/jew il-funzjonament tal-Iskema ta’ Transitu Speċjali.

6.  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, proċeduri ta’ rappurtar dwar l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u kwalunkwe arranġament prattiku finanzjarju u oħrajn li jsiru bejn il-Litwanja u l-Kummissjoni biex jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 18(2).

7.  Biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-Iskema ta’ Transitu Speċjali l-Kummissjoni tista’ tagħmel arranġamenti speċifiċi ta’ ħlas interim li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru.514/2014.

Artikolu 12

Programmazzjoni konformi mar-riżultati tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ta’ Schengen

Wara rapport ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen, kif adottat skont ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013, l-Istat Membru kkonċernat għandu jeżamina, flimkien mal-Kummissjoni u l-Aġenzija Frontex, kif jiġu indirizzati s-sejbiet, inklużi kwalunkwe nuqqasijiet, u jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet fil-qafas tal-programm nazzjonali tiegħu.

Fejn meħtieġ, Stat Membru għandu jirrevedi l-programm nazzjonali tiegħu skont l-Artikolu 14(9) tar-Regolament (KE) Nru 514/2014 biex iqis il-konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet.

Il–finanzjament tal-azzjonijiet korrettivi għandu jkun prijorità. Fi djalogu mal-Kummissjoni u l-Aġenzija Frontex, l-Istat Membru kkonċernat għandu jalloka mill-ġdid ir-riżorsi taħt il-programm tiegħu, inklużi dawk programmati għall-appoġġ operattiv, u/jew jintroduċi jew jemenda azzjonijiet li għandhom l-għan li jirrimedjaw għan-nuqqasijiet skont is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen.

Artikolu 13

Azzjonijiet tal-Unjoni

1.  Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, dan l-istrument jista’ jintuża biex jiġu ffinanzjati azzjonijiet transnazzjonali jew azzjonijiet ta’ interess partikolari għall-Unjoni (“azzjonijiet tal-Unjoni”) rigward l-objettivi ġenerali u operazzjonali speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3.

2.  Biex ikunu eliġibbli għall-finanzjament, l-azzjonijiet tal-Unjoni għandhom b’mod partikolari jsegwu l-objettivi li ġejjin:

(a) 

jappoġġaw l-attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, amministrattivi u tekniċi, meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-politiki dwar il-fruntieri esterni u dwar il-viżi, inkluż biex isaħħu l-governanza taż-żona Schengen billi jiżviluppaw u jimplimentaw il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni kif stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1053/2013 biex tiġi vverifikata l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, b’mod partikolari n-nefqa tal-missjoni għall-esperti tal-Kummissjoni u l-Istati Membri li jipparteċipaw fi żjarat fuq il-post;

(b) 

itejbu l-għarfien u l-fehim tas-sitwazzjoni prevalenti fl-Istati Membri u l-pajjiżi terzi permezz tal-analiżi, l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ mill-qrib tal-politiki;

(c) 

jappoġġaw l-iżvilupp ta’ għodod statistiċi, inklużi għodod statistiċi komuni, metodi u indikaturi komuni;

(d) 

jappoġġaw u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-objettivi tal-politika tal-Unjoni fl-Istati Membri, u jevalwaw l-effikaċja u l-impatt tagħhom, inkluż fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, sa fejn huwa kkonċernat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Istrument;

(e) 

jippromwovu n-networking, it-tagħlim reċiproku, l-identifikazzjoni u t-tixrid tal-aħjar prattiki u ta’ approċċi innovattivi fost partijiet interessati differenti fil-livell Ewropew;

(f) 

jippromwovu proġetti mmirati lejn l-armonizzazzjoni u l-interoperabilità ta’ miżuri relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri b’konformità ma’ standards tal-Unjoni komuni bl-għan li tiġi żviluppata sistema Ewropea għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri;

(g) 

iżidu l-għarfien dwar il-politiki u l-objettivi tal-Unjoni fost il-partijiet interessati u l-pubbliku ġenerali, inkluża komunikazzjoni korporattiva dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni;

(h) 

iqawwu l-kapaċità tan-netwerks Ewropej biex jivvalutaw, jippromwovu, jappoġġaw u jiżviluppaw aktar il-politiki u l-objettivi tal-Unjoni;

(i) 

jappoġġaw proġetti partikolarment innovattivi li jiżviluppaw metodi u/jew teknoloġiji ġodda b’potenzjal ta’ trasferibbiltà lejn Stati Membri oħra, speċjalment proġetti li għandhom l-għan li jittestjaw u jivvalidaw proġetti ta’ riċerka;

(j) 

jappoġġaw azzjonijiet fir-rigward ta’ u fil-pajjiżi terzi kif imsemmija fl-Artikolu 4(2).

3.  Dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu implimentati skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru. 514/2014.

Artikolu 14

Assistenza ta’ emerġenza

1.  L-Istrument għandu jipprovdi assistenza finanzjarja biex ikunu indirizzati ħtiġijiet urġenti u speċifiċi fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza kif definit fil-punt (f) tal-Artikolu 2.

2.  L-assistenza ta’ emerġenza għandha tiġi implimentata skont l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

Artikolu 15

L-istabbiliment ta’ programm dwar l-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT

Il-programm dwar l-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT, abbażi ta’ sistemi tal-IT eżistenti u/jew ġodda, għandu jiġi implimentat prevja l-adozzjoni tal-atti leġislattivi tal-Unjoni li jiddefinixxu dawk is-sistemi tal-IT u l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni tagħhom bil-għan, b’mod partikolari, li tittejjeb il-ġestjoni u l-kontroll ta’ flussi ta’ ivvjaġġar fil-fruntieri esterni billi jissaħħu l-kontrolli filwaqt li jsir aktar mgħaġġel il-qsim tal-fruntieri għal vjaġġaturi regolari. Fejn xieraq, għandhom jinstabu sinerġiji mas-sistemi eżistenti ta’ IT sabiex jiġi evitat l-infiq doppju.

It-tqassim tal-ammont imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 5(5) għandu jiġi definit jew fl-atti leġislattivi rilevanti tal-Unjoni jew, insegwitu tal-adozzjoni ta’ dawk l-atti leġislattivi, permezz ta’ att delegat b’mod konformi mal-Artikolu 17.

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress fl-iżvilupp ta’ dawn is-sistemi ta’ IT mill-anqas darba fis-sena u kull meta jkun xieraq.

Artikolu 16

Assistenza teknika

1.  Fuq inizjattiva u/jew f’isem il-Kummissjoni, l-istrument jista’ annwalment jikkontribwixxi sa EUR 1,7 miljun għall-assistenza teknika għall-Fond skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

2.  Fuq inizjattiva ta’ Stat Membru, il-Fond jista’ jiffinanzja attivitajiet ta’ assistenza teknika skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014. L-ammont riżervat għall-assistenza teknika m’għandux ikun iżjed, għall-perjodu mill-2014 sal-2020, minn 5 % tal-ammont totali allokat lil Stat Membru li miegħu jiżdiedu EUR 500 000 .



KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 5(5) u l-Artikoli 6(4), 7(2) u 15 għandha tkun mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu tal-21 ta' Mejju 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ seba’ snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodu ta’ tliet snin, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ seba’ snin.

3.  Id-delega tas-setgħat imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 5(5) u l-Artikoli 6(4), 7(2) u 15 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att delegat adottat skont il-punt (b) tal-Artikolu 5(5) u l-Artikoli 6(4), 7(2) u 15 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 18

Proċedura ta’ kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-“Kumitat tal-Fondi għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u s-Sigurtà Interna” stabbilit mill-Artikolu 59(1) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 19

L-applikabbiltà tar-Regolament (UE) Nru 514/2014

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 għandhom japplikaw għall-Istrument.

Artikolu 20

Revoka

Id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE għandha tiġi revokata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.

Artikolu 21

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.  Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali, tal-proġetti u l-programmi annwali sal-għeluq tagħhom jew l-assistenza finanzjarja approvata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tad-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE jew kwalunkwe leġislazzjoni li tapplika għal dik l-assistenza fil-31 ta’ Diċembru 2013.

2.  Meta jiġu adottati deċiżjonijiet dwar il-kofinanzjament taħt l-Istrument, il-Kummissjoni għandha tqis il-miżuri adottati fuq il-bażi tad-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE qabel l-20 ta' Mejju 2014 li jkollhom riperkussjonijiet finanzjarji matul il-perjodu kopert minn dak il-kofinanzjament.

3.  Is-somom impenjati għall-kofinanzjament approvati mill-Kummissjoni bejn l-1 ta’ Jannar 2011 u l-31 ta’ Diċembru 2014 li għalihom id-dokumenti meħtieġa għall-għeluq tal-azzjonijiet ma jkunux intbagħtu lill-Kummissjoni sad-data tal-iskadenza għas-sottomissjoni tar-rapport finali għandhom jiġu diżimpenjati awtomatikament mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2017, filwaqt li jagħtu lok għall-ħlas lura ta’ ammonti mħallsin indebitament.

4.  L-ammonti relatati mal-azzjonijiet li jkunu ġew sospiżi minħabba l-proċedimenti legali jew l-appelli amministrattivi b’effett sospensiv m’għandhomx jitqiesu fil-kalkolu tal-ammont tad-diżimpenn awtomatiku.

5.  L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2015 rapport ta’ valutazzjoni dwar ir-riżultati u l-impatti tal-azzjonijiet kofinanzjati taħt id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE fir-rigward tal-perjodu mill-2011 sal-2013.

6.  Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni sal-31 ta’ Diċembru 2015, rapport ta’ valutazzjoni ex-post skont id-DeċiżjoniNru 574/2007/KE dwar il-perjodu mill-2011 sal-2013.

Artikolu 22

Reviżjoni

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, jirrevedu dan ir-Regolament sat-30 ta’ Ġunju 2020.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.




ANNESS I



Ammonti li jikkostitwixxu l-bażi għall-programmi nazzjonali tal-Istati Membri (f’EUR)

Stat Membru/Stat assoċjat

Ammont minimu

Ammont fiss distribwit abbażi tal-medja 2010-2012

% 2010-2012 mal-Kroazja

TOTAL

AT

5 000 000

9 162 727

0,828  %

14 162 727

BE

5 000 000

12 519 321

1,131  %

17 519 321

BG

5 000 000

35 366 130

3,196  %

40 366 130

CH

5 000 000

13 920 284

1,258  %

18 920 284

CY

15 000 000

19 507 030

1,763  %

34 507 030

CZ

5 000 000

9 381 484

0,848  %

14 381 484

DE

5 000 000

46 753 437

4,225  %

51 753 437

DK

5 000 000

5 322 133

0,481  %

10 322 133

EE

5 000 000

16 781 752

1,516  %

21 781 752

ES

5 000 000

190 366 875

17,201  %

195 366 875

FI

5 000 000

31 934 528

2,886  %

36 934 528

FR

5 000 000

79 999 342

7,229  %

84 999 342

GR

5 000 000

161 814 388

14,621  %

166 814 388

HR

4 285 714

31 324 057

2,830  %

35 609 771

HU

5 000 000

35 829 197

3,237  %

40 829 197

IE

 

 

 

 

IS

5 000 000

326 980

0,030  %

5 326 980

IT

5 000 000

151 306 897

13,672  %

156 306 897

LI

5 000 000

0

0,000  %

5 000 000

LT

5 000 000

19 704 873

1,780  %

24 704 873

LU

5 000 000

400 129

0,036  %

5 400 129

LV

5 000 000

10 521 704

0,951  %

15 521 704

MT

15 000 000

38 098 597

3,442  %

53 098 597

NL

5 000 000

25 609 543

2,314  %

30 609 543

NO

5 000 000

9 317 819

0,842  %

14 317 819

PL

5 000 000

44 113 133

3,986  %

49 113 133

PT

5 000 000

13 900 023

1,256  %

18 900 023

RO

5 000 000

56 151 568

5,074  %

61 151 568

SE

5 000 000

6 518 706

0,589  %

11 518 706

SI

5 000 000

25 669 103

2,319  %

30 669 103

SK

5 000 000

5 092 525

0,460  %

10 092 525

UK

 

 

 

 

TOTAL

169 285 714

1 106 714 286

100,00  %

1 276 000 000




ANNESS II

Lista ta’ azzjonijiet speċifiċi

1. 

It-twaqqif ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni konsulari bejn tal-inqas żewġ Stati Membri li jirriżultaw f’ekonomiji ta’ skala fir-rigward tal-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet u l-ħruġ ta’ viżi fil-konsolati skont il-prinċipji dwar il-kooperazzjoni stabbiliti fil-Kodiċi dwar il-Viżi, inkluż iċ-ċentri ta’ applikazzjoni għall-viża komuni.

2. 

Ix-xiri ta’ mezzi tat-trasport u tagħmir operattiv li huma meqjusa neċessarji għall-iskjerament waqt operazzjonijiet konġunti mill-Aġenzija Frontex u li għandhom ikunu disponibbli għall-Aġenzija Frontexb’konformità mat-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(5), tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004.

▼M2

3. 

Attivitajiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri bħal kontrolli fil-fruntieri u miżuri ta’ sorveljanza tal-fruntieri f’żoni li attwalment jew potenzjalment qed jaffaċċjaw pressjoni migratorja għolja jew sproporzjonata, jew it-tnejn, inklużi attivitajiet relatati mal-istabbiliment, l-iżvilupp u l-operazzjoni ta’ żoni hotspot, kif definiti fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 ), kif ukoll, fejn meħtieġ, appoġġ għal attivitajiet ta’ ġestjoni tal-fruntieri f’pajjiżi terzi.

▼B




ANNESS III

Objettivi għall-appoġġ operattiv fi ħdan il-programmi nazzjonali

Objettiv 1: il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki li jiżguraw in-nuqqas ta’ kwalunkwe kontroll fuq il-persuni, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni, it-twettiq ta’ kontrolli fuq il-persuni u l-monitoraġġ effiċjenti tal-qsim tal-fruntieri esterni

— 
operazzjonijiet
— 
spejjeż tal-persunal, inkluż għat-taħriġ
— 
spejjeż tas-servizz, bħall-manutenzjoni u t-tiswija
— 
titjib/tibdil tat-tagħmir
— 
proprjetà immobbli (deprezzament, rinnovament)

Objettiv 2: il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politika komuni dwar il-viżi u permessi oħra ta’ residenza b’permanenza qasira, inkluża kooperazzjoni konsulari

— 
operazzjonijiet
— 
spejjeż tal-persunal, inkluż għat-taħriġ
— 
spejjeż tas-servizz, bħall-manutenzjoni u t-tiswija
— 
titjib/tibdil tat-tagħmir
— 
proprjetà immobbli (deprezzament, rinnovament)

Objettiv 3: it-twaqqif u t-tmexxija ta’ sistemi sikuri tal-IT, l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni tagħhom u tagħmir ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-flussi migratorji, inkluża s-sorveljanza, bejn il-fruntieri esterni tal-Unjoni

— 
ġestjoni operattiva ta’ SIS, VIS u sistema ġodda li għandhom jiġu stabbiliti
— 
spejjeż tal-persunal, inkluż għat-taħriġ
— 
spejjeż tas-servizz, bħall-manutenzjoni u t-tiswija
— 
infrastruttura ta’ komunikazzjoni u kwistjonijiet relatati mas-sigurtà kif ukoll mal-protezzjoni tad-data
— 
titjib/tibdil tat-tagħmir
— 
kiri ta’ bini sikur u/jew rinnovament




ANNESS IV

Lista ta’ indikaturi komuni għall-kejl tal-objettivi speċifiċi

(a) 

L-appoġġ għal politika komuni dwar il-viżi għall-iffaċilitar tal-ivvjaġġar leġittimu, l-iżgurar tat-trattament ugwali ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi u l-indirizzar tal-immigrazzjoni illegali

(i) 

L-għadd ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni konsulari żviluppati bl-għajnuna tal-Istrument

Għall-finijiet tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, dan l-indikatur għandu jinqasam ulterjorment f’subkategoriji bħal:

— 
kollokazzjonijiet,
— 
ċentri komuni għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni,
— 
rappreżentazzjonijiet,
— 
oħrajn.
(ii) 

L-għadd ta’ persunal imħarreġ u l-għadd ta’ korsijiet f’aspetti relatati mal-politika komuni tal-viża bl-għajnuna tal-Istrument

(iii) 

L-għadd ta’ pożizzjonijiet speċjalizzati f’pajjiżi terzi appoġġati mill-Istrument

Għall-finijiet tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, dan l-indikatur għandu jinqasam ulterjorment f’subkategoriji bħal:

— 
uffiċjali ta’ kollegament tal-immigrazzjoni,
— 
oħrajn.
(iv) 

Il-perċentwali u n-numru ta’ konsolati żviluppati jew aġġornati bl-għajnuna tal-Istrument min-numru totali ta’ konsolati

(b) 

L-appoġġ ta’ ġestjoni tal-fruntieri, permezz tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Istati Membri u Frontex, biex jiġi żgurat, minn naħa waħda, livell għoli ta’ protezzjoni tal-fruntieri esterni, inkluż billi tiġi indirizzata l-immigrazzjoni illegali u, min-naħa l-oħra, il-qsim bla xkiel tal-fruntieri esterni skont l-acquis ta’ Schengen.

(i) 

L-għadd ta’ persunal imħarreġ u l-għadd ta’ korsijiet ta’ taħriġ dwar aspetti relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri bl-għajnuna tal-Istrument

(ii) 

L-għadd ta’ infrastruttura għall-kontroll tal-fruntieri (kontrolli u sorveljanza) u mezzi żviluppati jew aġġornati bl-għajnuna tal-Istrument

Għall-finijiet tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, dan l-indikatur għandu jinqasam ulterjorment f’subkategoriji bħal:

— 
infrastruttura,
— 
flotta (tal-ajru, fuq l-art, fuq il-fruntieri tal-baħar),
— 
tagħmir,
— 
oħrajn.
(iii) 

In-numru ta’ qsim ta’ fruntieri fil-fruntieri esterni permezz tal-gates ta’ Kontroll Awtomatizzat tal-Fruntieri (ABC) appoġġati mill-Istrument mill-għadd total ta’ qsim ta’ fruntieri

(iv) 

In-numru ta’ infrastrutturi għas-sorveljanza tal-fruntieri nazzjonali stabbilit/żviluppat ulterjorment fil-qafas ta’ EUROSUR

Għall-finijiet tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, dan l-indikatur għandu jinqasam ulterjorment f’subkategoriji bħal:

— 
Ċentri ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali,
— 
Ċentri ta’ Koordinazzjoni Reġjonali,
— 
Ċentri ta’ Koordinazzjoni Lokali,
— 
tipi oħrajn ta’ ċentri ta’ koordinazzjoni.
(v) 

In-numru ta’ inċidenti rrapportati mill-Istati Membri lill-Istampa tas-Sitwazzjoni Ewropea

Għall-finijiet tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, dan l-indikatur għandu jinqasam ulterjorment f’subkategoriji bħal:

— 
l-immigrazzjoni illegali, inklużi inċidenti relatati ma’ riskju għall-ħajja tal-migranti,
— 
il-kriminalità transkonfinali,
— 
is-sitwazzjonijiet ta’ kriżi.



( 1 ) Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1).

( 2 ) Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).

( 3 ) Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60).

( 4 ) Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen (ĠU L 405, 30.12.2006, p. 1).

( 5 ) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

( 6 ) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

( 7 ) Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1).

( 8 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004 tad-29 ta’ April 2004 dwar reġim skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll 10 mal-Att tal-Adeżjoni (ĠU L 161, 30.4.2004, p. 128).

( 9 ) ĠU L 129, 17.5.2007, p. 27.

( 10 ) Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE, (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).